L-GĦAXAR KMANDAMENTI - ID-DEKALOGU

Fil-Bibbja nsibu żewġ verżjonijiet tal-Għaxar Kmandamenti. L-ewwel waħda qegħda fl-Eżodu 20 : 2-17, u l-oħra fid-Dewteronomju 5 :6-21

Eżodu 20 : 2-17

“Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar.

 “Ma jkollokx allat oħra għajri.

La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta' ebda ħaġa li hemm fl-għoli  tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art.  

La tmilx quddiemhom: la tadurahomx għaliex jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur, li npatti l-ħażen tal-missirijiet fuq l-ulied sat-tielet u r-raba' ġenerazzjoni lil dawk li jobogħduni;

imma nagħder sa l-elf nisel lil min iħobbni u jżomm il-kmandamenti tiegħi.

“La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min isemmi l-isem tiegħu fix-xejn, il-Mulej ma jħallihx bla kastig.

“Ftakar f'jum is-Sibt u qaddsu.

Sitt ijiem taħdem u tagħmel kull ma għandek tagħmel; imma s-seba' jum hu jum il-mistrieħ f'ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek. Dan il-jum ma tagħmel ebda xogħol, int, ibnek, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-bhejjem tiegħek, u l-barrani li jkun ġewwa bwiebek. Għax f'sitt ijiem il-Mulej għamel s-smewwiet u l-art; il-baħar u kull ma hemm fihom, u strieħ fis-seba' jum. Għalhekk il-Mulej bierek is-seba' jum u qaddsu. 

 

Dewteronomju 5:6-21

'Jiena l-Mulej li ħriġtek mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar.

'Ma jkollokx allat oħra ħliefi; ma tagħmel ebda idolu jew xbieha ta' ebda ħlejqa li hemm fl-għoli tas-smewwiet, jew taħt l-art, jew fl-ibħra taħt l-art.

Tadurahomx u sservihomx. Għax jiena l-Mulej, Alla tiegħek, Alla għajjur, li nikkastiga l-ulied għad-dnubiet ta' missirijiethom sat-tielet u r-raba' generazzjoni ta' min jobgħodni. U nagħmel ħniena għal elf ġenerazzjoni ma' min iħobbni u jħares il-liġijiet tiegħi.

Issejjaħx l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fil-batal, għaliex il-Mulej ma jħallix bla kastig lil min isejjaħ ismu fil-batal.

Ħares jum is-Sibt u qaddsu bħalma ordnalek il-Mulej, Alla tiegħek. Sitt ijiem tista' taħdem, u tagħmel ix-xogħol kollu tiegħek.

Imma s-seba' jum hu l-mistrieħ tal-Mulej, Alla tiegħek: ebda xogħol ma għandek tagħmel dak in-nhar, la int, la ibnek u lanqas bintek; la l-qaddej u lanqas il-qaddejja tiegħek; la l-barri, la l-ħmar u ebda waħda mill-bhejjem tiegħek; lanqas il-barrani li jgħix f'beltek; ħalli jistrieħu bħalek il-qaddejja tiegħek, rġiel u nisa.'Ftakar li int kont ilsir fl-art ta' l-Eġittu, u l-Mulej, Alla tiegħek, ħarġek minn hemm b'id qawwija u bi driegħ merfugħ; għalhekk il-Mulej, Alla tiegħek, ordnalek li tħares jum is-Sibt.

“Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.

 

“La toqtolx.

“La tagħmilx adulterju.

“La tisraqx.

“La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek.

 

“La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara ta' għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kull ma għandu għajrek.”

'Weġġaħ lil missierek u 'l ommok, bħalma l-Mulej, Alla tiegħek, ordnalek, sabiex tgħix ħajja twila, u jkollok ir-riżq fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik.

'La toqtolx.

'La tagħmilx adulterju.

'La tisraqx.

'La tixhidx fil-falz kontra għajrek.

'La tixtieqx il-mara ta' għajrek.

La tixxennaqx għal dar għajrek: għar-raba' tiegħu, għall-qaddej tiegħu, għall-qaddejja tiegħu, għall-gendus tiegħu, għall-ħmar tiegħu, għal xejn milli għandu għajrek.'

