KNISJA WAĦDA, QADDISA, KATTOLIKA, APPOSTOLIKA

“Il-Knisja hija, fi Kristu, bħal sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma' Alla u ta' l-unita' tal-ġens tal-bnedmin kollu fi Kristu”. Fl-introduzzjoni tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium tal-Konċilju Vatikan II, l-isqfijiet ħarġu din id-defenizzjoni tal-Knisja li aktar milli tgħid x’inhi l-Knisja tgħid x’inhu l-iskop ewlieni tagħha, jiġifieri l-għaqda intima mal-Ħallieq u l-għaqda bejn il-bnedmin kollha. Mill-istess natura tagħha il-Knisja hi miftuħa għal dawk kollha li b’qalb sinċiera jfittxu li jkunu ġusti. Kif naqraw fil-kitba tas-Santi Padri, il-ġusti kollha, minn Adam u "Abel sa l-aħħar fost il-magħżulin", ilkoll jinġabru fil-Knisja universali quddiem il-Missier. Il-bnedmin kollha huma msejħin għal din l-għaqda fi Kristu li hu d-dawl tad-dinja, li minnu aħna ġejjin, bih ngħixu u lejh mexjin. Kristu hu ċ-ċentru ta’ din l-għaqda. Ħadd ma jista’ jmur għand il-Missier jekk mhux bih, u fih biss tista’ sseħħ ukoll l-għaqda bejn il-bnedmin bħala Poplu wieħed, il-Poplu l-ġdid ta’ Alla.

 

Il-Knisja waħda ta’ Kristu hi “waħda, qaddisa, kattolika u appostolika” kif nistqarru fil-Kredu. Dawn l-erba’ attributi tal-Knisja, marbutin b’rabta bejniethom li ma tiġi nieqsa qatt, juru l-karatteristiċi essenzjali tal-Knisja u tal-missjoni tagħha. Dawn l-attributi m’humiex tal-Knisja minnha nnifisha; imma kien Kristu, permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, li għamel il-Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika, u hu wkoll isejħilha biex tara li jseħħu dawn l-attributi tagħha.

San Pawl ixebbaħ din l-għaqda tal-bnedmin kollha ma’ Kristu fit-tixbieħa tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu. Il-bnedmin kollha li jingħaqdu ma’ Kristu jibdew jiffurmaw parti minn dan il-Ġisem li għad li fih ħafna membri u kull membru għandu l-identità u l-iskop tiegħu kollha flimkien jiffurmaw Ġisem wieħed li r-ras tiegħu huma Kristu. Hawn, il-Lumen Gentium, tagħlaq iċ-ċirku ta’ dawk li jiffurmaw parti mill-Knisja. Waqt li fl-ewwel paragrafu, iċ-ċirku kien jiftah fuq dawk kollha li huma “ġusti”, minn Abel sa l-aħħar bniedem, issa fil-paragrafu 7, iċ-ċirku hu magħluq biex jiġbor fih dawk li jemmnu u jirċievu s-sagramenti. “F'dan il-ġisem il-ħajja ta' Kristu tixtered f'dawk li jemmnu; permezz tas-sagramenti dawn jingħaqdu b'mod misterjuż iżda reali ma' Kristu li bata u li issa jinsab igglorifikat.

 

WAĦDA

Il-Knisja hi fl-istess waqt, realta visibli u realta spiritwali. Bħala realta spiritwali, hi tgħaqqad flimkien u ma’ Alla l-Missier lil dawk kollha li huma ġusti. Bħala realta viżibli, hi l-“kuminita' ta' fidi, ta' tama u ta' mħabba, li Kristu għamilha organismu li jidher; u jieqaf il-ħin kollu magħha” IL-Knisja hi għalhekk realta waħda.

