X'NHIJA L-LITURĠIJA?

 

a. Il-Knisja bħala komunita’ li tagħti qima

b. Jum il-Mulej

c. Is-sena liturġika

 

 

X’inhi l-Liturġija

Il-Liturġija hi “għemil” ta’ Kristu sħiħ. Il-Knisja, bħala l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu kollha kemm hi, tagħti qima lill-Missier Alla magħquda mar-Ras tagħha li hu l-Mulej Ġesù  Dawk li jiċċelebrawha ġa qed jiċċelebraw, ’l hemm mis-sinjali, il-Liturġija tas-sema, fejn iċ-ċelebrazzjoni hi kollha kemm hi għaqda u festa.

 

L-Apokalissi ta’ San Ġwann, li naqraw fil-Liturġija tal-Knisja, l-ewwel jurina kif bil-liturġija aħna nissieħbu fil-liturġija tas-sema. Jurina t- “tron imwaqqaf fis-sema u wieħed bil-qiegħda fuq it-tron” , “il-Mulej Alla”. Imbagħad jurina il-Ħaruf “bħallikieku kien maqtul”: Kristu msallab u rxoxt, li hu waħdu l-Qassis il-Kbir u s-santwarju veru; Hu dak stess “li joffri u jiġi offrut, li jagħti u jingħata”. U fl-aħħarnett jurina “x-xmara ta’ l-ilma tal-ħajja, tgelgel mit-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf”, wieħed mill-isbaħ simboli ta’ l-Ispirtu s-Santu.

 

“Imġeddin” fi Kristu u mseħbin fis-servizz ta’ tifħir lil Alla u fis-sħuħija tal-pjan tiegħu, hemm is-Setgħat tas-sema, il-ħolqien kollu (l-erba’ Ħlejjaq Ħajjin), il-qaddejja tal-Patt il-Qadim u l-Patt il-Ġdid (l-erbgha u għoxrin Xih), il-Poplu ġdid ta’ Alla (il-mija u erbgħa u erbgħin elf): ’mod partikulari, il-martri “li kienu   qatluhom minħabba l-Kelma”, u l-Omm qaddisa ta’ Alla; l-Għarusa tal-Ħaruf: u fl-aħħar “kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien” .

Hi f’din il-Liturġija ta’ dejjem li l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja jseħbuna, meta niċċelebraw il-Misteru tas-salvazzjoni fis-sagramenti.

 

Hija l-komunità kollha, il-Ġisem ta’ Kristu flimkien mar-Ras tiegħu, li tiċċelebra. “Kull għemil liturġiku m’huwiex xi għemil privat, imma hu ċelebrazzjoni tal-Knisja, li hi ‘sagrament ta’ l-għaqda’, jiġifieri tal-poplu qaddis ta’ Alla miġbur u organizzat taħt it-tmexxija ta’ l-isqfijiet. Hu għalhekk li l-għemil kollu tal-Liturġija hu għemil il-Ġisem tal-Knisja kollu kemm hu; iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi juru x’inhu l-Ġisem tal-Knisja u jimpenjawh; il-membri kollha tal-Ġisem tal-Knisja, b’mod jew ieħor, jintlaħqu minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, skont l-ordni jew l-uffiċċji li jkollhom u skont il-mod kif jissieħbu fihom”. Għalhekk “kull darba li dawn ir-riti, skont in-natura proprja ta’ kull rit, jitolbu li jkunu ċelebrazzjoni komunitarja, jiġifieri bit-tisħib ħaj u attiv tal-fidili, għandha ssir insistenza biex, sa fejn jista’ jkun, ċelebrazzjoni komunitarja tiġi preferita għal ċelebrazzjoni individwali u privata”.