 

Ġesù kemm-il darba jsemmi l-Kmandamenti Mt19 :18-19 Mk 10.19, Lq 18.20. Fir-Rabta l-Qadima wkoll insibu kemm-il darba referenza għalihom.

 

L-Għaxar Kmandamenti jirreferu għalihom bħala d-Dekalogu, Din hi kelma Griega li fisser 10 kelmiet. Hemm min jgħid li fil-bidu, dawn il-kmandamenti kollha kellhom verżjoni qasira ta’ kelma jew tnejn bħalma għandhom il-Kmandamenti «la toqtolx» u «la tisraqx». Imbagħad żviluppaw fiż-żewġ tradizzjonijiet li nsibu fl-Eżodu u fid-Dewteronomju.

 

Mosè hu meqjus bħala l-medjatur li wassal dawn il-Kmandamenti mingħand Alla nnifsu.  Qabel ma Mosè tela’ fuq il-muntanja, tkellem mal-poplu u dan aċċetta l-Liġi ta’ Alla. ‘Il-ħwejjeġ kollha, li qal il-Mulej nagħmluhom’. Wara, dan il-patt kien issiġillat bid-demm. Mosè ħa nofs id-demm tas-saġrifiċċju u raxxu fuq l-artal li kien jirrapreżenta lil Alla. Imbagħad ħa l-ktieb tal-Patt u qrah u l-poplu wieġeb, ‘Kull ma qal il-Mulej nisimgħuh u nagħmluh’. Malli l-poplu aċċetta l-Patt, Mosè ħa n-nofs l-ieħor tad-demm u raxxu fuq il-poplu. Hekk kien issiġillat il-Patt bejn Alla u l-Lhud fir-Rabta l-Qadima.

 

Ġesù jirreferi għal dan l-issiġillar tal-Patt fl-aħħar ċena, ‘Dan hu demmi tal-Patt il-Ġdid li jixtered għalikom u għall-bnedmin kollha għall-maħfra tad-dnubiet’.

 

Il-Kmandamenti kienu miktuba ‘bis-seba ta’ Alla nnifsu’ fuq żewġ twavel tal-ġebel. Kienet drawwa kemm fl-Eġittu u kemm fil-Mesopotamja li l-liġijiet jinkitbu fuq il-kolonni tal-ġebel. Il-Kmandamenti kienu mogħtija lill-Mosè fuq il-Muntanja Sinaj. Għal tlett ijiem il-poplu pprepara ruħu għad-dehra ta’ Alla. Fit-tielet jum, kien hemm ragħad, u beraq. Instema’ daqq ta’ trombi. Il-muntanja kienet iddaħħan qisha forn u  tgħeżżet mill-qiegħ. F’din ix-xena tal-biża’ Alla jagħti l-Kmandamenti lil Mosè.

 

Fl-ewwel kmandament Alla jasserixxi ruħu bħala dak li ħariġhom mill-Eġittu. Issa mhux qiegħed jintroduċi ruħu bħala Alla ta’ Abraham. Iżakk u Ġakobb. Hu dak Alla li huma raw l-għemejjel kbar tiegħu meta ħarġu mill-Eġittu.

 

Alla jikmandhom li issa li daħlu f’Patt miegħu, ma jkollhomx allat oħra għajru. Hu ma jridx li jkollhom xbihat tiegħu. Dan hu kmandament uniku fost il-ġnus tal-qedem u jidher li l-Lhud ħaduh b’serjeta kbira, tant li qatt ma nstab fl-arkeoloġija sal-lum li kellhom xi xbieha ta’ Alla. Il-popli li kienu jgħixu dak iż-żmien, kellhom ħafna idoli, kemm fit-tempji tagħhom u kemm fid-djar tagħhom, u kienu jqisu li kull barka u kull ħniena kienu ġejjin minnhom. Il-Lhud ma kienux għadhom waslu biex jifhmu li Alla hu spirtu pur. Alla tagħhom kien xi ħadd li Mosè biss seta’ jarah u jkellmu wiċċ imb’wiċċ. Kien Alla qawwi li meta juri lilu nnifsu, l-art kienet titriegħed. Għalhekk talbu lil Mosè biex jitkellem hu biss ma’ Alla f’isimhom.