 

Il-Knisja hi l-Poplu l-ġdid ta’ Alla . “F'kull żmien u f'kull nazzjon Alla jilqa' lil kull min għandu l-biża tiegħu u jagħmel is-sewwa. Madankollu Alla għoġbu

jqaddes u jsalva l-bnedmin mhux individwalment, mingħajr ebda rabta ma' xulxin, iżda ried li jagħmel minnhom poplu li jagħraf fil-verita' u jservih bil-qdusija.

 

Bħalma Israel skond il-ġisem, meta kien jiġġerra fid-deżert, kien diġa' msejjaħ Knisja ta' Alla (2 Esd. 13,1; Num. 20.4; Dt. 23,1ss), hekk Israel il-ġdid, li llum miexi fit-tfittxija tal-belt li għad trid tiġi u li tibqa' għal dejjem, jissejjaħ ukoll Knisja ta' Kristu li hu kiseb b'demmu, mlieha bl-Ispirtu tiegħu u għanieha b'mezzi addattati għall-għaqda soċjali u li tidher. Alla ġema' l-assemblea ta' dawk li jħarsu lejn Ġesu' bħala l-awtur tas-salvazzjoni u l-bidu ta' l-unità u tal-paċi, u għamilhom Knisja li tkun għall-bnemin kollha u għal kull wieħed minnhom sagrament viżibbli ta' din l- unità li ssalva.

 

Fit-Testment il-Qadim, il-profeti kienu ħabbru li Alla ried jagħmel Patt Ġdid. (ara n-noti ta’ qabel) Ġesù stess kien iħares lejn il-missjoni tiegħu bħala t-twettieq tal-Patt il-Ġdid li bħal ta’ qablu, kellu jkun ċċelebrat fit-tixrid tad-demm, din id-darba, it-tixrid ta’ demmu stess. Jekk wara l-ġrajja tas-Sinaj seta’ jingħad li l-Lhud saru il-Poplu ta’ Alla u li hu kien Alla tagħhom, kemm aktar dawk li aċċettaw lil Ġesù f’ħajjithom jistgħu jgħidu li hu Alla s-Salvatur tagħhom u huma l-Poplu tiegħu. Dan hu l-Poplu li l-Mulej Ġesù kiseb għalih bit-tixrid ta’ demmu. San Pietru fl-ewwel Ittra tiegħu jikteb li dawk kollha li jemmnu saru ġens maħtur, saċerdozju irjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih...li darba ma kienx poplu, imma issa sar il-poplu ta' Alla."

 

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallimna li Il-Knisja hi waħda għax hekk hu l-bidu tagħha: “L-ogħla mudell u l-prinċipju ta’ dan il-misteru, hu l-misteru tat-Tliet Persuni f’Alla wieħed, il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu”. Il-Knisja hi waħda għax hekk riedha l-Fundatur tagħha: “L-Iben ta’ Alla magħmul bniedem bis-salib tiegħu ħabbeb mill-ġdid il-bnedmin kollha ma’ Alla, waqqaf mill-ġdid l-għaqda tal-bnedmin kollha f’Poplu wieħed u f’ġisem wieħed”. Il-Knisja hi waħda għax hekk hi mir-“ruħ” tagħha: “L-Ispirtu s-Santu li jgħammar f’dawk kollha li jemmnu u jimla u jmexxi l-Knisja kollha, iġib dik l-għaqda ta’ l-għaġeb bejn il-fidili kollha, u jgħaqqad b’mod intimu lilhom kollha ma’ Kristu, li minnu ġej li l-Knisja hi waħda”. Hu proprju tal-essenza stess tal-Knisja li tkun waħda:

 

