IL-PROFETI

Għall-Poplu ta’ Alla, il- profeta kien xi ħadd imdawwal minn Alla biex jagħraf is-sinjali taż-żmienijiet u jwassal il-messaġġ tal-Mulej lill-Poplu tiegħu. Il-messaġġ kien aktar tħabbira tal-bżonn tal-indiema, tat-tama u ta’ twiddib. Ma’ dan kien jiżdied ukoll tħabbir ta’ kastig jew ta’ żmien messjaniku. Il-kelma Lhudija għal “profeta” kienet “nabí”, mill-verb “huwa ra” li kient tfisser dak li jara l-affarijiet fid-dawl ta’ Alla.

Il-Kotba tal-Liġi jsejħu lil Abraham u lil Mosè bħala profeti. Kien hemm ħafna li kienu jsejħu lilhom infushom profeti, tant li Mosè nnifsu jwiddeb lil-Lhud biex iħarsu ruħhom mill-profeti foloz. Kien hemm żmien meta kien hemm min kien jaqla’ x’jiekol billi jħabbar il-futur. Ħafna drabi, il-profeti tal-Mulej sabu ruħhom f’konfront ma’ dawn in-nies qarrieqa u xi wħud minnhom, bħal Elija, kellhom jitolbu sinjali mis-sema, mirakli, biex juru verament li kienu mibgħuta minn Alla. Dan narawh ċar ħafna fi żmien il-profeti Elija u Eliżew fil-kotba tas-Slaten. Dak iż-żmien, is-Saltana ta’ David kienet maqsuma f’żewġ saltniet, is-Saltna ta’ Fuq immexxija mis-Samarija u s-Saltna ta’ Ġuda immexxija minn Ġerusalemm. Elija u Eliżew kienu jgħixu fis-Saltna ta’ fuq. Hemm il-Lhud tħalltu mal-Kangħanej li kienu jaduraw alla tal-fertilità imsejjah Baal. Baal ukoll kellu l-profeti tiegħu, u fil-ktieb tas-Slaten naraw il-konfront bejn Elija u l-profeti ta’ Baal li sar fuq il-muntanja tal-Karmelu. Il-profeta ta’ Alla, rari kien popolari. Huwa kien juri lil Lhud, speċjalment lill-kbarat l-inġustizzi tagħhom. Hekk għamel Natan ma’ David, meta qatel lil Urija biex jieħu lil Martu Betsabeja, hekk għamel Elija ma’ Akab, meta dan qatel lil Nabot biex jeħodlu għalqa tad-dwieli.

Fil-bidu, il-ġrajjiet tal-profeta u l-messaġġ tiegħu kien jinkiteb mal-istorja tal-poplu. Għalhekk insibuhom miktubin fil-kotba ta’ Samwel u tas-Slaten. Meta l-Poplu beda jagħraf il-valur ta’ dawn in-nies, beda jinħass il-bżonn li l-messaġġ tagħhom jinżamm u jinkiteb. Fil-Kotba Mqaddsa għandna 4 kotba tal-profeti l-kbar u 12-il ktieb tal-profeti ż-żgħar. Il-profeti l-kbar huma Isaija, Ġeremija, Eżekjel u Danjel. Il-Profeti ż-żgħar huma Hosegħa, Ġoel, Għamos, Għabdija, Ġona, Mikea, Nagħum, Ħabakkuk, Sofonija, Ħaġġaj, Żakkarija u Malakija.

Din hi l-ordni kif insibuhom fil-Bibbja. Imma din mhix ordni kronoloġika. Għamos kien iħabbar fi żmien is-Sultan Ġerobogħam II (786-846QK). Eżekjel kiteb ftit qabel l-eżilju li ġara fis-sena 587QK..

Kull profeta għandu l-istil letterarju tiegħu. Hekk il-profeta Ġona li ried juri lil-Lhud li Alla jsalva lil kull ġens li lest li jindem u jsalva lil kull poplu u mhux lilhom biss. Juża forma letterarja tixbah lill-parabbola biex juri li Alla kien lest li jaħfer lin-nies ta’ Ninwè. Il-profeta Hosegħa, jirrakkonta parabbola qawwija ħafna fejn jgħid li Alla riedu jiżżewweġ mara ħażina, lil Gomer. Din bidlitu ma’ rġiel oħra. U Alla jordnalu jmur għaliha, jaħfrilha, jeħodha fid-deżert u hemm jerġa jaċċettha b’martu, jaħfrilha u hi ssir tħobbu.  Il-parabbola hi tħabbira tal- maħfra ta’ Alla lill-Poplu tiegħu wara li jgħaddih  mill-eżilju biex jagħraf dnubietu.

Irridu niftakru li ...

▪  Il-profeta ma kienx jieħu din il-vokazzjoni minn rajh. Fil-Ktieb ta’ Isaija, Ġeremija, Għamos, Ġona u Hosegħa insibu is-sejħa tal-Mulej Alla lil Profeta. Bosta drabi il-profeta jsibha bi tqila, jew għax iħossu li mhux dehen tas-sejħa bħal Isaija jew għax jara li din is-sejħa hi tqila wisq għalih bħal Ġona jiġrova jiskartaha. Minkejja dan it-tfixkil, il-profeta kien iħossu imbuttat minn Alla biex iwettaq din il-Missjoni. Ġeremija jikteb li kien iħoss nar ġo fih li jġiegħelu jwettaq il-ħidma tiegħu għad li ħlief tbatija u biki ma ġabitlux.

▪  Il-profeta kien ċert li l-messaġġ li kien qed ixandar ma kienx tiegħu imma ta’ Alla.

▪  Is-sens sħiħ tal-kliem tal-Profeta insibuh fi Kristu. Fi Kristu il-Patt il-Ġdid li Alla ried iwettaq u ħabbar fil-kitba tal-profeti sar realtà.