IL-ĦOLQIEN

Il-Bibbja tagħtina żewġ rakkonti tal-ħolqien fil-Ġenesi. L-ewwel rakkont hu r-rakkont tal-Ħolqien tad-dinja f’sitt ijiem. Miktub forma ta’ poeżija. Fih il-poeta, l-awtur sagru, jimmaġina lil Alla jaħdem sitt ijiem bħalma kienu jagħmlu l-Lhud u jistrieħ fis-seba jum. It-tieni rakkont tal-Ħolqien hu miktub b’mod drammatiku u l-istorja ssir fil-Ġnien tal-Eden.

Dawn ir-rakkonti nkitbu fiż-żmien meta l-Poplu Lhudi kien fl-Eżilju ta’ Babilonja. Hemm, huma ġew f’kuntatt mal-kultura tal- Meżopotamja. Għal ħafna snin qabel l-Eżilju huma kienu f’kuntatt mal-kultura tal-Kananej Mill-kultura tal-Babilonja ħadu l-epika ta’ Enuma Elish. Marduk, alla tal-Babilonja kien jikkumbatti lil allat tal-kaos. Dawn kienu l-alla raġel Apsu u l-alla mara Tiamat. Minn Apsu u Tiamat bdiet il-ġenerazzjoni tal-bnedmin.

Marduk kien dak l-alla li għamel l-univers, li kienu jistħajluh qisu platt li jserraħ fuq l-abbissi tal-oċean. Fuq dan il-platt hemm l-ark tas-sema. Fuq dan l-ark jimxu l-kwiekeb u hemm maħżuna l-ilmijiet tax-xita u l-qawwa tal-irjieħ.. Hemm ukoll il-palazz ta’ Marduk, li jixbaħ lit-tempju tiegħu fil-Babilonja. Kien dan Makduk li ħalaq l-ewwel bniedem mit-tafal li hu għaġen bid-demm ta’ wieħed alla li kien alleat ta’ Tiamat meta din daret kontra tiegħu u saret id-dragun tal-kaos. Dan id-dragun kienu jirrapreżentawh bħala annimal b’ras ta’ serp u b’ġisem li kellu qoxra bħal ta’ serp imma kellu par idejn jew saqajn ta’ quddiem qishom ta’ ljun, u par saqajn ta’ wara bħal ta’ l-ajkla. Kultant iġibuh bil-ġwienaħ u wkoll b’denb (daqqa bħal tas-sriep jew b’rix bħal tal-għasafar. Il-Kananej kellhom mit ieħor fejn alla Baal kien jiġġieled ma’ alla Mot (mewt) u joħroġ rebbieħ bis-saħħa ta’ alla mara.

Biex nifhmu aħjar dawn l-istejjer, iridu nifhmu li l-awturi sagri kienu influenzati mill-kultura tal-ġnus ta’ madwarhom.

Irridu nkunu nafu wkoll li l-Pentatewku ħareġ minn 4 tradizzjonijiet. L-ewwel waħda hi il-Jaħwista u tissejjaħ hekk għax tuża il-kelma Jaħweh meta tirreferi għal Alla. It-tieni tradizzjoni hi it- tradizzjoni Eloista, u tissejjaħ hekk għax tuża il-kelma Elohim meta tirreferi għal Alla. It-tielet tradizzjoni hi dik saċerdotali (Priestly) u tissejjaħ hekk ghax għandha bħala skop tagħa il-kult lejn Alla. L-aħħar tradizzjoni hi dik tad-Dewteronomju. Fil-kotba jirreferu għalihom bħala it-tradizzjoni J, E, P u D. L-eqdem tradizzjoni hi l-Jaħwista, imbagħad l-Eloista, imbagħad id- Dewteronomista,  u l-aħħar is-saċerdotali .

L-awtur tal-ewwel rakkont kien mit-tradizzjoni saċerdotali. Mela l-awtur, li kien interessat fil-kult, ried iwassal għal qdusija ta’ Jum il-Mulej. is-seba jum. Fir-rakkont tiegħu tal-ħolqien, (miktub forma ta’ poeżija) jimmaġina lil Alla qisu ħaddiem li jagħmel ġimgħa xogħol u jistrieħ fis-seba jum. Bħala poeżija, jibniha forma ta’ innu, u wara kull strofa jpoġġi ritornel. « U Alla ra li kien sewwa ». Hawn hu qiegħed jeħodha kontra l-kultura tal-Babilonja li kienet tqis il-materja bħala xi ħaġa ħażina. Kulma ħalaq Alla hu tajjeb, u hu tajjeb għax ħalqau Alla. Alla hu wieħed. M’hemmx alla tal-kaos. Alla qered il-kaos, id-dlamijiet bid-dawl. U qabel kien id-dawl « l-Ispirtu ta’ Alla kien jittajjar fuq wiċċ l-abissi ».

Hekk l-awtur jintroduċi mill-ewwel it-twemmin f’Alla wieħed minn dejjem u fuq kulħadd u fuq kollox.

