IT-TAMA U L-ĦAJJA TA' DEJJEM

L-istqarrija tal-fidi tagħna tagħlaq billi nistqarru li nemmnu fil-qawma mill-imwiet u l-ħajja ta’ dejjem. Din hi t-tama aħħarija tan-nisrani. 

Kull nisrani jemmen li ladarba, Ġesù Kristu miet u qam, hekk ukoll Alla ser iqajjem lilna mill-mewt. In-nisrani ma jemminx biss li r-ruħ hi mmortali, jiġifieri ma tmut qatt. In-nisrani jemmen li ladarba Ġesù Kristu qam mill-mewt bil-ġisem ukoll, hekk in-nisrani bħalu, ser iqum b’ġisem li ma jitħassarx, ġisem li ma jimradx, ġisem li ma jmutx biex jibqa’ jgħix għal dejjem fl-eternità. Din hi opra tat-Trinità.

Ġesù Kristu fl-Evanġelju skont San Ġwann, jitkellem ċar dwar il-qawmien mill-mewt. Hu Ġesù stess li fl-aħħar jum iqajjem lil dawk li emmnu fih (ara Ġw 5, 24-25; 6,40), u li jkunu kielu Ġismu u xorbu Demmu (ara Ġw 6,54). Minn issa ta sinjal u rahan tal-qawmien billi ta l-ħajja mill-ġdid lil xi mejtin (ara Mk 5, 21-42; Lq 7, 11-17; Ġw 11),Sa mill-bidu, il-fidi nisranija fil-qawmien mill-imwiet sabet min ma fehemhiex u min kien kuntrarju għaliha (ara Atti 17,32; 1 Kor 15, 12-13). Santu Wistin jistqarr, “F’ebda verità oħra tal-fidi ma niltaqgħu ma’ ċaħdiet daqs kemm niltaqgħu ma’ dik tal-qawmien mill-imwiet”.[1] Kważi kulħadd jaqbel li wara l-mewt il-ħajja tal-persuna tal-bniedem tkompli f’ sura spiritwali. Imma kif jista’ wieħed jemmen li dan il-ġisem tagħna, li x-xejn tiegħu hu daqstant ċar, għad jirxoxta għall-ħajja ta’ dejjem?

Żgur li meta nirriflettu fuq dan it-twemmin nistaqsu kif jirxuxtaw il-mejtin. Fil-mewt, meta r-ruħ tinfired mill-ġisem, il-ġisem tal-bniedem jara t-taħsir, waqt li r-ruħ tmur tiltaqa’ ma’ Alla, iżda tibqa’ tistenna li tingħaqad mal-ġisem glorifikat tagħha. Alla li jista’ kollox għad jagħti darba għal dejjem ħajja, ħielsa minn nuqqas ta’ taħsir, lil ġisimna huwa u jgħaqqdu mill-ġdid ma’ ruħna bil-qawwa tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.

Il-bnedmin kollha li jkunu mietu, “dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna.” (Ġw 5,29; ara Dan 12,2).

Imma kif? Kristu rxoxta bil-ġisem tiegħu stess: “Araw idejja u riġlejja. Jiena hu” (Lq 24,39); imma ma reġax lura għall-ħajja fuq l-art. Hekk ukoll, fih, “aħna lkoll nirxoxtaw bil-ġisem proprju tagħna, dak li għandna issa”, imma dan ġisimna jkollu “s-sura ta’ ġisem glorjuż” (Fil 3,21), “ġisem spiritwali” (1 Kor 15,44)

San Pawl jispjega b’dan il-mod. Għandu mnejn xi ħadd jgħid: “Kif iqumu l-mejtin? B’liema ġisem jiġu? Iblah! Dak li inti tiżra’ ma jkollux ħajja jekk qabel ma jmutx. U meta tiżra’ ma tiżrax dak il-ġisem li għad ikollok, iżda sempliċi żerriegħa … jinżera’ ġisem li jitħassar, iqum ġisem li ma jitħassarx … il-mejtin iqumu biex ma jitħassrux aktar … il-ġisem li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, u dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalità” (1 Kor 15, 35-37.42.52-53).

