L-ENĊIKLIKA

“MYSTICI CORPORIS CHRISTI”

TAL-PAPA PIJU XII

 "Il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, li hu l-Knisja"

  

 

KIF TITQASSAM L-ENĊIKLIKA

Introduzzjoni:

Għaliex ġiet miktuba din l-Enċiklika

 

L-Ewwel Parti: IL-KNISJA L-ĠISEM MISTIKU TA’ KRISTU

 

Preambolu: Waqgħa flimkien ma’ Adam, fidwa flimkien ma’ Kristu

KAP I: IL-KNISJA “ĠISEM”

            Wieħed ma jistax jinqasam, li jidher

            Lil-membri Tiegħu jgħinu ’l xulxin

            Kostitwit organikament u ġuridikament

            Mogħni b’mezzi vitali ta’ santifikazzjoni, is-Sagramenti

            Biex tkun imsieħeb fil-Knisja

            Il-midinbin mhumiex esklużi

KAP II: IL-KNISJA L-ĠISEM TA’ KRISTU

1. Kristu l-Fundatur ta’ dan il-Ġisem

            A. Beda jwaqqafha matul il-ħajja pubblika

            B. Temmha fuq is-Salib

                        Fuq is-Salib il-liġi l-ġdida ħadet il-post tal-liġi l-qadima

                        Bir-Rebħa tas-Salib temm il-Fidwa

                        Bis-Salib Huwa immerita l-miġja tal-Ispirtu Santu fuq il-Knisja

            Ċ. Ippromulga l-Knisja nhar Pentekoste

2. Kristu l-Kap tal-Ġisem

            A. Kristu Kap imħabba l-preminenza Tiegħu

            B. Għaliex Hu jiggverna l-Knisja

                        a) Bi treġija inviżibbli u straordinarja

                        b) Bi gvern viżibbli

                                    (i) Fil-Knisja Universali permezz tal-Papa

                                    (ii) F’kull djoċesi permezz tal-Isqfijiet

            Ċ. Għaliex Kristu u l-Ġisem għandhom bżonn xulxin

            D. Imħabba x-xebħ bejn Kristu u l-membri Tiegħu

            E. Imħabba l-milja Tiegħu

             Imħabba l-influwenza dinamika Tiegħu

                        a) Kristu l-għajn tad-dawl

                        b) Kristu l-għajn tal-qdusija

3. Kristu s-Sostenitur tal-Ġisem

            A. Il-Knisja Kristu ieħor

                        a) Imħabba l-missjoni ġuridika tagħha

                        b) Imħabba l-ħajja sopranaturali tagħha

            B. Il-Knisja tgħix bl-Ispirtu ta’ Kristu

            Ċ. L-Ispirtu Santu r-Ruħ tal-Ġisem Mistiku

4. Kristu l-Feddej tal-Ġisem

KAP III: IL-KNISJA L-ĠISEM MISTIKU

            Ġisem Mistiku u Ġisem Fiżiku

            Ġisem Mistiku u Korp Morali

            Nobbiltà li ma bħala tal-Ġisem Mistiku

            Erruri dwar in-natura tal-Knisja

            Id-difetti tal-bnedmin fil-Knisja ma jħassrux il-kostituzzjoni divina tagħha

 

It-Tieni Parti: L-UNJONI TAL-FIDILI MA’ KRISTU U FI KRISTU

 

KAP I: IN-NATURA TAL-UNJONI

            L-intimità tagħha

            Rabta ġuridika

            Rabta viżibbli

            Il-virtujiet teologali

            L-imħabba tal-proxxmu tagħna

            L-imħabba ta’ Kristu għalina

            Kristu ġewwa fina permezz tal-Ispirtu Tiegħu

            Il-Knisja l-milja ta’ Kristu – “Kristu sħiħ”

            Il-ħtieġa ta’ kura reverenti fl-istudju ta’ dan il-misterju

            Il-ħajja ġewwa fina tal-persuni Divini

            L-Ewkaristija s-sinjal ta’ din l-unjoni

KAP II:             ERRUR DWAR DIN L-UNJONI

            L-hekk imsejħa unjoni fiżika ta’ Kristu u tal-membri Tiegħu

            Kwietiżmu

            Erruri dwar il-Qrar

            Erruri dwar it-Talb

 

It-Tielet Parti: TĦEĠĠIĠ SABIEX INĦOBBU L-KNISJA

 

1. Jeħtieġ li nħobbu l-Knisja kif għamilha Kristu

2. Fil-Knisja jeħtieġ li naraw lil Kristu stess

 Il-kundanna ta’ delitt faħxi

3. Jeħtieġ li nħobbu l-Knisja kif iħobbha Kristu

            a) Imħabba li tħaddan lil kulħadd

            b) Imħabba dejjem ħajja

            ċ) Imħabba murija bit-talb

                        (i) Għall-membri tal-Knisja

                        (ii) Għal dawk li għad mhumiex membri

     Appell lil dawk li mhumiex membri Kattoliċi

     Il-konverżjoni bil-grazzja mhux bilfors

                        (iii) Għal dawk li qegħdin jiggvernaw

            d) Imħabba li tidher billi wieħed jaċċetta t-tbatijiet minn idejn Alla

 

Eżortazzjoni tal-aħħar

 

Epilogu: Invokazzjoni lill-Verġni Omm Alla

 

 

 

Aħwa Venerabbli, Saħħa u Barka Apostolika Tagħna.

INTRODUZZJONI

L-għaliex ġiet miktuba din l-Enċiklika

1.         Id-duttrina talisem Mistiku ta’ Kristu, li hu l-Knisja[1] li rċevejna mill-bidu minn fomm il-Feddej innifsu, u li tqiegħed fil-veru dawl tiegħu dan il-benefiċċju, li qatt ma nistgħu nfaħħru biżżejjed, tal-għaqda sħiħa tagħna ma’ dan il-Kap hekk sublimi tistieden ċertament, imħabba l-kobor u l-għoli tagħha, lill-bnedmin kollha mqanqla mill-Ispirtu t’Alla biex jirriflettu fuqha u bid-dawl li hija tixħet f’ruħhom tqanqalhom bil-qawwa biex iwettqu dak l-għemil ta’ fejda li jaqbel ma’ dan it-tagħlim. Għalhekk, Aħna ħassejna li hu dmir Tagħna li nkellmukom fuq dan is-suġġett f’din l-Enċiklika, billi niżviluppaw l-aktar dak li għandu x’jaqsam mal-Knisja Militanti. Dak li qiegħed iġegħelna nagħmlu dan huwa l-kobor eċċezzjonali ta’ din id-duttrina, kif ukoll iċ-ċirkustanzi taż-żmien li qegħdin ingħixu fih.

2.         Il-fehma Tagħna, infatti, hija li nitkellmu fuq it-teżori maħżuna fi ħdan din il-Knisja li Kristu rebaħ b’demmu[2] u li l-membri tagħha jħossu ruħhom imkabbra taħt il-Kap inkurunat bix-xewk – xhieda ċara li l-isbaħ glorji, u l-akbar ġid, ma jiġux ħlief mid-duluri u li għaldaqstant aħna għandna nifirħu li jkollna sehem fit-tbatijiet ta’ Kristu, sabiex fil-jum meta tidher il-glorja Tiegħu aħna wkoll ikollna hena u ferħ.[3]

3.         Jeħtieġ mill-ewwel nosservaw kif il-Feddej tal-bnedmin kollha sofra persekuzzjonijiet, kalunji u torturi minn dawk stess li Hu ġie biex isalva, hekk wkoll is-soċjetà, istitwita minnu, tixbah f’dan lill-Fundatur tagħha. Aħna ma niċħdux tabilħaqq anzi għall-kuntrarju Aħna nistqarru s-sentimenti ta’ rikonoxxenza lil Alla, illi f’dawn iż-żminijiet imħawda, għadd kbir ta’ dawk li huma mifrudin mill-merħla ta’ Ġesù Kristu qegħdin iħarsu lejn il-Knisja bħala l-uniku port tas-saħħa; iżda Aħna nafu wkoll f’dan kollu, il-Knisja t’Alla hija iddisprezzata, attakkata u ikkallunjata b’mibegħda kbira minn dawk li ħallew id-dawl tal-għerf nisrani, u reġgħu miżerament għat-tagħlim, għad-drawwiet u għall-fehmiet tal-antikità pagana; u saħansitra spiss anki ħafna nsara jħallu l-apparenzi qarrieqa tal-erruri jiġbduhom u jinjuraw il-Knisja; b’mod li jsiru indifferenti lejha, jew igħixu bħallikieku ma tispiralhomx ħlief sikkatura u dwejjaq. Għalhekk, immela, Ħutna Venerabbli, bi dmir tal-kuxjenza, u biex naqtgħu x-xewqa ta’ bosta, Aħna rridu npoġġu taħt għajnejn kulħadd u niċċelebraw, il-ġmiel, il-meriti u l-ġieh tal-Knisja Ommna li lilha wara Alla, nafu kollox.

4.         Irridu nittamaw li fit-tagħlim u fit-twissijiet Tagħna fiċ-ċirkustanzi tal-lum il-fidili jistgħu jsibu frott abbundanti; għax aħna nafu li f’dawn il-ġranet ta’ tempesta tant diżgrazzji u tbatija li qed jolqtu bla ħniena għadd bla tarf ta’ bnedmin, jekk jiġu milqugħin bis-sabar u bir-rassenjazzjoni minn idejn Alla, iwasslu l-erwieħ b’moviment biex ingħidu hekk naturali, mill-ġid tad-dinja li jgħaddi għall-ġid etern tas-sema u jqajmu għatx moħbi tal-ħwejjeġ spiritwali u xewqa kbira li taħt l-Ispirtu t’Alla, iqanqalhom iġegħelhom ifittxu b’zelu akbar is-saltna t’Alla. Aktar mal-bnedmin ikunu iddistakkati mill-frugħa u mill-ġibda ħażina għall-ġid ta’ din l-art, ikunu kapaċi jilqgħu d-dawl tal-misterji sopranaturali. Issa, llum, forsi aktar ċar minn qatt qabel, wieħed jagħraf il-frugħa u x-xejn tal-ġid tal-art, meta jara saltniet u nazzjonijiet sħaħ jiġġarrfu, meta jara riżorsi u għana ta’ kull xorta immensi midfunin f’qiegħ il-baħar, meta bliet, irħula, raba’ fertili tal-biża’ u mċappsin bid-demm tal-ġlied jinsabu mħarbta b’qerda bejn l-aħwa.

5.         Barra minn dan, Aħna nittamaw li din l-ispjega Tagħna fuq il-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu, tkun togħġob u tkun utili wkoll għal dawk li huma mifrudin minn ħdan il-Knisja Kattolika. Dan iġegħelna nittamawh minn banda għaliex minn ġurnata għal oħra dawn jidhru qegħdin jinġiebu lejn il-Knisja. Mill-banda l-oħra għaliex meta huma jaraw taħt għajnejhom nazzjon, toħodha ma’ nazzjon, saltna tqum kontra saltna, l-għelt jikber bla tarf, il-mibegħda u ż-żerriegħa tad-diskordja tinfirex, jekk huma jħarsu lejn il-Knisja, jekk jikkontemplaw dik l-unità li għandha minn Alla – u li b’rabta ta’ aħwa tgħaqqad fi Kristu l-bnedmin ta’ kull razza — allura huma jkollhom bilfors jammiraw din is-soċjetà ispirata mill-imħabba, u mqanqlin u megħjunin mill-grazzja t’Alla, iħossu ruħhom miġbuda biex huma wkoll jingħaqdu f’din l-unità u f’din il-karità.

6.         Hemm raġuni oħra partikulari li tqanqalna u ġġegħelna naħsbu fl-idejiet kbar ta’ din id-duttrina, u li timliena b’ferħ kbir. Din hi li matul is-sena li għaddiet meta iċċelebrajna l-ġublew tal-fidda tal-Konsagrazzjoni Episkopali Tagħna, Aħna rajna b’konsolazzjoni kbira dehra li tirrifletti b’dawl qawwi x-xbiha tal-Ġisem Mistiku, Aħna rajna infatti, qalb gwerra twila u qerrieda li diżgrazzjatament ħarbtet ir-rabta tal-ħajja bejn il-ġnus lil kollha kemm huma wliedna fi Kristu, b’rieda waħda u b’qalb waħda jħarsu lejn il-Missier ta’ Kulħadd, li mgħobbi bil-ħsibijiet u s-sofferenzi ta’ kulħadd qed imexxi, f’dawn iż-żminijiet imħawda, id-dgħajsa tal-Knisja Kattolika. Aħna missejna b’idejna mhux biss l-unità tal-għaġeb tal-poplu nisrani, iżda wkoll l-affermazzjoni ta’ dan il-fatt: illi hekk kif Aħna ngħinu b’imħabba ta’ missier il-ġnus ta’ kull pajjiż, hekk ukoll il-Kattoliċi avolja ta’ nazzjonijiet li qed jiġġieldu bejniethom minn kullimkiien iħarsu lejna bħala l-missier li tant iħobbhom u li b’imparzjalità assoluta u b’ġudizzju rett lejn iż-żewġ naħiet jogħla ’l fuq mill-aġitazzjoni, mit-taqlib tal-bnedmin, sabiex igħallem u jiddefendi b’ħiltu kollha l-verità, il-ħaqq, il-karità.

7.         Kienet konsolazzjoni xejn anqas li sirna nafu bis-sottoskrizzjoni volontarja sabiex tinbena f’Ruma knisja dedikata lill-Qaddis Predeċessur u Patrun Tagħna, il-Papa Ewġenju I. Kif it-tempju li sa jinbena, bil-ħsieb u bil-ġbir tal-fidili kollha, sa jkun tifkira tal-ġublew Tagħna, hekk Aħna rridu nagħtu xhieda tar-rikonoxxenza tagħna permezz ta’ din l-Enċiklika, illi preċiżament titkellem minn dak il-ġebel ħaj, mibni fuq il-pedament li huwa Kristu, li flimkien jifforma tempju qaddis, wisq superjuri għat-tempji, mibnijin bl-idejn, irridu ngħidu, l-għamar t’Alla fl-Ispirtu Santu.[4]

8.         Iżda dmir Tagħna ta’ Ragħajja, illum huwa l-iskop ewlieni li jistidinna biex nittrattaw bir-reqqa din id-duttrina sublimi. Ħafna kitba fuq dan is-suġġett ġiet ippubblikata, u aħna nafu li qed jikber illum, in-numru ta’ dawk li qegħdin jiddedikaw ruħhom bil-ħeġġa għal dawn l-istudji, li fihom il-fidili jsibu fix ipaxxu u jsaħħu t-tieba tagħhom. L-ispjegazzjoni ta’ dan tidher li tinsab fil-fatt illi t-tiġdid ta’ zelu għal-liturġija sagra, il-frekwenza akbar għas-Sagrament tal-Ewkarisitija, u fl-aħħarnett id-devozzjoni iżjed imħeġġa lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, li Aħna qed naraw bil-ferħ fi żminijietna, qanqlu bosta erwieħ sabiex jimmeditaw aktar fil-fond it-tezori bla tmiem ta’ Kristu li hemm fi ħdan il-Knisja. Barra minn dan it-tagħlim li deher dan l-aħħar dwar l-Ażżjoni Kattolika filwaqt li saħħaħ iżjed ir-rabta tal-insara bejniethom u dik bejnhom u bejn il-Ġerarkija Ekkesjastika speċjalment mal-Papa, bla dubju ta’ xejn ikkontribwixxa mhux ftit biex jikkonċentra l-attenzjoni fuq dan is-suġġett. B’dana kollu, jekk min-naħa waħda, bid-dritt kollu, dan li semmejna jferraħna, mill-banda l-oħra ma nistgħux niċħdu li mhux biss kittieba mifrudin mill-Knisja qegħdin ixerrdu erruri kbar fuq din il-materja, imma wkoll fost il-fidili jiġru kultant opinjonijiet mhux eżatti jew għal kollox żbaljati li jkeċċu l-imħuħ ’il barra mit-triq id-dritta tas-sewwa.

9.         Għaliex, waqt li minn banda ssib dawk li jsostnu l-hekk imsejjaħ razzjonaliżmu li ma jrid jammetti xejn minn dak kollu li jaqbeż ’l hinn mis-setgħa tar-raġuni tal-bniedem, waqt li pass pass miegħu miexi żball ieħor imsejjaħ naturaliżmu, li fil-Knisja t’Alla ma jarax u ma jridx jara ħlief rabtiet ġuridiċi u soċjali biss, mill-banda l-oħra dieħel mistiċiżmu u qarrieq li jiffalsifika l-Iskrittura Mqaddsa li jipprova jwarrab l-għażla li hemm bejn il-kreaturi u l-Kreatur.

10.       Dawn it-teoriji foloz, li jmorru kontra xulxin huma ħtija ta’ xi whud, li milqutin minn biża’, barra minn loku, jaraw perikuluża din id-duttrina elevata u mwerwrin minnha, iħarsu lejha bħallikieku kienet il-frotta tal-ġenna tal-art, sabiħa iva, iżda ipprojbita. Xejn minn dan: il-misteri rivelati minn Alla ma jistgħux ikunu kaġun ta’ mewt għall-bnedmin, u lanqas għandhom jibqgħu mingħajr frott, bħal teżor moħbi ġo għalqa; għax Alla tahom sabiex iservu għall-progress spiritwali ta’ dawk li jimmeditawhom bid-devozzjoni. Għaliex kif igħallimna l-Konċilju Vatikan, “meta r-raġuni mdawla bil-fidi tfittex bir-reqqa, bit-tieba u bil-qima tasal, bil-grazzja t’Alla, biex tifhem b’ċertu mod il-misteri, u dan jiswielha ta’ ġid kbir, tant billi tqabbilhom ma’ dawk li hija taf b’mod naturali, tant imħabba r-rabta li hemm bejn l-istess misteri u bejnhom u bejn il-fini tal-bniedem” għad illi qatt, b’dana kollu, kif l-istess Konċilju jwissina, “ma tasalx biex tippenetra l-misteri bħal dawk il-veritajiet li huma l-oġġett naturali tagħha.”[5]

11.       Wara li ħsibna dan kollu quddiem Alla, sabiex il-ġmiel, li m’hemmx bħal tal-Knisja jiddi b’dawl ġdid, sabiex in-nobbilità għolja u sopranaturali tal-Fidi, magħquda mal-Kap tagħha fil-Ġisem ta’ Kristu, tidher ċara, u fl-aħħarnett sabiex nagħalqu t-triq lil bosta erruri fuq dan is-suġġett, dehrilna li huwa dmir tagħna bħala ragħajja li nesponu lill-insara kollha f’din l-Enċiklika d-duttrina tal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu, u tal-unjoni divina; u li nieħdu, fl-istess ħin, minnha tagħlim, li, permezz tiegħu, dawk li jistudjaw aktar fil-fond dan il-misteru jakkwistaw frott aktar abbundanti ta’ perfezzjoni u ta’ qdusija.