Alla jagħmel il-bniedem xbieha tiegħu għax irid, għax iħobbu, biex jaħkem miegħu fuq il-ħolqien u jieħu ħsiebu. Għalhekk jagħmlu « xbieha tiegħu ». L-awtur jirrepeti din l-espressjoni tliet darbiet. U jagħmlu raġel u mara, it-tnejn indaqs xbieha ta’ Alla, it-tnejn indaqs biex jaħkmu fuq il-hut tal-baħar, it-tajr tal-ajru u l-bhejjem tal-art. is-siġar u l-ħxejjex biż-żerriegħa u l-frott. Ma dan il-bniedem Alla jikkomunika. Meta fil-ħames jum Alla ħalaq it-tjur u l-ħut Alla berikhom u qal… Fis-sitt jum Alla ħalaq il-bniedem, raġel u mara u qalilhom…

Alla jibqa aqwa mill-bniedem. Għalhekk jitkellem fil-plural. « ejjew nagħmlu l-bniedem xbieha tagħna ». il-Lhud ma kienux jafu bit-Trinità.  Poeżija sabieħa li fiha għandna mhux biss rakkont imma deskrizzjoni ta’ sbieħ il-jum. Il-bniedem maħluq fl-aħħar biex jaħkem bħala sid tal-ħolqien. Il-ħolqien maħluq għall-bniedem.

Fit-tieni rakkont hu mit-tradizzjoni Jaħwista. Hawn għandna deskrizzjoni drammatika, f’xena li tibda fid-deżert, bla xita, bla ilma bla ħdura. Għalhekk Alla ħalaq lil bniedem mit-trab tal-art. (ma kellux bżonn dmija ta’ allat oħra) u tah in-nifs tiegħu. (l-ewwel awtur uża « xbieha », l-awtur tat-tieni storja juża « nifs »

Imbagħad ħawwel ġnien fid-deżert u dawru bix-xmajjar biex ikun fertili. Ħa lill-bniedem ħdejn l-annimali biex isemmihom. Fil-lingwaġġ Bibliku, issemmi tfisser tikmanda fuq xi ħadd, tiddeċiedi n-natura tal-ħaġa. U lill-bniedem ħadu fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jieħu ħsiebu. Imma Alla jibqa’ aqwa minnu. Jtih ordni biex mis-siġra tal-ġid u d-deni ma jiekolx.

Lill-bniedem jagħmillu sieħba li jeħodha mill-kustilja ta’ ħdejn qalbu, mara daqsu fid-dinjità, u integrità.

It-tielet storja tibda biex tintroduċi is-serp. Is-serp mhux alla imma annimal « ħażin » maħluq minn Alla. « Ħażin », bħal fil-Malti tfisser makkak jew mhux tajjeb.  Hu ried jġib il-mewt u jiprova jidħaq b’Eva biex tiekol mis-siġra li Alla kien qallilhom biex ma jiklux minna għax imutu. Imma mhux alla tal-mewt bħal Mot. Qalilha biex tiekol mis-siġra tal-ġid u d-deni biex issir bħal Alla, tiddeċiedi hi x’inhu ta’ ġid u ta’ deni, x’inhu tajjeb u ħażin. Kif jaqbel lilha, bla ma tagħti każ tal-kmand ta’ Alla.  Dan hu d-dnub.

Malli dinbu tilfu d-dinjità, u l-integrità. Agħmlu lbies bil-weraq tat-tin, weraq imtaqqab.

Araw id-djalogu bejn Alla u l-bniedem.

Alla jsejjaħlu. Il-bniedem jistaħba.

Alla jsaqsih jekk kielx mis-siġra, Adam iwaħħal f’Eva. (daqshekk għadma minn għadmi)

Alla jsaqsi lil Eva. Eva twaħħal fis-serp.

Alla jikkastiga lis-serp. Ineħħilu saqajh, il-forza tiegħu kif kienu jpinġuh fil-Babilonja.

Iweieghed mibgħeda bejnu u bejn il-mara, nislu u nisilha u hu jisħaqlu rasu, (joqtlu)

Lil mara jikkastigaha bit-tbatija tal-ħlas u lir-raġel bit-tbatija tax-xogħol.

Imbagħad għamlilhom ilbies tal-gild u libbishomlhom.

U keċċiehom minn Għeden u qalilhom li ser imutu.(talli semgħu mill-ħażin) 

L-awtur irid juri li hemm Alla wieħed, Il-ħażen mhux alla. Il-bniedem  għandu in-nifs ta’ Alla, imma jibqa liberu. Hu għażel li jkun hu li jiddeċiedi x’inhu tajjeb u ħażin għalih u ġab il-konsegwenzi, konsegwenzi li jħosshom fil-ħajja tal-familja u fil-ħajja tax-xogħol.

Alla hu s-salvatur. Hu jirrimedja għal ħażen aktar milli nirrimedjaw aħna. Flok ilbies tal-weraq tat-tin, Alla għamlilhom ħwejjeġ tal-ġild u libbishomlhom bħalma missier jew omm tlibbes lil uliedha. Imbagħad iwiegħed rebħa fuq il-ħażen. 

Meta iffurmaw il-Pentatewku, dawn l-istejjer tpoġġew fil-bidu għax huma il-bidu tar-relazzjoni bejn il-bniedem u Alla. Mhux qegħdin jgħidulna kif Alla ħalaq il-bniedem. Qegħdin jagħtu sens lil dak kollu li ġej wara, storja ta’ mibgħeda bejn il-bniedem u l-ħażen, storja ta’ waqgħat u ta’ salvazzjoni, storja ta’ dnub mill-bniedem u mħabba minn Alla, storja li fiha il-protagonista hu Alla bħala s-savatur tal-bniedem.