Dan ser iseħħ żgur fl-aħħar tad-dinja. Il-qawmien mill-imwiet hu msieħeb b’mod l-aktar intimu mal-Parusija, jiġifieri mat-tieni miġja ta’ Kristu fil-glorja: Il-qawmien mill-imwiet hu msieħeb b’mod l-aktar intimu mal-Parusija, jiġifieri mat-tieni miġja ta’ Kristu fil-glorja.

Quddiem il-mewt, ikollna bilfors naħsbu. F’ċertu sens, il-mewt tal-ġisem hi ħaġa naturali, imma għall-fidi hi “l-ħlas tad-dnub”. Għal dawk li jmutu fil-grazzja ta’ Kristu hi tisħib fil-mewt tal-Mulej, biex ikun hemm ukoll tisħib fil-qawmien tiegħu għall-ħajja.

Il-mewt hi t-tmiem tal-ħajja fuq l-art . Ħajjitna titqies miż-żmien, li ma tulu ninbidlu, nixjieħu, u, bħalma hi għal kull ħaġa li tgħix fid-dinja, il-mewt tidher li hi t-tmiem normali tal-ħajja. Dan l-aspett tal-mewt jurina li ma għandniex żmien x’nitilfu tul ħajjitna: it-tifkira li rridu mmutu tfakkarna li ż-żmien li għandna biex ħajjitna tilħaq il-kobor sħiħ tagħha hu qasir.

Il-mewt hi konsegwenza tad-dnub.  Il-Maġisteru tal-Knisja jgħallem li l-mewt daħlet fid-dinja minħabba d-dnub tal-bniedem. Għalkemm il-bniedem għandu natura li tmut, Alla ma riedx li l-bniedem imut. Il-mewt għalhekk kienet kontra l-pjan li kellu Alla l-Ħallieq għal-bniedem, u daħlet fid-dinja minħabba d-dnub. “Il-bniedem kien ikun ħieles mill-mewt tal-ġisem kieku ma dinibx”: għalhekk San Pawl isejħilha “l-aħħar għadu” tal-bniedem li jrid jintrebaħ.

Il-mewt inbidlet minn Kristu.  Kristu l-Iben ta’ Alla bata l-mewt li hi proprja tal-qagħda tal-bniedem. Iżda, minkejja l-biża’ tiegħu quddiemha aċċettaha b’att ta’ ubbidjenza sħiħa u ħielsa għar-rieda tal-Missier. L-ubbidjenza ta’ Ġesù biddlet f’barka s-saħta tal-mewt.

Id-dehra nisranija tal-mewt hi mfissra tajjeb ħafna mil-liturġija tal-Knisja: Għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel, u, mal-mewt tal-ġisem fuq din l-art, titħejja għalina għamara għal dejjem fis-sema.

Il-mewt hija t-tmiem tal-mixja tal-bniedem fid-dinja, it-tmiem ta’ żmien il-grazzja u l-ħniena li Alla jagħti lill-bniedem, biex ħajtu fuq l-art jgħixha skond il-pjan ta’ Alla u tiddeċidilu d-destin tiegħu ta’ l-aħħar. Meta tintemm għalina “l-ħajja waħda tagħna fuq l-art” mhux se jkollna xi ħajjiet oħra fid-dinja. “Il-bnedmin għandhom imutu darba biss” (Lh 9,27). “Ir-rijinkarnazzjoni” wara l-mewt ma teżistix.                     

San Franġisk fil-Kantiku tal-Ħlejjaq, jikteb hekk dwar il-mewt.

               Ħa tkun imfaħħar f’Oħtna l-Mewt tal-ġisem

               Li jaħrab minnha qatt ma jista’ l-bniedem;

               Ħażin għal dak li jmut fid-dnub il-mejjet,

               Imbierek min imut fis-sliema u niedem.    