 

Il-ġemgħa li tiċċelebra hi l-komunità ta’ l-insara li bit-“twelid ġdid u d-dilka ta’ l-Ispirtu s-Santu ġew ikkonsagrati f’dar spiritwali u saċerdozju qaddis biex joffru bħala sagrifiċċju spiritwali l-għemejjel kollha ta’ l-insara”. Dan “is-saċerdozju komuni ta’ kulħadd hu s-saċerdozju ta’ Kristu, li hu waħdu l-Qassis, saċerdozju li fih għandhom sehem il-membri kollha tiegħu. Bil-Magħmudija aħna sirna membri tal-Knisja u għalhekk nipparteċipaw f’din il-qima li l-Knisja kolllha tagħti lil Alla.

 

Ommna l-Knisja tixtieq ħafna li l-fidili kollha jaslu għal dan it-tisħib sħiħ u attiv f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u jħossuh; tisħib mitlub mill-istess natura tal-Liturġija u li, minħabba l-Magħmudija, hu dritt u dmir tal-poplu nisrani, li hu “ġens maħtur, saċerdozju regali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih” kif isejjaħlu San Pietru.

 

Iżda “mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol”. Xi membri huma msejħin minn Alla, fil-Knisja u permezz tal-Knisja, għall-qadi speċjali fi ħdan il-komunità. Dawn il-qaddejja jintgħażlu u jiġu kkonsagrati permezz tas-sagrament ta’ l-Ordni Sagri li bih l-Ispirtu s-Santu jagħtihom il-ħila li dak li jagħmlu jagħmluh fil-Persuna ta’ Kristu r-Ras, biex jaqdu l-membri kollha tal-Knisja. Il-ministru ordnat hu qisu xbiha ta’ Kristu Saċerdot. U għaliex is-sagrament tal-Knisja l-aktar li jidher hu fl-Ewkaristija, hu waqt li qiegħed jippresiedi l-Ewkaristija li l-aktar jidher il-ministeru ta’ l-Isqof, u f’xirka miegħu, dak tas-saċerdoti u tad-djakni.

 

Għall-qadi ta’ l-uffiċċji tas-saċerdozju tal-fidili, hemm imbagħad ministeri partikulari oħra, li ma jiġux ikkonsagrati permezz tas-sagrament ta’ l-Ordni Sagri, u li l-uffiċċju tagħhom hu determinat mill-isqfijiet skont it-tradizzjonijiet liturġiċi u l-ħtiġiet pastorali. “Il-ministranti, il-letturi, il-kommentaturi u dawk li jagħmlu parti mll-kor  jaqdu ministeru li hu tassew liturġiku.

 

Għalhekk f’kull ċelebrazzjoni tas-sagramenti, il-ġemgħa kollha hi l-“liturġika”, (iċ-ċelebrant), kull wieħed skont l-uffiċċju li jkollu, imma dejjem fl-“għaqda ta’ l-Ispirtu”, li jaħdem f’kulħadd. “Fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kull wieħed, ministru jew fidil, huwa u jaqdi l-uffiċċju tiegħu, għandu jagħmel dak biss u dak kollu li hu proprju tiegħu, skont xi jkun qiegħed jagħmel u skont ir-regoli tal-Liturġija”.

 

Għalhekk, aħna llkoll nkunu qegħdin niċċelebraw il-liturġija bħala l-Poplu saċerdotali li Kristu kiseb għalih. Kull membru għandu l-post tiegħu; hekk fl-ewwel post hemm is-saċerdot li jipresiedi f’isem Kristu u kull wieħed u waħda minna skont l-uffiċju jew ħidma li għandhom fil-Knisja.

 

Ċelebrazzjoni liturġika tintiseġ b’ħafna sinjali u simboli. Skont il-mod kif Alla jgħallimna ħa niksbu s-salvazzjoni, it-tifsir ta’ dawn is-sinjali u ta’ dawn is-simboli għandu l-għeruq tiegħu fil-ħolqien u fil-kultura tal-bniedem, għandna ħjiel tiegħu fil-ġrajjiet tal-Patt il-Qadim, u jidher sħiħ fil-persuna u l-ħidma ta’ Kristu.

