IL-FORMAZZJONI TAT-TESTMENT IL-QADIM

L-ewwel insara kienu jmorru fit-Tempju biex jagħtu qima lil Alla mal-Lhud. Kull nhar ta’ Sibt kienu jmorru fis-sinagoga mal-Lhud. Wara kienu jinġabru f’xi dar u jiċċelebraw l-Ewkaristija. Fis-snin 60 wara Kristu, il-Lhud ma aċċettawx aktar lill-insara fis-sinagoga u fit-Tempju. L-insara bdew jiltaqgħu fid-”Domus Ecclesiae” (id-dar tal-ġemgħa) u hawn kienu jaqraw l-Iskrittura. Billi fil-komunità nisranija kien hemm ħafna Griegi, bdiet tintuża is-Settwaġinta.

Issa is-servizz liturġiku beda jieħu l-forma tiegħu. Kienu jibdew bil-qari mill-Kotba Mqaddsa u wara jiċċelebraw l-Ewkaristija. Din il-Liturġija bdiet tiġi ċelebrata fil-komunitajiet insara f’dawn id-djar. L-arkeoloġija Kristjana sabet għad ta’ dawn id-djar Knisja fis-Sirja, fit-Turkija u f’Ruma. L-appostli bdew jiktbu ittri lil dawn il-komunitajiet. Araw ftit dawn is-siltiet.

[1Kor:1:1] Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta' Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, [1Kor:1:2] lill-knisja ta' Alla li qiegħda f'Korintu; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, msejjħa biex ikunu qaddisin

[1Tess:1:1] Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja ta' Tessalonika f'Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu: grazzja lilkom u sliem.

[Fil:1:1] Pawlu u Timotju, qaddejja ta' Kristu Ġesù, lill-qaddisin kollha fi Kristu Ġesù, flimkien ma' l-isqfijiet tagħhom u d-djakni li jinsabu fil-belt ta' Filippi.

Dawn l-ittri bdew jinqraw lill-komunità u bdiet tinbena lista ta’ kitbiet li illum jifformaw it-Testment il-Ġdid. Kull ittra kienet miktuba għal skop differenti. San Pawl kiteb lill-Fillippin biex jirringrazzjhom. Kiteb lill-Galatin biex jiddfendi lilu nnifsu minn qlajjiet li xterdu fosthom. Kiteb lill-Korintin biex jirrispondi għal xi diffikultajiet li kellhom. Kiteb lir-Rumani biex jintroduċi lilu nnifsu qabel ma jmur hemm għax kien diterminat li xi darba jmur Ruma.

Maż-żmien dawn l-ittri kienu jgħadduhom lil komunitajiet oħra. Hemm ittri li kienu indirizzati lil għad ta’ komunitajiet.

[Apk:1:4] Ġwanni, lis-seba' knejjes li hemm fl-Asja: grazzja lilkom u sliem mingħand Dak li hu, u li kien, u li għad irid jiġi,

B’hekk dawn l-ittri bdew jixterdu u jinqraw fil-ġemgħa tal-insara. Din saret prattika komuni  kif naqraw fit-Tieni Ittra ta’ San Pietru.

[2 Pt: 3:15] Hekk ukoll kitbilkom Pawlu, ħuna l-għażiż, skond l-għerf li ngħata lilu.

Il-Vanġeli damu ftit ma nkitbu. L-ewwel vanġelu li nkiteb kien aktarx San Mark li nkiteb madwar is-sena 65. San Mattew u San Luqa akytarx inkitbu bejn is-sena 70 u 80, waqt li San Ġwann inkiteb madwar is-sena 100. L-ewwel insara kienu jipreferu jisimgħu fuq Ġesù minn dawk li mill-bidu raw b’għajnejhom. Meta għadda ż-żmien, il-Knisja xterdet u dawn ix-xhieda bdew imutu, inħasset il-ħtieġa li din ix-xhieda tibda tinġabar u tinkiteb. Kien hemm bosta li bdew jiġbru din ix-xhieda kif jgħid San Luqa fil-ftuħ tal-Evanġelju tiegħu.

[Lq:1:1] Bosta kienu dawk li ħadu f'idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f'rakkont wieħed il-ġrajja li seħħu fostna, [Lq:1:2] kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b'għajnejhom stess u saru ministri  tal-kelma.