In-nisrani li jgħaqqad il-mewt tiegħu ma’ dik ta’ Kristu jqis il-mewt bħala laqgħa ma’ Kristu u dħul fil-ħajja ta’ dejjem. Wara li l-Knisja, għall-aħħar darba, tgħid il-kliem tal-maħfra u ta’ l-assoluzzjoni ta’ Kristu lin-nisrani li qiegħed imut, tissiġillah għall-aħħar darba bil-Griżma tal-Morda li ssaħħu, u tqarrbnu billi tagħtih lil Kristu bi vjatku bħala ikel fl-aħħar vjaġġ tiegħu, imbagħad tgħidlu kliem ta’ ħlewwa li jimlewh bil-fiduċja:

Oħroġ, ruħ nisranija minn din id-dinja, fl-isem ta’ Alla l-Missier li jista’ kollox, li ħalqek, fl-isem ta’ Ġesù Kristu Iben Alla l-ħaj, li bata u miet għalik, fl-isem ta’ l-Ispirtu s-Santu mogħti lilek. Jilqgħek illum Alla, biex tkun miegħu għal dejjem fis-sliem tal-ġenna u jsieħbek mal-Verġni Mqaddsa Marija, Omm Alla, ma’ San Ġużepp u ma’ l-anġli u l-qaddisin kollha tas-sema. Nerħik fl-idejn twajba tal-Ħallieq tiegħek biex terġa’ lura għandu, hu li sawrek mit-trab ta’ l-art. Inti u ħiereġ minn din id-dinja tiġi tilqgħek Ommna Marija, flimkien mal-qtajja’ ta’ l-anġli u mal-qaddisin kollha. Jalla tara bis-sliem wiċċ il-Feddej tiegħek.[2]

Il-mewt ittemm il-ħajja tal-bniedem bħala ż-żmien li fih jista’ jilqa’ jew jiċħad il-grazzja ta’ Alla li dehret fi Kristu. It-Testment il-Ġdid jitkellem dwar il-ġudizzju l-aktar fid-dawl ta’ l-aħhar laqgħa ma’ Kristu meta jerġa’ jiġi, iżda kemm-il darba jsemmi wkoll l-ħlas li jingħata minnufih wara l-mewt lil kull bniedem skond għemilu u twemminu. Il-parabbola ta’ Lazzru l-fqajjar u kliem Kristu fuq is-salib lill-ħalliel it-tajjeb , u passi oħra tat-Testment il-Ġdid jitkellmu dwar id-destin ta’ l-aħħar tar-ruħ li ma jkunx l-istess għal kull ruħ.

Kull bniedem ma’ mewtu jirċievi fir-ruħ tiegħu li ma tmut qatt, il-ħlas ta’ dejjem f’ġudizzju partikulari, fejn ħajtu titqies f’relazzjoni ma’ Kristu; u l-ħlas ikun jew purifikazzjoni, jew dħul minnufih fil-hena tas-sema, jew dannazzjoni minnufih għal dejjem.

Fit-tmiem ta’ ħajjitna niġu ġġudikati dwar l-imħabba.[3]

Dawk li jmutu fil-grazzja u l-ħbiberija ma’ Alla, u li huma safja perfettament, jgħixu għal dejjem ma’ Kristu. Huma għal dejjem f’xebh ma’ Alla għax jarawh “kif inhu”, wiċċ imb’wiċċ.

Din il-ħajja perfetta mat-Trinità Qaddisa, din ix-xirka ta’ ħajja u mħabba magħha, mal-Verġni Marija, ma’ l-anġli u l-qaddisin, tissejjaħ “ġenna”. Il-ġenna hi d-destin ta’ l-aħħar u t-temma tax-xewqat l-aktar għolja tal-bniedem, l-istat ta’ hena bla qjies li jibqa’ għal dejjem.

Tkun il-ġenna jiġifieri “tkun ma’ Kristu”. Il-magħżulin jgħixu “fih”, iżda jżommu, anzi jsibu l-identità vera tagħhom.

Bil-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesù Kristu “fetħilna” s-sema. Il-ħajja tal-beati fis-sema tikkonsisti filli jkollhom il-milja tal-frott tal-Fidwa li seħħet bi Kristu, li jsieħeb fil-glorja tiegħu fis-sema lil dawk kollha li emmnu fih u baqgħu fidili għar-rieda tiegħu. Is-sema hija l-komunità hienja ta’ dawk kollha li huma magħqudin ma’ Kristu b’mod perfett.

Il-misteru ta’ l-għaqda hienja ma’ Alla u ma’ dawk kollha li huma fi Kristu jisboq kull ma l-moħħ jista’ jifhem u jiddeskrivi. L-Iskrittura tkellimna dwar dan bi xbihat: ħajja, dawl, sliem, festa ta’ tieġ, inbid tas-saltna, dar tal-Missier, Ġerusalemm tas-sema, ġenna. San Pawl jiddeskriviha hekk; “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh”.