KATTOLIKA

Il-Knisja hija wkoll kattolika (universali). Il-bnedmin kollha huma msejħin biex ikunu l-Poplu l-Ġdid ta' Alla. Huma l-poplu li għandu jixtered mad-dinja kollha u għaż-żmien kollu sabiex iseħħ l-għan tar-rieda ta' Alla li fil-bidu ħalaq natura umana waħda u ried li fl-aħħar ilaqqa' flimkien lil uliedu li kienu mxerrdin. Għad li ġejjin mill-ġnus kollha u jgħixu fi żminijiet differenti huma magħqudin ħaġa waħda fit-tagħlim ta' l-Appostli,fl-għaqda ta' bejniethom,fil-qsim tal-ħobż u fit-talb. Hekk, kif is-saltna ta' Kristu m'hix ta' din id-dinja, il-Knisja, jew il-Poplu ta' Alla, li tħejji din is-saltna, ma tnaqqas xejn mill-ġid temporali ta' ebda poplu; għall-kuntrarju hija tmexxih 'l quddiem, sakemm huwa tajjeb, l-għana, ir-risorsi u d-drawwiet tal-popli; waqt li tassimilahom hija tippurifikahom, issaħħaħhom u tgħollihom. Dan il-karattru ta' universalità li jżejjen il-Poplu ta' Alla huwa don ta' l-istess Mulej li bih il-Knisja kattolika tfittex dejjem u b'mod effikaċi li tiġma' lura l-umanita' kollha, bil-ġid kollu tagħha, fi Kristu li hu r-Ras, fl-għaqda ta' l-Ispirtu tiegħu.

 

Bis-saħħa ta' din il-kattoliċità, kull parti twassal id-doni tagħha lill-partijiet l-oħra u lill-Knisja kollha. B'hekk il-partijiet waħda waħda u l-ġisem kollu jissaħħu u jikbru billi jaqsmu ma' xulxin id-doni u jaħdmu lkoll għall-milja ta' l-unità. Minn din jiġi li l-Poplu ta' Alla mhux biss jinġama' minn popli differenti iżda huwa wkoll mibni fih innifsu minn gradi differenti. Għaliex fost il-membri tiegħu stess hemm ċerta diversità: fid-dmirijiet meta xi wħud ikollhom ministeru mqaddes għall-ġid ta' ħuthom; fil-kondizzjonijiet u l-mod kif igħixu bħal meta ħafna minnhom jagħżlu l-ħajja reliġjuża u jfittxu li jaslu għall-qdusija minn triq idjaq, u bl-eżempju tagħhom iħeġġu lil ħuthom. Huwa għalhekk li fil-komunjoni ekkleżjastika jinsabu, bid-dritt kollu, xi knejjes partikolari li għandhom it-tradizzjonijiet tagħhom li ma jnaqqsu xejn mill-primat tal-Kattedra ta' Pietru li jippresjedi l-assemblea universali tal-Karità, iħares id-diversitajiet leġittmi u fl-istess ħin jgħasses biex dak li hu partikolari mhux biss ma jagħmilx ħsara lill-għaqda iżda jserviha ta' ġid. Għalhekk il-membri tal-poplu ta' Alla huma msejħin biex jaqsmu l-ġid li għandhom kif għallem San Pietru "Kull wieħed minnkom igħix skond id-don li irċieva u jinqeda bih għall-ġid ta' l-oħrajn, hekk tkunu amministratturi tajbin tal-grazzja ta' Alla, li hi ta' ħafna xorta."

 

Għalhekk il-bnedmin kollha huma msejħin għal din l-unità kattolika tal-Poplu ta' Alla, unità li ġġib 'il quddiem il-paċi universali u hija s-sinjal tagħha qabel iż-żmien. Jagħmlu sehem minn din l-unità kattolika jew mexjin lejha, għalkemm b'modi differenti, l-insara kattoliċi, l-insara l-oħra li jemmnu fi Kristu u, fl-aħħar, il-bnedmin kollha li huma msejħin għas-salvazzjoni mill-grazzja ta' Alla.

