IL-BNIEDEM JISTAQSI

Il-bniedem kontinwament jagħmel lilu nnifsu u lill-oħrajn għadd ta’ domandi.  Biżżejjed tagħmel ftit mumenti tisma’ tifel żgħir jew tifla ta’ ftit snin u tinduna li sa minn l-aktar età tenera, aħna kontinwament nistaqsu, Forsi għal bidu dawn tagħna jkunu domandi dwar ħwejjeġ, ġrajjiet, u persuni li jseħħu u li jkollna madwarna, imma biż-żmien, id-domandi jibdew ikunu dwar ħwejjeġ ferm aktar profondi u li spiss it-tweġiba għalihom ma tkunx tant faċli.

 

L-Ewwel Domanda: Il-Ħolqien

Mill-esperjenza tiegħu il-bniedem jaf li xejn ma jsir waħdu. Nafu li l-ikel li nieklu ma jitfaċċax fil-platt waħdu, imma jkun hemm xi ħadd li jkun sajjru u ppreparah għalina.  Li l-affarijiet li għandna ma ġewx waħedhom, imma nxtraw u qabel dan xi ħadd kien għamilhom.  Naf li x-xogħol tad-dar li għandi nagħmel jien, jekk ma nagħmlux, jibqa’ ma jsirx. Li d-dar li noqgħodu fiha ma saritx waħedha, imma xi darba, kien hemm xi ħadd li bnieha ġebla fuq ġebla. Aktar minn hekk, biex għamel dan, il-bennej kellu bżonn il-ġebel, l-ilma, it-tajn, il-konkoss, u tant affarijiet oħra.

U allura, jekk din id-dar li noqgħdu fiha ma saritx waħedha, kif hawn min jgħid li d-dinja, id-dar komuni tagħna lkoll, saret waħedha bla ma għamilha ħadd?

Fuq kollox, jekk kien hemm xi ħadd li għamel id-dinja u l-univers kollu ta’ madwarna, allura lilu min għamlu.?

Din hija l-ewwel domanda bażika, li ma nagħmlux biss aħna llum, imma li l-bniedem, sa mill-eqdem żminijiet, dejjem għamel lilu nnifsu.  U din id-domandi tal-antenati bikrin tagħna għadna nistgħu narawha minquxa f’tant siti arkeoloġiċi u fdalijiet li jmorru lura eluf kbar ta’ snin.

 

It-Tieni Domanda: It-Tbatija u l-Ħażen

Imbagħad hemm kwestjoni oħra li tant tħawwadna u li t-tweġiba għaliha mhux dejjem faċli niskopruha.  Għaliex fid-dinja hawn tant tbatija u tant ħażen?

It-tbatijiet li naraw madwarna, uħud ikkaġunati minna stess u oħrajn li jidhru ġejjin min-natura nfisha, kultant inislu fina dubji kbar u bl-aktar mod naturali spiss toħroġ minn fommna u minn qalbna d-domanda, “Għaliex?”

Jekk għalina nfusna, aħna nixtiequ l-paċi, il-ġid, l-għaqda u l-imħabba, għaliex fid-dinja hawn tant ġlied, gwerrer, firdiet u mibegħda?

Fuq kollox, x’inhuwa l-iskop tal-ħajja, jekk fl-aħħar mill-aħħar hemm il-mewt?

 

Dawn huma domandi li ħafna drabi nagħmlu minn kollox biex ninjorawhom u minflok naħsbu dwarhom u nfittxu tweġiba għalihom, aktar nippruvaw noħonquhom ġo fina permezz tal-ħafna attivitajiet u r-rutina ta’ kuljum. 

Iżda minkejja dan, meta jitfaċċaw quddiema ġrajjiet u ċirkustanzi ta’ ħażen, tbatija, mard u mewt, minnufih nintebħu li d-domandi għadhom hemm, mhux imwieġba. 

Mnejn ġejna, u wara hawn fejn sejrin?  Ġejna mill-baħħ u ser nispiċċaw fil-baħħ? X’sens fiha l-ħajja, li bis-sabiħ u l-ikrah kollu tagħha kontinwament narawha tispiċċa fix-xejn?

Imma fuq kollox, anke jekk nibqgħu nistaqsu lilna nfusna, il-bniedem għandu tweġiba għal dawn l-aktar domandi profondi tal-eżistenza tiegħu, jew forsi jrid ifittex tweġiba lil hinn minnu nnifsu? 

Hemm, ‘il barra minna, jew forsi hawn ġewwa fina stess, hemm xi ħadd ieħor, xi eżistenza ogħla minna, li mhux biss għandha tweġiba għal dan kollu, imma hija stess hija t-tweġiba għad-domandi kollha tagħna?

Kelma relatata ħafna mal-kapaċita tal-bniedem li jagħmel dawn id-domandi u jfittex tweġiba għalihom, hija Filosofija.

 

Ara wkoll ...

1. Fr Mark Sultana dwar il-kelma, Filosofija.

2. Żewġ mistoqsijiet dwar il-fidi f'Alla.