IR-RAKKONTI TAL-PASSJONI

 L-erba’ Evanġelisti jirrakkuntaw il-ġrajja tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù. Jidher li din il-parti tal-Evanġelju kienet l-aktar waħda importanti għax kienet il-qofol tal-predikazzjoni tagħhom. Bil-mewt tiegħu ‘Ġesù qered il-mewt tagħna’, ngħidu fil-prefazzju tal-Għid. Bil-mewt tiegħu Ġesù salvana u ħabbibna mill-ġdid mal-Missier biex b’hekk stajna nirċievu l-Ispirtu s-Santu. Fl-istorja kollha tas-Salvazzjoni tal-bniedem, l-istorja tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù fuq is-salib, hija ċ-ċentru li madwaru jinbena il-pjan kollu ta’ Alla. Mhux ta’ b’xejn li f’kull post tal-qima nisranija fiċ-ċentru tiegħu insibu is-salib.

 

L-ewwel predikazzjoni tal-Appostli kienet iffokata fuq il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Mid-diskors ta’ Pietru f’Pentekoste sa l-ittri kollha tat-Testment il-Ġdid, dejjem insibu l-Passjoni ta’ Ġesù, mhux biss bħala rakkont, imma aktar bħala it-twettieq tal-pjan tas-Salvazzjoni tal-bnedmin kollha. Fir-rakkont tal-Passjoni huma jaraw kif Alla wettaq dak li wiegħed fit-Testment il-Qadim. Fih huma jifhmu f’dawl ġdid il-Liġi u l-Profeti. Fir-rakkont tal-Passjoni jaraw il-għan aħħari tal-missjoni  ta’ Ġesù. Mhux ta’ b’xejn li San Ġwann jirreferu għall-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù bħala “is-siegħa tiegħu”. Mhux ta’ b’xejn li s-Sinotiċi jitkellmu kif Ġesù ħabbar lill-appostli għal tliet darbiet il-passjoni u l-mewt tiegħu. Hekk, Ġesù nnifsu jippreżenta l-Passjoni tiegħu bħala l-għan aħħari tal-ħajja, tal-predikazzjoni u tal-missjoni tiegħu. L-Evanġelisti kollha jagħmluha ċara u jemfasiżżaw li l-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù, ma kienx xi pjan ippjanat la mil-Lhud u wisq anqas mir-Rumani. Kien Ġesù nnifsu li ħabbar minn qabel kif kellu jmut u b’rieda ħielsa mar Ġerusalemm meta kien jaf x’kien qiegħed jistennih, mar fil-Ġetsemani fejn kien jaf li kienu ġejjin għalih. L-Evanġelisti juruna ċar li b’rieda ħielsa u b’rabta minn jeddu mal-pjan tal-Missier, Ġesù aċċetta l-Passjoni u l-Mewt tiegħu fuq is-salib.

 

Il-Passjoni ta’ Ġesù insibuha irrakuntata f’ San Mattew Kap 26-27, f’ San Mark 14-15, f’ San Luqa 22-23 u f’ San Ġwann 18-19.

 

F’dawn ir-rakkonti hemm ħafna qbil. Hemm xi dettalji partikulari għal kull evanġelista li huma aktar interpretazzjonijiet jew tradizzjonijiet popolari kif ser naraw.

 

Il-konfoffa tal-Lhud. Mt 26.1 ff; Mk 14. 1 ff; Lq 22.1 ff.

Is-Sinottiċi jibdew ir-rakkont tagħhom b’din il-konfoffa. F’San Ġwann din il-konfoffa insibuha qabel il-Passjoni  Ġn 11.47ff. Hawn l-Evanġelisti jgħidu li l-Lhud ftehmu li joqtluh, imma ma kellhomx pjan kif u żgur li ma riedux joqtluh fil-festa tal-Għid. Ġesù kien qiegħed jippjana mod ieħor.

 

Id-Dilka f’Betanja Mt 26.6 ff; Mk 14.3 ff;. 

F’San Luqa u f’San Ġwann din il-ġrajja insibuha qabel il-Passjoni. Lq 7.36; u Ġn 12.1.  Imma xorta f’San Ġwann, Ġesù jirreferi għad-difna tiegħu “Ħalluha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi” qalilhom. Għalhekk, għalkemm insibuha f’parti oħra tal-Evanġelju, is-sens hu l-istess.

 

It-tradiment ta’ Ġuda. Mt 26. 14ff; Mk 14.10ff; Lq 22.3 ff.