 

Hawn ta’ min jistaqsi kif il-Knisja tqis lil dawk l-insara li ma jqisux lill-Papa bħala l-kap tal-Knisja. Il-Knisja taf li għal ħafna raġunijiet hija magħquda ma' dawk li għalkemm mgħammdin u mżejnin bl-isem ta' nsara, iżda ma jipprofessawx il-fidi fl-integrità tagħha jew ma jħaddnux l-unità tal-komunjoni taħt is-suċċessur ta' Pietru. Hemm ħafna, infatti, li jżommu l-Iskrittura Mqaddsa bħal regola ta' fidi u ta' ħajja u juru wkoll żelu reliġjuż sinċier; huma jemmnu b'imħabba f'Alla Missier li jista' kollox u fi Kristu, Iben ta' Alla u Salvatur; huma mmarkati bil-magħmudija li tgħaqqadhom ma' Kristu; anzi huma jagħrfu u jaċċettaw fil-knejjes jew fil-komunitajiet ekkleżjastiċi tagħhom sagramenti oħra wkoll. Ħafna minnhom għandhom ukoll l-episkopat, jiċċelebraw l-Ewkaristija Mqaddsa u jħaddnu d-devozzjoni lejn il-Verġni Omm Alla. Ma' dan wieħed irid iżid l-għaqda fit-talb u f'ġid spiritwali ieħor; anzi hemm ċerta għaqda vera fl-Ispirtu s-Santu li jaħdem fihom ukoll bil-qawwa tiegħu li tqaddes, bid-doni u l-grazzji tiegħu, u lil xi wħud minnhom tahom il-qawwa li jżommu sħiħ sat-tixrid ta' demmhom. Hekk l-Ispirtu jqajjem fid-dixxipli kollha ta' Kristu x-xewqa u l-ħidma sabiex ilkoll, fil-mod li jrid Kristu, jingħaqdu f'merħla waħda taħt ragħaj wieħed. Biex tilħaq dan l-iskop il-Knisja omm ma tieqafx li titlob, li tittama u li taħdem. Hija tħeġġeġ lil uliedha biex jitnaddfu u jiġġeddu sabiex is-sinjal ta' Kristu jixgħel ċar fuq wiċċha.

 

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallimna li l-kelma “kattolika” tfisser “universali”, kemm fit-“totalità” u kemm fl-“integralità” tagħha. Il-Knisja hi kattolika f’dawn iż-żewġ sensi. Hi kattolika għax Kristu jinsab fiha. Fiha hemm il-milja tal-Ġisem kollu ta’ Kristu magħqud mar-Ras li hu Kristu, u dan ifisser li minn għand Kristu tirċievi “l-mezzi li jwasslu għas-salvazzjoni fil-milja kollha tagħhom” li Kristu ried li jkollha jiġifieri l-istqarrija sħiħa u vera tal-fidi, ħajja sagramentali u ministeru ordnat b’suċċessjoni appostolika. F’dan is-sens fundamentali, il-Knisja ġa kienet kattolika dak in-nhar ta’ Għid il-Ħamsin, u hekk tibqa’ sa l-aħħar tad-dinja, sal-jum tal-miġja tal-Mulej fil-glorja.

Il-Knisja hi Kattolika għaliex Kristu taha l-missjoni li tmur għand il-ġnus kollha tal-bnedmin. “Il-Knisja ta’ Kristu tinsab fil-kongregazzjonijiet leġittimi kollha f’kullimkien li, magħqudin mar-ragħajja tagħhom, fit-Testment il-Ġdid jissejħu wkoll Knejjes … F’dawn il-knejjes il-fidili jinġabru bix-xandir ta’ l-Evanġelju ta’ Kristu, u jiġi ċċelebrat il-misteru ta’ l-Ikla tal-Mulej … F’dawn il-komunitajiet, li spiss huma żgħar u foqra, jew huma mxerrdin, jinsab Kristu li bis-setgħa tiegħu sseħħ il-Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika”.