Minħabba t-traxxendenza tiegħu, lil Alla nistgħu narawh kif inhu biss meta hu stess jiftaħ il-Misteru tiegħu għall-kontemplazzjoni immedjata tal-bniedem u jagħtih il-ħila għaliha. Din il-kontemplazzjoni tal-glorja ta’ Alla fis-sema l-Knisja ssejħilha “l-viżjoni beatifika”:

Fil-glorja tas-sema, il-beati jkomplu jaqdu bil-ferħ ir-rieda ta’ Alla f’rabta mal-bnedmin u mal-ħolqien kollu kemm hu. Huma ġa qed isaltnu ma’ Kristu: miegħu “jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem” .

Dawk li jmutu fil-grazzja u l-ħbiberija ta’ Alla, iżda mhux safja għal kollox, minkejja li żguri mis-salvazzjoni ta’ dejjem tagħhom, wara mewthom iġarrbu purifikazzjoni, biex jiksbu l-qdusija meħtieġa ħa jidħlu fl-hena tas-sema.

Il-Knisja ssejjaħ Purgatorju din il-purifikazzjoni ta’ l-aħħar tal-magħżulin, tisfija li hi għal kollox differenti mill-kastig tad-dannati. It-tradizzjoni tal-Knisja, hija u tagħmel riferenza għal xi siltiet ta’ l-Iskrittura (bħalma huma 1 Kor 3,15; 1 Piet 3,7) titkellem dwar nar li jippurifika:

Dan it-tagħlim hu mibni ukoll fuq id-drawwa tat-talb għall-mejtin, li dwaru titkellem l-Iskrittura: “Għalhekk (Ġuda l-Makkabew) offra sagrifiċċju tal-purifikazzjoni biex il-mejtin jinħelsu minn dnubhom” (2 Mak 12,46). Sa mill-ewwel żminijiet, il-Knisja tat ġieħ lit-tifkira tal-mejtin u offriet suffraġji għalihom, b’mod partikulari s-sagrifiċċju ewkaristiku, biex, imsoffija minn dnubiethom, jistgħu jaslu għall-viżjoni beatifika ta’ Alla. Il-Knisja tirrakkomanda wkoll il-karità, l-indulġenzi u l-penitenzi b’suffraġju għall-mejtin.

Ma nistgħux ningħaqdu ma’ Alla jekk minn rajna ma nagħżlux li nħobbuh. Iżda ma nistgħux inħobbu lil Alla jekk nidinbu gravement kontra tiegħu, kontra għajrna u kontra tagħna stess. “Min ma jħobbx jinsab fil-mewt. Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel u intom tafu li ebda qattiel ma għandu fih il-ħajja ta’ dejjem” . Il-Mulej wissiena li nkunu mifrudin minnu jekk nonqsu milli nagħmlu tajjeb għall-ħtiġijiet kbar tal-foqra u taċ-ċkejknin ħutu. Il-mewt bid-dnub il-mejjet ta’ wieħed li ma nidimx u ma laqax l-imħabba kollha ħniena ta’ Alla, tfisser li dan se jibqa’ mifrud minn Alla b’għażla ħielsa tiegħu. Hu dan l-istat ta’ min minn rajh jinqata’ darba għal dejjem mill-għaqda ma’ Alla u mal-beati, li nsejħu “infern”.

Ġesù spiss tkellem dwar “infern” u “nar li ma jintefiex”, merfugħ għal dawk li sa l-aħħar mument ta’ ħajjithom ma jkunux iridu jemmnu u jikkonvertu, u fejn jistgħu jinqerdu kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem. Bi kliem serju ħafna Ġesù jħabbar li se “jibgħat l-anġli tiegħu jiġbru lil kull min jagħmel il-ħażen … u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar”, u li hu stess jagħti l-kundanna: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem”.