 

L-EWWEL PARTI

IL-KNISJA L-ĠISEM MISTIKU TA’ KRISTU

PREAMBOLU

Waqgħa flimkien ma’ Adam — Fidwa flimkien ma’ Kristu

12.       Malli nibdew nirriflettu fuq din it-taqsima tad-duttrina kattolika jiġu quddiem għajnejna l-kelmiet tal-Appostlu “Fejn abbonda d-dnub kienet aktar abbundanti l-grazzja.”[6] Kulħadd jaf infatti li Alla kien qiegħed l-ewwel missier tal-bnedmin fi stat hekk għoli illi hu kellu jagħti lil uliedu barra mill-ħajja ta’ din l-art, anki l-ħajja sopranaturali tal-grazzja tas-sema. Iżda wara l-waqgħa diżgrazzjata ta’ Adam, in-nisel kollu tal-bnedmin imċappas bid-dnub oriġinali, tilef is-sehem li kellu fin-natura divina,[7] u aħna sirna lkoll “ulied il-korla”.[8] Iżda Alla fil-ħniena bla tarf tiegħu “tant ħabb id-dinja li taħa lill-Iben Tiegħu uniġenitu[9] u l-verb tal-Missier Etern, mixgħul b’din l-istess imħabba divina, ħa, għad-dinja, mid-dixxendenza ta’ Adam, natura umana, iżda innoċenti u ħielsa min kull tebgħa sabiex permezz Tiegħu, bħala Adam ġdid mis-sema, il-grazzja tal-Ispirtu Santu tinżel fuq l-ulied kollha tal-ewwel missier, u sabiex dawn, li mħabba d-dnub tal-ewwel bniedem tilfu s-sehem li kellhom fil-familja divina, wara li saru aħwa permezz tal-Inkarnazzjoni tal-Verb skont il-ġisem tal-Iben waħdani t’Alla, ikunu jistgħu jsiru wlied Alla.[10] Hekku għaliex Ġesù Kristu meta kien imdendel fuq is-Salib mhux biss irripara għad-drittijiet imkasbra tal-ġustizzja tal-Missier Etern, iżda ukoll qala’ għalina qrabatu, milja bla tarf ta’ grazzji. Dawn il-grazzji seta’ jikkomunikahom direttament lill-bnedmin kollha; iżda Hu ma riedx jagħmel dan ħlief permezz ta’ knisja viżibli li tiġbor lill-bnedmin u dan riedu, sabiex jippermettilhom ikunu, permezz tagħha kooperaturi Tiegħu fit-tixrid tal-frott tal-Fidwa. Għaliex jekk il-Verb t’Alla ried jinqeda bin-natura tagħna, biex bit-tbatija jifdi l-bnedmin, hekk ukoll ried jinqeda bil-Knisja matul is-sekoli sabiex ikompli l-opra mibdija.[11]

13.       Issa biex niddefinixxu din il-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu li hija Qaddisa, Kattolika, Apostolika, Rumana[12] xejn ma tista’ ssib aktar sabiħ, aktar eċċellenti, xejn aktar divin minn din l-espressjoni li ssejħilha “Il-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu” u din mhix ħaġa oħra ħlief dak li jirriżulta, bħal blanzuni mis-siġra tal-ward, minn bosta passi li nsibu fl-Iskrittura Mqaddsa u fil-Kitba tas-Santi Padri.

 

KAP I

IL-KNISJA “ĠISEM”

Wieħed, ma jistax jinqasam, li jidher

14.       Li l-Knisja hija ġisem tgħidu bosta drabi l-Iskrittura Mqaddsa, “Kristu” jgħid l-Appostlu, “Huwa r-Ras tal-Ġisem li hi l-Knisja.”[13] Jekk il-Knisja hija ġisem, jeħtieġ immela tifforma organiżmu wieħed, li ma jinqasamx skont il-kliem ta’ San Pawl: “Għad li Aħna ħafna, iżda ma niffurmawx ħlief ġisem wieħed fi Kristu.”[14] U mhux biżżejjed li ngħidu, wieħed u ma jinqasamx; jeħtieġ ukoll li jkun konkret u jidher, kif isostni l-qatt minsi Predeċessur Tagħna Ljun XIII fl-Enċiklika Satis Cognitum: “Għaliex il-Knisja hija ġisem għalhekk narawha b’għajnejna.”[15] Għaldaqstant inkunu qed nitbiegħdu mill-verità divina jekk nimmaġinaw knisja li ma tistax taraha, lanqas tmissha, li tkun bħal sempliċi entità “pnewmatika” u li fija għaqdiet insara filwaqt li huma mifrudin bejniethom fil-fidi b’danakollu jkunu magħqudin b’rabta nviżibbli.

Lil-membri Tiegħu jgħinu ’l xulxin

15.       Iżjed, il-ġisem jeħtieġlu għadd ta’ membri li jkunu marbutin bejniethom b’mod li jkunu ta’ għajnuna għal xulxin, u hekk kif fil-ġisem mortali tagħna, meta xi membru jbati l-oħrajn kollha jsofru miegħu u dawk li huma b’saħħithom igħinu lill-membri morda, hekk ukoll fil-Knisja kull membru ma jgħix għalih biss, iżda jgħinu lil xulxin, tant biex ifarrġu wieħed lill-ieħor kemm ukoll biex il-ġisem kollu jiżviluppa ruħu aħjar.

Kostitwit organikament u ġuridikament

16.       Barra minn hekk il-ġisem naturali mhux magħmul minn ġemgħa kif ġie ġie ta’ membri, iżda huwa mogħni b’organi, jiġifieri b’membri li m’għandhomx l-istess funzjoni u li huma mlaqqgħa flimkien kif jixraq. L-istess il-Knisja, hija tissejjaħ ġisem fuq kollox għal din ir-raġuni, illi hija iffurmata minn partijiet organizzati tajjeb u normalment marbutin bejniethom u hija mogħnija b’membri differenti u mqabblin bejniethom. Preċiżament hekk l-Appostlu jpinġi l-Knisja meta jgħid: “Hekk kif aħna għandna ħafna membri f’ġisem wieħed, u kif mhux il-membri kollha għandhom l-istess funzjoni, hekk ukoll aħna li ninsabu ħafna, iżda ma niffurmawx ħlief ġisem wieħed f’Ġesù Kristu, u kull wieħed in partikulari, aħna membri ta’ xulxin.”[16]

17.       U lanqas għandna nimmaġinaw li din id-duttrina koordinata jew aħjar “organika” tal-Ġisem tal-Knisja limitata biss għall-gradi tal-Ġerarkija: jew inkella kif igħidu oħrajn bil-maqlub, li dan il-ġisem huwa iffurmat biss minn dawk li jissejħu “kariżmati”, bnedmin, jiġifieri mżejnin mis-setgħa mirakoluża, għad li dawn dejjem ikunu jinsabu fil-Knisja. Hija ħaġa ċerta, illi dawk li għandhom is-setgħa sagra f’dan il-Ġisem jeħtieġ li jkunu l-ewwel u l-aqwa membri, la darba permezz tagħhom il-Feddej Divin stess ried li jitwettqu matul is-sekoli l-funzjonijiet tiegħu ta’ Sultan u Saċerdot. Iżda meta s-Santi Padri jsemmu l-misteri ta’ dan il-Ġisem, il-gradi, il-professjonijiet, l-istati, l-ordnijiet u l-uffiżji, huma ma jifhmux jitkellmu fuq dawk li rċevew l-Ordni Sagri, iżda wkoll minn dawk kollha li jħaddmu l-Kunsilji tal-Evanġelju sew jekk igħaddu ħajja attiva fost il-bnedmin, sew jekk igħixu moħbija fil-kunventi, sew jekk ifittxu li jaqdu ż-żewġ stati skont l-ordni li lilu jappartjeni; jifhem ukoll dawk li għad li jgħixu fis-seklu, jiddedikaw ruħhom għall-għemejjel ta’ ħniena spiritwali, u korporali; u dawk ukoll li jinsabu magħqudin fi żwieġ qaddis. Wisq iżjed fiż-żminijiet tal-lum jeħtieġ nosservaw illi l-missirijiet u l-ommijiet, il-parrinijiet u b’mod speċjali dawk li fost is-sekulari li qegħdin jikkooperaw mal-Ġerarkija Ekklesjastika biex ixerrdu s-saltna tar-Redentur Divin, dawn għandhom post ta’ ġieh, ħafna drabi moħbi iva, fix-xirka tal-Insara: u dawn ukoll jistgħu taħt it-tmexxija u bil-għajnuna t’Alla jilħqu l-ogħla qdusija, li kif wiegħed Ġesù Kristu qatt ma tiġi nieqsa fil-Knisja.

Mogħnija b’mezz vitali ta’ Santifikazzjoni — Is-Sagramenti

18.       Fl-aħħarnett il-ġisem tal-bniedem għandu fih innifsu l-mezzi biex igħix, jissaħħaħ u jikber, hu u l-membri kollha tiegħu. Bl-istess mod is-Salvatur tal-ġeneru uman fit-tieba bla qies tiegħu mar jipprovdi mezzi tal-għaġeb għall-ġisem mistiku Tiegħu meta żejnu bis-Sagramenti, għax fihom il-membri jsibu katina ma taqtax ta’ grazzji li jqawwuhom mit-twelid, sal-aħħar nifs ta’ ħajjithom, u li jipprovdu fil-wisa’ għall-bżonnijiet soċjali wkoll tal-ġisem kollu. Permezz tal-Magħmudija dawk li jitwieldu għal din il-ħajja mortali jerġgħu jitwieldu mill-mewt tad-dnub u jsiru membri tal-Knisja, mhux biss, iżda jirċievu karattru spiritwali li bih isiru kapaċi li jirċievu s-Sagramenti l-oħra. Permezz tal-Griżma tal-Isqof il-fidili jimtlew b’qawwa ġdida sabiex iħarsu u jiddefendu bil-kuraġġ il-Knisja Ommhom u l-fidi li ħadu minn għandha. Is-Sagrament tal-Penitenza joffri lill-membri li waqgħu fid-dnub rimedju tas-saħħa, u dan mhux biss biex huma jsalvaw, iżda wkoll biex jitwarrab mill-membri l-oħra tal-Ġisem Mistiku l-periklu li jiddakkru bid-dnub, u minflok jinġibdu bl-eżempju tagħhom lejn il-virtù. U mhux biss dan: permezz tal-Ewkaristija Mqaddsa l-fidili jitmantnu u jissaħħu b’ikel wieħed u jingħaqdu bejniethom u mal-Kap tal-Ġisem kollu, b’rabta qaddisa li ma bħala u divina. Fl-aħħarnett, meta jkunu morda f’periklu ta’ mewt, il-Knisja bħala omm tenera tieqaf ma’ wliedha permezz tas-Sagrament tal-Griżma tal-Morda; u jekk mhux dejjem tkun tista’ troddilhom is-saħħa tal-ġisem, għax Alla jiddisponi xort’oħra, b’danakollu hija tħejji rimedju sopranaturali għar-ruħ midruba, u hekk tkattar il-għadd ta’ qaddisin fis-sema li jgawdu l-feliċità eterna u fl-istess ħin jitolbu għall-Knisja hawn fl-art.

19.       Għall-bżonnijiet soċjali tal-Knisja, ħaseb b’mod speċjali billi istitwixxa żewġ Sagramenti. Is-Sagrament taż-żwieġ, li fih ir-raġel u l-mara jsiru ministru tal-grazzja għal xulxin, jassigura lis-soċjetà nisranija tikber regolarment fil-għadd u, aktar importanti minn dan, jassigura lill-ulied li jkollhom edukazzjoni tajba u nisranija li mingħajrha l-Ġisem Mistiku jsib ruħu f’perikoli l-aktar kbar. L-Ordni Sagri mbagħad jikonsagra għal dejjem fis-servizz t’Alla lil dawk li huma magħżulin biex joffru l-Vittma Ewkaristika biex imantnu l-merħla tal-fidili bil-Ħobż tal-Anġli, u bl-ikel tat-tagħlim biex imexxuhom fuq il-kmandamenti t’Alla u l-konsilji (evanġeliċi) biex jqawwuhom permezz tad-doni l-oħra sopranaturali li jippossjedu.

20.       Hawnhekk għandna ninnotaw illi kif fil-bidu taż-żminijiet Alla mar jagħni lill-ġisem tal-bniedem sabiex huwa jkun jista’ jaħkem fuq il-kreaturi l-oħra, u joktor u jiżdied u jimla l-art, hekk ukoll fil-bidu taż-żmien nisrani ried izejjen lill-Knisja bil-mezzi meħtieġa ħalli toħroġ rebbieħa fuq tfixkil bla tarf, u timla mhux biss id-dinja iżda wkoll is-saltna tas-sema.

Biex tkun imsieħeb fil-Knisja

21.       Iżda huma tabilħaqq imxirkin fil-Knisja dawk biss li ġew riġenerati bil-Magħmudija u jipprofessaw il-vera fidi, u li ma nqatgħux mill-Ġisem sħiħ bl-għemil ħażin tagħhom, jew ma ġewx mifruda mill-awtorità leġittima mħabba xi ħtijiet kbar tagħhom. Infatti l-Appostlu jgħid: “Ilkoll ġejna mgħammdin fi Spirtu wieħed, sew Lhud, kemm Ġentili, sew ilsiera kemm ħielsa.”[17] Għaldaqstant kif fil-vera xirka tal-fidili ma hemmx ħlief Ġisem wieħed, Spirtu wieħed, Sid wieħed, hekk ukoll ma jistax ikun hemm ħlief fidi waħda;[18] u jekk xi ħadd jirrifjuta li jisma’ lill-Knisja għandu jitqies kif qal Ġesù Sidna: bħal infidil u pubblikan.[19] Għaldaqstant dawk li huma mifrudin fit-twemmin jew fil-ħakma ma jistgħux igħixu u f’dan il-Ġisem wieħed, kif qegħdin infissru, u fl-istess Spirtu Divin.

Il-Midinbin mhumiex esklużi

22.       Għad li l-Ġisem tal-Knisja iġib l-isem qaddis ta’ Kristu, b’dan kollu ħadd m’għandu jaħseb illi, sakemm idum f’dan il-pellegrinaġġ fuq din l-art huwa kompost biss minn membri li waslu fil-grad għoli ta’ qdusija, jew inkella, illi jiġbor fih dawk biss li huma predestinati minn Alla għat-tgawdija tal-ġenna. Infatti l-ħniena bla tarf tas-Salvatur tagħna għalissa ma tiċħadx post fil-Ġisem Mistiku Tiegħu lil dawk li darba kien jiekol magħhom.[20] Hemm dnubiet bħal ma huma x-Xiżma, l-Ereżija, l-Apostesija, li minnhom infushom jinfirdu minn Ġisem il-Knisja; iżda mhux kull dnub, avolja jkun kbir ħafna ma jagħmel dan. Il-ħajja ma tintefiex għal kollox f’dawk l-erwieħ li bid-dnub tilfu l-imħabba u l-grazzja santifikanti, u għalhekk ma jistgħu jakkwistaw meriti sopranaturali, iżda jkun għad fadlilhom il-fidi u t-tama nisranija, u bid-dawl tal-grazzja, imnebbħa u mqanqla mill-Ispirtu Santu, inisslu fihom biża’ qaddis u jiġu mwassla minn Alla biex jitolbu u jindmu minn dnubiethom.

23.       Kulħadd immela għandu jobgħod id-dnub li jċappas il-membri mistiċi tal-Feddej; iżda jekk xi ħadd jaqa’ diżgrazzjatment u bl-ebusija ta’ qalbu ma jirrendix ruħu indenn li jibqa’ mxierek mal-fidili, dan għandu jiġi milqugħ bl-imħabba, u l-karità prattika għandha tara fih membru marid ta’ Ġesù Kristu. Għaliex aħjar kif igħid Santu Wistin “tiġi mfejjaq fil-ġisem tal-Knisja milli tiġi maqtugħ bħala membru inkurabbli.”[21] Sakemmm il-membru jibqa’ marbut mal-ġisem għad hemm xi tama ta’ saħħa; iżda jekk jiġi maqtugħ, la tista’ tikkurah u lanqas tfejqu.”[22]

 

KAP II

IL-KNISJA L-ĠISEM TA’ KRISTU

24.       Rajna sa hawnhekk, Venerabbli Ħutna, li l-Knisja hija iffurmata b’mod li nistgħu nxebbhuha lill-ġisem, issa rridu nispjegaw ċar ghaliex insejħulha mhux ġisem kwalunkwe iżda l-Ġisem ta’ Ġesù Kristu. U dan nifhmuh mill-fatt li Sidna Ġesù huwa l-Fundatur, il-Kap, is-Sostenitur ta’ dan il-Ġisem Mistiku.

1. KRISTU L-FUNDATUR TA’ DAN IL-ĠISEM

25.       Nistgħu nibdew infissru kif Kristu waqqaf il-Ġisem Soċjali Tiegħu billi ntennu l-kelmiet tal-predeċessur Tagħna, Ljun XIII “Il-Knisja diġà mnissla ħarġet mill-kustat ta’ Adam il-ġdid kif kien rieqed fuq is-Salib; u dehret l-ewwel darba quddiem il-bnedmin b’mod l-aktar qawwi fil-jum solenni ta’ Pentekoste.”[23] Ir-Redentur Divin beda jibni t-tempju mistiku tal-Knisja Tiegħu meta kien qed jipprietka u jagħti l-kmandamenti Tiegħu; temm jibniha meta kien mislub quddiem kulħadd fuq is-Salib; immanifesta u ippromulga din il-Knisja meta bagħat lill-Ispirtu Santu fuq id-dixxipli Tiegħu.

A. Beda jwaqqafha tul il-ħajja pubblika

26.       Għaliex waqt li kien qed ikompli l-missjoni Tiegħu ta’ Predikatur, Huwa kien qed jagħżel l-Appostli u jibgħathom bħalma l-Missier bagħat Lilu[24] biex ikunu mgħallma, mexxejja, u mezzi ta’ qdusija fost il-ġemgħa tal-fidili; kien qed jaħtar il-Kap tagħhom u l-Vigarju Tiegħu fuq l-art;[25] kien qed igħarrafhom b’dak kollu li l-Missier kien irrivelalu;[26] kien qed jagħtihom il-Magħmudija[27]bħala mezz li bih il-fidili jiġu mlaqqama fil-Ġisem tal-Knisja. U meta wasal fl-aħħarnett fit-tmiem ta’ ħajtu, Hu iċċelebra l-Aħħar Ċena, u istitwixxa l-Ewkaristija, sagrifiċċju tal-għaġeb u fl-istess ħin sagrament tal-għaġeb.

B. Temmha fuq is-Salib

27.       Xhieda li Kristu temm l-opra Tiegħu fuq is-Salib jagħtuhielna bla ma jaqtgħu s-Santi Padri, li jgħidulna li l-Knisja ġdida, “Omm tal-ħajjin”[28] ħarġet mill-kustat tal-Feddej mislub. Hekk Sant’Ambroġju, meta jitkellem fuq il-ġenb ta’ Kristu minfud bil-lanza, igħid: “Issa nbniet, issa twaqqfet... ġiet imsawra, issa ġiet maħluqa. Issa ġiet mibnija d-dar spiritwali għas-saċerdozju qaddis.”[29] Jekk xi ħadd jistudja fil-fond u bid-devozzjoni din id-duttrina malajr jagħraf ir-raġunijiet li fuqhom hija ibbażata.