 

Sinjali mid-dinja tal-bnedmin. Is-sinjali u s-simboli għandhom importanza kbira fil-ħajja tal-bniedem. Għaliex il-bniedem għandu ġisem u ruħ għalhekk hu spiritwali u korporali fl-istess ħin, ifisser u jagħraf il-veritajiet spiritwali permezz ta’ sinjali u simboli materjali. Għaliex il-bniedem min-natura tiegħu jrid jgħix ma’ bnedmin oħra (hu soċjevoli) jeħtieġlu sinjali u simboli biex ikun jista’ jikkomunika ma’ l-oħrajn, permezz ta’ kliem, permezz ta’ ġesti, permezz ta’ għemil; u ngħidu l-istess ħaġa dwar ir-relazzjonijiet ma’ Alla.

 

Alla jkellem lill-bniedem permezz tal-ħlejjaq li jidhru. Fl-univers materjali, l-intelliġenza tal-bniedem tista’ tara s-sinjali tal-Ħallieq. Il-lejl u n-nhar, ir-riħ u n-nar, l-ilma u l-art, s-siġra u l-frott tagħha kollha jitkellmu fuq Alla, u huma simboli tal-kobor tiegħu u fl-istess ħin juru wkoll li hu qrib il-bnedmin.

 

Dawn il-ħlejjaq, għax nagħrfuhom bis-sensi tagħna, jistgħu jfissru kemm il-ħidma ta’ Alla li jqaddes il-bnedmin u kemm il-ħidma tal-bnedmin li jagħtu l-qima tagħhom lil Alla. Ngħidu l-istess ħaġa dwar is-simboli u s-sinjali tal-ħajja soċjali tal-bnedmin: il-ħasil u d-dlik, il-qsim tal-ħobż u x-xorb flimkien jistgħu jfissru l-preżenza ta’ Alla li jqaddes u l-ħajr tal-bniedem ghal Dak li ħalqu.

 

Ir-reliġjonijiet kbar tal-bniedem huma xhieda, spiss b’mod li tassew timpressjona, ta’ dan is-sens kosmiku u simboliku tar-riti reliġjużi. Il-Liturġija tal-Knisja taċċetta, tagħmel tagħha u tqaddes xi elementi tal-ħolqien u tal-kultura tal-bniedem u tagħtihom id-dinjità li jkunu sinjali tal-grazzja, tal-ħolqien ġdid f’Ġesù Kristu.

 

Sinjali tal-Patt. Il-poplu magħżul minn Alla rċieva minn għandu sinjali u simboli magħżulin li ddeterminaw il-ħajja liturġika tiegħu: m’humiex aktar ċelebrazzjonijiet biss ta’ ċikli kosmiċi u ta’ ġesti soċjali, imma huma ukoll sinjali tal-Patt, sinjali ta’ l-għeġubijiet kbar li Alla għamel ghall-poplu tiegħu. Fost dawn is-sinjali liturġiċi tal-Patt il-Qadim nistgħu nsemmu ċ-ċirkonċizjoni, l-unzjoni u l-konsagrazzjoni tas-slaten u s-saċerdoti, it-tqegħid ta’ l-idejn, is-sagrifiċċji u fuq kollox l-Għid. Il-Knisja f’dawn is-sinjali tara tħabbira tas-sagramenti tal-Patt il-Ġdid.

 

Sinjali li ttieħdu minn Kristu. Kristu, fil-predikazzjoni tiegħu, spiss għamel użu minn sinjali li ħa mill-ħolqien biex jgħarraf il-misteri tas-Saltna ta’ Alla. Ta l-fejqan jew wettaq kliemu permezz ta’ sinjali materjali jew permezz ta’ ġesti simboliċi bħal tqegħid tal-idejn, nefaħ fi mnifsejn, dilek għajnejn l-għama eċċ. Ta tifsir ġdid lill-fatti u lis-sinjali tal-Patt il-Qadim, l-aktar ta’ l-Eżodu u ta’ l-Għid għax hu nnifsu hu t-tifsir ta’ dawn is-sinjali kollha.