San Ġwann ma jsemmihx, issemmi biss li waqt iċ-Ċena, Ġesù jgħid lil Ġuda “Dak li għandek tagħmel għamlu u ddumx”. Hawn naraw li mhux biss Ġesù kien jaf bit-tradiment ta’ Ġuda imma inqeda bih biex iwettaq dak li ried minnu il-Missier fil-festa tal-Għid u hekk jorbot il-ġrajjiet tal-Esodu mal-ġrajja tal-Fidwa. San Mattew, li kien qiegħed jikteb għal-Lhud insara, jorbot il-ġrajja mal-profezija ta’ Zakkarija.

 

It-Tħejjija għall-Ikla tal-Għid Mt 26.17ff Mk 14.12ff Lq 22.7

San Ġwann ma jsemmihiex. Mattew ma jsemmix ir-raġel li kien iġorr il-ġarra bl-ilma.Mark u Luqa jiddeskrivu l-kamra fej saret iċ-Ċena bħala “kamra kbira, fuq”

 

Ġesù juri li Ġuda hu t-traditur Mt 26.20 ff; Mk 14.17ff; Lq 22.14ff u 22.21ff. Ġn 13.21ff.

L-Evanġelisti kollha jagħtu importanza lil dan id-dettal biex juru li kien Ġesù stess li għad li kien jaf eżatt x’kien ġej għalih aċċetta l-Passjoni minn jeddu.

 

It-Twaqqif tal-Ewkaristija Mt 26.26ff Mk 14.22ff Lq 22.15ff.

San Ġwann ma jsemmi xejn.  Imma f’Ġn 6 fid-diskors fuq il-ħobż tal-ħajja wara l-miraklu tal-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, Ġesù jħabbar it-twaqqif tal-Ewkaristija.

 

 Il-kliem tal-konsagrazzjoni tal-ħobż u l-inbid. Mt 26.26ff Mk 14.22 ff Lq 22.19ff

Mattew« Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f'idejh, qal il-barka, qasmu, newwlu lid-dixxipli u qal: "Ħudu, kulu, dan hu ġismi." Mbagħad ħa l-kalċi f'idejh, radd il-ħajr, newwlilhom il-kalċi u qal: "Ixorbu lkoll minnu,  għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.  Ngħidilkom, li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta' Missieri." »

 

Mark « Huma u jieklu, ħa l-ħobż f'idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: "Ħudu, dan hu ġismi." Mbagħad ħa kalċi f'idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: "Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta' Alla." »

 

Luqa « Mbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: "Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b'tifkira tiegħi." Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: "Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b'demmi, id-demm li jixxerred għalikom. »

 

L-argument dwar min kien l-akbar Lq 22.24ff.

San Luqa jpoġġi dan l-argument bejn l-appostli waqt iċ-Ċena. San Mattew fi 20.25ff isemmi dan l-argument barra iċ-ċena u jikkonkludi bi kliem Ġesù li “Bin il-Bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi, u jagħti ħajtu bħala fidwa għal ħafna”. San Mark ukoll isemmi din il-ġrajja barra ċ-Ċena. Mk10.42ff. San Ġwann ipoġġi din il-filosofija ta’ Ġesù li min irid jikkmanda irid ikun lest li jservi fl-istorja tal-ħasil tas-saqajn Ġn 13.3ff.

 

Iż-żewġt isjuf Lq 22.35ff.

Din il-ġrajja jagħtihielna San Luqa biss. Hawn Ġesù jirrinunzja għall-vjolenza u għal difiża. Hi referenza ċara għal dak li ħabbar Isaija 53.12.

 

It-Triq għall-Ġetsemani u t-tħabbira taċ-ċaħda ta’ Pietru. Mt 26.30 ff; Mk 14.26ff; Lq 22.39; Ġn 18.1.

L-erba’ Evanġelisti jġibu din it-tħabbira u jorbtuha mal-profeta Żakkarija 13.7.Hawn għandna dettal li qiegħed jingħata importanza mill-erba’ evanġelisti. Aktar milli hu kondanna lil Pietru, hu tħabbira dettaljata ħafna ta’ dak li kellu jiġri. Hawn huma jridu juruna li Ġesù kien jaf sa l-anqas dettal dwar x’kien ġej għalih, u b’rieda ħielsa, b’kuraġġ ta’ eroj, u b’sottomissjoni assoluta għar-rieda tal-Missier imur hu stess għall-Passjoni.

 

It-tbatija fil-Ġetsemani Mt 26.36ff, Mk 14.32ff; Lq 22.40 ff.