 

APPOSTOLIKA

Fost il-ħafna ministeri li mill-ewwel żminijiet kienu eżerċitati fil-Knisja, l-ewlieni, kien id-dmir ta' dawk li, magħżulin isqfijiet b'suċċessjoni li ġejja mill- bidu tal-Knisja Għalhekk l-isqfijiet, flimkien ma' dawk li jgħinuhom, saċerdoti u djakni, irċevew il-ministeru tal-komunità; huma jippresjiedu flok Alla fuq il-merħla li tagħha huma rgħajja, bħal għalliema tad-duttrina, saċerdoti tal-kult imqaddes u minisri fit-tmexxija. Għalhekk, kif jibqa' jgħodd l-inkarigu mogħti mill-Mulej b'mod speċjali lil Pietru, l-ewwel fost l-Appostli,u li kellu jgħadi lis-suċċessuri tiegħu, hekk jibqa' jgħodd ukoll l-inkarigu mogħti lill-Appostli li jirgħu l-Knisja u li jibqa' jkun eżerċitat mingħajr waqfien mill-ordni mqaddes ta' l-isqfijiet. L-isqfijiet, b'istituzzjoni divina, huma suċċessuri ta' l-Appostli bħala rgħajja tal-Knisja, li min jisma' lilhom jisma' lil Kristu.

 

Huwa qabel xejn permezz tal-ministeru għoli tagħhom li huwa jxandar il-kelma ta' Alla lill-ġnus kollha u jamministra l-ħin kollu s-sagramenti tal-fidi lil dawk li jemmnu; permezz ta' l-uffiċċju tagħhom ta' missirijiet huwa jgħaqqad, bi twelid soprannaturali ġdid, membri ġodda fil-ġisem tiegħu; u fl-aħħarnett, bl-għerf u bil-prudenza tagħhom, huwa jmexxi u jiddirieġi l-poplu tat-Testment il-Ġdid fil- mixja tiegħu lejn l-hena ta' dejjem. Dawn ir-rgħajja, magħżulin biex jirgħu l-merħla tal-Mulej, huma ministri ta' Kristu u amministraturi tal-misteri ta' Alla li lilhom kienet fdata x-xhieda tal-Evanġelju tal-grazzja ta' Alla u l-ministeru mdawwal bil-glorja ta' l-Ispirtu u l-ġustifikazzjoni .

 

Biex jaqdu dmirijiet hekk għolja, l-Appostli kienu mogħnija minn Kristu b'effużjoni speċjali ta' l-Ispirtu s-Santu li niżel fuqhom. Huma stess, bit-tqegħid ta' l-idejn, għaddew dan id-don spiritwali lill- kollaboraturi tagħhom, u baqa' jgħaddi sa żmienna bil-kosagrazzjoni episkopali. il-Konċilju Mqaddes igħallem għalhekk illi bil-konsagrazzjoni episkopali tingħata l-milja tas-sagrament ta' l-Ordni li mingħajr dubju l-konswetudni liturġika tal-Knisja u l-kitba tas-Santi Padri jsejħu l-ogħla saċerdozju u l-quċċata tal-ministeru mqaddes.

 

Iżda l-Kulleġġ jew korp ta' l-isqfijiet m'għandux awtorità jekk mhux maħsub bħala korp marbut ma' l-Isqof ta' Ruma, suċċessur ta' Pietru, bħala ras tiegħu, li jibqagħlu sħiħ il-primat fuq kulħadd, kemm rgħajja kemm fidili. Infatti l-Papa, minħabba l-uffiċċju tiegħu ta' Vigarju ta' Kristu u ragħaj tal-Knisja kollha, għandu fuq il-Knisja s-setgħa sħiħa, l-iżjed għolja u universali li hu jista' jeżerċita l-ħin kollu bil-libertà kollha. L-Isqof ta' Ruma, bħala suċċessur ta' Pietru, huwa l-prinċipju perpetwu u viżibbli tal-unità bejn l-isqfijiet u tal-ġemgħa tal-fidili u wkoll il-fundament tagħha.