Fuq is-Salib il-Liġi l-Ġdida ħadet il-post tal-Liġi l-Qadima

28.       Bil-mewt tal-Feddej il-Liġi l-Qadima twarrbet u t-Testment il-Ġdid daħal flokha; hemm għalhekk il-Liġi ta’ Kristu bil-misteri tagħha, bil-liġijiet, istituzzjonijiet u riti mqaddsa ġiet imwettqa għad-dinja kollha bid-demm ta’ Ġesù Kristu. Għaliex sakemm il-Feddej Divin kien jipprietka fuq biċċa art limitata — għaliex Hu kien mibgħut biss għan-nagħaġ mitlufa ta’ Israel[30] — tant il-Liġi l-Qadima kemm l-Evanġelju kienu jgħoddu flimkien,[31] iżda bil-mewt Tiegħu fuq is-Salib, Huwa ħassar il-Liġi bid-digrieti tagħha[32] u mas-Salib spiċċat “il-kitba” tat-Testment il-Qadim[33] u nbena t-Testment il-Ġdid fid-demm imxerred għall-bnedmin kollha.[34] “Dak il-ħin,” igħid San Ljun il-Kbir, meta mar jitkellem fuq is-Salib ta’ Kristu, “kien tant ċar il-passaġġ mil-Liġi għall-Evanġelju, mis-Sinagoga għall-Knisja, mill-kotra tas-sagrifiċċji għas-sagrifiċċju ta’ Vittma waħda, illi x’ħin is-Sinjur ħa l-aħħar nifs, il-velu mistiku li kien igħatti l-parti ġewwinija tat-tempju u s-Santwarju moħbi, inqasam għal għarrieda minn fuq s’isfel.”[35]

Bir-rebħa tas-Salib Ġesù Kristu temm il-Fidwa

29.       Fuq is-Salib, immela, il-Liġi l-Qadima spiċċat u f’qasir żmien kellha tindifen u ssir ħtija ta’ mewt[36] u flokha daħal it-Testment il-Ġdid li għalih Kristu kien għażel bħala ministri xierqa ’l Appostli.[37] U hekk għad li l-Feddej tagħna kien diġà, sa minn ġuf il-Verġni, il-Kap tal-familja kollha umana, bil-qawwa tas-Salib Huwa jeżerċita fil-milja kollha tagħha l-funzjoni ta’ Kap fil-Knisja. “Għaliex” kif igħid id-Duttur Anġeliku, “bir-rebħa tas-Salib[38] Huwa immerita setgħa u dominju fuq il-ġnus.” B’dik l-istess rebħa Huwa kattar għalina teżor ta’ grazzji bla tarf li Huwa jxerred mis-Sema fejn qiegħed isaltan, fuq il-membri Tiegħu fl-art. Bid-demm li Huwa xerred fuq is-Salib berred il-qilla divina u b’hekk setgħet tinżel mill-għejun tal-Feddej il-barka tas-Sema, għall-fidwa tal-bnedmin, u speċjalment tal-fidili. U sewwasew fuq is-siġra tas-Salib, li Huwa irriskatta l-Knisja Tiegħu, jiġifieri, lill-membri kollha tal-Ġisem Mistiku Tiegħu; għaliex huma ma kinux jiġu magħqudin ma’ dan il-Ġisem bil-Magħmidija li kieku bis-setgħa feddejja tas-Salib ma kinux diġà mirbuħa għall-ħakma sħiħa ta’ Kristu.

Bis-salib Huwa immerita l-miġja tal-Ispirtu Santu fuq il-Knisja

30.       Kif bil-mewt Tiegħu l-Feddej tagħna sar fit-tifsir veru u sħih tal-kelma l-Kap tal-Knisja, hekk ukoll bid-demm Tiegħu l-Knisja ġiet mogħnija b’dik il-kumnikazzjoni l-aktar abbondanti tal-Ispirtu li bħala sinjal mis-sema dejjem għażilha minn mindu “Bin il-Bniedem” ġie mgħolli u igglorifikat fuq is-Salib tat-tbatija. Qabel, kif josserva Santu Wistin,[39] in-nida tad-doni tal-Paraklitu niżel biss fuq il-ġiżża ta’ Ġedeon, jiġifieri fuq il-poplu ta’ Izrael; minn issa l-ġiżża hija niexfa u mwarrba, għaliex minn mindu nqasam il-velu tat-tempju dik in-nida nfirxet ’il barra bl-abbundanza sabiex ixxarrab lid-dinja kollha, jiġifieri lill-Knisja Kattolika, li ma kellu jkollha l-ebda fruntieri ta’ rażża jew ta’ territorju. Fl-ewwel mument tal-Inkarnazzjoni l-Iben tal-Missier Etern kien żejjen bil-milja tal-Ispirtu Santu n-natura umana li kienet sostanzjalment magħquda Miegħu, sabiex tkun tista’ tkun strument addattat tad-divinità fl-opra tal-Fidwa. Bl-istess mod issa, fis-siegħa tal-mewt prezzjuża Tiegħu, Huwa ried li l-Knisja Tiegħu tiġi mogħnija bid-doni kollha tal-Ispirtu Santu, sabiex tkun tal-Verb Inkarnat strument effettiv u li qatt ma jiġi nieqes fit-tixrid tal-frott tal-Fidwa. Jekk il-missjoni ġuridika tal-Knisja, u s-setgħa tagħha li tgħallem li tiggverna u li tamministra s-sagramenti għandhom effikaċja u virtù sopranaturali biex jiġi mibni l-Ġisem ta’ Kristu, dan huwa kollu ġej imħabba li Ġesù Kristu fuq is-Salib fetaħ għall-Knisja Tiegħu l-għajn tad-doni divini li bihom tgħallem infallibbilment lill-bnedmin, tiggvernahom permezz ta’ Ragħajja mdawlin mis-sema u taħsilhom b’xita ta’ grazzji.

31.       Meditazzjoni bir-reqqa fuq dawn il-misterji kollha tas-Salib turi għaliex l-Appostlu meta kiteb lill-Efesini mar igħid li Kristu bid-demm Tiegħu għamel ħaġa waħda lil-Lhud u lill-Ġentili, “billi ġarraf... fil-ġisem Tiegħu... il-ħajt tas-separazzjoni” li kien jifred liż-żewġ popli; u li Huwa għamel vojta l-Liġi l-Qadima “ħalli jkun jista’ jagħmel it-tnejn Fih innifsu fi bniedem wieħed ġdid” (jiġifieri, il-Knisja) “u jirrikonċilja t-tnejn ma’ Alla f’Ġisem wieħed permezz tas-Salib.”[40]

Ċ. Ippromulga l-Knisja nhar Pentekoste

32.       Wara li waqqaf il-Knisja fid-demm Tiegħu, Huwa wettaqha fil-jum ta’ Pentekoste b’setgħa speċjali mis-smewwiet. Kif poġġa solennement fil-pożizzjoni għolja tiegħu lil dak li qabel kien ħatar biex ikun il-Vigarju Tiegħu, Huwa tela’ s-sema; u hemm fil-lemin tal-Missier Tiegħu, Huwa ried issa li tiġi magħrufa u promulgata l-Għarusa Tiegħu permezz tal-miġja viżibbli tal-Ispirtu Santu li niżel fost ħsejjes ta’ riħ qawwi, f’għamla ta’ ilsna tan-nar.[41] Meta Huwa stess kien qiegħed jibda l-opra tal-predikazzjoni Tiegħu Huwa ġie immanifestat mill-Missier Etern permezz tal-Ispirtu Santu taħt il-għamla ta’ ħamiema,[42] meta l-Appostli kienu sejrin jibdew l-opra mqaddsa tal-predikazzjoni, Kristu s-Sinjur Tagħna bagħat l-Ispirtu Tiegħu mis-Sema biex imisshom b’ilsna tan-nar u bħalu b’werrej mis-Sema, jurihom il-missjoni u l-funzjoni sopranaturali tal-Knisja.

 2. KRISTU L-KAP TAL-ĠISEM

33.       It-tieninett dan il-Ġisem Mistiku, il-Knisja, jiġi msejjaħ bid-dritt kollu l-Ġisem ta’ Kristu għaliex Huwa hu r-Ras ta’ dan il-Korp. “Huwa” jgħid San Pawl, “hu r-Ras tal-Ġisem, il-Knisja.”[43] Huwa hu r-Ras li minnha l-Ġisem kollu jingħaqad flimkien, jikber u joktor fil-bini tiegħu nnifsu.[44]

34.       Intom familjari, Aħwa Venerabbli, mat-tagħlim imdawwal tas-Surmastrijiet tat-Teoloġija Skolastika fuq dan is-suġġett, u speċjalment ma’ dak ta’ San Tumas, id-Duttur Anġeliku; intom tafu wkoll li l-mod kif jittratta dan is-suġġett jaqbel perfettament mad-duttrina tas-Santi Padri, li min-naħa tagħhom m’għamlux ħaġa oħra ħlief irriproduċew fil-kommenti u fit-trattati tagħhom il-kelma divina tal-Iskrittura Mqaddsa. B’dan kollu, Aħna jidhrilna li tkun ħaġa f’waqtha li nxandru bir-reqqa dan it-tagħlim għall-ġid komuni ta’ kulħadd.

A. Kristu Kap imħabba l-preminenza Tiegħu

35.       Qabel xejn hija ħaġa ċara li l-Iben t’Alla u tal-Verġni Mqaddsa għandu jissejjaħ il-Kap tal-Knisja għar-raġuni speċjali tal-preminenza Tiegħu. Għaliex ir-Ras għandha l-ogħla post. U ħadd m’għandu post ogħla minn Kristu bħala Alla, għaliex Huwa hu l-Verb tal-Missier Etern u għalhekk jissejjaħ bil-ħaqq kollu “il-primoġenitu ta’ kull kreatura.”[45] Ħadd m’għandu post ogħla minn Kristu bħala bniedem, għaliex mitwieled mill-Verġni bla tebgħa, huwa Iben veru u naturali ta’ Alla, u mħabba l-qawmien mirakoluż u glorjuż Tiegħu li bih Huwa ittrijonfa fuq il-mewt Huwa “l-ewwel li ħareġ minn bejn l-imwiet.”[46] U ħadd mhu qiegħed aktar fil-għoli minn Dak li billi hu l-“medjatur waħdieni bejn Alla u l-bniedem”[47] igħaqqad b’mod tal-għaġeb l-art mas-sema; li mgħolli fuq is-Salib bħala fuq it-tron Tiegħu tal-ħniena, ġideb il-ħwejjeġ kollha Lejh;[48] li magħżul fost mirijadi bħala Bin il-Bniedem, hu maħbub minn Alla aktar mill-bnedmin kollha, aktar mill-Anġli kollha, u aktar mill-ħwejjeġ kollha maħluqa.[49]

B. Għaliex Hu jiggverna l-Knisja.

36.       Il-post għoli li Kristu għandu jagħtih id-dritt li jiggverna waħdu l-Knisja; u għal din ir-raġuni wkoll Huwa mxebbaħ lir-ras. Ir-ras (biex nużaw il-kliem ta’ Sant’Ambroġju) hija “ir-rokka forti reali” tal-ġisem[50] u mħabba li hija mogħnija b’doni aktar perfetti hija naturalment tiggverna lill-membri kollha. Hija qiegħda apposta fuqhom biex iżżommhom taħt il-ħarisen tagħha.[51] Bl-istess manjiera r-Redentur Divin għandu l-poter suprem u l-ħakma fuq il-komunità nisranija kollha. U ladarba li tiggverna socjetà ta’ bnedmin ifisser li tmexxihom u li tipprovdilhom il-mezzi addattati u l-prinċipji tajba biex jilħqu l-fini tagħhom,[52] malajr wieħed jista’ jara li l-Feddej tagħna, il-mudell u x-xempju ta’ Ragħaj tajjeb,[53] għandu b’mod ammirabbli dawn il-kwalitajiet. Għaliex kemm dam fostna f’din id-dinja bil-liġijiet Tiegħu, bil-konsilji u bit-twissijiet Hu għallimna dik id-duttrina li ma tispiċċa qatt u li għall-bnedmin ta’ kull żmien għandha tkun ruħ u ħajja.[54] Barra dan Huwa ta lill-Appostli u lis-suċċessur tagħhom is-setgħa li jgħallmu, jiggvernaw u jqaddsu lill-bnedmin u stabbilixxa dik l-awtorità, determinata bi preċetti, drittijiet u dmirijiet xierqa, bħala l-liġi primarja tal-Knisja kollha.

(a)        Bi treġija inviżibbli u straordinarja

37.       Iżda l-Feddej Divin huwa stess jiggverna wkoll direttament is-soċjetà li waqqaf; għaliex Huwa jsaltan fil-moħħ u fil-qalb tal-bnedmin, billi jmejjel u jdawwar saħansitra lir-rieda ribelli għad-digrieti Tiegħu. “Il-qalb tar-re hija f’id il-Mulej; lejn fejn irid Huwa jdawwarha.”[55] B’dan il-gvern interjuri Huwa, “ir-ragħaj u isqof tal-erwieħ tagħna,”[56] mhux biss jaħseb f’kull persuna imma wkoll igħasses fuq il-Knisja kollha: billi jagħti d-dawl u l-qawwa lill-mexxejja tagħha, sabiex huma jaqdu d-dmirijiet tagħhom sewwa u bi profitt; u (speċjalment f’ċirkustanizi ta’ diffikultà akbar) billi jqajjem fi ħdan Ommna l-Knisja rġiel u nisa ta’ qdusija kbira biex jagħtu eżempju lill-insara l-oħra u b’hekk jiġi mkattar il-Ġisem Mistiku Tiegħu. Barra dan Kristu jħares mis-Sema b’imħabba singulari fuq l-Għarusa Immakulata Tiegħu, filwaqt li qiegħda tissielet fl-eżilju ta’ din l-art, u meta Huwa jaraha fil-periklu Huwa jsalvaha mill-mewġ tat-tempesta jew Huwa stess direttament jew permezz tal-Anġli Tiegħu,[57] jew permezz ta’ dik li aħna nsejħu bħala Għajnuna tal-Insara, u permezz ta’ protetturi oħra ċelesti; u wara li jiġi ikkalmat il-baħar, Huwa jikkunslaha b’dik il-paċi “li tisboq kull tifsir.”[58]

(b)        Bi gvern viżibbli

i.          Fil-Knisja Universali permezz tal-Papa         

 

38.       Imma m’għandniex naħsbu li l-ħakma Tiegħu hija mwettqa biss b’dan il-mod inviżibbli[59] u straordinarju; għaliex ir-Redentur Divin jiggverna wkoll il-Ġisem Mistiku Tiegħu b’mod viżibbli u ordinarju permezz tal-Vigarju Tiegħu fuq l-art. Huwa fatt magħruf biżżejjed, Aħwa Venerabbli, li meta Kristu s-Sinjur tagħna, wara li Huwa stess matul il-pellegrinaġġ mortali viżibilment iggverna l-“merħla ċkejkna”,[60] meta kien sejjer iħalli din id-dinja u jirritorna għand il-Missier, Huwa reħa f’idejn il-Prinċep tal-Appostli l-gvern viżibbli tas-soċjetà kollha li Huwa kien waqqaf. Fis-Sapjenza Tiegħu ma setax iħalli l-ġisem soċjali tal-Knisja Tiegħu mingħajr kap viżibbli. U ma jistax jingħad li bil-primat ta’ ġurisdizzjoni stabbilit fil-Knisja dan il-Ġisem Misitku ġie mogħti żewġt irjus. Għaliex bil-virtù tal-primat Pietru mhux ħlief il-Vigarju ta’ Kristu, u għalhekk dan il-Ġisem għandu Kap prinċipali wieħed, Kristu, li waqt li jibqa’ jiggverna l-Knisja inviżibilment u direttament, jiggvernaha viżibilment permezz tar-rappreżentant personali Tiegħu fl-art; għaldaqstant issa, wara l-axxensjoni glorjuża Tiegħu fis-Sema, dik il-Knisja hija mibnija mhux biss Fuqu nnifsu imma wkoll fuq Pietru bħala l-pedament viżibbli. Li Kristu u l-Vigarju Tiegħu jikkostitwixxi Kap wieħed ġie solennement imgħallem mill-Predeċessur Tagħna, li ma jintesa qatt, Bonifaċju VIII, u fl-Ittra Apostolika Unam Sanctam,[61] u l-istess duttrina ġiet imtennija l-ħin kollu mis-Suċċessuri tiegħu.

39.       Huwa għalhekk errur perikoluż li issostni li wieħed jista’ jkun ma’ Kristru bħala Kap tal-Knisja mingħajr ma jkun fidil mal-Vigarju Tiegħu fuq l-art. Għaliex jekk inwarrbu dan il-Kap viżibbli u nfarrku r-rabta viżibbli tal-unità, il-Ġisem Mistiku tar-Redentur jiġi tant imdallam u sfigurat li jsir impossibbli għal dawk li qegħdin ifittxu l-port tas-salvazzjoni li jarawh jew jiskopruh.

ii.         F’kull djoċesi permezz tal-Isqfijiet

40.       Dak li għidna hawn mill-Knisja Universali jeħtieġ li ngħiduh ukoll mill-komunitajiet partikulari ta’ nsara, Orjentali u Latini, li minnhom hija komposta l-Knisja Kattolika; għaliex dawn wkoll huma iggvernati minn Ġesù Kristu permezz tal-leħen u tal-awtorità tal-Isqfijiet tagħhom. Għalhekk l-Isqfijiet m’għandhomx jiġu stmati biss bħala membri aktar eminenti tal-Knisja Universali, imħabba r-rabta vera u unika li tgħaqqadhom mal-Kap Divin tal-Ġisem kollu u li tagħmilhom tabilħaqq “il-partijiet ewlenin tal-membri tal-Mulej;”[62] iżda kull wieħed minnhom huwa wkoll, safejn jolqot lid-djoċesi tiegħu, Ragħaj tabilħaqq li jħares u jiggverna fl-isem ta’ Kristu l-merħla fdata f’idejh.[63] Iżda fit-twettiq ta’ din il-funzjoni huma mhumiex għalkollox indipendenti imma huma suġġetti għall-awtorità tal-Papa għalkemm igawdu s-setgħa ordinarja ta’ ġurisdizzjoni li huma rċevew direttament mingħand il-Papa stess. Il-popli għandhom għalhekk jivvenerawhom bħala suċċessuri tal-Appostli b’istituzzjoni divina;[64] u għall-Isqfijiet, imżejnin kif huma bil-kariżmi tal-Ispirtu Santu, aktar milli għall-ogħla renjanti ta’ din l-art, għandna napplikaw il-kelmiet: “La tmissux il-midlukin tiegħi.”[65]

41.       Għaldaqshekk b’niket profond li sirna nafu li jinsabu mhux ftit minn Ħutna fl-Episkopat li sempliċement għaliex saru “xempju tal-merħla mill-qalb,”[66] u qegħdin iħarsu bil-ħrara u lealtà xierqa l-imqaddes “depożitu tal-fidi”[67] fdat f’idejhom; għaliex qegħdin bil-qawwa kollha jsostnu l-liġijiet imqaddsa li Alla stampa fil-qlub tal-bnedmin; u għaliex, wara l-eżempju tar-Ragħaj Suprem, huma qegħdin jipproteġu l-merħla tagħhom kontra l-ilpup imġewħa, huma ta’ dan magħmulin l-oġġett ta’ persekuzzjoni u ta’ żebliħ diretti mhux biss kontra tagħhom, iżda — għan-niket u d-dulur akbar tagħhom — anki kontra l-merħla fdata fil-kura tagħhom, kontra dawk li qegħdin igħinuhom fl-apostolat u saħansitra kontra verġni dedikati ’l Alla. Waqt li nqisu dan l-għajb bħala magħmul Lilna stess, Aħna nagħmlu Tagħna l-protesta elokwenti tal-qatt minsi Predeċessur Tagħna, Gregorju l-Kbir: Il-ġieħ tagħna huwa l-ġieħ tal-Knisja Universali; il-ġieħ Tagħna huwa l-awtorità komuni ta’ Ħutna; u għalhekk Aħna nkunu onorati meta l-unur xieraq ma jiġix miċħud lill-ebda wieħed minnhom.[68]