San Ġwann ma jagħtix din ix-xena ta’ Ġesù fil-mument l-aktar drammatiku ta’ ħajtu meta minn jeddu jaċċetta l-passjoni bħala r-rieda tal-Missier waqt li jaf eżatt kemm tbatija ser tiswielu. F’San Ġwann, Ġesù jibqa’ eroj mill-bidu sa l-aħħar. San Mark jagħtina xena ta’ umanità kbira u jagħtina deskrizzjoni tat-tbatija mentali li għadda minna Ġesù. Luqa wkoll juri din it-tbatija billi jsemmi l-għaraq tad-demm; imma f’Luqa għandna x-xena ta’ komfort mill-anġlu.  Mattew u Mark jgħaddu l-kumment li l-ispirtu jrid imma l-ġisem dgħajjef meta jsemmu kif Ġesù mar ħdejn l-appostli u sabhom reqdin. San Luqa jħalliha barra. Mattew u Mark jirreferu għas-Salm 42. San Luqa wkoll iħalli r-referenza barra.

 

L-arrest ta’ Ġesù Mt 26.47ff; Mk 14.48ff; Lq 22.47ff, Ġn 18.2ff.

Għalkemm insibuha fl-erba’ Evanġelji, s-Sinotiċi jsemmu il-bewsa ta’ Ġuda u s-suldati armati. F’San Ġwann, meta Ġuda mar mas-suldati, kien Ġesù stess li mar fuqhom. Ġesù, li kien jaf b'kull ma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom: ‘Lil min qegħdin tfittxu?’” Ġesù dejjem eroj, f’San Ġwann. Imbagħad kull Evanġelista tana dettalji partikulari. Mattew juri lil Ġesù jirrinunzja għal difiża u jsemmi li kieku ried, kien ikollu l-anġli jiddefenduh. Mark isemmi ż-żagħżugħ li resaq lejn Ġesù imleflef f’’liżar u ħarab għeri bil-biża meta qabduh mil-liżar. Luqa ma jsemmix li l-appostli ħarbu u jsemmi d-dettal li Pietru ta daqqa ta’ sejf u laqat lill-qaddej fuq widintu u Ġesù fejqu. F’San Ġwann, Ġesù jibqa’ eroj. Ikun hu li jistaqsihom, “Lil min qegħdin tfittxu” għal tliet darbiet, kull darba jwieġeb bis-sentenza qawwija Biblika, “Jiena hu” u kull darba s-suldati jaqgħu għal daharhom quddiemu. Ikun hu stess li jikkmandahom, “La qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru”.

 

Ġesù quddiem is-Sinedriju u ċ-ċaħda ta’ Pietru Mt 26.57ff Mk14.53ff; Lq 22.54ff; Ġn 18.13ff 

Mattew u Mark jgħidu li nġabru l-kittieba, x-xjuħ, il-qassisin u s-Sinedriju. Isemmi xhieda foloz li ma ftehmux. Imbagħad tnejn qalu li semgħuh jgħid li jħott it-tempju. Wara li Ġesù wieġeb għal mistoqsija dwar min kien, Kajfa ċarrat ħwejġu. Wara lil Ġesù ikkundannawh għall-mewt u qagħdu jżebilħuh.  F’Luqa, iż-żeblieħ sar qabel ma deher quddiem is-Sinedriju. Dwar il-mistoqsija ta’ Kajfa, Mattew u Mark  ipoġġu fuq fomm Kajfa mistoqsija waħda li fiha jistaqsi lil Ġesù jekk hux il-Messija, l-Iben ta’ Alla. San Luqa jifred il-mistoqsija fi tnejn biex b’hekk jenfazizza li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla. It-tlieta jirreferu għall-profeta Danjel 7.13. F’San Ġwann, Ġesù jidher l-ewwel quddiem Anna. Quddiem Anna, Ġesù jwieġeb li m’għandux għalfejn iwieġeb għax kulma qal u għamel għamlu fil-publiku. Hawn jaqla’ daqqa ta’ ħarta u Ġesù jwieġeb li jekk żbalja jgħidlu fejn imma jekk ma żbaljax m’għandux għalfejn jerfa’ idejh fuqu. Ġesù jibqa’ l-eroj. San Ġwann isemmi li Anna bagħat lil Ġesù għand Kajfa, imma ma jsemmi xejn dwar x’għadda minnu quddiem Kajfa.

 

Dwar iċ-ċaħda ta’ Pietru l-erba’ Evanġelisti jsemmu it-tliet ċaħdiet ta’ Pietru. San Luqa jgħid li għaddiet xi siegħa bejn it-tieni u t-tielet ċaħda. Mark, Luqa u Ġwanni jiktbu li Pietru mar hemm biex jisħon ħdejn in-nar. Kollha jaqblu li kienet il-qaddejja li għarfet lil Pietru. F’ Mattew l-ewwel ċaħda kienet quddiem qaddejja li għarfitu u t-tieni kienet quddiem qaddejja oħra. F’Mark is-serduk idden l-ewwel darba wara l-ewwel ċaħda. F’ Luqa, it-tieni ċaħda kienet meta qaddej għarfu lil Pietru. Fi Ġwanni, l-ewwel ċaħda saret mal-purtinara tal-bieb, hu u dieħel ma’ Ġwanni.. It-tieni saret  meta dawk li kienu għas-sħana għarfuh, u t-yielet meta għarfy wieħed li kien jiġi minn Malku, dak li Pietru kien qatagħlu widintu l-leminija fil-Ġetsemani.