It-tagħlim tal-Knisja jtenni li hemm l-infern u li hu għal dejjem. L-erwieħ ta’ dawk li jmutu fl-istat tad-dnub mejjet wara mewthom jinżlu minnufih fl-infern, fejn isofru għal dejjem il-pieni ta’ l-infern, “in-nar ta’ dejjem”. L-akbar kastig ta’ l-infern hu l-firda għal dejjem minn Alla li fih biss il-bniedem jista’ jkollu l-ħajja u l-hena li għalihom ġie maħluq u li tant jixtieq.

Dak li tgħid l-Iskrittura u dak li tgħallem il-Knisja fuq l-infern huma stedina għar-responsabbiltà li għandu juri l-bniedem fl-użu tal-libertà tiegħu quddiem id-destin tiegħu ta’ dejjem. Fl-istess ħin huwa appell urġenti għall-konverżjoni: “Idħlu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jaqbdu lilha; imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha”.

Alla ma jippredestina lil ħadd għall-infern; biex wieħed jitwaddab fl-infern jeħtieġ li minn rajh jitbiegħed għal kollox minn Alla (id-dnub il-mejjet), u jibqa’ mbiegħed sa l-aħħar. Fil-Liturġija ewkaristika u fit-talb ta’ kull jum ta’ l-insara, il-Knisja titlob lill-ħniena ta’ Alla biex “ħadd ma jintilef u kulħadd jersaq għall-indiema”.

Il-qawmien tal-mejtin kollha “kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena” iseħħ qabel il-ġudizzju ta’ l-aħħar. Tkun “is-siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħen Bin il-bniedem u joħorġu: dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna”. Imbagħad Kristu “jiġi fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, … u quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin kif ir-ragħaj jifred in-ngħaġ mill-mogħoż,; in-ngħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu, u l-mogħoż fuq ix-xellug … u dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u dawk fil-ħajja ta’ dejjem”.

Hu quddiem Kristu, li hu l-istess verità li tinkixef darba għal dejjem il-verità dwar ir-relazzjoni ta’ kull bniedem ma’ Alla. Il-ġudizzju ta’ l-aħħar juri l-għemejjel kollha li kull wieħed ikun għamel ta’ ġid jew ma għamilx, tul ħajtu fuq l-art, bil-konsegwenzi kollha tagħhom sa l-aħħar:

Il-ġudizzju ta’ l-aħħar isir meta Ġesù jerġa’ jiġi fil-glorja. Il-Missier biss jaf il-ħin u l-jum, hu biss jgħid meta se jseħħ. Permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu, Alla jgħid l-aħħar kelma tiegħu fuq il-ġrajja kollha tad-dinja. Aħna nafu x’inhu d-destin ta’ l-aħħar tal-ħolqien kollu u tal-pjan tas-salvazzjoni, u nifhmu x’kienu t-triqat ta’ l-għaġeb li minnhom il-Providenza ta’ Alla mexxiet kollox lejn l-aħħar destin tiegħu. Il-ġudizzju ta’ l-aħħar juri kif il-ġustizzja ta’ Alla toħroġ rebbieħa fuq l-inġustizzji kollha li jagħmlu l-ħlejjaq u li l-imħabba ta’ Alla hi aktar qawwija mill-mewt .

Il-messaġġ tal-ġudizzju ta’ l-aħħar isejjaħ għall-konverżjoni tul “iż-żmien tajjeb, il-jum tas-salvazzjoni” li Alla jagħti lill-bnedmin. Jimliena bil-biża’ qaddis ta’ Alla. Jimpenjana favur il-ġustizzja tas-Saltna ta’ Alla. Iħabbrilna “t-tama hienja” tal-miġja mill-ġdid tal-Mulej, li “jiġi biex jieħu glorja minn għand il-qaddisin tiegħu u l-ġieħ minn dawk kollha li kienu emmnu fih”.

 

It-tama ta’ smewwiet ġodda u art ġdida

Fit-tmiem ta’ kollox is-Saltna ta’ Alla tilħaq il-milja kollha tagħha. Wara l-ġudizzju universali, il-ġusti jsaltnu għal dejjem ma’ Kristu, lebsin bil-glorja fir-ruħ u l-ġisem, u l-univers kollu ukoll jiġġedded:

Dan it-tiġdid misterjuż li jbiddel il-familja kollha tal-bnedmin u d-dinja, l-Iskrittura ssejjaħlu “smewwiet ġodda u art ġdida”. B’hekk iseħħ fl-aħħar, darba għal dejjem, il-pjan ta’ Alla “li kollox jinġabar taħt ras waħda li hu Kristu, kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema”.