 

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallimna li Il-Knisja hi appostolika għax imwaqqfa fuq l-Appostli, u dan fi tliet aspetti:

 

 --- hi twaqqfet u għada mwaqqfa “fuq il-pedament ta’ l-Appostli” xiehda magħżula u mibgħuta b’missjoni minn Kristu nnifsu

 --- tħares u twassal bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jgħammar fiha, it-tagħlim, it-teżor sabiħ, il-kliem qaddis li ġie fdat lill-Appostli);

 --- tkompli tiġi mgħallma, mqaddsa u mmexxija mill-Appostli, sa meta jerġa’ jiġi Kristu, permezz tas-suċċessuri tagħhom fil-ħidma pastorali: il-kulleġġ ta’ l-isqfijiet “bl-għajnuna tas-saċerdoti, f’għaqda mas-suċċessur ta’ San Pietru, ir-ragħaj il-kbir tal-Knisja”.

Ġesù hu l-mibgħut tal-Missier. Mill-bidu tal-ministeru tiegħu “sejjaħ ħdejh lil dawk li ried, u għażel Tnax biex jibqgħu miegħu u jibgħathom jippridkaw”. Minn dak in-nhar ‘il quddiem kienu “mibgħuta” (dan tfisser il-kelma Griega “apostoloi”). Fihom Ġesù kompla l-missjoni tiegħu: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Il-ministeru tagħhom għalhekk ikompli l-missjoni ta’ Kristu: “min jilqa’ lilkom, ikun jilqa’ lili” qal Ġesù lit-Tnax.

Ġesù sieħeb l-Appostli fil-missjoni li rċieva minn għand il-Missier: kif “l-Iben ebda ħaġa ma jista’ jagħmel minn rajh”, imma jirċievi kollox minn għand il-Missier li bagħtu, hekk dawk li Ġesù jibgħat ma jistgħu jagħmlu xejn mingħajr Dak li minn għandu rċevew il-mandat tal-missjoni u s-setgħa li jagħmluh. L-Appostli ta’ Kristu mela jafu li ġew magħżula minn Alla bħala “ministri tal-Patt il-Ġdid”, “ministri ta’ Alla” “ambaxxaturi ta’ Kristu”, “ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla”.

Fl-uffiċċju tal-Appostli hemm aspett li ma jistax ikun imgħoddi lil dawk li jiġu warajhom, l-aspett li huma xhieda magħżula tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu u pedamenti tal-Knisja. Iżda hemm ukoll aspett permanenti tal-uffiċċju tagħhom. Kristu wegħedhom li jibqa’ magħhom sa l-aħħar taż-żmien. “Il-missjoni divina li Kristu ried jafda lill-Appostli għandha tibqa’ sa l-aħħar taż-żminijet, għax l-Evanġelju li kellhom ixandru hu l-prinċipju tal-ħajja tal-Knisja għalkemm itulu ż-żminijiet. Għalhekk l-Appostli ħadu ħsieb li jkollhom is-suċċessuri tagħhom”.

Biex il-missjoni fdata lilhom setgħet tkompli wara mewthom, l-Appostli taw mandat, qisu b’testment, lill-kooperaturi l-aktar qrib tagħhom, biex ikomplu l-ħidma tagħhom u jsaħħu l-opra li huma kienu bdew, u ħeġġuhom biex jieħdu ħsieb il-merħla li fuqha qegħedhom l-Ispirtu s-Santu biex jirgħu l-Knisja ta’ Alla. Għamlu mela dawn in-nies u riduhom li wara mewthom jagħżlu nies oħra mħarrġin ħa jkomplu l-ministeru tagħhom.

Hekk ukoll l-uffiċċju fdat personalment mill-Mulej lil San Pietru, l-ewwel fost l-Appostli kellu jgħaddi lis-suċċessuri tiegħu, għax hu uffiċċju li jibqa’, kif hu wkoll uffiċċju li jibqa’ dak mogħti lill-Appostli li jkunu ragħajja tal-Knisja, uffiċċju li l-Ordni tal-episkopat jiżgura li jibqa’ dejjem.” Hu għalhekk li l-Knisja tgħallem li l-isqfijiet, bir-rieda ta’ Kristu, huma suċċessuri ta’ l-Appostli bħala ragħajja tal-Knisja, hekk li, min jisma’ lilhom ikun jisma’ lil Kristu, u min iwarrab lilhom ikun iwarrab lil Kristu u lil dak li bagħat Kristu.

