IL-FORMAZZJONI TAL-BIBBJA

Għal min iħares lejha għall-ewwel darba, ma fiha xejn speċjali, ktieb komuni bħall-oħrajn kollha. Forsi xi ftit eħxen minn dawk komuni, imma lanqas din mhix xi ħaġa rari għax spiss issib oħrajn voluminużi daqsha jew anke aktar minnha.

Issibha stampata f’edizzjonijiet differenti, f’qisien differenti u f’għamliet differenti.  Kienet tradotta tista’ tgħid fl-ilsna tal-popli kollha, anke ta’ popli mill-aktar żgħar, per eżempju bħal tagħna l-Maltin.  Jgħidu li hija l-ktieb li l-aktar qatt kien stampat matul is-sekli, mhux biss, imma hija l-ktieb li baqa’ l-aktar popolari u magħruf għall-aktar tul ta’ żmien.

Imma malli toħofha f’idejk, tiftaħha u tagħti daqqa t’għajn lejn il-werrej, mill-ewwel tintebaħ li għalkemm stampata f’volum wieħed, din mhix ktieb wieħed imma ġabra ta’ bosta kotba flimkien.  Hija eżattament librerija ta’ 73 ktieb.

Din hija l-Bibbja, 73 ktieb li bosta minnhom kienu miktuba minn persuni differenti, matul żminijiet differenti u allura f’ċirkustanzi u għal raġunijiet differenti.  Anke l-ilsna li fihom inkitbu t-test oriġinali, mhux dejjem kienu l-istess.

L-istil tal-kitba jvarja minn ktieb għall-ieħor.  Hemm rakkonti storiċi, miti, parabboli, salmi, poeżiji u għanjiet. Hemm kitbiet f’forma ta’ qwiel miġbura minn fost il-kulturi taż-żmien. Fil-Bibbja nsibu ittri miktuba minn persuni lill-persuni oħra jew lill-komunitajiet sħaħ.  Hemm profeziji u saħansitra kitbiet apokalittiċi.

Dawn it-73 ktieb tal-Bibbja huma miġbura f’żewġ taqsimiet ewlenin li spiss huma msejjħa, testmenti. It-Testment il-Qadim jiġbor fih 46 ktieb li kollha kienu miktuba qabel il-miġja ta’ Kristu fid-dinja. Il-kumplament ta’ 27 ktieb li nsibu miġbura fit-Testment il-Ġdid, inkitbu wara l-miġja ta’ Kristu u wara t-tlugħ tiegħu fis-sema.

 

Hawn taħt tista’ ssib aktar tagħrif dwar dawn it-temi ...

a.  Kif inhi maqsuma l-Bibbja? Mons. Lawrenz Sciberras ...

b.  Kemm għandna kotba fil-Bibbja? Dun Paul Sciberras ...

c.  Il-Bibbja nkitbet kollha fi żmien wieħed u minn id waħda? Mons. Joseph Sultana ...

d.  Il-Bibbja hi miktuba kollha stil wieħed? Patri Marcello Ghirlando ofm ...

e.  Veru li l-Bibbja tagħna l-Insara hija mibnija fuq dik Lhudija? Mons. Lawrenz Sciberras ...