 

Sinjali sagramentali. Wara Għid il-Ħamsin, hu permezz tas-sinjali sagramentali tal-Knisja tiegħu, li l-Ispirtu s-Santu jqaddes. Is-sagramenti tal-Knisja ma neħħewx, imma saffew u għamlu tagħhom l-għana kollu tas-sinjali u tas-simboli tal-ħolqien u tal-ħajja soċjali. Barra dan, wasslu għat-tmiem tagħhom it-tipi u x-xbihat tal-Patt il-Qadim, ifissru u jagħtu s-salvazzjoni li kiseb Kristu, u jħabbru u jantiċipaw il-glorja tas-sema.

 

Ċelebrazzjoni sagramentali hi laqgħa ta’ wlied Alla ma’ Missierhom, fi Kristu u l-Ispirtu s-Santu, u din il-laqgħa turi ruħha qisha djalogu permezz ta’ għemil u ta’ kliem. Veru li l-azzjonijiet simboliċi fihom infushom huma ġa lingwaġġ, imma hu meħtieġ li l-Kelma ta’ Alla u t-tweġiba għaliha bil-fidi jissieħbu u jagħtu l-ħajja lil dawn l-azzjonijiet, biex iż-żerriegħa tas-Saltna tinbet u tagħti frott għax issib art tajba. Kull azzjoni liturġika tfisser dak li tgħid il-Kelma ta’ Alla, jiġifieri l-inizjattiva ħielsa ta’ Alla flimkien mat-tweġiba bil-fidi tal-poplu tiegħu.

 

Il-Liturġija tal-Kelma hija parti integranti taċ-ċelebrazzjonijiet sagramentali. Biex imantnu l-fidi ta’ l-insara s-sinjali tal-Kelma ta’ Alla jridu juru s-siwi tagħhom: Il-Ktieb tal-Kelma (lezzjonarju jew evanġeljarju), il-venerazzjoni li tintwera għalih (purċissjoni, inċens, dwal), il-post tat-tħabbira tal-Kelma (ambone), il-qari b’mod li l-Kelma tinstema’ u tiftieħem, l-omelija tal-ministru li tkompli t-tħabbira, it-tweġib tal-ġemgħa (akklamazzjonijiet, salm responsorjali, litaniji, stqarrija tal-fidi...)

 

Il-kelma u l-azzjoni liturġika, li bħala sinjali u tagħlim ma’ jistgħux jin­firdu minn xulxin, ikunu tassew dan meta jagħmlu dak li jfissru. L-Ispirtu s-Santu ma jagħtix biss li nifhmu l-Kelma ta’ Alla biex iqajjem fina l-fidi; permezz tas-sagramenti jagħmel ukoll li jseħħu “l-għeġubijiet” ta’ Alla mħabbrin mill-Kelma: iġibilna u jagħtina l-opra tal-Missier li seħħet permezz ta’ Ibnu l-maħbub.

 

“It-tradizzjoni mużikali tal-Knisja universali ħolqot teżor ta’ siwi bla qjies li hu aqwa minn kull espressjoni oħra ta’ l-arti, l-aktar għaliex il-kant sagru marbut mal-kliem, hu parti meħtieġa u sħiħa tal-Liturġija solenni”. Il-kompożizzjoni u l-kant tas-Salmi ispirati, spiss akkumpanjati mid-daqq ta’ l-istrumenti tal-mużika, kellhom ġa rabta mill-aqwa maċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Patt il-Qadim. Il-Knisja kompliet tiżviluppa din it-tradizzjoni: San Pawl ħeġġeġ l-ewwel insara “Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej”. Santu Wistin jikteb li “Min ikanta jkun jitlob darbtejn”.