 

Kajfa jibgħat lil Ġesù għand Pilatu. Mt 27.1ff; Mk 15.1ff; Lq 23.1ff; Ġn 18.28.

L-erba’ Evanġelisti jaqblu li Kajfa bagħat lil Ġesù għand Pilatu. Hekk il-kundanna għas-salib ingħatat mir-Rumani u mhux mil-Lhud.

 

Il-mewt ta’ Ġuda. Mt 27.3ff

San Mattew biss jinkludi din l-istorja mar-rakkont tal-Passjoni. San Luqa jsemmi din il-ġrajja fl-Atti ta’ l-Appostli. Mattew jagħmel referenza għall-Profeta Ġeremija.

 

Quddiem Pilatu  Mt 27.15 ff; Mk 15.2; Lq 23.2ff Ġn 18.29ff.

Luqa u Ġwanni jagħtuna l-akkuża tal-lhud quddiem Pilatu. F’Luqa, l-Lhud jgħidu li Ġesù xewwex biex ma jħallsux it-taxxi. Fi Ġwanni li għamel il-ħażin.

L-erbgħa jitkellmu fuq id-djalogu dwar is-saltna ta’ Ġesù. Id-djalogu f’San Ġwann hu ferm aktar dettaljat, fejn Ġesù, dejjem eroj, jiddikjara li s-saltna tiegħu mhix ta’ din id-dinja. Meta Pilatu jheddu li kellu s-setgħa jeħilsu jew isallbu Ġesù, avolja mbiċċer u nkurunat bix-xewk, iwieġbu li ma kien ikollu ebda setgħa fuqu kieku ma kinitx mgħotija lilu minn fuq. Ġesù jibqa’ l-eroj sa l-aħħar.

L-erba’ Evanġelisti jsemmu lil Barabba. San Mattew isejjaħlu ħabsi magħruf. San Mark ma jagħti ebda informazzjoni dwaru. San Luqa jgħid li Barabba kien inqabad joqtol waqt rewwixta. San Ġwann jiddeskrivih bħala brigant.

San Mattew jirreferi għall-messaġġ mill-mara ta’ Pilatu għall-ħasil ta’ idejh u għall-għajta tal-Lhud “Demmu fuqna u fuq uliedna”

Luqa jirreferi għal Erodi. U l-fatt li għalkemm żebilħu kemm felaħ, ma sab fih ebda ħtija.

San Ġwann isemmi li l-Lhud ma daħlux fil-Pretorju biex ma jitniġġsux.

San Luqa u San Ġwann jiktbu li Pilatu ma sab fih ebda ħtija wara li l-Lhud akkużawh li għamel lilu nnifsu sultan.

L-erbgħa jiunsistu li Pilatu ikkundannah biex jogħġob lil-Lhud.

 

Is-sentenza tal-mewt.

Luqa ma jsemmix is-swat. Ġwanni jpoġġi s-swat qabel is-sentenza tal-mewt u jirrakonta kif Pilatu ħareġ lil Ġesù quddiem il-Lhud wara li tah is-swat, f’tentattiv biex jaqta’ l-għatx tal-Lhud. Hu jelabora fuq il-pressjoni li għamlu l-Lhud fuq Pilatu biex isallbu għalkemm hu kien iddeċieda li jeħilsu. Mattew, Mark u Ġwanni jsemmu kif is-suldati rredikolaw lil Ġesù. San Luqa jħalli dan l-episodju barra.

 

Il-vjaġġ lejn il-Kalvarju Mt 27.32; Mk 15.21; Lq 23.26ff Ġn 19.17.

Is-sinottiċi jsemmu liċ-Ċirinew li għen lil Ġesù jerfa’ s-salib. San Luqa jsemmi li ltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm, u jitkellem fuq il-qerda ta’ Ġerusalemm bi kliem il-profeta Hosegħa.

 

Il-Kruċifissjoni. Mt 27.33ff, Mk 15 22ff; Lq 23.33ff Ġn 19.18 ff

Hawn għandna l-aktar xena important tal-Evanġelju. Kull Evanġelista iddeskriviha litteralment minn qalbu.

 

F’ San Mattew,

 

F’ San Mark

 

F’San Luqa

 

F’San Ġwann

 

Id-Difna ta’ Ġesù

 

F’ San Mattew.

 

F’ San Mark

 

F’ San Luqa

 

F’ San Ġwann