Ċ. Għaliex Kristu u l-Ġisem Tiegħu għandhom bżonn xulxin

42.       Iżda l-pożizzjoni għolja ta’ Kristu r-Ras, m’għandhiex iġġegħelna naħsbu li Huwa m’għandux bżonn l-għajnuna tal-Ġisem. Għaliex dak li San Pawl igħid mill-organiżmu tal-bniedem huwa veru wkoll minn dan il-Ġisem Mistiku: “Ir-ras ma tistax tgħid... lis-saqajn: intom m’intomx meħtiġin għalija.”[69] Li l-insara jinsabu fi bżonn assolut tal-għajnuna tal-Feddej Divin hija ħaġa ċara biżżejjed, la darba Huwa stess qal: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn,”[70] u l-Appostlu jgħidilna li kull kobor ta’ dan il-Ġisem Mistiku għall-bini tiegħu nnifsu huwa ġej minn Kristu l-Kap.[71] B’dan kollu hija ħaġa wkoll żgura, għalkemm hija ħaġa li tgħaġġbek, li Kristu għandu bżonn il-membri Tiegħu. L-ewwel raġuni hija għaliex Ġesù Kristu huwa personalment rappreżentat mill-Papa li, biex ma jogħtorx taħt il-piż tal-uffiċċju pastorali Tiegħu, għandu bżonn li jsejjaħ lil ħafna oħrajn biex jaqsmu r-responsabbiltà miegħu, u għandu bżonn ta’kuljum li jiġi mwieżen bit-talb tal-Knisja kollha. Iżda anki fit-tmexxija diretta u inviżibbli tal-Knisja s-Salvatur Divin irid li jiġi megħjun mill-membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu sabiex tiġi mitmuma l-opra tal-Fidwa. Dan mhux ġej minn xi bżonn jew insuffiċjenza fih innifsu, imma għaliex hekk ordna li jkun għall-ġieħ akbar tal-Għarusa bla tebgħa Tiegħu. Meta miet fuq is-Salib, Huwa xeħet fuq il-Knisja t-teżori bla tarf tar-Redenzjoni mingħajr l-ebda sehem min-naħa tagħha; imma fit-taqsim ta’ dawn it-teżori Huwa mhux biss jaqsam dan ix-xogħol ta’ santifikazzjoni mal-Għarusa immakulata Tiegħu, iżda jridha li hi tikber, f’ċertu sens, bit-tħabrik tagħha stess. Dan huwa tabilħaqq misterju tremend, li fuqu qatt ma nistgħu nimmeditaw biżżejjed: li s-salvazzjoni ta’ ħafna erwieħ tiddependi mit-talb u mill-mortifikazzjoni volontarja offerta għal din l-intenzjoni mill-membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu, u mill-kooperazzjoni li r-Ragħajja u l-fidili, u speċjalment il-ġenituri għandhom jagħtu lill-Feddej Divin.

43.       Tliet raġunijiet oħra, minsuġin ma’ xulxin jeħtieġ issa jiġu miżjuda biex naraw għaliex Kristu s-Sinjur Tagħna huwa r-Ras tal-Ġisem soċjali Tiegħu.

D. Imħabba x-xebh bejn Kristu u l-membri Tiegħu.

44.       L-ewwel raġuni nsibuha fix-xebh bejn ir-Ras u l-Ġisem, imħabba fil-fatt li huma tal-istess natura. U hawn ta’ min jiftakar li għalkemm in-natura tagħna hija inferjuri għal dik tal-Anġli, b’danakollu għat-tieba ta’ Alla ġiet imgħollija għal dinjità aktar għolja minn tagħhom. “Kristu” jgħid id-Duttur Anġeliku, “huwa l-Kap tal-Anġli, għaliex anki skont l-umanità Tiegħu Huwa superjuri għalihom... u barra dan, anki bħala bniedem Huwa jillumina u jxerred il-virtù Tiegħu fuqhom. Iżda jekk nikkunsidraw ix-xebh fin-natura Kristu mhux il-Kap tal-Anġli, għaliex (fil-kliem tal-Appostlu) ‘ir-relazzjoni Tiegħu mhix mal-Anġli imma man-nisel ta’ Abram’.”[72] U mhux biss Kristu ha n-natura tagħna; Huwa sar biċċa minna b’ġisem dgħajjef u suġġett għat-tbatija u l-mewt. Imma jekk il-Verb “żvojta lilu nnifsu, u ħa l-għamla ta’ qaddej”[73] dan għamlu wkoll, sabiex ħutu mid-demm ikollhom sehem min-natura divina,[74] kemm waqt dan l-eżilju f’din id-dinja bil-grazzja santifikanti u kemm fis-sema bil-possessjoni ta’ beatitudni eterna. Għal din il-kawża l-Iben waħdieni tal-Missier Etern għoġbu li jsir iben il-bniedem, sabiex aħna nkunu nistgħu nsiru nixbħu x-xbieha tal-Iben ta’ Alla[75] u niġu mġeddin fix-xebh ta’ Dak li ħalaqna.[76] Għaldaqstant jalla dawk li jiftaħru bl-isem ta’ nsara ma jħarsux biss lejn il-Feddej Divin bħala l-mudell l-aktar sublimi u l-aktar perfett tal-virtujiet kollha, imma wkoll billi jaħarbu d-dnub u billi jitħarrġu l-ħin kollu fil-qdusija, hekk jipproduċu f’għamilhom it-tagħlim u l-ħajja Tiegħu, li meta jidher il-Mulej ikunu jixbhuh fil-glorja waqt li jarawh kif inhu.[77]

45.       Iżda Kristu jrid il-Knisja bħala Korp kif ukoll li kull membru tagħha li jkun jixbah Lilu. Dan ix-xebh jidher ċar meta, waqt li fuq il-passi tal-Fundatur Divin hija tgħallem, tiggverna u toffri s-sagrifiċċju divin. Mill-ġdid meta hija tipprattika konsilji evanġeliċi hija tirrifletti fiha l-faqar, l-ubbidjenza u l-verġinità tar-Redentur. U mill-ġdid il-ħafna ordnijiet u istituzzjonijiet tal-Knisja — tant ġemmi prezzjużi li bihom hija mżejna — juru lil Kristu fl-aspetti diversi tal-ħajja Tiegħu: jikkontempla fuq il-muntanja, jipprietka lill-poplu, iħeġġeġ lill-morda, iressaq lill-midinbin għall-indiema, u jagħmel il-ġid lil kulħadd. Mhux għaġeb, għalhekk, li matul l-eżistenza tagħha fuq din l-art hija tixbah lil Kristu wkoll filli issofri persekuzzjoni, insulti u tribulazzjonijiet.

E. Imħabba l-milja Tiegħu

46.       Raġuni oħra għaliex Kristu huwa ikkunsidrat bħala l-Kap tal-Knisja hija għaliex fi Kristu tinsab il-milja tal-perfezzjoni tad-doni sopranaturali kollha li mħabba fiha l-Ġisem Mistiku Tiegħu joktor u jieħu l-ħajja. Ħafna mis-Santi Padri jgħidu li kif ir-ras tal-ġisem tagħna hija mogħnija bis-sensi kollha filwaqt li l-bqija tal-ġisem m’għandux ħlief is-sens li bih il-bniedem iħoss, hekk ukoll il-virtujiet kollha, id-doni u s-setgħat mirakolużi li jinsabu fl-Insara magħqudin flimkien, fi Kristu, il-Kap tagħha, jeżistu fil-perfezzjoni sħiħa tal-isplendur tagħhom. “Fih għoġob (lill-Missier) li kull milja tgħammar.”[78] Huwa mżejjen b’dawk id-doni kollha sopranaturali li jakkompanjaw l-unjoni ipostatika, għaliex fih l-Ispirtu Santu jgħammar b’milja ta’ grazzja li akbar minnha ma tistax tiġi konċepita. Lilu ġiet mogħtija setgħa fuq kull ġisem, “u t-teżori kollha tal-għerf u d-dehen t’Alla”[79] jinsabu fih. Huwa jgawdi wkoll il-viżjoni beatifika b’mod tant ċar u vast li jissupera lil dak tal-qaddisin kollha tas-Sema. Infatti, Huwa hekk mimli bil-grazzja u l-verità illi aħna lkoll nirċievu mill-milja Tiegħu bla tmiem.[80]

F. Imħabba l-influwenza dinamika Tiegħu

47.       Dawn il-kelmiet tad-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù jġagħluna nikkunsidraw l-aħħar raġuni li turi b ‘mod partikulari li Kristu huwa l-Kap tal-Ġisem Mistiku Tiegħu. Kif in-nervituri jinfirxu mir-ras għall-partijiet kollha ta’ ġisimna, u b’hekk jagħtuhom is-setgħa li jħossu u jiċċaqalqu, hekk ukoll is-Salvatur tagħna jxerred fil-Knisja s-setgħa u l-virtù Tiegħu, u b’hekk jagħti lill-fidili li jifhmu aktar ċar u jixtiequ aktar bil-ħrara l-ħwejjeġ t’Alla. Minnu jgħaddi għall-Ġisem tal-Knisja id-dawl li jillumina lil dawk li jemmnu, u l-grazzji kollha li jagħmluhom qaddisin bħalma Hu stess huwa qaddis.

(a)        Kristu għajn tad-dawl

48.       Li Kristu jdawwal il-Knisja Tiegħu kollha jidher minn ħafna passi tas-Sagra Skrittura u tas-Santi Padri. “L-ebda bniedem qatt ma ra ’l Alla; Ibnu l-uniġenitu, li hu fi ħdan il-Missier, irrivelah lilna.” Mibgħut “għalliem minn Alla”[81] biex ikun jista’ jagħti xhieda tal-verità,[82] Huwa dawwal tant il-Knsija Apostolika fil-bidu tagħha illi l-Prinċep tal-Appostli esklama: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja eterna.”[83] Mis-Sema Huwa għen tant lill-Evanġelisti illi bħala membri ta’ Kristu, fl-għemil tagħhom kienu mmexxijin mir-Ras.[84] Bħalma l-lum, waqt li ninsabu f’dan l-eżilju tagħna fl-art, Huwa awtur tal-fidi tagħna, hekk ukoll Huwa jkun dak li jwassalha fit-tmiem tagħha fis-Sema;[85] Huwa li jxerred fuq il-fidili d-dawl tal-fidi, li jagħni lir-Ragħajja u lill-għalliema, u speċjalment lill-Vigarju Tiegħu fuq l-art, b’doni ta’ dehen u għerf sabiex ikunu jistgħu jgħassru bla heda t-teżor tal-fidi, jiddefenduh b’żelu, ifissruh bit-tieba u jsaħħuh b’għożża l-aktar kbira. Fl-aħħarnett Hu li jippresjedi mingħajr ma jidher fil-Konċilji tal-Knisja u jxerred id-dawl Tiegħu fuqhom.[86]

(b)        Kristu l-għajn tal-qdusija

49.       Kristu huwa l-awtur u l-kawża effiċjenti tal-qdusija; għaliex ma jistax ikun hemm att li jagħti s-saħħa li ma jkunx ġej minnu għaliex Hu l-għajn sopranaturali tagħha: “Mingħajri” Huwa qal, “ma tistgħu tagħmlu xejn.” Jekk aħna mqanqlin għas-sogħba u ndiema għad-dnubiet li għamilna, jekk induru lejn Alla b’biża’ u tama ta’ wlied, hija dejjem is-setgħa Tiegħu li tmexxina. Il-milja Tiegħu bla tarf hija l-għajn tal-grazzja u tal-glorja. Speċjalment il-membri l-aktar għoljin tal-Ġisem Tiegħu huma mogħnija l-ħin kollu mis-Salvatur tagħna b’doni ta’ konsill, qawwa, biża’ u pjetà biex hekk il-Ġisem kollu jista’ ta’ kuljum jikber fil-qdusija u ħajja. U meta l-Knisja tamministra s-Sagramenti b’rit estern, ikun Hu li jġib l-effett fir-ruħ.[87] Hu li jkattar il-grazzja fina u jħejjina għall-glorja tar-ruħ u tal-ġisem. U dawn it-teżori ta’ tjubija divina Huwa jikkumnikahom lill-membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu, mhux biss billi jinterċedi għalihom mal-Missier Etern kemm bħala Vittima Ewkaristika fuq l-art kif ukoll bħala Vittima glorifikata fis-Sema, billi jitlob għalina u juri l-pjagi Tiegħu, iżda wkoll għaliex Huwa stess li jagħżel, jiddetermina u jqassam il-grazzji lil kull wieħed “kif irid il-qies tad-doni ta’ Kristu.”[88] Hekk, waqt li s-setgħa hija ġejja mir-Redentur Divin, ir-Ras u l-għajn, “il-ġisem kollu, imsawwar u magħqud, bil-ġoġi kollha li jgħaqqdu, b’għamil jixraq lil kull biċċa, jiehu l-kobor li jixraq lill-ġisem, biex jibena fl-imħabba.”[89]

 3. KRISTU S-SOSTENITUR TAL-ĠISEM

50.       Għadna kif fissirna fil-qosor u bir-reqqa, Aħwa Venerabbli, l-mod li bih Kristu Sidna jrid l-abbundanza tad-doni Tiegħu li jfawru mill-milja Tiegħu fuq il-Knisja, sabiex hija tiġi magħmula bħalu kemm jista’ jkun. Dan it-tifsir igħinna ħafna biex nifhmu t-tielet raġuni li għaliha l-Korp soċjali tal-Knisja huwa msejjaħ il-Ġisem ta’ Kristu, raġuni li nsibuha fil-fatt li s-Salvatur tagħna stess isostni divinament lis-soċjetà li Huwa waqqaf.

A. Il-Knisja Kristu ieħor

51.       Kif Bellarminu osserva sewwa b’reqqa kbira, l-isem “Ġisem ta’ Kristu” jfisser aktar minn li Kristu Huwa r-Ras tal-Ġisem Mistiku Tiegħu; ifisser ukoll li Huwa hekk isostni l-Knisja u hekk, b’ċertu mod igħix fil-Knisja li wieħed jista’ jgħid li l-Knisja hija Kristu ieħor. U għal dan għandna l-awtorità tal-Appostlu tal-Ġnus li fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin jsejjaħ il-Knisja sempliċement bl-isem ta’ “Kristu”[90] u hawn jimxi fuq l-eżempju tal-Imgħallem stess li meta San Pawl kien qiegħed jippersegwita l-Knisja mis-sema għajjatlu “Sawlu, Sawlu għaliex qiegħed tippersegwitani?”[91] Tabilħaqq jekk nemmnu lil Gregorju ta’ Nissa, il-Knisja hija ta’ spiss imsejħa “Kristu” mill-Appostlu,[92] u intom Aħwa Venerabbli, tafu tajjeb il-kliem ta’ Santu Wistin “Kristu jipprietka ’l Kristu.”[93]

(a)        Imħabba l-missjoni ġurdika tagħha

52.       Iżda dan it-tifsir nobbli tal-Knisja m’għandux jittieħed li jfiser illi r-rabta tal-għaġeb li bija l-Iben t’Alla ha natura waħda umana, għandha tiġi attribwita għall-Knisja kollha. Ifisser dan; li l-Feddej Tagħna hekk jaqsam mal-Knisja Tiegħu l-ġid li Huwa b’mod speċjali Tiegħu stess, li l-Knisja fl-għamla kollha tal-ħajja tagħha, li tidher u li ma tidhirx, tirrifletti b’mod l-aktar perfett ix-xbiha ta’ Kristu stess. Għaliex l-ewwelnett, fil-missjoni ġuridika li l-Feddej Divin bagħat lill-Appostli Tiegħu fid-dinja, bħalma Huwa stess ġie mibgħut mill-Missier, Huwa tabilħaqq Kristu li jgħammed, li jgħallem, li jiggverna, li jaħfer, li jagħmel u joffri s-sagrifċċju permezz tal-Knisja.