 

QADDISA

Il-Mulej Ġesu', għalliem u mudell divin ta' kull perfezzjoni, lid-dixxipli kollha, u lil kull wieħed minnhom, kienet x'kienet il-kondizzjoni tagħhom, ippridkalhom il-qdusija tal-ħajja li tagħha hu stess huwa l-awtur u dak li jipperfezzjonaha "kunu mela perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smiewwiet". Infatti huwa bagħat fuq kulħadd l-Ispirtu s-Santu li jmexxihom b'qawwa ġewwinija biex iħobbu lil Alla b'qalbhom kollha, b'ruħhom kollha, b'moħħhom kollu u bil-qawwa tagħhom kollha, u biex iħobbu lil xulxin kif Kristu ħabba lilhom. Dawk li jimxu wara Kristu, msejħin minn Alla u iġġustifikati f'Ġesu' Kristu mhux b'xi ħidma tagħhom iżda skond il-pjan ta' Alla u bil-grazzja tiegħu, bil-magħmudija tal-fidi saru tassew ulied Alla u jagħmlu sehem min-natura tiegħu. B'hekk huma saru tassew qaddisin.

 

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallimna li “Il-Knisja … għal għajnejn tal-fidi hi qaddisa u bla tebgħa. Kristu, l-Iben ta’ Alla, li flimkien mal-Missier u ma’ l-Ispirtu, hu “waħdu qaddis”, ħabb il-Knisja bħala l-għarusa tiegħu, u ta lilu nnifsu għaliha biex iqaddisha, u għaqqadha miegħu bħala Ġismu, u mlieha bid-don ta’ l-Ispirtu s-Santu għall-glorja ta’ Alla”. Il-Knisja mela hi “l-Poplu qaddis ta’ Alla” u l-membri tagħha jissejħu “qaddisin”Il-Knisja, magħquda ma’ Kristu, hi mqaddsa minnu; bih u fih hi tqad-des ukoll. “L-għemil kollu tal-Knisja għandu bħala għan il-qdusija tal-bnedmin fi Kristu u l-glorifikazzjoni ta’ Alla”. Hi fil-Knisja li tinsab “il-milja tal-mezzi kollha tas-salvazzjoni”. Fiha “aħna niksbu l-qdusija bil-grazzja ta’ Alla”.

 

“Il-Knisja fuq l-art hi mżejna bi qdusija tassew, għalkemm mhux perfetta”. Fil-membri tagħha, il-qdusija perfetta għad trid tinkiseb. “Mogħnijin b’tant u tant mezzi ta’ salvazzjoni, dawk kollha li jemmnu fi Kristu, ta’ kull qagħda u kull kondizzjoni, kull wieħed skond is-sejħa tiegħu, huma msejħin għal dik il-perfezzjoni ta’ qdusija li biha l-Missier innifsu hu perfett”.

 

“Waqt li Kristu hu qaddis, innoċenti, safi, li ma jafx x’inhu dnub, iżda ġie biex ipatti għad-dnubiet tal-poplu, il-Knisja li fi ħdanha tħaddan il-midinbin hi fl-istess ħin qaddisa imma trid dejjem tissaffa, billi bla heda tiġġedded u tagħmel penitenza”. Il-membri kollha tal-Knisja, il-ministri tagħha wkoll, iridu jagħrfu li huma midinbin. F’kulħadd, is-sikrana tad-dnub hi mħallta mal-qamħ tajjeb ta’ l-Evanġelju sa l-aħħar taż-żminijiet. Il-Knisja għalhekk tiġbor flimkien lill-midinbin salvati minn Kristu, iżda li għadhom dejjem mexjin fit-triq tal-qdusija.

 

Ara wkoll ...

▪  Sensiela ta' 137 katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja (1991 - 1995)