L-ISPIRAZZJONI

It-Tieni Parti

Minn Dun Paul Sciberras

L-estensjoni tal-ispirazzjoni – x’jispira: il-messaġġ biss; kull dettall; il-kitba aħħarija?

Il-Knisja qatt ma aċċettat li hemm xi limitu fl-ispirazzjoni (anke f’dettalji storiċi, kulturali jew ta’ drawwiet, ġografija [Lq 2:22 – “meta għalqilhom żmien it-tisfija tagħhom”, meta l-purifikazzjoni kienet issir biss għall-omm; Lq 17:11 - Ġesù sejjer lejn Ġerusalemm jgħaddi bejn is-Samarija u l-Galilija ...]). Dak kollu li l-awtur ispirat jagħmel, jgħid jew jikteb, għandu jkun meqjus bħala magħmul, miktub u mitkellem taħt l-ispirazzjoni, anke jekk mhux kull ma hu miktub fil-Bibbja huwa direttament rivelat minn Alla. Proverbji jew Qóħelet ma kienx hemm għalfejn xi rivelazzjoni għax huma għidut meħuda mill-ħajja ta’ kuljum. Lanqas il-parabboli. Imma kif huma ingastati u l-messaġġ li jwasslu fil-kuntest li ntqalu jew inkitbu, kellhom bżonn l-ispirazzjoni.

 

Kriterji ta’ ispirazzjoni u allura ta’ kanoniċità

Miktuba minn profeta jew appostlu magħruf (L-awtur ta’ 2 Pt 3:16 iqis bħala “Skrittura”, jiġifieri ispirati, il-kitbiet ta’ Pawlu: “Hekk ukoll kitbilkom Pawlu, ħuna l-għażiż, skont l-għerf li ngħata lilu. Hekk kiteb fl-ittri kollha tiegħu, li fihom tkellem fuq din il-ħaġa. Dawn l-ittri fihom xi ħwejjeġ li huma tqal biex wieħed jifhimhom, u dawk li ma jifhmux u li m’humiex sħaħ biżżejjed ifissruhom ħażin għat-telfien tagħhom stess; hekk jagħmlu wkoll mill-kotba l-oħra tal-Iskrittura.”)

Miktuba minn dawk li kellhom x’jaqsmu ma’ Profeta jew Appostlu (L-evanġelji: Mt ma’ Levi/Mt; Mk ma’ Pietru; Lq ma’ Pawlu; Ġw ma’ Ġw l-Appostlu)

Fihom il-verità fil-fidi u l-morali

Fidili għal tagħlim li diġà kien aċċettat bħala kanoniku f’dak li għandu x’jaqsam ma’ fidi u morali

Konfermat minn Ġesù, profeta jew appostlu (Lq 24:44; 2 Pt 3:16): jekk humhiex ikkwotati fit-TĠ (Ġesù jikkwota lil David f’S 110)

Użu liturġiku, ekkleżjali (mhux minn xi setta biss, bħall-evanġelji Njostiċi) u magħruf minnha

 

Il-Konċilju ta’ Trentu 8/4/1546 u Vat I (1870) iddefinixxew dommatikament li l-kotba tal-Bibbja fil-lista mogħtija huma Sagri għax ispirati minn Alla.

 

Ara filmat minn Dun Paul Sciberras ...