(b)        Imħabba l-ħajja sopranaturali tagħha

53.       Barra dan b’dik il-kumnikazzjoni profonda, u intima u għal kollox sublimi, li Aħna semmejna aktar ’il fuq, meta fissirna l-influwenza dinamika tar-Ras fuq il-membri Tiegħu, Kristu Sidna ried li l-Knisja tgħix bil-ħajja sopranaturali Tiegħu u tmantni u ssostni lil kull membru skont il-post li għandu fil-Ġisem, l-istess bħalma z-zokk tad-dielja jagħti l-ħajja, u jagħmel produttivi lill-friegħi magħqudin Miegħu.[94]

B. Il-Knisja tgħix bl-Ispirtu t’Alla

54.       Jekk issa nikkunsidraw bir-reqqa dan il-prinċipju divin ta’ ħajja u setgħa mogħti minn Kristu nkwantu li jikkostitwixxi n-nixxiegħa ta’ kull don u grazzja, nifhmu malajr li mhux ħlief l-Ispirtu Santu, l-Ispirtu li jipproċedi mill-Missier u l-Iben, li b’manjiera speċjali huwa msejjaħ “L-Ispirtu ta’ Kristu” jew “L-Ispirtu ta’ l-Iben.”[95] Għaliex kien b’dan l-Ispirtu ta’ Grazzja u ta’ verità li l-Iben t’Alla xejjen ir-ruħ Tiegħu fil-ġuf immakulat tal-Verġni; Huwa l-Ispirtu li jsib l-għaxqa Tiegħu li jgħammar fir-ruħ safja tal-Feddej bħal tempju favorit Tiegħu, Huwa l-Ispirtu li Kristu immerita għalina fuq is-Salib biċ-ċarċir ta’ demmu; l-Ispirtu li tefa’ fuq il-Knisja għall-maħfra tad-dnubiet meta nefaħ fuq l-Appostli.[96] U waqt li Kristu waħdu rċieva dan l-Ispirtu bla ebda qies,[97] Huwa biss skont il-qies li biha iqassam Kristu u mill-milja ta’ Kristu stess li Huwa jiġi mexerred fuq il-membri tal-Ġisem Mistiku.[98] U la darba Kristu ġie igglorifikat fuq is-Salib l-Ispirtu Tiegħu huwa ikkumnikat lill-Knisja u jiġi mfawwar fuqha bl-abbundanza, sabiex hija u kull membru tagħha jistgħu joktru kuljum fix-xebh tal-Feddej tagħna. Huwa l-Ispirtu ta’ Kristu li għamilna wlied addottivi t’Alla,[99] ħalli ġurnata aħna lkoll, waqt li naraw il-glorja tal-Mulej, b’wiċċna minn quddiem, inkunu nistgħu niġu mibdula fl-istess immaġni minn glorja għal glorja.”[100]

Ċ. L-Ispirtu Santu r-Ruħ tal-Ġisem Mistiku

55.       Dan l-Ispirtu ta’ Kristu huwa l-prinċipju universali li minnu hija ġejja l-unjoni tal-partijiet kollha tal-Ġisem ma’ xulxin u mar-Ras nobbli, li jgħammar kollu kemm hu fir-Ras, kollu kemm hu fil-Ġisem u kollu kemm hu fil-membri u jassistihom bil-preżenza Tiegħu b’manjieri diversi skont il-funzjonijiet u d-dmirijiet differenti u skont il-grad għoli jew baxx tal-perfezzjoni spiritwali tagħhom. Bin-nifs tal-ħajja li jagħti mis-sema, Huwa l-fonti li minnha joħroġ kull għamil vitali u tabilħaqq ta’ siwi fil-partijiet kollha tal-Ġisem. Huwa nnifsu li jinsab preżenti fil-membri kollha, jaġixxi bħal Alla f’kull wieħed, għalkemm Huwa jaġixxi wkoll fil-membri l-aktar baxxi permezz tal-ministeru tal-aktar għolja. U fl-aħħarnett ikun Huwa li, waqt li bl-ispirazzjoni tal-Grazzja Tiegħu jkattar dejjem il-Knisja, jirrifjuta li jgħammar bil-grazzja santifikanti fil-membri li jiġu maqtugħa għal kollox mill-Ġisem. Din il-preżenza u din l-opra tal-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu ġiet miġbura u mfissra bil-qawwa kollha mill-għaref u qatt minsi predeċessur Tagħna b’dawn il-kelmiet: “Biżżejjed li tgħid li la darba Kristu Huwa r-Ras tal-Knisja, l-Ispirtu Santu Huwa r-ruħ tagħha.”[101]

56.       Jekk, b’dan kollu, din is-setgħa li tagħti l-ħajja, li permezz tagħha l-komunità tal-insara hija sostnuta mill-Fundatur tagħha, inħarsu lejha mhux fiha nnfisha imma fl-effetti li toħloq, allura hija tikkonsisti f’dawk id-doni li l-Feddej tagħna flimkien mal-Ispirtu Tiegħu jixħet fuq il-Knisja u li tagħhom Hu flimkien mal-Ispirtu Tiegħu huwa l-awtur li jagħti d-dawl sopranaturali u l-kawża tal-qdusija. Għaldaqstant il-Knisja, kif ukoll il-membri qaddisa tagħha kollha jistgħu jagħmlu tagħhom il-kliem tal-Appostlu li jfisser ħafna: “Jiena ngħix, issa mhux jien; iżda Kristu li jgħix fija.”[102]

 4. KRISTU L-FEDDEJ TAL-ĠISEM

57.       Dak li għidna dwar ir-“Ras Mistika”[103] ma jkunx ħaġa kompluta jekk ma nsemmux fil-qosor xi ħaġa dwar dak li qal l-istess Appostlu “Kristu Huwa r-Ras tal-Knisja; Hu l-Feddej tal-Ġisem Tiegħu.”[104] Għaliex dawn l-aħħar kelmiet juru l-aħħar raġuni li għaliha l-Ġisem tal-Knisja huwa msejjaħ il-Ġisem ta’ Kristu: Kristu huwa l-Feddej Divin tiegħu. Is-Sammaritani bir-raġun ipproklamawh “Feddej tad-dinja”[105]; tabilħaqq Huwa għandu l-jedd jiġi ipproklamat “Feddej tal-Bnedmin” għalkemm ma’ San Pawl jeħtieġ inżidu “b’mod speċjali tal-fidili”.[106] Fi kliem ieħor bi preferenza għall-oħrajn kollha huma l-membri Tiegħu li jiffurmaw il-Knisja li Huwa irriskatta bid-demm Tiegħu stess.[107] Iżda fuq dan il-punt m’għandniex għax ingħidu iżjed għaliex ġa ktibna fit-tul biżżejjed dwar it-twelid tal-Knisja fuq is-Salib u dwar Kristu bħala dak li minnu nirċievu d-dawl u bħala l-kawża tal-qdusija, kif ukoll bħala s-sostenitur tal-Ġisem Mistiku Tiegħu. Dawn huma veritajiet li fuqhom għandna issa, aktar minn ħaġa oħra, nimmeditaw b’qalb umli u bil-ħrara, u bi gratitudni bla tmiem lil Alla. Ħalli nżidu biss li x-xogħol li l-Feddej tagħna beda fuq is-Salib Huwa issa qiegħed ikompli l-ħin kollu fis-sema mit-tron Tiegħu ta’ Beatitudni; “Il-Kap tagħna” jgħid Santu Wistin “qiegħed jinterċedi għalina; xi membri Huwa jirċievi; oħrajn Huwa jikkastiga. Oħrajn Huwa isejjaħ mill-ġdid, oħrajn Huwa jikkoreġi, oħrajn Huwa jġedded.”[108] Sadattant Huwa għalina li nikkoperaw ma’ Kristu f’din il-ħidma ta’ fidwa, għaliex “Bl-istess mezzi nsalvaw lil ħaddieħor, u niġu salvati aħna.”[109]

 

KAP III

IL-KNISJA L-ĠISEM MISTIKU

58.       Ngħaddu issa, Aħwa Venerabbli, għal punt ieħor, biex infissru għaliex il-Ġisem ta’ Kristu, li Huwa l-Knsija, għandu jiġi msejjaħ “Mistiku”. Din il-kelma wżata minn ħafna kittieba antiki, u li nsibuha f’diversi dokumenti tal-Papiet, hija meħtieġa għal aktar minn raġuni waħda. Għaliex isservi ħalli tagħżel il-Ġisem soċjali tal-Knisja li tagħha Kristu Huwa Kap, u l-Ħakkiem, mill-Ġisem fiżiku tiegħu li, mitwieled mill-Verġni Omm Alla, issa jinsab fil-lemin tal-Missier u moħbi fl-ispeċi tal-Ewkaristija. Barra dan, u dan huwa ta’ importanza akbar imħabba erruri moderni, Aħna b’dan il-mod nistgħu nagħżluh minn kull ġisem fl-ordni naturali sew fiżiku kemm morali.

Ġisem Mistiku u Ġisem Fiżiku

59.       Waqt li f’ġisem fiżiku l-prinċipju tal-unità jgħaqqad il-partijiet flimkien b’mod li minn kull parti tonqos is-sustanza kollha li tifforma l-korp sħiħ, għall-kuntrarju fil-Ġisem Mistiku s-setgħa li tgħaqqad, għalkemm hija intima, tgħaqqad il-membri wieħed mal-ieħor b’mod li kull wieħed jibqa’ jżomm il-personalità tiegħu. Naraw differenza oħra jekk nikkunsidraw ir-relazzjoni reċiproka bejn kull individwu u l-individwi kollha: għaliex f’kull ġisem fiżiku ħaj l-akbar u l-uniku skop, li għalih kull wieħed mill-membri u l-membri kollha jeżistu, huwa l-benefiċċju tal-organiżmu kollu, waqt li kull struttura soċjali tal-bnedmin għandha bħala l-aħħar skop tagħha f’dak li jaqbel ’il kulħadd, il-ġid ta’ kull wieħed u tal-membri kollha bħala persuni. Għalhekk, biex nerġgħu għal dak li konna qegħdin ngħidu, bħalma l-Iben tal-Missier Etern niżel mis-sema għall-fidwa tagħna lkoll, hekk ukoll sabiex jassigura l-beatitudni tal-erwieħ immortali Huwa waqqaf il-Ġisem tal-Knisja u għanieh bl-Ispirtu t’Alla, sewwasew kif igħid l-Appostlu: “il-ħwejjeġ kollha huma tagħkom, u intom ta’ Kristu u Kristu Huwa t’Alla.”[110] Għaliex kif il-Knisja hija mfassla għall-benefiċċju tal-fidili, hekk ukoll hija iddestinata għall-glorja t’Alla u ta’ Ġesù Kristu li Huwa bagħat.

Ġisem Mistiku u Korp Morali

60.       Meta issa nxebbhu l-Ġisem Mistiku ma’ korp morali għandna ninnutaw ukoll bejniethom differenza li mhix żgħira anzi li hija tal-akbar importanza. Għaliex f’korp morali l-uniku prinċipju ta’ unità huwa l-iskop komuni u l-aspirazzjoni komuni ta’ lkoll għal dak l-iskop permezz tal-awtorità soċjali. Iżda fil-Ġisem Mistiku li minnu qegħdin nitkellmu hemm barra din l-aspirazzjoni komuni prinċipju intern ieħor, li jeżisti u qiegħed jaħdem tabilħaqq sew fl-istruttura kollha u sew f’kull parti minnha, u dan il-prinċipju huwa ta’ nobbiltà hekk kbira li fih innifsu jisboq bla tarf kull rabta oħra li biha kull ġisem fiżiku jew morali huwa minsuġ flimkien. Din hija kif għidna ’l fuq, xi ħaġa mhux fl-ordni naturali imma fl-ordni sopranaturali; tabilħaqq fiha nnifsha infinita u mhux maħluqa, għaliex hija l-Ispirtu t’Alla, li fil-kliem tad-Duttur Anġeliku “numerikament wieħed u l-istess, jimla u jgħaqqad il-Knisja kollha.”[111]

Nobbiltà li ma bħalha tal-Ġisem Mistiku

61.       Għalhekk, it-tifsir tal-kelma “Mistiku” jfakkarna li l-Knisja, li fl-ordni tagħha hija Soċjetà perfetta, ma tikkonsistix sempliċement fl-element soċjali u ġuridiku u lanqas mhi mibnija fuq dan il-pedament biss. Hija bilwisq ’il fuq mill-assoċjazzjonijiet l-oħra kollha tal-bnedmin,[112] għaliex tisboqhom bħalma l-grazzja tisboq in-natura u bħalma l-ħwejjeġ li ma jintemmux jisbqu l-ħwejjeġ kollha li jintemmu.[113] Soċjetatjiet ta’ din il-għamla, u speċjalment is-soċjetà ċivili, għandhom l-importanza tagħhom, li m’għandhiex tiġi mnaqqsa, iżda l-ordni tal-affarijiet li għalihom jappartienu mhumiex il-Knisja kollha, l-istess kif l-istruttura tal-ġisem mortali tagħna mhix il-bniedem.[114] Għaliex għalkemm il-pedament ġuridiku li fuqu wkoll tpoġġi u hija mibnija l-Knisja għandu l-bidu tiegħu fil-kostituzzjoni divina mogħtija lilha minn Kristu u għalkemm jikkontribwixxi biex jintlaħaq il-fini sopranaturali, b’dan kollu, dak li jerfa’ s-soċjetà nisranija f’livell li jisboq kull ordni naturali huwa l-Ispirtu tal-Feddej tagħna — il-fonti ta’ kull grazzja, doni u setgħat mirakolużi — li jimla l-Knisja u jaħdem fiha. L-istess bħalma l-bini tal-ġisem mortali tagħna, tabilħaqq xogħol meraviljuż tal-kreatur, ma għandux x’jaqsam mad-dinjità sublimi tar-ruħ, hekk ukoll il-bini tas-socjetà nisranija, ghalkemm huwa prova tal-għerf tal-Arkitett divin tagħha, huwa b’dan kollu xi ħaġa ta’ ordni aktar baxx meta nxebbhuh mad-doni spiritwali li jagħnuha u jagħtuha l-ħajja u meta nxebhuh Miegħu li huwa l-fonti divin tal-Knisja.

Erruri dwar in-Natura tal-Knisja

62.       Kull ma fissirna s’issa, Aħwa Venerabbli, juri li errur kbir huwa minn banda li wieħed minn jeddu jimmaġina l-Knisja bħala xi ħaġa interna u inviżibbli, jew mill-banda l-oħra li wieħed ipoġġi l-Knisja fuq l-istess livell ta’ xi istituzzjoni oħra tal-bnedmin li għandha d-dixxiplina tal-gvern u tar-riti esterni, iżda li ma għandha l-ebda kumnikazzjoni mal-ħajja sopranaturali.[115] Il-Ġisem Mistiku tal-Knisja Huwa bħal Kristu nnifsu, il-Kap u l-mudell tal-Knisja Tiegħu, li “mhux sħiħ jekk naraw Fih biss l-umanità Tiegħu li tidher... jew biss id-divinità Tiegħu li ma tidhirx, iżda huwa wieħed miż-żewġ, u fiż-żewġ naturi.”[116] Għaliex il-Verb Divin ħa n-natura ta’ bniedem li tispiċċa sabiex f’din is-soċjetà viżibbli mibnija u ikkonsagrata bid-demm divin “il-bniedem ikun jista’ jerġa’ lura għall-ħwejjeġ li ma jidhrux permezz ta’ gvern li jidher.”[117]

63.       Aħna għalhekk niddeploraw u nikkundannaw il-gwaj tal-errur li jivvinta knisja, li tinsab biss fit-thewdin tal-moħħ, bħallikieku soċjetà li tgħix u tieħu l-għamla mill-karità, li magħha jikkontrasta b’xebħ żvantaġġuż soċjetà oħra li tiġi msejħa ġuridika. Dawk li jagħmlu din id-distinzjoni kollha kemm hi żbaljata ma jaslux biex jifhmu li l-iskop kien wieħed u l-istess — dak li jitkompla fuq din l-art ix-xogħol tal-Fidwa — li għalih il-Feddej Divin waqqaf fost il-bnedmin il-kostituzzjoni ta’ soċjetà perfetta fl-ordni tagħha, ipprovduta bl-elementi ġuridiċi u soċjali kollha tagħha, kif ukoll, bl-istess skop ried li jagħniha bis-setgħat tas-sema u bid-doni tal-Ispirtu Santu. Huwa veru li l-Missier Etern riedha li tkun “is-Saltna tal-Iben ta’ mħabbtu,” iżda Huwa riedha li tkun saltna tabilħaqq waħda, jiġifieri, li fiha dawk li jemmnu jċiedu u joffru għal kollox l-intellett u l-volontà tagħhom, u b’qalb umli u ubbidjenti jiġu mxebbha Lilu li għalina “sar ubbidjenti sal-mewt.”[118] Għalhekk ma jistax ikun hemm vera oppożizzjoni jew inkompatibilità bejn il-missjoni inviżibbli tal-Ispirtu Santu u l-uffiċċju ġuridiku li r-Ragħajja u l-għalliema jirċievu mingħand Kristu. Bħall-ġisem u r-ruħ fina t-tnejn ikomplu u jipperfezzjonaw ’il xulxin, għax it-tnejn għandhom l-oriġini tagħhom fl-istess Feddej wieħed li mhux biss qal, meta Huwa nnifsu nefaħ l-Ispirtu t’Alla fuq l-Appostli; “Irċievu intom l-Ispirtu Santu”[119] imma żied igħid b’vuċi għolja “Bħalma l-Missier bagħat lili jiena wkoll nibgħat lilkom”[120] u mill-ġdid “Dak li jisma’ lilkom jisma’ Lili.”[121]

Id-Difetti tal-Bnedmin fil-Knsija ma jħassrux il-Kostituzzjoni Divina

64.       Jekk nilmħu xi ħaġa fil-Knisja li turi d-debbulizza tagħna ta’ bnedmin, dan m’għandniex ingħidu li huwa ġej mill-kostituzzjoni ġuridika tagħha iżda mill-ġibda msejkna tal-bnedmin għall-ħażen, ġibda li l-Fundatur Divin jissaporti anki fost il-membri għolja tal-Ġisem Mistiku Tiegħu, ħalli jipprova fil-virtù l-merħla u r-ragħajja u għall-merti akbar tal-fidi nisranija f’ilkoll. Għaliex rajna li Kristu ma riedx il-midinbin li jiġu esklużi mis-soċjetà li Huwa waqqaf; jekk immela xi membri huma spiritwalment morda, din mhi l-ebda raġuni biex innaqqsu l-imħabba tagħna għall-Knisja iżda aktarx raġuni akbar għall-ħniena mill-membri tagħha.

65.       Ċertament, Ommna l-Knisja Mqaddsa hija bla tebgħa fis-Sagramenti li bihom tnissel u tmantni l-uliedha fil-fidi li hija żżomm bla mittiefsa, fil-liġijiet imqaddsa li timponi fuq kulħadd u fil-konsilji evanġeliċi li bihom hija twiddeb; u fl-aħħarnett, fid-doni tas-sema u fis-setgħat mirakolużi li bihom mill-fekondità tagħha bla tmiem,[122] hija tnissel għadd bla tarf ta’ martri, ta’ verġni u ta’ konfessuri. Iżda m’għandhiex tinżamm ħatja jekk xi whud mill-membri tagħha huma morda jew feruti. Huwa fl-isem tagħhom li l-Knisja titlob kuljum ’l Alla “Aħfrilna ħtijietna” waqt li toffri lilha nfisha bil-qalb qawwija ta’ omm għall-fejqan tagħhom.

66.       Minn dan jidher li meta l-Ġisem ta’ Ġesù Kristu nsejħulu “Mistiku” dil-kelma għandha ħafna tagħlim importanti x’tagħtina, tagħlim li nsibu l-eku tiegħu fil-kliem ta’ San Leone: “Agħraf id-dinjità tiegħek o nisrani, u wara li tieħu sehem min-natura divina la tbaxxix lilek innifsek billi terġa’ lura għall-grad baxx li kont fih qabel. Ftakar fir-Ras u fil-Ġisem li minnhom int tagħmel sehem.”[123]

 

IT-TIENI PARTI

L-UNJONI TAL-FIDILI MA’ KRISTU U FI KRISTU

KAP I

IN-NATURA TAL-UNJONI

L-Intimità Tagħha

67.       Bi ħsiebna issa, Aħwa Venerabbli, nitkellmu partikularment mill-unjoni tagħna ma’ Kristu fil-Ġisem tal-Knisja, suġġett li Santu Wistin[124] jiddeskrivi bħala tabilhaqq sublimi, misterjuż u divin, u li ghal din ir-raġuni sew sew xi wħud jifhmuh u jfissruh ħażin. Hija ħaġa ċara, qabel xejn, li din l-unjoni hija l-aktar intima. Mhux biss hija mxebbha fl-Iskrittura Mqaddsa mar-rabta taż-żwieġ nisrani, u mal-unjoni tal-friegħi mad-dielja, li minnha jieħdu l-ħajja, jew mal-unità li tifforma l-ġisem tagħna,[125] hija saħansitra rappreżentata bħala hekk intima li tradizzjoni kostanti u qadima ferm tas-Santi Padri — li taqbel mal-kliem ta’ San Pawl “Kristu Huwa r-Ras tal-Ġisem tal-Knisja”[126] — tgħallem illi l-Feddej Divin flimkien mal-ġisem soċjali Tiegħu jifforma persuna mistika waħda, jew kif igħid Santu Wistin jifforma lil “Kristu sħiħ”.[127] Tabilħaqq, il-Feddej tagħna stess fit-talba saċerdotali Tiegħu ma beżax ixebbah din l-unjoni ma’ dik l-għaqda tal-għaġeb li biha l-Iben huwa fil-Missier u l-Missier fl-Iben.[128]

Rabta Ġuridika

68.       L-unjoni tagħna ma’ Kristu hija ġejja qabel kollox mill-fatt li s-soċjetà tal-Insara hija mir-rieda tal-Fundatur tagħha korp soċjali perfett u għalhekk il-membri kollha tagħha jeħtieġ li jkunu magħqudin b’xewqa waħda għall-istess fini. Issa aktar ma jkun nobbli l-fini li għalih din ix-xewqa waħda hija mmexxija u aktar ma tkun divina l-fonti li minnha tkun ħierġa, m’għandniex x’ingħidu, aktar sublimi tkun l-unità li tiġi minnhom. Imma hawn, il-fini huwa l-aktar għoli: hija qdusija toktar il-ħin kollu, tal-membri tal-Ġisem għall-glorja t’Alla u l-Ħaruf maqtul għalina[129] u l-fonti hija l-aktar divina: mhux biss id-digriet tal-Missier Etern u x-xewqa mħerrqa tal-Feddej tagħna iżda ukoll l-ispirazzjoni interna u l-impuls tal-Ispirtu Santu fil-menti u fil-qalb tagħna. Għaliex, jekk imqar l-inqas għamil li jwassal għas-salvazzjoni ma jistax jiġi magħmul mingħajr l-Ispirtu Santu, kif għadd bla tarf ta’ bnedmin ta’ kull nazzjon, u ta’ kull razza jistgħu jaħdmu bi ħsieb wieħed għall-glorja t’Alla fi tliet persuni jekk mhux bis-setgħa ta’ Dak li Huwa ispirat mill-Missier u l-Iben b’imħabba eterna waħda?