 

Il-kant u l-mużika jaqdu l-uffiċċju tagħhom ta’ sinjali b’mod li jfisser ħafna, l-aktar għaliex għandhom “rabta aktar qawwija ma’ l-azzjoni liturġika” minħabba tliet kriterji prinċipali: il-ġmiel espressiv tat-talb, it-tisħib tal-ġemgħa kollha flimkien meta jkun il-waqt, u s-solennità taċ-ċelebrazzjoni. B’hekk il-kant u l-mużika jissieħbu mal-ħsieb tal-kliem u ta’ l-azzjoni liturġika: il-glorja ta’ Alla u l-qdusija ta’ l-insara.

Jum il-Mulej

 

“Ommna l-Knisja Mqaddsa tħoss li huwa dmir tagħha li tiċċelebra l-opra tas-salvazzjoni li għamel l-Għarus tagħha b’tifkira mqaddsa, f’ċerti ġranet tul sena sħiħa. Kull ġimgħa, nhar ta’ Ħadd, li l-Knisja ssejjaħlu Jum il-Mulej, hi tfakkar il-Qawmien tal-Mulej mill-imwiet, ġrajja li tfakkar ukoll flimkien mal-Passjoni mqaddsa tiegħu darba fis-sena bis-solennità kollha, fl-Għid il-Kbir tal-Mulej. Tqassam matul is-sena kollha l-Misteru kollu ta’ Kristu... Hija u tiċċelebra b’dan il-mod il-misteri tal-Fidwa, tiftaħ għall-fidili kollha l-għana tal-virtujiet u tal-merti ta’ Sidha, b’mod li matul iż-żminijiet kollha tagħmilhomlhom preżenti biex huma jiltaqgħu magħhom u jimtlew bil-grazzja tas-salvazzjoni”.

 

Il-poplu ta’ Alla, sa minn żmien il-liġi ta’ Mosè, kien jaf b’solennitajiet fissi, ibda mill-Għid, solennitajiet biex jiġu mfakkra l-għemejjel ta’ l-għaġeb ta’ Alla s-Salvatur, biex jintraddlu ħajr, biex tibqa’ ħajja t-tifkira tagħhom u jkunu jafu bihom il-ġenerazzjonijiet ġodda ħa jfasslu fuqhom l-imġiba tagħhom. Fi żmien il-Knisja, żmien li jiġi bejn l-Għid ta’ Kristu li ġa seħħ darba għal dejjem u ż-żmien li fih is-Saltna ta’ Alla tilħaq il-milja tagħha, il-Liturġija ċċelebrata fi ġranet fissi, hi kollha kemm hi mimlija bil-Ħaġa l-ġdida li hi l-Misteru ta’ Kristu.

 

Il-Knisja, hija u tiċċelebra l-Misteru ta’ Kristu, fit-talb tagħha spiss ittenni: Illum, bi tweġiba għat-talba li għallimha Sidha u għas-sejħa ta’ l-Ispirtu s-Santu . Hu “illum” ta’ Alla l-ħaj li fih il-bniedem hu msejjaħ biex jidħol fis-“Siegħa” ta’ l-Għid ta’ Ġesù li tidħol fl-istorja u hi l-qofol tagħha:

 

“Il-Knisja tiċċelebra kull tmint ijiem, il-Misteru ta’ l-Għid, skont tradizzjoni minn żmien l-Appostli, tradizzjoni li bdiet mill-jum stess tal-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet: bir-raġun kollu dan il-jum jissejjaħ Jum il-Mulej, il-Ħadd”. Jum il-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, hu fl-istess ħin “l-ewwel jum tal-ġimgħa”, tifkira ta’ l-ewwel jum tal-ħolqien, u t-“tmien jum” li fih Kristu, wara l-“mistrieħ” tiegħu tas-Sibt il-Kbir, ta bidu għall-Jum “li għamel il-Mulej”. “L-ikla tal-Mulej” hi ċ-ċentru ta’ dan il-Jum, għax hu f’din l-ikla li l-komunità kollha tal-fidili tiltaqa’ mal-Mulej li qam mill-imwiet, u li jistedinha għall-ikla tiegħu .

