IL-ĦRUĠ MILL-EĠITTU

(L-Eżodu)

Il-ħarba tal-Poplu Lhudi mill-jasar tal-Eġittu, (l-Eżodu) hi meqjusa mil-Lhud bħala l-akbar ġrajja fl-istorja tagħhom. Alla wera l-qawwa tiegħu kontra l-qawwa tal-Eġizzjani b’għad ta’ sinjali kbar li bihom ġiegħel lill-Fargħun jeħles lill-Poplu kollu ta’ Israel.

 

Din il-ġrajja hi rakkuntata fit-tieni ktieb tal-Liġi, (tal-Bibbja) imsejjaħ l-Eżodu. L-awtur jurina li l-ħruġ mill-Eġittu kien kollu kemm hu opra ta’ Alla. Il-Fargħun ma ried b’ebda mod jagħti l-ħelsien lil tant skjavi Lhud li kellu bżonnhom biex jaħdmu fil-proġetti tiegħu.

 

Il-Bibbja ma tagħtix l-isem tal-Fargħun. Wisq probabli Mosè twieled fi żmien ta’ Fargħun Ramses II. Ramses kien bena belt ġdida fit-tramuntana tal-Eġittu u semmieha għalih. Għalhekk kellu bżonn ta’ ħafna skjavi. Hu dam isaltan mis-sena 1301 sas-sena 1234, madwar 67 sena. Warajh laħaq Menefta li dam mill- 1234 sa 1225. Aktarx li dan kien il-Fargħun li fi żmienu l-Lhud ħarġu mill-Eġittu.

 

L-istorja tibda bil-ħelsien ta’ Mosè tarbija mill-għarqa u kif dan sab ruħu fil-palazz tal-Fargħun. L-Eżodu ma jgħid xejn dwar l-edukazzjoni li rċieva Mosè. Jgħid biss li meta kien tarbija ħadet ħsiebu ommu stess. Il-Lhud kienu ċerti li Mosè rċieva l-aħjar trobbija fl-Eġittu. Fl-Atti tal-Appostli, San Stiefnu fid-diskors tiegħu quddiem is-Sanhedrin jgħidilhom hekk, «Mosè kien imrawwem fil-għerf kollu tal-Eġittu.» Din l-edukazzjoni għenitu mhux ftit aktar ‘l quddiem.

 

Wara li qatel Eġizjan biex jaqbes għal skjav Lhudi,  ħarab. Hu mar jgħix fid-deżert. Hemm iżżewweġ lil Siffora u beda jaħdem bħala ragħaj  billi jieħu ħsieb il-merħla ta’ ħatnu Ġetro.

 

Kien hawn li kellu d-dehra tal-għollieq jaqbad bla ma jinqered. Alla qallu li sema l-karba tal-uġiegħ tal-Lhud, ftakar fil-wegħda li ħalef lil Abraham, u ġie biex jeħlishom. Qallu biex imur quddiem il-Fargħun u jordnalu jeħles lil-Lhud. Għal għad ta’ drabi Mosè jipprova jsib skuża biex ma jmurx. Hawn l-awtur sagru ried juri li l-ġrajja l-kbira tal-ħruġ mill-Eġittu mhix mertu ta’ Mosè, bniedem tqil biex jitkellem u li b’ebda mod ma ried imur quddiem il-Fargħun. Kien meta il-Mulej ‘xegħel bil-għadab’ għal Mosè li dan, kontra qalbu mar l-Eġittu. L-Eżodu hu kollu kemm hu opra ta’ Alla, li ra it-tbatija tal-Poplu tiegħu u niżel biex jeħlishom bla ma huma anqas biss talbuh. Dan hu wieħed mill-messaġġi importanti li nsibu fl-Istorja tas-Salvazzjoni kollha. Kull pass, kull inizjattiva dejjem hi meħuda minn Alla, minn jeddu u bla ma l-bniedem jaħdem għaliha jew b’xi mod jitlobha.

 

Fid-djalogu bejn Alla u Mosè, il-Mulej jirrevela ismu, Jaħweh, il-Jien li Jien. Dan ifisser li Alla hu dak li hu fih innifsu, dak li hu preżenti, dak li jġib fl-eżistenza. Dan hu l-isem ta’ Alla li bih il-Lhud kienu jagħżluh mill-allat foloz tal-pagani. Il-lingwa Lhudija tinkiteb bil-konsonanti biss. Il-vokali jitqiegħdu bħala punteġjatura. Hekk, l-isem Jaħweh jinkiteb JĦWH.  B’qima lejn dan l-isem, il-Lhud anqas qatt ma kienu jsemmuh jew jaqrawh. Meta jsibu l-kelma JĦWH kienu jaqrawha Adonaj li fis-Settwaġinta hi tradotta bħala ‘Kurios’, (Sid). Bil-Latin fil-Vulgata traduċewha bħala ‘Dominus’. bl-Ingliż ‘Lord’, bil-Malti ‘Mulej’.  Wara r-Riforma Protestanta, ħadu l-konsonanti ta’ JĦWH u daħħlu il-vokali ta’ Adonaj u ħolqu l-isem JaĦoVaH.  Għalhekk l-isem Jeħovah għal Alla mhux fil-Bibbja. Ġesù, fl-Evanġelju skont San Ġwann jieħu dan l-isem, (Jaħweh) għalih u jgħid lil-Lhud « Qabel ma kien Abraham, Jien hu »