Rabta Viżibbli

69.       Imma għaliex kif diġà għidna, il-Ġisem soċjali ta’ Kristu mir-rieda tal-Fundatur jeħtieġ li jkun jidher, din ix-xewqa waħda tal-membri kollha hemm bżonn ukoll li turi ruħha minn barra bil-professjoni tal-istess fidi, bl-użu wieħed tal-istess Sagramenti, bis-sehem fl-istess sagrifiċċju u bl-osservanza prattika tal-istess liġijiet. Barra dan huwa assolutament meħtieġ li għandu jkun hemm Kap suprem, li jarah kulħadd li jidderiġi effettivament il-kooperazzjoni bejn il-membri ħalli jintlaħaq l-iskop magħżul; u l-Kap Viżibbli Huwa l-Vigarju ta’ Ġesù Kristu fl-art. Għaliex, l-istess bħalma l-Feddej Divin bagħat l-Ispirtu Santu, l-Ispirtu tal-Verità, biex fl-isem tiegħu jmexxi l-Knisja inviżibbli hekk ukoll Huwa ta l-mandat lil Pietru u lis-suċċessuri tiegħu; li jirrappreżentaw il-persuna Tiegħu fl-art biex imexxu l-Ġisem viżibbli tas-soċjetà nisranija.

Il-Virtujiet Teologali

70.       Ma’ din ir-rabta ġuridika, li waħedha hija biżżejjed biex terfa’ ’l fuq minn kull rabta oħra fost l-għaqdiet nobbli tal-bnedmin imqar dawk l-aktar nobbli, hemm prinċipju ieħor ta’ unità li huwa ġej minn dawk it-tliet virtujiet li jgħaqqduna intimament ma’ Alla: il-fidi, it-tama u l-karità. Għaliex kif igħidilna l-Appostlu hemm “Mulej wieħed u fidi waħda”[130] dik il-fidi li biha nemmnu f’Alla wieħed u f’Ġesù Kristu li Huwa bagħat.[131] Biex ifihemna kemm din il-fidi tgħaqqadna intimament ma’ Alla, id-dixxiplu maħbub ta’ Ġesù jgħidilna “Kull min jistqarr li Ġesù huwa l-Iben t’Alla, Alla jgħix fih, u huwa f’Alla.”[132] Il-fidi nisranija tgħaqqadna ma’ xulxin u xejn anqas mar-Ras Divina; għaliex aħna lkoll li nemmnu “għandna l-istess spirtu tal-fidi”[133] aħna mdawla bl-istess dawl ta’ Kristu, immantnijin bl-istess ikel ta’ Kristu, iggvernati mill-istess setgħa u awtorità ta’ tagħlim ta’ Kristu. Jekk aħna animati bl-istess spirtu tal-fidi, allura aħna “lkoll ngħixu (l-istess ħajja) fil-fidi tal-Iben t’Alla li ħabbna u tana Lilu nnifsu għalina”;[134] u Kristu l-Kap tagħna meta Huwa milqugħ fina b’fidi ħajja u jgħammar fil-qalb tagħna,[135] bħalma Huwa l-awtur tal-fidi tagħna jkun Huwa li jwassal din il-fidi fit-tmiem tagħha.[136]

71.       Bħalma bil-fidi f’din id-dinja nintrabtu m’Alla bħala l-għajn tal-verità, bil-virtù tat-tama nisranija nfittxuh bħala l-għajn tat-tgawdija, “waqt li nħarsu lejn it-tama qaddisa u lejn il-miġja tal-glorja tal-kbir Alla.”[137] Imħabba din ix-xewqa komuni tas-saltna tas-sema, li ma rridux il-qagħda tagħna għal dejjem fl-art imma nfittxu dik li għad trid tiġi[138] u nitnieħdu għall-glorja sopranaturali b’mod li l-Appostlu tal-ġnus seta’ jgħid: “Ġisem wieħed u ruħ waħda, billi intom imsejħa b’tama waħda tal-vokazzjoni tagħkom.”[139] Tabilħaqq Kristu jgħix fina bħala t-tama tal-glorja.[140]

72.       Iżda jekk ir-rabta ta’ fidi u tama li tgħaqqadna mal-Feddej Divin tagħna fil-Ġisem Mistiku Tiegħu hi ta’ konsegwenza l-aktar kbira, mhux anqas ta’ importanza u ta’ effett huma r-rabtiet ta’ karità. Għaliex jekk imqar fl-ordni naturali l-imħabba, li hi bażi tal-ħbiberija vera, hija ħaġa l-aktar nobbli, x’għandna ngħidu minn dik l-imħabba sopranaturali li tfawwar mill-qlub tagħha minn Alla nnifsu? “Alla huwa karità, u dak li jgħix fil-karità jgħix f’Alla u Alla fih.”[141] Bil-karità Alla jintrabat b’liġi li għamel Huwa stess li jekk aħna nħobbuh, huwa jinżel jgħammar fina. “Jekk xi bniedem iħobbni... Missieri jħobb lilu, u Aħna niġu ngħammru miegħu.”[142] Il-karità għaldaqshekk, aktar minn kull virtù oħra, tgħaqqadna fil-qrib ma’ Kristu, u hija l-ħeġġa divina ta’ din l-imħabba li ġiegħlet lil numru hekk kbir ta’ wlied tal-Knisja li jsofru bil-ferħa u jistmerru t-tbatija, waqt li bil-hena f’qalbhom, jilqgħu u jissuperaw il-provi l-aktar ħorox, u saħansitra jmutu u jxerrdu demmhom fl-Isem Tiegħu. Għalhekk, il-Feddej Divin iħeġġiġna bil-ħrara: “Għammru fl-imħabba Tiegħi”. U billi l-karità hija ħaġa fqira u vojta jekk ma turix ruħha fl-opri tajba, Huwa minnufih iżid igħidilna “Jekk iżżommu l-kmandamenti Tiegħi, intom tgħixu fl-imħabba Tiegħi, kif jien żammejt il-kmandamenti ta’ Missieri u ngħix fl-imħabba Tiegħi.”[143]

L-Imħabba tal-Proxxmu Tagħna

73.       Iżda l-imħabba tagħna għal Alla, l-imħabba tagħna għal Kristu, jeħtieġ li tkun akkumpanjata b’imħabba korrispondenti lejn il-proxxmu tagħna. Kif nistgħu ngħidu li nħobbu lill-Feddej Divin jekk nobogħdu lil dawk li Huwa feda bid-demm Tiegħu prezzjuż, biex jagħmilhom membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu? Għalhekk iwissina d-dixxiplu maħbub: “Jekk xi bniedem igħid: Jien inħobb ’l Alla, u jobgħod lil ħuh, huwa giddieb għaliex jekk ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb ’l Alla li ma jarahx? U dan il-kmandament għandna minn Alla, li dak li jħobb ’l Alla jħobb lil ħuh ukoll.”[144] Tabilħaqq, jeħtieġ li wieħed igħid li l-unjoni tagħna ma’ Alla, l-unjoni tagħna ma’ Kristu, issir proporzjonatament akbar iżjed ma nsiru aktar membri ta’ xulxin[145] u bl-istess mod, l-unjoni tagħna ma’ xulxin[146] bil-karità ssir aktar intima, aktar ma nintrabtu bi ħrara akbar ma’ Alla u mal-Kap Divin.      

L-Imħabba ta’ Kristu għalina

74.       Sa minn qabel il-bidu tad-dinja, l-Iben waħdieni t’Alla strinġiena miegħu bl-għerf etern u infinit Tiegħu u bl-imħabba Tiegħu bla tarf. U biex juri din l-imħabba b’mod viżibbli u tal-għaġeb Huwa għaqqad in-natura tagħna ipostatikament Miegħu nnifsu, meta kif josserva Massimu ta’ Turin, b’mod l-aktar sempliċi u naturali, “Fi Kristu l-laħam Tiegħu stess iħobbna.”

75.       Iżda l-għerf kollu mħabba li bih il-Feddej Divin ġera warajna sa mill-ewwel mument tal-Inkarnazzjoni Tiegħu huwa tali li l-moħħ tagħna ma jasal qatt biex jifhem; għaliex permezz tal-viżjoni beatifika li Huwa kellu miż-żmien li kien ikkonċepit fil-ġuf tal-Omm t’Alla, Huwa kellu, għal dejjem u l-ħin kollu, quddiemu l-membri kollha tal-Ġisem Mistiku Tiegħu, u ħaddanhom bl-imħabba feddejja Tiegħu. Kemm b’mod tal-għaġeb Huwa tbaxxa magħna bi ħniena bla tarf! Kemm hija bla prezz l-imħabba Tiegħu bla qies! Fil-maxtura, fuq is-Salib, fil-glorja kollha tal-Knisja Tiegħu, Hu jarahom wisq aktar ċar, igħannaqhom b’akbar imħabba, minn omm lill-iben ta’ ħdanha, wisq aħjar milli bniedem iħobb lilu nnifsu.

Kristu ġewwa fina permezz tal-Ispirtu Santu

76.       Minn dan kollu wieħed jista’ jara malajr, Aħwa Venerabbli, għaliex l-Appostlu Pawlu sikwit itenni li Kristu huwa ġewwa fina u aħna fi Kristu. Dan jista’ jiġi muri aktarx b’mod iżjed sottili: Kristu, kif diġà għidna, Huwa ġewwa fina permezz tal-Ispirtu Tiegħu, li jagħti lilna u li bih jopera ġewwa fina b’mod li kull effett divin fir-ruħ tagħna mill-Ispirtu Santu huwa wkoll operat minn Kristu.[147] “Jekk xi bniedem ma jkollux l-Ispirtu ta’ Kristu” jgħid l-Appostlu “mhu xejn minn Tiegħu, imma jekk Kristu jkun fikom... l-ispirtu jgħix, għaliex fih hemm il-ġustifikazzjoni.”

Kristu l-Milja ta’ Kristu. “Kristu Sħiħ”

77.       Huwa wkoll imħabba din il-komunikazzjoni tal-Ispirtu ta’ Kristu li d-doni, il-virtujiet u s-setgħat mirakolużi kollha li jinsabu eminentement, bl-abbundanza u bħal fonti fil-Kap, jinfirxu fil-membri kollha tal-Knisja u fihom jiġu perfezzjonati skont il-post ta’ kull wieħed fil-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu; u li bħala konsegwenza, il-Knisja ssir bħallikieku l-milja u l-komplament tal-Feddej, Kristu fil-Knisja f’ċertu sens iwettaq lilu nnifsu kompletament.[148] Din, fil-qosor, hi r-raġuni tad-duttrina ta’ Santu Wistin li Aħna semmejna aktar ’il fuq: Li Kristu, ir-Ras Mistika, u l-Knisja li bħal Kristu ieħor tirrappreżenta l-persuna Tiegħu fuq l-art, flimkien jikkostitwixxu bniedem wieħed ġdid li jgħaqqad is-sema u l-art li jkompli l-opra tal-fidwa tas-Salib. Kristu, Ras u Ġisem Huwa Kristu sħiħ.

Il-Ħtieġa ta’ Kura Reverenti fl-Istudju ta’ dan il-Misterju

78.       M’aħniex ninsew li meta l-bnedmin ifittxu li jifhmu u jispjegaw id-duttrina misterjuża — dwar l-unjoni tagħna mal-Feddej Divin u partikularment dwar l-għamara tal-Ispirtu Santu fir-ruħ — il-viżjoni dgħajfa tagħhom hija mfixkla minn tant velijiet li jgeżwru l-verità fi speċi ta’ ċpar. Iżda Aħna nafu wkoll li mill-investigazzjoni ta’ dan is-suġġett magħmula bir-reqqa u b’intenzjoni retta u mid-diskuzzjoni ta’ opinjonijiet kontra xulxin, sakemm l-istudju jkun ispirat bl-imħabba tal-verità u mmexxi bl-ubbidjenza xierqa għall-Knisja jista’ joħroġ ħafna dawl prezzjuż li jġib ’l quddiem anki lil dawn ix-xjenzi mqaddsa. Aħna m’għandna, għalhekk, l-ebda kelma ta’ kundanna għal dawk li jagħżlu triqat u metodi differenti fl-istudju tagħhom biex jifhmu u sa fejn possibbli, jispjegaw dan il-misteru profond tal-unjoni meraviljuża tagħna ma’ Kristu. Iżda mħabba l-periklu li wieħed jista’ jitbiegħed mid-duttrina ġenwina u mit-tagħlim veru tal-Knisja, huma għandhom iżommu dan bħala ħaġa żgura: li kull spjegazzjoni ta’ din l-unjoni mistika għandha tkun imwarrba jekk iġġiegħel lill-fidili b’xi mod li joħorġu ’l barra mill-ordni tal-ħwejjeġ maħluqa u jidħlu fl-isfera divina, u jaħsbu li jistgħu jifhmu preċiż imqar wieħed mill-attributi tal-Etern Alla. Barra dan, jeħtieġ, li wieħed iżomm quddiem għajnejh din il-verità ċerta: li f’din il-materja l-ħwejjeġ kollha għandhom jinżammu bħala komuni għas-Santissima Trinità, f’dak li għandu x’jaqsam m’Alla bħala l-kawża effiċjenti suprema. Jeħtieġ li wieħed jiftakar li qegħdin nittrattaw minn misteru moħbi li matul l-eżilju tagħna fl-art ma jista’ qatt jiġi kompletament mikxuf, qatt ma nistgħu nifhmuh għal kollox u lanqas ma jista’ jiġi espress tajjeb biżżejjed bl-ilsien tal-bnedmin.

Il-Ħajja ġewwa fina tal-Persuni Divini

79.       Il-Persuni Divini jgħammru fina nkwantu li huma preżenti b’mod misterjuż fil-ħajja intelliġenti tal-kreaturi, Huma jintlaħqu mill-kreaturi permezz tad-dehen u tal-imħabba,[149] iżda b’manjiera li tisboq in-natura kollha u bħala ħaġa għal kollox intima u unika. Jekk irridu nilħqu xi tagħrif żgħir fuq dan li qegħdin ingħidu, nagħmlu tajjeb li nimxu fuq il-metodi irrikkmandati mill-Konċilju Vatikan,[150] il-metodu li bih għandna nfittxu d-dawl fuq xi tagħrif żgħir tal-veritajiet moħbija t’Alla, bil-paragun ta’ misterji ma’ xulxin, u mal-aħħar fini li għalih huma diretti. Meta l-għaref predeċessur Tagħna, Ljun XIII, li fih għandna niftakru bil-għożża, kien qiegħed jittratta minn din l-unjoni tagħna ma’ Kristu, u mill-ħajja ġewwa fina tal-Ispirtu Santu, huwa b’mod wisq xieraq, tefa’ l-ħarsa tiegħu lejn dik li-viżjoni beatifika li fiha din l-unjoni mistika għad ġurnata ssib it-twettiq tagħha perfett. “Din l-unjoni meraviljuża,” Huwa kiteb, “magħrufa b’isem speċjali ta’ ħajja ġewwa fina tiddifferixxi biss minn dik l-unjoni li fiha Alla jgħammar u jibbeatifika ċ-ċittadini tas-sema mħabba l-kondizzjoni jew stat li fih aħna l-lum.”[151] F’dik il-viżjoni l-għajnejn tal-intellett, bis-setgħat tagħhom imkabbra b’dawl sopranaturali, ikollhom id-don li jikkonteplaw il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu, għal kollha kemm hi l-eternità u jaraw mill-qrib kif il-Persuni Divini jipproċedu u jgawdu beatitudni li tixbaħ ferm lil dik li biha hija mbierka s-Santissima u indiviża Trinità.

L-Ewkaristija s-Sinjal ta’ din l-Unjoni

80.       It-tagħlim Taghna dwar din l-unjoni intima tal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu mar-Ras tiegħu jidhrilna li jkun nieqes mingħajr għall-anqas ma ngħidu xi ħaġa fuq l-Ewkaristija Mqaddsa li fiha din l-unjoni tilhaq il-quċċata tagħha f’din il-ħajja mortali.

81.       Għaliex is-Sinjur tagħna Ġesù Kristu ried li fis-sagrifiċċju Ewkaristiku din l-unjoni meraviljuża u ta’ kobor bla qies torbotna ma’ xulxin u mar-Ras Divina, tidher b’xi mod speċjali quddiem l-għajnejn tal-fidili. Hawn il-ministri jirrappreżentaw mhux biss il-Feddej iżda wkoll il-Ġisem Mistiku kollu u kull wieħed mill-membri tiegħu; f’dak is-sagrifiċċju l-fidili jingħaqda f’talba u supplika waħda, u minn idejn is-saċerdot, li l-kelma tiegħu biss tniżżel il-Ħaruf Immakulat fuq l-artal, huma stess joffru lill-Missier Etern din il-Vittma li tgħoġbu, Vittma ta’ foħrija u propizjazzjoni għall-bżonnijiet tal-Knisja kollha. U bħalma l-Feddej Divin meta kien qiegħed imut fuq is-Salib offra Lilu nnifsu bħala l-Kap tal-ġeneru uman lill-Missier Etern, hekk issa f’din “l-offerta safja” Huwa joffri lill-Missier fis-sema mhux biss Lilu nnifsu bħala l-Kap tal-Knisja, iżda fih innifsu wkoll il-membri mistiċi Tiegħu, għaliex Huwa jiġborhom fih kollha, imqar lid-dgħajfa u l-imsejkna fosthom, b’imħabba l-aktar kbira fil-qalb Tiegħu.

82.       Barra dan, is-Sagrament tal-Ewkaristija, waqt li jippreżentalna wkoll xbiha ħajja u meraviljuża ta l-unità tal-Knisja — ladarba l-ħobż għall-Konsagrazzjoni huwa magħmul mill-għaġna flimkien ta’ bosta qmuħ[152] — jagħtina li l-istess Awtur tal-grazzja sopranaturali, minn fejn aħna nistgħu nieħdu dak l-Ispirtu ta’ karità li bih ngħixu u li bih inħobbu l-Feddej stess fil-membri kollha tal-Ġisem soċjali Tiegħu.