 

Il-projbizzjoni tal-idoli kienet karatteristika importanti għal-Lhud. L-istorja tal-Għoġol tad-Deheb serviet biex il-Lhud fehmu dan il-Kmandament.

 

Alla jsejjaħ lilu nnifsu ‘Alla għajjur’, jiġifieri ma jridx li l-qima li tistħoq lilu biss tingħata lil xi ħadd ieħor jew lil xi ħaġa oħra. Għandna wkoll il-kastig lill-ulied għall-ħtijiet tal-ġenituri. Għal-Lhud, id-dnub ma jikkonsistix biss fl-att li bih wieħed juri diżubbidjenza għal-Liġi ta’ Alla, imma jinkludi wkoll il-konsegwenzi ta’ dak l-att. Fid-Dekalogu, id-dnub hu att ta’ mibgħeda lejn Alla. Hawn ukoll, waqt li juri li hu ġust u jikkastiga lil min jobogħdu, juri li l-ħniena tiegħu hi akbar minn kulma għamel. Jikkastiga sat-tlielet u r-raba’ nisel u jħenn għal elf nisel.

 

It-tieni Kmandament hu dwar l-isem ta’ Alla. Il-Lhud qatt ma kienu jlissnu l-isem Jaħweh. Meta kienu jridu jirreferu għal Alla kienu jużaw il-metafora. Hekk, f’San Mattew flok ma nsibu is-Saltna ta’ Alla insibu is-Saltna tas-Smewwiet. Kienu jużaw ukoll kliem bħal Adonaj li tfisser Sid, flok  ilissnu l-isem ta’ Alla. 

 

It-tielet kmandament jobliga l-ħarsien tas-Sibt. Fl-Eżodu, is-Sibt hu marbut mar-rakkont li nsibu fl-ewwel kap tal-Ġenesi fejn Alla jistrieħ fis-seba’ jum wara li ħalaq id-dinja f’sitt ijiem. Fid-Dewteronomju, Alla jobliga li jistrieħ kulħadd, inklużi l-annimali u l-barranin li jgħixu fosthom, għax il-ħaddiem jistħoqqlu il-mistrieħ u mhux kif kienu jittrattawhom l-Eġizzjani.

 

Fir-raba’ Kmadament, Alla jobliga lill-ulied biex jieħdu ħsieb il-ġenituri, speċjalment meta jixjieħu, u jippreżenta ix-xjuħija bħala barka.

 

Il-kmandamenti l-oħra jipprojbixxu il-qtil, l-adulterju, is-serq u il-ħalf fil-falz.

 

L-aħħar kmandament jorbot lil-Lhud biex ma jixtiequx dak kollu li hu tal-oħrajn. Fil-Katekiżmu, dan il-kmandament jinqasam fi tnejn, ‘la tixtieqx nisa tal-oħrajn’ u la tixtieqx ħwejjeġ tal-oħrajn.

 

Il-Katekiżmu tal-Knisja jgħallimna :

  1. Liż-żagħżugħ li għamillu mistoqsija, ‘Xgħandi nagħmel biex nakkwista l-ħajja ta’ dejjem ?’ Ġesù wieġbu: “Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-Kmandamenti”

  2. Il-kelma Dekalogu tfisser “għaxar kelmiet” ( 34:28). Dawn l-għaxar kelmiet jiġbru fihom il-Liġi mogħtija minn Alla lill-poplu ta’ Israel, u rridu nifhmuhom fil-kuntest tal-Patt li Alla għamel permezz ta’ Mosè. Filwaqt li jurina l-kmandamenti ta’ l-imħabba ta’ Alla (l-ewwel tlieta) u tal- proxxmu (is-sebgħa l-oħra), id-Dekalogu juri wkoll lill-poplu magħżul u b’mod partikolari, lil kull wieħed u waħda minna, it-triq ta’ ħajja ħielsa mill-jasar tad-dnub.

  3. Id-dekalogu jinftiehem fid-dawl tal-Patt, fejn Alla juri lilu nnifsu u r-rieda tiegħu. Meta l-poplu jħares il-kmandamenti, huwa jkun qed juri li hu kollu kemm hu ta’ Alla kif ukoll ikun qiegħed iwieġeb, bi gratitudni, għall-inizjattiva kollha mħabba ta’ Alla.