IL-KANONI TAL-BIBBJA

Minn Dun Pawl Sciberras

Il-kelma ‘kanoni’ ġejja mil-Lhudi ‘qanèh’, li tfisser qasba (tal-kejl) (bħal f’Eżekjel 42 meta kejjel l-area tat-Tempju bil-qasba tal-kejl, imbagħad ittieħdet fil-Grieg bħala kanôn, riegla, regola. Il-kanoni jirreferi għal-lista ta’ kotba tat-Testment il-Qadim u tat-Testment il-Ġdid li huma meqjusa bħala normativi, regolamentari għall-komunità li tħaddanhom. Ma kinitx titqies bħala li torbot bħal kull ktieb ieħor din il-lista kieku ma kienx hemm il-fidi li hu Alla li jaġixxi fl-Istorja, u mhux id-destin. Imma Alla ma jaġixxix mingħajr il-bniedem. Allura kien il-bniedem li fforma din il-lista wkoll. Il-bnedmin kienu dawk li matul din l-istorja għarfu l-ispirazzjoni ta’ ktieb u mhux ta’ ieħor. Il-kanoni huwa mod ieħor li fih il-Knisja tixhed il-fidi tagħha; il-kanoni huwa prodott tal-fidi u li jikkontrolla l-espressjoni tal-fidi. Dan kollu jfisser li l-kanoni mhux xi kejl xjentifiku imma frott tal-fidi tal-komunità li temmen.

Il-kanoni tat-Testment il-Qadim beda l-aktar meta beda jinħass il-bżonn li jiġu determinati dawk ir-regolamenti tal-Liġi (Neħ 8; Salm 119). Warajhom, u malajr, ġew miżjuda magħhom il-kotba tal-Profeti (barra Danjel) u l-Kitbiet (Salmi, Proverbji). Għal ħafna żmien ma kinitx ċara d-delimitazzjoni għall-kotba li ma kinux għadhom meqjusa bħala kanoniċi. Hekk ngħidu aħna fl-Ittra ta’ Ġuda v.14 jissemma l-Ktieb apokrifu ta’ Enok bħala profezija awtentika.

Wara l-qerda ta’ Ġerusalemm fis-sena 70 W.K., ġie stabbilit b’mod definittiv il-kanoni għat-Testment il-Qadim, fis-sinodu ta’ Jamnija fis-sena 90 W.K. Il-Konċilju ta’ Trentu fl-1546 semma l-kotba wieħed wieħed li għandhom jitqiesu bħala kanoniċi billi żamm il-lista t-twila tal-kanoni Lhudi. Din il-lista hija msejħa mill-Kattoliċi l-lista tal-kotba proto-kanoniċi (li ġew aċċettati bħala kanoniċi mal-ewwel approvazzjoni – proto tfisser l-ewwel). Il-kotba l-oħra li ġew aċċettati mill-Kattoliċi bħala kanoniċi imma mhux mill-bqija tal-Knejjes (ngħidu aħna, mill-Protestanti) huma msejħa dewtero-kanoniċi (dewtero tfisser it-tieni). Dawn huma Tobit, Ġuditta, Ester (parti), Ktieb il-Għerf, Bin Sira, Báruk, Danjel (parti), u 1 u 2 Makkabin. Il-Protestanti u l-oħrajn isejħulhom apokrifi (mill-Grieg apokryptein, huwa ħeba).

F’xi Bibbji, l-aktar dawk li għandhom l-ekumeniżmu fil-mira tagħhom, bħalma hi l-Għaqda Biblika Maltija, bi ftehim bejn is-Santa Sede u l-United Bible Societies iqiegħdu l-kotba dewtero-kanoniċi għalihom bejn it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid.

 

Għat-TĠ, il-kanoni kellu storja differenti. Il-Knisja żammet f’moħħha ħafna dak li ġara għall-kanoni tat-TQ. Il-kitbiet tat-TĠ kienu jixterdu ħafna u malajr fost il-komunitajiet insara (Kol 4:16 – “Meta tkunu qrajtu din l-ittra, ħudu ħsieb li jaqrawha wkoll fil-knisja ta’ Laodiċija u intom taqraw l-ittra ta’ Laodiċija”). Sar tentattiv ukoll biex mill-Erba’ Evanġelji meqjusa ispirati u kanoniċi jsir wieħed. Marċjon fit-II seklu għażel l-Evanġelju ta’ Luqa flimkien ma’ 10 ittri ta’ San Pawl. Sadattant bdew jinkitbu ħafna kitbiet apokrifi tat-TĠ (evanġelji apokrifi, jiddeskrivu f’dettalji kbar it-tfulija, iż-żgħożija u l-qawmien ta’ Ġesù; atti tal-Appostli apokrifi, li jirrakkuntaw il-ġrajjiet tal-Appostli kollha; ittri apokrifi tal-Appostli, li jaqbdu punti mill-Ittri awtentiċi u jiżviluppawhom, bħall-Ittra lill-Komunità ta’ Laodiċea; ittri oħra apokrifi, bħall-ittra ta’ Barnaba; apokalissi apokrifi, li jiddeskrivu b’ħafna fantasija t-tbatijiet tal-aħħar jiem.)

Intagħżlu fuq il-kriterji ewlieni kitbiet li jħaddnu fihom il-karattru ta’ Kotba Mqaddsa: l-Erba’ Evanġelji; l-Ittri ta’ San Pawl (mhux Lhud), li huma mqassma skont it-tul tagħhom; imbagħad l-Atti tal-Appostli; 1 Pt; 1Ġw; fil-Punent biss l-Apokalissi u fil-Lvant biss Lhud. Il-kriterju ewlieni kien li kitba trid tkun attribwita lil xi Appostlu. Ewsebju, Isqof ta’ Ċesarija ġabar magħhom anke dawk il-kotba li kien għadhom mhux aċċettati (mingħajr ma ta l-verdett tiegħu dwarhom).

Għall-Knisja Kattolika, Il-Konċilju ta’ Trentu 8/4/1546 u Vat I (1870) li ddefinixxew dommatikament li l-kotba tal-Bibbja fil-lista mogħtija huma Sagri għax ispirati minn Alla.

 

Ara l-filmat minn Dun Pawl Sciberras ...