83.       Jekk għaldaqstant, f’dan iż-żmien ta’ hemm ikunu bosta l-erwieħ magħqudin ma’ Kristu s-Sinjur tagħna moħbi taħt l-ispeċi Ewkaristiċi u magħqudin b’rabta hekk kbira li xejn — “u la tribulazzjonijiet, u la niket, u la ġuħ, u la għera, u la perikoli, u la persekuzzjoni u la x-xabla,”[153] ma jista’ jifridhom mill-karità Tiegħu, allura żgur li l-Ewkaristija Mqaddsa, li providenzjalment f’dawn l-aħħar snin anki t-tfal qegħdin jerġgħu jirċevuha ta’ spiss, tista’ tassew issir in-nixxiegħa ta’ dik il-qawwa li sikwit tqajjem u tqanqal eroj insara.

 

KAP II

ERRURI DWAR DIN L-UNJONI

84.       Dawn, Aħwa Venerabbli, huma prinċipji li jekk jinftehmu tajjeb u bil-qima kollha u jinżammu fl-imħuħ bil-għożża, igħinu aħjar lill-insara biex ma jaqgħux f’dawk l-erruri, li jqumu mħabba li ċerti persuni jittrattaw kif jidhrilhom din il-kwistjoni bi ħsara kbira għall-fidi kattolika u b’mod li joħolqu taħwid fl-imħuħ tal-bnedmin.

L-hekk imsejħa Unjoni Fiżika ta’ Kristu u tal-Membri Tiegħu

85.       L-ewwelnett hemm uħud li, billi ma jġibux quddiem għajnejhom biżżejjed illi l-Appostlu Pawlu tkellem fuq din il-materja metaforikament, ma jagħmlux id-distinzjoni meħtieġa bejn id-diversi tifsiriet tal-ġisem fiżiku, morali u mistiku u b’hekk ifissru ħażin din l-unjoni. Skont dawn il-Feddej Divin u l-membri tal-Knisja huma magħqudin b’mod li jiffurmaw persuna fiżika waħda, u għaldaqstant waqt li jattribwixxu proprjetajiet divini lill-bnedmin huma jagħmlu lil Kristu s-Sinjur tagħna suġġett għall-erruri tad-debbulizza umana. Din id-duttrina falza hija għal kollox kuntrarja għall-fidi kattolika, u għat-tagħlim tas-Santi Padri, bħalma hija kuntrarja għall-ħsieb u għal dak li qal l-Appostlu tal-Ġnus, li għalkemm jgħaqqad lil Kristu u lill-Ġisem Mistiku Tiegħu f’unjoni tal-għaġeb, b’danakollu juri l-għażla li hemm bejn wieħed u l-ieħor, bħalma bejn għarus u għarusa.[154]

Kwietiżmu

86.       Xejn anqas imbiegħed mill-verità huwa l-errur perikoluż li jipprova li jagħmel mill-għaqda misterjuża tagħna ma’ Kristu l-bażi ta’ sistem ħażin ta’ kwietiżmu, billi jattribwixxi l-ħajja spiritwali tal-insara kollha kemm hi u l-mixi ’l quddiem lejn il-virtù biss lill-opra tal-Ispirtu t’Alla, waqt li jeskludi u jittraskura l-kooperazzjoni li aħna għandna nagħtu. Ħadd, m’hemmx għalfejn ngħidu, ma jista’ jiċħad illi l-Ispirtu Mqaddes ta’ Ġesù Kristu huwa l-unika nixxiegħa li minnha tfawwar kull setgħa sopranaturali fil-Knisja u fil-membri tagħha; għaliex kif igħid is-salmista “il-Mulej jagħti l-grazzja u l-glorja.” Iżda l-perseveranza bla waqfien tal-bnedmin fil-ħidma għall-qdusija, il-ħrara tagħhom għall-mixi ’l quddiem fil-grazzja u fil-virtù, u l-isforzi ħabrieka tagħhom mhux biss biex jilħqu l-quċċata tal-perfezzjoni nisranija personalment, imma wkoll, skont ma jistgħu, biex iħeġġu l-oħrajn għall-istess skop — dawn l-effetti l-Ispirtu t’Alla ma jipproduċilhomx jekk il-bnedmin ma jagħmlux is-sehem tagħhom il-ħin kollu u ħilithom kollha biex jilħquhom. “Il-barka t’Alla,” igħid Sant’Ambroġ, “ma tiġix mogħtija lil dawk li jorqdu iżda lill dawk li jgħassu.”[155] Jekk l-ezerċizzju kontinwu jagħti s-saħħa u l-enerġija lill-partijiet tal-ġisem tagħna li jintemm, wisq iżjed dan isir fil-Ġisem soċjali ta’ Ġesù Kristu, li fih kull membru jibqa’ jżomm il-libertà, il-kuxjenza u l-karatteristika tiegħu, u għalhekk l-istess Pawlu li qal: “Jiena ngħix, issa mhux jien; iżda Kristu li jgħix fija.”[156] Qal ukoll: “Il-grazzja t’Alla fija ma kenitx għalxejn; iżda ħdimt aktar bl-abbundanza minnhom kollha. B’dan kollu mhux jien, imma l-grazzja t’Alla fija.”[157] Minn hawn naraw ċar li dan it-tagħlim żbaljat, dwar il-misterju li qegħdin nittrattaw, iwassal mhux għall-profitt spiritwali tal-fidili imma għar-rovina tagħhom.

Erruri dwar il-Qrar

87.       Falza wkoll hija l-fehma ta’ dawk li jaħsbu li l-qrar ta’ spiss ta’ dnubiet venjali mhux ta’ min jirrikmandah għaliex id-dnubiet venjali, igħidu dawn it-talin, jinħafru bil-qrara ġenerali li jagħmel is-saċerdot flimkien mal-poplu f’riġlejn l-artal qabel ma tibda l-quddiesa. Li hemm bosta manjieri tajba li bihom dawn id-dnubiet jistgħu jiġu maħfura huwa kollu veru, kif intom, Venerabbli Ħuti, tafu wisq tajjeb. Iżda biex wieħed jimxi ’l quddiem, malajr u l-ħin kollu, fit-triq tal-virtù, Aħna nirrikkmandaw ferm il-prattika qaddisa tal-qrar ta’ spiss, imdaħħla mill-Knisja taħt il-gwida tal-Ispirtu Santu; għaliex b’dan il-mezz nagħarfu aħjar lilna nnfusna u fl-umiltà nisranija drawwiet ħżiena jiġu maqlugħa mill-għeruq, tnikkir u bruda spiritwali jiġu evitati, il-kuxjenza tiġi msoffija u r-rieda msaħħa tiġi mogħtija direzzjoni spiritwali ta’ fejda, u l-grazzja tikber fina bil-qawwa tas-sagrament stess. Għaldaqshekk, dawk fost il-kleru żagħżugħ li qegħdin inaqqsu l-istima tal-qrar ta’ spiss, għandhom ikunu jafu li t-triq li għażlu hija barranija għall-Ispirtu ta’ Kristu u ta’ ħsara l-aktar kbira għall-Ġisem Mistiku tal-Feddej tagħna.

Erruri dwar it-Talb

88.       Hemm uħud, imbagħad, li jiċhdu li t-talb tagħna ta’ supplika xi siwi tabilħaqq, jew li jridu jdaħħlu fl-imħuħ li ftit jiswa t-talb privat, bħallikieku huwa t-talb pubbliku biss li jiswa, la darba dan huwa ġej mill-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu. Dan il-parir huwa għal kollox ħażin, għaliex il-Feddej Divin iħaddan f’unjoni intima miegħu nnifsu mhux biss il-Knisja, bħala l-Għarusa maħbuba Tiegħu, imma fiha wkoll l-erwieħ ta’ kull wieħed mill-fidili, li magħhom Huwa jixtieq bil-ħerqa li jikkonversa intimament, speċjalment wara li jkunu rċevew it-Tqarbin Imqaddes. U għalkemm it-talb pubbliku, bħala ġej minn Ommna l-Knisja Mqaddsa nfisha, hu fuq kull talb ieħor imħabba d-dinjità tal-Għarusa ta’ Kristu, b’daqshekk it-talb kollu, anki li jingħad b’mod l-aktar privat għandu d-dinjità u s-siwi tiegħu, u huwa wkoll ta’ benefiċċju kbir għall-Ġisem Mistiku kollu; għaliex, f’dak il-Ġisem ma jista’ jkun hemm ebda għamil tajjeb, u virtuż, magħmul minn kull membru li, permezz tax-Xirka tal-Qaddisin, ma jmurx għall-ġid ta’ lkoll. Lanqas mhu ħażin li wieħed, għaliex huwa membru tal-Ġisem Mistiku, jitlob favuri speċjali għalih innifsu anki favuri temporali, bil-kondizzjoni li dawn ikunu skont ir-rieda t’Alla, għaliex kull wieħed huwa persuna għalih u kull wieħed għandu l-bżonnijiet tiegħu partikulari.[158] Rigward il-meditazzjoni fuq ħwejjeġ tas-sema, mhux biss il-pronunzjamenti tal-Knisja imma wkoll il-prattika u l-eżempju tal-qaddisin huma prova ta’ kemm din hija miżmuma fi stima kbira.

89.       Fl-aħħarnett, hemm dawk li jgħidu li t-talb tagħna m’għandux jiġi indirizzat lill-Persuna ta’ Ġesù Kristu nnifsu, iżda aktarx ’l Alla jew permezz ta’ Kristu lill-Missier Etern, imħabba li l-Feddej tagħna fil-kwalità Tiegħu ta’ Kap tal-Ġisem Mistiku Tiegħu għandu jiġi mħares biss bħala l-medjatur bejn Alla u l-bniedem.[159] Iżda dan mhux biss huwa kontra l-ħsieb tal-Knisja u tal-prattika nisranija imma wkoll mhux veru. Għaliex Kristu, strettament huwa Kap tal-Knisja kollha skont iż-żewġ naturi Tiegħu flimkien;[160] u mill-bqija Huwa stess ipproklama solennement: “Jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi jien nagħtihielkom.”[161] Barra dan, għalkemm huwa veru li t-talb ġeneralment jiġi indirizzat lill-Missier Etern permezz tal-Iben uniġenitu Tiegħu, speċjalment fis-sagrifiċċju Ewkaristiku fejn Kristu bħala Saċerdot u Vittima, itemm b’manjiera speċjali l-uffiċċju Tiegħu ta’ medjatur, b’danakollu mhux fi ftit okkażjonijiet, anki waqt is-Sagrifiċċju Mqaddes, it-talb jiġi dirett ukoll lejn il-Feddej Divin; għaliex, huwa meħtieġ li l-insara kollha jkunu jafu u jifhmu tajjeb li l-bniedem Kristu Ġesù huwa veru Iben t’Alla u Huwa nnifsu veru Alla. U għaldaqstant meta l-Knisja militanti tadura u titlob lill-Ħaruf bla tebgħa, Vittima Mqaddsa, hija tidher qiegħda twieġeb għall-vuċi tal-Knisja trijonfanti li tkanta għal kollha kemm hi l-eternità: “Lilu li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf, barka u ġieħ, u glorja u setgħa għal dejjem ta’ dejjem.”[162]

 

IT-TIELET PARTI

TĦEĠĠIĠ SABIEX INĦOBBU L-KNISJA

90.       Wara Li spjegajna, Aħwa Venerabbli, dan il-misterju tal-unjoni intima tagħna ma’ Kristu, u b’hekk bħala Għalliema tal-Knisja Universali dawwalna l-imħuħ bid-dawl tal-verità, inħossuh ukoll dmir tagħna pastorali li nqanqlu fil-qlub tal-fidili mħabba nkebbsa lejn dan il-Ġisem Mistiku, imħabba li ma tikkuntentax ruħha bil-ħsieb u bil-kelma, imma li turi ruħha wkoll f’għamil kollu ħrara. Jekk dawk li kienu taħt il-liġi l-qadima kienu jkantaw dan l-innu lill-belt tagħhom f’din id-dinja: “Jekk ninsa lilek o Ġerusalem, ħalli ninsa l-idi leminija. Ħalli jeħel ilsieni max-xedaq ta’ ħalqi, jekk ma niftakarx lilek; jekk ma nagħmilx lil Ġerusalem il-bidu tal-ferħ tiegħi;”[163] kemm iżjed għandna biex nimtlew bil-glorja aħna, kemm għandna iżjed biex nimtlew bil-ferħ aħna, bħala cittadini ta’ Belt mibnija fuq l-għolja mqaddsa b’ġebel ħaj u magħżul, “b’Ġesù Kristu nnifsu bħala l-ġebla fondamentali ewlenija.”[164] Għaliex l-ebda glorja akbar, l-ebda dinjità aktar għolja, l-ebda ġieħ aktar sublimi, ma jista’ wieħed jimmaġina minn dak li tifforma parti mill-Knisja Mqaddsa Kattolika, Apostolika, Rumana fejn insiru membri minn dan il-Ġisem wieħed u venerabbli, iggvernati minn din ir-Ras awgusta, mimlijin bi spirtu wieħed t’Alla, u mrejqin mrejqin għall-ewwel f’dan l-eżilju b’duttrina waħda u b’Ħobż wieħed tal-Anġli sakemm fl-aħħar naslu biex ingawdu fis-sema hena wieħed bla tmiem.

 1. JEĦTIEĠ LI NĦOBBU L-KNISJA KIF GĦAMILHA KRISTU

91.       Jekk ma rridux li niġu mqarrqa mill-anġlu tad-dlamijiet li jird “jittrasforma lilu nnifsu f’anġlu tad-dawl”[165] ir-regola ewlenija jeħtieġ li tkun li nħobbu l-Għarusa ta’ Kristu kif Kristu riedha li tkun, kif Huwa irriskattaha bid-demm Tiegħu stess. Għaldaqshekk jeħtieġ li nħobbu mhux biss is-Sagramenti li bihom kollha mħabba Ommna l-Knisja tmantnina; mhux biss il-festi solenni li hija tiċċelebra għall-ferħ u l-ħena tagħna, u l-kantiċi sagri u l-funzjonijiet liturġiċi li bihom terfa’ l-ħsieb tagħna lejn il-ħwejjeġ tas-sema, iżda jeħtieġ li ngħożżu s-sagramentali u d-diversi drawwiet ta’ tieba li bihom timla l-qlub tal-fidili bl-Ispirtu ta’ Kristu u bil-faraġ. Lanqas id-dmir tagħna ma jieqaf filli npattu għall-imħabba tagħha ta’ omm b’devozzjoni ta’ wlied; jeħtieġ wkoll li jkollna reverenza lejn l-awtorità tagħha, mogħtija minn Kristu li jġib “fir-rażna kull tagħrif fl-ubbidjenza ta’ Kristu.”[166] Aħna għalhekk marbutin li nobdu l-liġijiet tagħha u l-preċetti morali għalkemm l-osservanza tagħhom tista’ xi drabi tkun aktarx iebsa għan-natura tagħna, imwaqqa’ kif inhi mill-istat tal-innoċenza oriġinali; jeħtieġ li nimmansaw lill-ġisem tagħna ribelli bil-mortifikazzjoni volontarja; u aħna mwiddba saħansitra li niċċaħħdu minn pjaċiri li huma leġittimi. Lanqas mhu biżżejjed li nħobbu dan il-Ġisem Mistiku għaliex huwa distint bid-divinità tar-Ras tiegħu u bid-doti tas-sema; jeħtieġ li jkollna mħabba prattika għalih li turi ruħha fil-ġisem tagħna li jintemm, kompost minn membri umani dgħajfa li whud minnhom ftit jistgħu jkunu denji mill-pożizzjoni li għandhom fil-Ġisem venerabbli.

 2. FIL-KNISJA JEĦTIEĠ LI NARAW LIL KRISTU STESS

92.       Biex nassiguraw li din l-imħabba ġenwina u sħiħa ssaltan fi qlubna u tikber kuljum, jeħtieġ, nidraw naraw fil-Knisja lil Kristu stess. Għaliex Huwa tabilhaqq Kristu li jgħix fil-Knisja u permezz tagħha jgħallem, iqaddes u jiggverna; Huwa wkoll Kristu li jimmanifesta ruħu f’bosta għamliet fil-membri diversi tas-soċjetà Tiegħu. U hekk, kemm-il darba l-insara kollha jagħmlu ħilithom biex igħixu f’dan l-ispirtu ħaj tal-fidi, huma jkunu mhux biss jagħtu ġieħ u jobdu kif jixraq lill-membri l-aktar għolja ta’ dan il-Ġisem Mistiku, u speċjalment lil dawk li mill-mandat tal-Kap Divin għad ġurnata jridu jagħtu kont tal-erwieħ tagħna;[167] imma huma jgħożżu wkoll lil dawk li għalihom il-Feddej Divin tagħna wera mħabba wisq partikulari: id-dgħajfa, il-morda u l-batuti, sew jekk huma fil-bżonn ta’ rimedju naturali sew jekk huma fil-bżonn tal-għajnuna sopranaturali; iċ-ċkejknin li l-innoċenza tagħhom tinsab illum f’periklu kbir u l-qlub tagħhom jistgħu jiġu maħdumin bħax-xama’; u fl-aħħarnett, il-fqar, waqt li nagħtuhom ħarsa ta’ ħniena l-aktar kbira, għandna naraw fihom il-persuna ta’ Ġesù Kristu stess.

Il-Kundanna ta’ Delitt Faħxi

93.       L-Appostlu bil-ħaqq kollu jwissina li “dawk il-partijiet tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa huma l-aktar meħtieġa; u dawk il-partijiet tal-ġisem li naħsbu li huma l-aktar baxxi aħna nagħtuhom ġieħ akbar.”[168] Dan il-kliem ta’ min joqgħod fuqu, Aħna issa, irridu ntennu, meta qegħdin naraw, b’dispjaċir profond li l-mewt qiegħda tiġi mogħtija lill-immankati, lid-dgħajfa minn moħħom u lil dawk li qegħdin isofru mard ereditarju, bl-iskuża li dawn huma piż intollerabbli għas-socjetà; u fuq kollox għaliex dawn il-mezzi qegħdin jiġu mfaħħra minn uħud bħala xi skoperta magħmula mill-progress tal-bnedmin u bħala mezzi li jwasslu għall-ġid komuni. Hemm xi bniedem f’sessih li ma jistax jara li dan mhux biss kontra kull liġi naturali u divina miktuba fil-qlub ta’ kulħadd,[169] imma delitt li jmur ukoll kontra l-istinti l-aktar nobbli tal-umanità? Id-demm ta’ dawn il-kreaturi sfortunati, daqshekk għeżież għall-Feddej tagħna għaliex ta’ min jitħassarhom iżjed, igħajjat vendetta quddiem Alla.[170]

 3. JEĦTIEĠ LI NĦOBBU L-KNISJA KIF ĦABBHA KRISTU

94.       Barra dan, jekk irridu li dik il-karità sinċiera, li biha għandna naraw lill-Feddej tagħna fil-Knisja u fil-membri tagħha, ma tibridx bil-mod il-mod, nagħmlu tajjeb li nieħdu bħala mudell tagħna lil Ġesù stess, li ħabb il-Knisja b’mod suprem u ideali.

