L-ISPIRTU S-SANTU 

Temmen fl-Ispirtu s-Santu jfisser li tistqarr it-tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa, li ġej mill-Missier u mill-Iben u li hu “meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u ma’ l-Iben”. L-Ispirtu “ntbagħat fi qlubna” (ara Gal 4,6), sabiex nirċievu l-ħajja ġdida ta’ wlied Alla.

Il-missjoni tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Fit-Trinità li hi ta’ natura waħda u mhux maqsuma, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu għalkemm magħżulin minn xulxin mhumiex mifrudin. Mill-bidu sal-aħħar taż-żmien, fil-fatt, meta l-Missier jibgħat lil Ibnu, jibgħat ukoll dejjem l-Ispirtu tiegħu li jgħaqqadna ma’ Kristu fil-fidi, sabiex aħna nkunu nistgħu, bħala wlied adottivi, insejħu lil Alla “Missier” (Rum 8,15). L-Ispirtu ma jishirx, imma aħna nagħrfuh permezz tal-ħidma tiegħu meta jurina l-Verb u meta jaħdem fil-Knisja.

“L-Ispirtu s-Santu” hu l-isem propju tat-tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa. Ġesù jsejjaħlu wkoll: Spirtu Paraklitu (Konsolatur, Difensur) u Spirtu tal-Verità. It-Testment il-Ġdid isejjaħlu wkoll: l-Ispirtu ta’ Kristu, tal-Mulej, ta’ Alla, l-Ispirtu tal-glorja, li kien imwiegħed.

Hemm kotra ta’ simboli li jirrapreżentaw l-Ispirtu s-Santu. Uħud minnhom: l-ilma ħaj, li ħareġ mill-qalb minfuda ta’ Kristu u jaqta’ l-għatx ta’ l-imgħammdin; id-dilka biż-żejt, li hi sinjal sagramentali tal-Konfermazzjoni jew Griżma; in-nar, li jbiddel kull ma jmiss; is-sħaba, imdallma jew kollha dija, li turi l-glorja ta’ Alla; it-tqegħid ta’ l-idejn, li permezz tiegħu jingħata l-Ispirtu; il-ħamiema, li fil-magħmudija tinżel u tibqa’ fuq Kristu.

Meta ngħidu li l-Ispirtu “tkellem b’fomm il-profeti  nifhmu li dawn kollha li ġew ispirati mill-Ispirtu s-Santu biex jitkellmu f’isem Alla. L-Ispirtu jwassal il-profeziji tal-Antik Testment fis-seħħ fi Kristu, li jurina l-misteru tiegħu fit-Testment il-Ġdid.

L-Ispirtu s-Santu temm f’Marija l-wegħdiet u tħejjijiet tat-Testment il-Qadim għall-miġja ta’ Kristu. B’mod uniku mlieha bil-grazzja u ried lill-verġinità tagħha tagħti l-frott, biex jitnissel fid-dinja l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Jagħmel minn Marija Omm “Kristu sħiħ”, jiġifieri ta’ Ġesù r-Ras u tal-Knisja, il-ġisem tiegħu. Marija tinsab mat-Tnax fil-jum ta’ Għid il-Ħamsin, meta l-Ispirtu jagħti bidu għall-“aħħar żminijiet” bil-manifestazzjoni tal-Knisja.

L-Iben ta’ Alla ġie kkonsagrat Messija bl-unzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu minn meta sar bniedem fil-mument ta’ l-Inkarnazzjoni. Huwa juri dan fit-tagħlim tiegħu, waqt li wettaq il-wegħda magħmula lil missirijiethom, u jagħti l-Ispirtu s-Santu lill-Knisja li qed titwieled, huwa u jonfoħ fuq l-Appostli wara l-qawmien mill-imwiet.

Ħamsin jum wara l-Qawmien mill-Mewt, f’Pentekoste, Ġesù Kristu gglorifikat isawwab bil-kotra l-Ispirtu u jurih bħala Persuna divina, sabiex it-Trinità Qaddisa tiġi rivelata għal kollox. Il-Missjoni ta’ Kristu u tal-Ispirtu s-Santu ssir il-Missjoni tal-Knisja, mibgħuta biex tħabbar u xxerred il-misteru tal-għaqda tat-Trinità Qaddisa.

L-Ispirtu jibni, jaħji u jqaddes lill-Knisja: Spirtu ta’ Mħabba, huwa jerġa’ jagħti lill-imgħammdin ix-xebħ ma’ Alla li kien intilef bid-dnub u jagħtihom ħajja ġdida fi Kristu, sehem mill-istess Ħajja tat-Trinità Qaddisa. Huwa jibgħathom biex iwasslu l-Verità ta’ Kristu u jorganizzahom fid-dmirijiet tagħhom lejn xulxin, biex ilkoll iwasslu “l-frott ta’ l-Ispirtu” (Gal 5,22).

Permezz tas-sagramenti, Kristu jwassal lill-membri tal-Ġisem tiegħu l-Ispirtu tiegħu u l-grazzja ta’ Alla li tagħti l-frott fil-ħajja ġdida, skond l-Ispirtu. Fl-aħħarnett, l-Ispirtu s-Santu huwa wkoll l-Imgħallem tat-talb.