 

Mosè  mar għand il-Fargħun, u kif ħabbar Alla, il-Fargħun webbes qalbu. Hawn Alla bagħat 9 kastigi fuq l-Eġittu, Dawn kienu diżastri naturali li ġraw b’mod li, kieku ried, il-Fargħun seta’ jara fihom sinjal tal-id ta’ Alla. Il-Fargħun ma riedx jagħraf dawn is-sinjali. Għalhekk Alla bagħat l-aħħar kastig kien il-mewt tat-tifel il-kbir, kastig li ġiegħel lil-Fargħun iħalli lil-Lhud jitilqu.

 

Dan ġara waqt l- l-Lhud kienu jiċċelebraw il-festa tal-Għid u l-Ikla tal-Ħaruf tal-Għid. Din kienet ikla ritwali li għadha sallum issir b’solennità kbira mil-Lhud. Kristu wkoll kien jiċċelebraha u kien fl-aħħar ċena tiegħu li ta tifsira ġdida lil din l-ikla. Meta ra dan il-kastig, il-Fargħun ħalla lil-Lhud jitilqu.

 

Kienu bilkemm bdew triqthom lejn il-Baħar tal-Qasb meta l-Fargħun reġa bdielu u ħareġ bis-suldati tiegħu wara l-Lhud. Hawn jibdew sensiela ta’ sinjali li bihom Alla juri l-Providenza tiegħu mal-Lhud u l-mod kif hu jgħin lil Mosè  kif kien wegħdu. Is-sħaba matul il-jum u l-kolonna tan-nar matul il-lejl, il-qsim tal-Baħar tal-Qasab, il-manna, is-summien, l-ilma mill-blat, is-serp tal-bronż huma kollha sinjali li juru il-preżenza ta’ Alla. Il-Lhud, taħt it-tmexxija ta’ Mosè, għarfu f’dawn is-sinjali li l-id ta’ Alla kienet magħhom.

 

Mosè ħa lil-Lhud ħdejn is-Sinaj. Hawn Alla jagħmel Patt mal-Poplu tiegħu. Hawn għndna mhux biss l-għaxar Kmandamenti imma ġabra ta’ liġijiet oħra li kienu jagħtuhom identità bħala il-Poplu ta’ Alla nnifsu.

 

Waqt li Mosè  kien qiegħed jirċievi t-twavel tal-Liġi, Patt miktub ‘bis-seba ta’ Alla’ stess, il-Lhud talbu lil Arun biex jagħmlilhom alla għalihom. Arun ġabar id-deħeb li kellhom, dewbu u għamel alla forma ta’ għoġol li kellu jirrapreżenta lil alla li ħariġhom mill-Eġittu. Dan għoġob lil-Lhud u Arun ordna li l-għada jagħmlu festa lil dan alla tagħhom. Fil-festa kielu, xorbu u tbaħartu, offrew sagrifiċċji. Għalkemm il-poplu kellu f’moħħu li jqim bil-mod kif jidhirlu hu lil dak alla li ħariġhom mill-Eġittu, u għalkemm kellhom lil Arun, il-qassis il-kbir magħhom, dan kien l-akbar att ta’ idolatrija li jisemma fil-Bibbja.

 

Fid-dawl tat-Testment il-Ġdid, l-Eżodu jieħu tifsira ġdida. Fl-aħħar ċena, għalkemm hi l-ikla tal-Għid ma jissemmiex il-ħaruf imma minfloku għandna il-ħobż li jsir ġisem il-Mulej li jingħata għalina. Hekk ukoll flok id-demm li xerred Mosè fuq il-poplu biex jiċċelebra il-Patt għandna l-imbid li jsir id-demm tal-Mulej li jinxtered għalina għall-maħfra ta’ dnubietna. Il-Patt tas-Sinaj jinġabar fil-Kmandament il-Ġdid li Ġesù jagħti lid-dixxipli, li jħobu lil xulxin kif ħabbna hu. Hekk għan-nisrani, l-Eżodu hu l-passaġġ mid-dnub għall-grazzja, mill-mewt għall-ħajja, minn din id-dinja għall-ġenna.

 

Mistoqsija

Għaliex il-ġrajjiet tal-Eżodu huma daqshekk importanti kemm fit-Testment il-Qadim,  kif ukoll fit-Testment il-Ġdid ?