F’din id-“dinja ġdida”, f’Ġerusalemm tas-sema, Alla jkollu l-għamara tiegħu mal-bnedmin. “Hu jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għebu l-ħwejjeġ ta’ qabel”.

Għall-bniedem, b’dan it-tmiem, isseħħ l-għaqda sħiħa tal-ġens kollu tal-bnedmin li ried Alla sa mill-ħolqien tad-dinja u li tagħha l-Knisja, hi u miexja fid-dinja, hi sinjal, “bħal sagrament”. Dawk li jkunu magħqudin ma’ Kristu jiffurmaw il-komunità tal-mifdijin, il-Belt qaddisa ta’ Alla. Din ma tkunx aktar midruba mid-dnub, mit-tinġis, minn kull ma hu mistkerrah, minn kull ħaġa li teqred jew tidrob il-komunità tal-bnedmin fuq l-art. Il-viżjoni beatifika, li biha Alla jinfetaħ għall-magħżulin b’mod li ma jintemm qatt, tkun l-għajn dejjem tnixxi l-ġid, is-sliem u l-għaqda flimkien.

Dwar l-univers, ir-Rivelazzjoni tgħidilna li d-destin tad-dinja u tal-bniedem huma marbutin sewwa ma’ xulxin: “Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla”, kiteb San Pawl lir-Rumani. Id-dinja li tidher hi mela ukoll destinata li tinbidel, “biex, id-dinja stess jerġa’ jkollha l-istat li kellha fil-bidu u hekk tkun, bla ebda tfixkil, għall-qadi tal-ġusti”, u tissieħeb fil-glorja tagħhom f’Ġesù Kristu rxoxt.

Il-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzjoni “Gaudium et Spes” jgħallem, “Ma nafux iż-żmien meta d-dinja u l-ġens kollu tal-bnedmin jilħqu t-tmiem tagħhom u lanqas nafu kif se jinbidel l-univers. Żgur li s-sura ta’ din id-dinja midruba mid-dnub tgħaddi; imma aħna tgħallimna li Alla qed iħejjilna għamara ġdida u art ġdida fejn tgħammar il-ġustizzja, u l-hena jimla fuq li jimla x-xewqat kollha għas-sliem li jinbtu f’qalb il-bniedem”.[4]

“Iżda t-tama ta’ art ġdida ma għandhiex tnaqqas, anzi għandha aktar tħeġġeġ il-ħerqa tagħna ħa naħdmu f’din id-dinja, fejn, qed jikber il-ġisem ta’ din il-familja ġdida tal-bnedmin, u li b’xi mod ġa qed jagħti xi ħjiel tad-dinja li għad trid tiġi. Għalkemm irridu nagħmlu għażla tajba bejn il-progress fid-dinja u l-kobor tas-Saltna ta’ Alla, irridu ngħidu li dan il-progress tad-dinja jiswa ħafna għas-Saltna ta’ Alla jekk iwassal għall-organizzazzjoni aħjar tas-soċjetà tal-bnedmin”.[5]

Għalhekk hu dmir tagħna li nitolbu u naħdmu biex fid-dinja tiġi is-Saltna ta’ Alla u jkun li jrid hu minn issa stess bit-tama li dan għad iseħħ verament u wara li nkunu ħdimna għaliha, nkunu aħna wkoll li ngawdu l-frott tagħha meta Alla jkun igglorifikat għal dejjem.

 


[1] Santu Wistin, Enarratio in Psalmos 88 2, 5.

[2] Ordo exsequiarum, assistenza għall-moribondi. Din mhix parti mir-rit tal-Griżma tal-Morda. Il-Griżma tal-Morda tingħata lil min hu marid. Hemm talb ieħor, (li mhux parti mir-rit tal-Griżma tal-Morda) li hu maħsub għal min ikun verament wasal fl-aħħar ta’ ħajtu u din it-talba hi parti minnha.

[3] San Ġwann tas-Salib, Dichos de luz y amor, 64.

[4] Konċ. Vatikan II, Gaudium et spes, 39.

[5] Ibid., 39.