 

Il-Ħadd hu l-jum proprju tal-ġemgħa liturġika, meta l-insara jinġabru “ħa jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fl-Ewkaristija, u jagħmlu t-tifkira tal-Passjoni, tal-Qawmien mill-imwiet u tal-glorja tal-Mulej Ġesù, huma u jroddu ħajr lil Alla li tahom twelid ġdid għal tama ħajja permezz tal-Qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet”.

 

Iż-żmien il-ġdid tal-Qawmien mill-imwiet jimla s-sena liturġika kollha bid-dija tiegħu, u jibda mit-Tlett ijiem imqaddsa ta’ l-Għid,. Hi verament “is-sena tal-grazzja tal-Mulej” . Il-pjan tas-salvazzjoni qiegħed jaħdem fi ħdan iż-żmien, iżda minn meta l-pjan seħħ bl-Għid ta’ Ġesù u bil-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu, it-tmiem ta’ l-istorja hu antiċipat, “l-hena tiegħu qed jinħass minn qabel”, is-Saltna ta’ Alla daħlet fiż-żmien tagħna.

 

Għalhekk l-Għid m’huwiex biss festa waħda fost oħrajn: hu l-“Festa tal-festi kollha” “is-Solennità tas-solennitajiet kollha”, kif l-Ewkaristija hi s-Sagrament tas-sagramenti kollha (is-Sagrament il-Kbir). San Atanasju jsejjaħ Jum il-Għid il-“Ħadd il-Kbir”,[ kif il-Ġimgħa mqaddsa fil-Lvant hi mseħa “il-Ġimgħa l-Kbira” (kif ngħidu aħna l-Maltin wkoll). Il-Misteru tal-Qawmien mill-imwiet, li fih Kristu ħassar il-mewt, jimla ż-żmien il-qadim tagħna bil-qawwa setgħana tiegħu, sakemm iġib kollox taħtu.

 

Fil-Konċilju ta’ Nicea (sena 325) il-Knejjes kollha qablu bejniethom biex l-Għid nisrani jiċċelebrawh il-Ħadd li jaħbat wara l-qamar kwinta (14 ta’ Nisan) li jiġi wara l-bidu tar-rebbiegħa. Minħabba l-metodi differenti użati biex jiġi kalkulat l-14 ta’ Nisan, il-Għid il-Kbir mhux dejjem jaħbat fl-istess jum fil-lvant u l-punent. Għalhekk il-Knejjes tal-lvant u tal-punent illum qegħdin ifittxu li jilħqu ftehim bejniethom biex jibdew mill-ġdid jiċċelebraw il-festa ta’ Għid il-Kbir fl-istess jum.

Is-sena liturġika tiżviluppa aspetti diversi tal-misteru waħdieni ta’ l-Għid. Dan jgħodd l-aktar għaċ-ċiklu tal-festi tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni (Tħabbira tal-Mulej, Milied, Epifanija), li jfakkru l-bidu tas-salvazzjoni tagħna, u jagħtuna l-ewwel frott tal-Misteru ta’ l-Għid.

 

“Hija u tiċċelebra kull sena l-Misteru ta’ Kristu, il-Knisja mqaddsa tivvenera b’imħabba speċjali l-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Alla, li ngħaqdet ma’ Binha b’rabta li ma tinħall qatt fl-opra tiegħu ta’ salvazzjoni. F’Marija l-Knisja tammira u tfaħħar, l-ogħla frott tal-fidwa u tara fiha qisu fi xbieha l-aktar safja, dak li tixtieq u tittama li għad tkun kollha kemm hi fil-ħajja ta’ dejjem”.

 

Meta l-Knisja kull sena tagħmel it-tifkira tal-martri u tal-qaddisin l-oħra, hija tkun “ixxandar il-misteru tal-Għid” f’dawk “li batew ma’ Kristu u ġew igglorifikati flimkien miegħu, u turihom lill-insara bħala eżempji li jiġbduhom ilkoll lejn il-Missier permezz ta’ Ġesù Kristu, u titlob f’ġieħ il-merti tagħhom kull ġid mingħand Alla.