L-ISTORJA TAS-SALVAZZJONI

Minn Dun Pawl Sciberras

Il-kulur isfar fuq kelma jfisser li hemm stampi għaliha

L-istorja tal-Poplu Magħżul ta’ Alla meqjusa mill-għajnejn u l-punto di vista tal-azzjoni ta’ Alla: fiha u permezz tagħha Alla juri lilu nnifsu, jirrivela lilu nnifsu, bħala salvatur u feddej, mhux biss bħala ħallieq.

L-idea ta’ Alla li jsalva lil dawk li jemmnu fih hija komuni ħafna fir-reliġjonijiet kollha. Fit-TQ hija tema li nsibuha l-ħin kollu, dejjem b’ħafna rispett; biżżejjed wieħed jara l-għerq tal-verb “jaxaq - salva” fl-ismijiet tal-peronaġġi ewlenin bibliċi (Jeħoxuàq – Ġożwè; Jexaqjáħu -Iżaija; Elixàq - Eliżew; Ħoxéaq - Ħosegħa).

Imma l-esperjenza storika tal-Poplu ta’ Alla tagħti kulur speċjali lill-kelma li tispjega l-għala tiġi użata daqshekk fl-eskatoloġija profetika.

Meta Iżrael isib ruħu fi kriżi li minnha Alla jeħilsu (dilluvju; il-jasar fl-Eġittu; ritorn mill-eżilju), jew b’sensiela providenzjali ta’ ċirkustanzi li xi mindaqqiet huma tassew mirakli (il-kastigi tal-Eġittu; ħelsien mill-Filistej), jew inkella permezz ta’ bnedmin li Alla jibgħat ħalli jwassal lil Iżrael lejn ir-rebħa (Elija, Gideon, Sansun, David, Mosè), Iżrael iħoss u jemmen li qiegħediġarrab is-salvazzjoni ta’ Alla.

L-assedju ta’ Ġerusalemm minn Sanherib huwa eżempju klassiku ta’ sitwazzjoni bħal din: is-sultan tal-Assirja jisfida lil Jaħwè ħalli dan isalva lil Iżrael (2Slat 18:30-35). Iżaija jwiegħed is-salvazzjoni (2Slat 19-20), u Alla jsalva l-Poplu tiegħu. L-istoriċi tal-Kotba Mqaddsa juruna ħafna minn dawn l-esperjenzi fi żminijiet tal-qedem. Alla jasalva lil David (= irebbħu) kull fejn imur (2 Sam 8; 23). Huwa jsalva lill-Poplu tiegħu minn idejn l-għedewwa tiegħu billi juża lil David (2Sam 3) bħalma kien ġa għamel ma’ Sawl (1Sam 11), Samwel (1Sam 7), l-imħallfin kollha (Mħ 2), Gidgħòn (Mħ 6), Sansun (Mħ 13). L-aktar fi żmien l-Eżodu, Alla salva lil Iżrael billi fdiehom u ħelishom (Eż 14).

Nifhmu għalhekk għaliex kull darba li xi diżastru jkun joqrob lejn Iżrael, hu jdur lejn Jaħwè biex ikun jista’ jiġi salvat (Ġer 4:14) u jilmenta jekk is-salvazzjoni ma tasalx. Hu jaf li ma hemmx salvatur ħlief Alla tiegħu (Iż 43).

Naturalment, l-aqwa salvazzjoni waslet f’dak li ismu stess ifisser “Alla jsalva” lill-Poplu tiegħu minn dnubiethom (Mt 1:21), Ġesù. Lir-rgħajja, l-anġlu jgħidilhom li fil-Belt ta’ David tweldilhom Salvatur, li hu Kristu l-Mulej. Xmun, fil-preżentazzjoni tat-tarbija Ġesù fit-Tempju, iħabbar u jgħid lil Alla li issa jista’ jmut għax għajnejh raw is-salvazzjoni ta’ Alla (meta kulma kien qiegħed jara kienet tarbija tat-twelid).

B’hekk fl-Istorja kollha ta’ Iżrael, il-Poplu kien jara lil Alla miexi miegħu pass pass. Anke fejn tidher biss l-id tal-bniedem u tas-salvaturi l-oħra tiegħu, il-Poplu ta’ Alla kien jara l-id ta’ Alla. B’hekk l-istorja anke dik profana tal-bniedem bdiet titqies bħala Storja ta’ Salvazzjoni, anzi Storja li ssalva: Alla jidħol fl-Istorja tal-bniedem u juża l-istess ġrajjiet biex isalvah.

B’salvazzjoni ma nifhmux biss il-fejqan tar-ruħ, il-maħfra tad-dnubiet, salvazzjoni tal-ispiritwali fil-bniedem.

 

Salvazzjoni tal-bniedem sħiħ

Bil-Lhudi biex tgħid salvazzjoni, tgħid jeʽàh (bħall-isem ta’ Ġesù, Jexûàʽ). Fil-lingwistika komparattiva fil-fatt għandha l-istess konsonanti tal-għerq tal-kelma Maltija “wisa’”.

Mela s-salvazzjoni m’għandhiex x’taqsam biss mal-ispiritwal (il-maħfra tad-dnubiet, ngħidu aħna) imma ma’ dak kollu li jgħin biex il-bniedem joħroġ mill-iggrunċjar tal-persuna tiegħu għall-wisa’ ta’ personalità ħielsa, biex jerġa’ jikseb is-sħuħija tiegħu, jerġa’ jsir bniedem sħiħ, ġisem, ruħ, psike ... b’mod li meta Alla nnifsu jħares lejh, jista’ jgħid: kollox huwa tajjeb ħafna!

(S 66:10-12) Għax int, o Alla, ġarrabtna, għaddejtna mill-prova bħall-fidda. Ħallejtna naqgħu fix-xibka, issikkajtilna bi ħżiem ġenbejna. Ħallejt in-nies jirkbu fuq rasna, għaddejtna min-nar u mill-ilma; iżda mbagħad ħriġtna fil-wisa’.

Ix-xbieha tajba hija l-caterpillar li jsir pupa (chrysalis) u joħroġ għall-wisgħa f’farfett sabiħ, kollu lwien.

Il-fejqan huwa part and parcel mas-salvazzjoni, u s-salvazzjoni tal-bniedem sħiħ; ġisem u ruħ. Il-messaġġ tad-Domma u tal-Qari tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija corpore et anima, ġisem (l-ewwel) u ruħ.

Kemm mirakli għamel Ġesù li għandhom x’jaqsmu mar-realtà spiritwali tal-bniedem, mal-ispiritual realm?

33 rakkonti ta’ Mirakli (inkluż doppji)

17 Fejqan

6 mirakli tan-natura

3 qawmien mill-mewt

1 Fejqan ta’ ħafna nies

6 eżorċiżmi

 

Miraklu tal-paralitiku li niżżluh mis-saqaf (Mark 2:10-12): “‘Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art,’ qal   lill-mifluġ, ‘Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek [li jfakkrek fid-diżabiltà fiżika tiegħek] u mur lejn darek.’ Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: ‘Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom.’”

X’ma kinux raw, allura? Forsi li l-fejqan fiżiku issa sar sinjal tal-fejqan spiritwali? Forsi li l-fejqan fiżiku u spiritwali flimkien saru s-sinjal tas-salvazzjoni sħiħa?

 

Ara l-filmat minn Dun Pawl Sciberras ...