Min ġabar sentenzi li qal Ġesù, min ġabar rakkonti ta’ mirakli, ħafna ġabru ir-rakkont tal-Passjoni, u kien hemm bin ġabar xhieda tad-dehriet tiegħu wara li qam mill-mewt. Biss irridu niftakru tliet affarijiet. Il-kitba u l-kotba (rombli) ma kienux ħaġa komuni, u ftit kienu dawk li kienu kapaċi jaqraw. It-tieni, il-parċmina li minna jsiru r-rombli (il-Kotba) kienet tiswa ħafna flus (b’paga ta’ ġurnata kont tixtri 2 pagni biss) u ftit kienu jaraw l-importanza li jkollhom ġabra ta’ informazzjoni miktuba. It-tielet, ħafna mill-ewwel insara ma kienux nies ta’ skola. Hekk jgħid San Pawl stess.

[1Kor:1:26] Araw x'intom, li Alla sejjħilkom; għax m'humiex ħafna fostkom li huma għorrief skond il-qjies tad-dinja, m'humiex  ħafna  s-setgħana, m'humiex  ħafna   n-nobbli. [1Kor:1:27] Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; [1Kor:1:28] għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn 'il dawk li huma xi ħaġa.

Sat-tielet seklu l-insara kienu meqjusin bħala nies sempliċi, injoranti, skjavi u boloh. Dan jgħidu Origene, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja li kien jgħix f’Lixandra fil-ktieb tiegħu ”Contra Celsus”

San Mark kien il-kuġin ta’ Barnaba u fil-bidu kien imur ma’ San Pawl. Imbagħad reġa lura Ġerusalemm u għamel żmien twil ma’ San Pietru. Mill-vanġelu tiegħu tinduna li uħud minn l-istejjer kienu dawk li kien jirrakonta San Pietru. Aktarx li meta kien tifel kien qrib ħafna tal-appostli u ta’ Ġesù. Hu kellu f’idejh ukoll ġabra ta’ sentenzi li kien jgħid Ġesù.

San Mattew kien appostlu. Hu kellu f’idejh ukoll ġabra ta’ sentenzi li kien jgħid Ġesù. Dawn is-sentenzi, hu ġabarhom flimkien f’dak li nsejħulu d-Diskors tal-Muntanja.

San Luqa ma kienx Appostlu. Hu kien jisma’ lil San Pietru u lil San Pawl. Mill-esperjenzi tagħhom kiteb il-Vanġelu u l-Atti. Qabel beda jikteb, kif jgħid hu stess, fittex bir-reqqa dak li kienu kitbu bosta nies qablu. Inkluż dawk is-sentenzi li semmejna qabel.

Għalhekk, billi t-tlieta li huma kkonsultaw l-istess sorsi, hemm xebħ kbir bejniethom. Is-sentenzi ta’ Ġesù fit-tliet vanġeli huma simili ħafna, uħud mir-rakkonti tal-mirakli huma simili, u ukoll il-pjan tal-Evanġelju hu simili. Jibdew bil-magħmudija ta’ Ġwanni fil-Ġordan, ikomplu bil-missjoni fil-Galilija, it-triq lejn il-Lhudija sa ma jasal Ġerusalemm u hemm ibati il-passjoni, imut u jirxoxta.

Minħabba dan ix-xebħ insejħulhom il-Vanġeli Sinottiċi.San Ġwann hu differenti ħafna. Imma fuq San Ġwann nitkellmu fit-tul aktar ’il quddiem.

Kien hemm evanġelji oħra, fosthom dawk imsejħin ta’ San Tumas u ta’ San Pietru. Biss, jidher ċar li dawn inkitbu mijjiet ta’ snin wara Ġesù. Dawn l-Evanġelji insejħulhom Apokrafi. Sas-seklu 4 (AD367) għandna konferma tal-lista tal-kotba tat-Testment il-Ġdid li kienu jintużaw fil-Knisja. Din il-lista kitibha San Atanasju. Min dak iż-żmien ’l hawn din il-lista baqgħet il-lista aċċettata mill-Kattoliċi, l-Ortodossi u anki l-Protestanti għax Luteru aċċetta li dawn il-kotba kollha jiffurmaw it-Testment il-Ġdid. Mela fuq it-Testment il-Ġdid ma hemm ebda firda bejn il-knejjs insara kollha.