IL-PROBLEMA TAS-SINOTTIĊI

L-ewwel tliet Vanġeli insejħulhom sinottiċi. Dan għaliex dawn it-tliet Vanġeli huma ppreżentati b’mod li l-qarrej jinduna mill-ewwel li hemm xebħ kbir bejniethom. Il-ħajja ta’ Ġesù jirrakuntawha bejn wieħed u ieħor bl-istess pjan. Isemmu l-istess tagħlim, l-istess ġrajjiet, jikkonċentraw fuq il-ministeru tiegħu fil-Galilija, bla ma jsemmu d-drabi li żar Ġerusalemm. Mir-rakkont taħseb li l-ġrajja seħħet bejn wieħed u ieħor f’sena waħda. 

 

It-tqassim hu bejn wieħed u ieħor hekk. L-ewwel għandna il-ministeru ta’ Ġwanni l-Battista, il-magħmudija ta’ Ġesù, it-tiġrib fid-deżert. Imbagħad jibdew il-Ministeru ta’ Ġesù fil-Galilija, Wara dan insibu l-vjaġġ lejn Ġerusalemm u l-ministeru qasir hemmhekk. Wara insibu r-rakkont tal-passjoni, l-mewt u l-qawma mill-mewt. It-tlieta kitbu bi stil sempliċi u popolari, xi drabi bl-istess kliem qishom qegħdin jikkupjaw lil xulxin,

 

Dan ma jfissirx li jixxiebħu f’kollox. Mattew u Luqa jibdew bit-twelid f’Betlehem għalkemm hawn ftit li xejn jixbħu lil xulxin. Mark ma jsemmi xejn dwar it-twelid ta’ Ġesù. Hemm ħafna ġrajjiet li jirrakuntawhom it-tlieta, oħrajn tnejn minnhom u xi ġrajjiet jew dettalji li huma partikulari għal kull wieħed minnhom. L-istil hu differenti. Il-vokabularju hu differenti u s-sengħa tal-kitba hi differenti.

 

Sa mill-qedem, saru studji biex jaraw għaliex hemm daqshekk xebħ bejn dawn it-tlieta u kif żviluppaw uħud mid-diverġenzi bejniethom. Din il-problema insejħulha il-problema tas-sinottiċi.

 

L-istudjużi bibbliċi ħarġu b’għad ta’ soluzzjonijiet.

 

1 kien hemm min ikkonkluda li kull Evanġelista ħa materjal minn evanġelista li kiteb qablu. Jekk hu hekk, hu żgur li San Luqa, li kiteb l-aħħar wieħed ħa materjal minn għad ta’ sorsi oħra għax fl-Evanġelju tiegħu insibu għad ta’ rakkonti li ma nsibuhomx fit-tnejn l-oħra, bħal parabboli tas-Samaritan it-Tajjeb, l-Iben il-Ħali, id-dettal tal-ħalliel it-tajjeb u l-maħfra ta’ Ġesù lil dawk li salbuh.

 

2 Xi wħud jaaħsbu li qabel ma nkitbu l-Evanġelji, kienu nkitbu xi ġabriet ta’ rakkonti tal-ħajja ta’  Ġesù u l-ewwel tliet evanġelisti ħadu minn dawn id-dokumenti komuni għat-tlieta u żviluppaw il-vaġelu tagħhom skont it-tnebbiħ li rċevew. Din id-dokumentazzjoni pre-evanġelika, setgħet kienet imxerrda u kull Evanġelista ġabar  minnha bla ma nistgħu ngħidu li kellu aċċess għaliha kollha kemm hi. Wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, l-appostli xterdu biex iħabbru il-Bxara it-tajba ta’ Ġesù sa truf l-art. Mela din id-dokumentazzjoni setgħet twieldet u xterdet f’artijiet differenti.

 

3 Xi studjużi jeliminaw din id-dokumentazzjoni u jillimitaw ruħhom għat-tradizzjoni orali. Wara li xr=terdu mad-dinja il-kelma tal-appostli xterdet u l-evanġelisti ġabru l-informazzjoni tagħhom mit-tradizzjoni orali. Meta nqisu li Mattew kien appostlu u ra l-ġrajjiet b’għajnejh stess, li Mark kien jisma’ lil Pietru jippriedka u li Luqa kien qrib ħafna ta’ San Pawl, ma nistgħu inqisu li din it-tradizzjoni orali kienet daqshekk sors neċessarju biex inkitbu l-Evanġelji.

 

Li hu sabiħ hu, li minkejja dan ix-xebħ, kull Evanġelista pinġa lil Ġesù minn angolu differenti. San Mattew għandna l-Messija li ħabbru l-profeti u li fih twettqet l-Iskrittura. F’San Mark għandna l-Qaddej ta’ Alla li ġie biex ibati u fl-istess ħin jurina t-triq tad-dixxipulat. F’San Luqa għandek it-Tabib li jfejjaq, iwieżen, jaħfer u jħenn.

 

Altru li m’humiex kopja ta’ xulxin.

San Luqa jiftaħ l-Evanġelju tiegħu b’dan il-kliem

[Lq:1:1] Bosta kienu dawk li ħadu f'idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f'rakkont wieħed il-ġrajja li seħħu fostna, [Lq:1:2] kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b'għajnejhom stess u saru ministri  tal-kelma. [Lq:1:3] Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kull ma ġara sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b'ħaġa, [Lq:1:4] biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kull ma tgħallimt.

 

Mela kien hemm bosta li ġabru f’rakkont wieħed il-ġrajja ta’ Ġesù. San Luqa kien jaf bihom u aktarx ikkonsulthom..

Jirreferi għal ”dfawk li raw b’għajnejhom” u wara saru ministri tal-Kelma. Mela it-tradizzjoni appostolika kienet il-bażi li fuqha bena San Luqa.