(a)        Imħabba li tħaddan lil kulħadd

95.       L-ewwelnett ħalli nimitaw l-universalità tal-imħabba Tiegħu. Huwa veru li Kristu għandu Għarusa waħda, il-Knisja; b’dan kollu l-imħabba tal-Għarus Divin hija hekk universali li fl-Għarusa Tiegħu jħaddan lill-bnedmin kollha bla ebda eċċezzjoni. Għaliex l-iskop tal-Feddej tagħna meta xerred demmu fuq is-Salib kien li jerġa’ jagħmel ħbieb m’Alla l-bnedmin kollha mifrudin f’razez u f’nazzjonijiet u jistidinhom li jingħaqdu f’Ġisem wieħed. Imħabba vera tal-Knisja, għalhekk, titlob mhux biss li fil-Ġisem stess aħna għandna nkunu membri ta’ xulxin u li għandna nieħdu ħsieb xulxin,[171] kull wieħed jifraħ fil-glorja tal-ieħor, u jbati fin-niket tal-ieħor,[172] iżda wkoll li fi bnedmin oħra li għad mhumiex magħqudin magħna fil-Ġisem tal-Knisja għandna naraw lil ħutna fi Kristu skont il-Ġisem, imsejħa għall-istess salvazzjoni eterna magħna. Huwa diżgrazzjatament veru li hemm bnedmin illum li jaraw fil-ġlied, fil-mibegħda u fil-għira, provi tad-dinjità umana u tal-irġulija. Iżda Aħna, waqt li bid-dispjaċir f’qalbna qegħdin inkunu xiehda tar-riżultati diżastrużi ta’ dik id-duttrina, nimxu wara r-Re tal-paċi li jgħallimna li nħobbu mhux biss lil dawk ta’ ġens jew razza li mhix tagħna,[173] iżda anki lill-istess għedewwa tagħna.[174]Aħna qlubna mixgħula bis-sentimenti għolja tal-Appostlu tal-Ġnus, ningħaqdu miegħu fit-tifħir lill-karità ta’ Kristu[175] li l-ebda differenza ta’ razza u ta’ drawwiet ma tista’ tifred, l-ebda wisa’ ta’ oċean ma tnaqqas, l-ebda gwerra ġusta jew le, ma teqred.

96.       F’din is-siegħa gravi, Aħwa Venerabbli, waqt li d-dulur qiegħed jifni lil numru hekk kbir ta’ nies u n-niket qiegħed iżur lil tant qlub, id-dinja jeħtieġ li tiġi mkebbsa b’din il-karità sopranaturali, sabiex in-nies tajba kollha (Aħna għandna fi ħsiebna speċjalment lill-membri tal-organizazzjonijiet tal-karità ta’ kull għamla) jiġbru flimkien il-ħila kollha tagħhom sabiex jilqgħu għall-bżonnijiet l-aktar kbar, spiritwali u materjali, b’pika qaddisa ta’ ħniena u ta’ mħabba. B’hekk id-dinja kollha tkun tista’ tara t-tħabrik bil-qalb u l-ħajja li dejjem tiġġedded mill-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu.

(b)        Imħabba dejjem ħajja

97.       L-imħabba li kollox u lil kulħadd tħaddan, li biha Kristu ħabb il-Knisja għandha bħala sieħba tagħha l-ħrara li ma tafx b’waqfien; u Aħna wkoll għandna, ilkoll kemm aħna, inħobbu l-Ġisem Misitku ta’ Kristu b’għamil ta’ żelu li ma jistrieħx. Ma nistgħux insibu siegħa fil-ħajja tal-Feddej tagħna li fiha ma kienx jaħdem, u jaħdem (għalkemm kien l-Iben t’Alla) sa jinfena biex jagħti l-għamla u jwaqqaf fis-sod il-Knisja Tiegħu; mill-mument tal-Inkarnazzjoni Tiegħu meta poġġa l-ewwel pedament tal-Knisja Tiegħu, sal-aħħar tal-Ħajja Tiegħu fuq l-art, Huwa ta l-ħin kollu eżempji kbar ta’qdusija, jipprietka, jiddiskuti, ilaqqa’ jifforma proġetti l-ħin kollu. U hekk Aħna nixtiequ li jagħmel kull min jagħraf lill-Knisja bħala Omm, għaliex mhux biss il-Ministri mqaddsa, mhux biss dawk li jiddedikaw ruħhom ’l Alla fil-ħajja reliġjuża, imma wkoll skont il-ħila tagħhom il-membri l-oħra tal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu, huma fl-obbligu li jaħdmu biz-zelu u bil-ħeġġa għall-bini u għat-tkattir ta’ dan il-Ġisem. Aħna nixtiequ li dan jiġi speċjalment realizzat —bħalma infatti għall-ġieħ tagħhom huwa realizzat — minn dawk il-membri militanti tal-Azzjoni Kattolika li qegħdin jikkooperaw mal-Isqfijiet u s-Saċerdoti fix-xogħol tal-apostolat, u mill-membri tal-assoċjazzjonijiet piji awżiljari, li jaħdmu għall-istess skop. Hija ħaġa ċara fis-sitwazzjoni preżenti li l-ħidma tagħhom bla mistrieħ hija ta’ importanza ewlenija u mill-akbar.

98.       U m’għandniex inħallu barra l-ġenituri li f’idejhom huma fdati l-membri l-aktar delikati tal-Ġisem Mistiku. Aħna nitolbuhom bil-ħrara, għall-imħabba ta’ Kristu u tal-Knisja Tiegħu, li jħarsu bl-akbar kura l-ulied li għandhom fi ħsiebhom u jħejjuhom kontra n-nases ta’ kull għamla li llum huma lesti biex jonsbuhom.

(ċ)        Imħabba murija fit-Talb

99.       Il-Feddej tagħna wera l-imħabba mħeġġa tiegħu għall-Knisja speċjalment bit-talb mill-qalb li Hu offra għalina lill-Missier Tiegħu fis-sema. Huwa biżżejjed li nfakkru, Aħwa Venerabbli, kif sew sew qabel bata fuq is-salib, Huwa talab bil-qalb għal Pietru,[176] għall-Appostli l-oħra,[177] għal dawk kollha li permezz tal-Kelma divina kellhom jemmnu fih.[178]

i.          Għall-membri tal-Knisja

100.     Fuq l-eżempju ta’ Kristu, nitolbu mmela kuljum il-Mulej ħalli jibgħat ħaddiema biex jaħdmu il-ħsad Tiegħu[179] u jitla lejn is-sema t-talb tagħna ta’ kuljum għal-membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu. L-ewwel għall-isqfijiet li kull wieħed għandu fdata f’idejh id-djoċesi tiegħu; imbagħad għall-qassisin u għar-reliġjużi li, imsejħa għas-servizz t’Alla qegħdin jaħdmu f’pajjiżhom jew f’artijiet barranin fost l-infidili biex jipproteġu, ikattru u jġibu ’l quddiem is-saltna tal-Feddej Divin. Iżda araw li ma tinsew l-ebda membru ta’ dan il-Ġisem venerabbli fit-talb komuni u ftakru speċjalment f’dawk li qegħdin ibatu fil-pellegrinaġġ ta’ din l-art jew wara l-mewt qegħdin jiġu msoffija bin-nirien tal-Purgatorju. U fit-talb tagħna m’għandniex inħallu barra lil dawk li qegħdin jitħejjew fit-tagħlim nisrani ħalli jkunu jistgħu mill-aktar fis jiġu mnaddfa bl-ilma tal-magħmudija.

ii.         Għal dawk li għad mhumiex membri

101.     Hija wkoll ix-xewqa kbira Tagħna li t-talb komuni tal-fidili jilħaq ukoll bil-ħrara tal-karità lil dawk li għadhom ma rċevewx id-dawl mill-verità tal-Vanġelu, jew għadhom ma laħqux is-sigurtà fi ħdan il-Knisja u lil dawk li diżgrazzjatament infirdu mill-unità tal-fidi u nqatgħu minnha, li, għalkemm indenjament, jirrappreżentaw il-Persuna ta’ Ġesù Kristu f’din id-dinja. Għal dan l-iskop intennu dik it-talba divina tal-Feddej tagħna lill-Missier fis-sema “Agħmel li lkoll inkunu ħaġa waħda, kif int, Missier, tinsab Fija, u Jiena fik, ħalli huma jkunu ħaġa waħda fina; biex id-dinja tagħraf li Inti bgħattni.”[180]

Appell lil dawk mhumiex Kattoliċi

102.     Lil dawk li ma jagħmlux sehem mill-Korp viżibbli tal-Knisja Kattolika, Aħna fil-bidu tal-Pontifikat Tagħna (kif tiftakru, Aħwa Venerabbli) proġġejniehom f’idejn il-kura t’Alla u assigurajniehom solennement li fuq l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, Aħna nixtiqulhom xejn anqas milli huma jkollhom “il-ħajja u li din il-ħajja jkollhom bl-abbundanża.”[181] Din l-assigurazzjoni solenni, issa li tlabna l-fidili biex jitolbu għall-Knisja kollha, Aħna nixtiequ ntennu f’din l-Enċiklika li fiha kantajna l-foħrija tal-“kbir u glorjuż Ġisem ta’ Kristu.”[182] U minn qiegħ qalbna nistidnuhom kollha u lil kull wieħed, biex jagħtu l-kunsens liberu tagħhom għall-ġibdiet intimi tal-grazzja t’Alla u jagħmlu ħilithom kollha biex jinħallu minn stat li fih ma jistgħux ikunu żguri mis-salvazzjoni eterna tagħhom,[183] għaliex għalkemm jista’ jkollhom relazzjoni mal-Ġisem Mistiku tal-Feddej imħabba xi ġibda jew xewqa inkoxjenti li jħossu fihom, f’danakollu huma privi minn dawk id-doni u għajnuniet tas-sema li jistgħu jgawdu biss fil-Knisja Kattolika. J’Alla dawn immela jidħlu fl-unità kattolika u magħqudin magħna fl-organiżmu wieħed tal-Ġisem ta’ Ġesù Kristu, ikollhom flimkien mar-Ras waħda, sehem fl-aktar imħabba glorjuża. Aħna ma niqfux mit-talb tagħna għalihom lill-Ispirtu tal-imħabba u tal-verità, u b’dirgħajna miftuħa qegħdin nistennewhom mhux bħala barranin, iżda bħala dawk ġejjin f’dar missierhom.

Il-Konversjoni bil-Grazzja: mhux bilfors

103.     Imma waqt li Aħna nixtiequ talb bla waqfien lil Alla mill-Ġisem Mistiku kollu, biex dawk li huma mxerrda jidħlu mill-aktar fis fil-merħla waħda tal-Ġisem ta’ Kristu, Aħna niddikjaraw li huwa assolutament meħtieġ li dan għandu jsir mill-għażla libera tagħhom għaliex l-ebda bniedem ma jista’ jemmen jekk huwa ma jkunx irid.[184] Jekk xi persuni li ma jemmnux jiġu mġiegħla li jidħlu fi knisja, li jersqu lejn l-artal, u li jirċievu s-sagramenti, huma ċertament ma sarux veri nsara;[185] għaliex dik il-fidi li mingħajrha “huwa impossibbli li togħġob ’l Alla”[186] jeħtieġ li tkun “wirja tal-intellett u tar-rieda”[187] perfettament libera. Għalhekk jekk xi darba jiġri, kontra dak li għallmet dejjem is-Santa Sede,[188] li persuna tiġi mġiegħla kontra r-rieda tagħha li tħaddan il-fidi Kattolika, Aħna ma nistgħux fil-kuxjenza ma niċċensurawx dan l-għamil. Sewwasew imħabba l-fatt li l-bnedmin għandhom volontà libera u jistgħu, taħt l-influwenza tal-passjoni u tax-xewqat ħżiena, jabbużaw mil-libertà tagħhom, huwa meħtieġ għalihom li jiġu miġbuda effettivament lejn il-verità mill-Missier tad-dawl, permezz tal-Ispirtu tal-Iben Tiegħu maħbub. U jekk għad fadal ħafna bħalma diżgrazzjatament hemm, li għadhom jiġġerrew barra mit-triq tal-fidi kattolika u ma jridux jagħtu l-kunsens liberu tagħhom għall-ispirazzjonijiet tal-grazzja t’Alla, dan huwa mħabba l-fatt li mhux biss huma,[189] iżda wkoll il-fidili, ma joffrux aktar talb mill-qalb ’l Alla għal din l-intenzjoni. Aħna għalhekk, bil-ħrara u bl-insistenza neżortaw lil dawk kollha li jħobbu l-Knisja li jimxu fuq l-eżempju tal-Feddej Divin u joffru dan it-talb bla waqfien.

iii.         Għal dawk li qegħdin jiggvernaw

104.     Iżda ċ-ċirkostanżi tal-lum jagħmlu aktar minn xieraq, għaliex huwa tassew meħtieġ, li t-talb imħeġġeġ jiġi offert għar-rejjiet, għall-prinċipijiet u għall-mexxejja kollha tal-istati, li jistgħu jagħtu għajnuna lill-Knisja bil-protezzjoni esterna tagħhom; sabiex meta l-ordni jiġi stabbilit mill-ġdid in-nifs tal-karità divina jkun jista’ jikkalma l-mewġiet inkurlati ta’ din it-tempesta u jġib “il-paċi, frott tal-ġustizzja”[190] lill-umanità mifnija, u l-Knisja b’hekk tkun tista’ “tgħix ħajja kwieta u fil-paċi bil-pjetà u l-kastità kollha.”[191] Jeħtieġ nitolbu ’l Alla ħalli dawk li għandhom ħakma fuq il-popli jkollhom id-dehen[192] sabiex fuqhom ma jaqa’ qatt il-ġudizzju tal-biża’ tal-Ispirtu Santu: “L-aktar Għoli jeżamina x-xogħol tagħkom u jgħarbel ħsibijietkom; għaliex bħala ministru tas-saltna tiegħu ma iġġudikajtux sewwa, u lanqas ma żammejtu l-liġi tal-ġustizzja, lanqas ma mxejtu mar-rieda t’Alla. B’mod orribbli u malajr huwa jitfaċċa quddiemkom; għaliex ġudizzju l-aktar sever ikun għal dawk li jaħkmu. Għal dak li huwa ċkejken tiġi magħmula ħniena, iżda għal dawk li huma kbar bil-kbir jiġu itturmentati. Għaliex Alla ma jaħfirha lil ebda wieħed u lanqas ma jibża’ mill-kobor ta’ xi bniedem; għax Huwa għamel iż-żgħar u l-kbar u għandu l-istess kura għal-lkoll. Iżda kastig akbar huwa lest għall-aktar setgħana. Għalikom għaldaqstant, o rejjiet huma dawn il-kliem tiegħi; sabiex intom tikbru fid-dehen u mhux titbiegħdu minnu.”[193]

(d)        Imħabba li tidher billi wieħed jaċċetta t-tbatijiet minn idejn Alla

105.     Iżda mhux biss bil-ħidma bla mistrieħ u lanqas bit-talb bla waqfien, li Kristu s-Sinjur tagħna wera l-imħabba għall-Għarusa immakulata Tiegħu; Huwa wrieha wkoll billi minn jeddu u bl-imħabba kollha aċċetta li jbati u jsofri għaliha, “Waqt li ħabb dawk li huma Tiegħu... ħabbhom sal-mewt.”[194] Tabilħaqq, il-Knisja Tiegħu swietlu t-tixrid tad-demm Tiegħu.[195]

106.     Nimxu mela wara r-Re tagħna fit-triq tat-tbatija, la darba din hija l-kondizzjoni li biha nassiguraw il-fidwa tagħna: “Għaliex jekk ġejna midfunin flimkien fix-xebh tal-mewt Tiegħu, hekk ukoll inkunu nixbhuh fil-qawmien mill-mewt Tiegħu.”[196] “U jekk ngħixu Miegħu mmutu Miegħu.”[197] B’dan il-patt ukoll li nistgħu nwettqu fil-prattika dik l-imħabba ġenwina mal-Knisja li biha nirbħu l-erwieħ għal Kristu. Għaliex, għalkemm it-teżor tal-grazzji li immerita l-Feddej tagħna ghall-Knisja Tiegħu, bil-Passjoni kiefra u l-mewt ħarxa Tiegħu huma bla tarf, b’danakollu Alla fil-Provvidenza Tiegħu ried li dawn id-doni tal-grazzja jiġu mqassma fuqna ftit, ftit; u l-abbundanza iżgħar jew akbar tagħhom tiddependi mhux ftit mill-opri tajba tagħna, li bihom din ix-xita ta’ doni tas-sema, rigal ġeneruż t’Alla, jinżel fuq l-erwieħ tal-bnedmin. Din ix-xita ġeneruża tiġi mniżżla mis-sema bix-xaba’ jekk nitolbu bil-ħrara ’l Alla speċjalment billi nieħdu sehem bid-devozzjoni jekk jista’ jkun ta’ kuljum fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku; u jekk nagħmlu ħilitna kollha biex intaffu t-tbatijiet ta’ dawk li huma fil-bżonn bid-dmirijiet tal-ħniena nisranija. Iżda tinżel b’abbundanza akbar ukoll jekk ma’ dan kollu, aħna nippreferixxu l-ġid li ma jintemmx għall-frugħat ta’ din id-dinja; jekk irrażżnu lill-ġisem tagħna bil-mortifikazzjoni volontarja, billi niċħdu dak li huwa kontra l-liġi u nimponulu mqar dak li huwa diffiċli u ma jogħġbux; u fl-aħħarnett jekk bis-sottomissjoni naċċettaw il-provi u t-tbatijiet ta’ din il-ħajja bħala ġejjin minn idejn Alla. Għaliex b’dan il-mod, kif igħidilna l-Appostlu “Aħna nimlew bil-għamil tagħna dak li jonqos fis-sofferenzi ta’ Kristu, għall-Ġisem Tiegħu, li huwa l-Knisja.”[198]

107.     Waqt li Aħna qegħdin niktbu dan il-kliem, ninsabu mnikkta bid-dehra ta’ kotra bla għadd ta’ nies sfortunati li għalihom il-qalb Tagħna hija maqsuma bil-kompassjoni; morda, fqar, bla djar, immankati, romol, iltiema, u bosta mwasslin saħansitra f’bieb il-mewt mit-tbatijiet tagħhom u mid-diżgrazzji tal-għeżież tagħhom. Lil dawn kollha li b’kawża jew oħra jinsabu fl-agunija u fil-hemm, Aħna nindirizzaw it-twissija tagħna ta’ missier: jerfgħu dawn l-għajnejn tagħhom lejn is-sema u joffru l-hemm tagħhom lil Dak li ġurnata għad iħallashom bix-xaba’. Jalla dawn jiftakru li n-niket tagħhom mhux għalxejn imma jkun ta’ profitt immens għalihom u għall-Knisja, jekk iġarrbuh bis-sabar għal din l-intenzjoni. Biex din ir-riżoluzzjoni tiġi magħmula aħjar huwa wisq utili u tajjeb li wieħed ta’ kuljum jagħmel l-offerta tiegħu nnifsu ’l Alla li hija magħmula mis-sodalità tal-Apostolat tat-Talb, sodalità li nieħdu din l-okkażjoni biex nirrikkmandawha b’ħilitna kollha għax togħġob wisq ’l Alla.

108.     Jekk fiż-żminijiet kollha aħna għandna ngħaqqdu t-tbatijiet tagħna mal-Passjoni tal-Feddej Divin għas-salvazzjoni tal-erwieħ, dan id-dmir jaqa’ fuq kulħadd aktar u aktar illum, Venerabbli Ħutna, u waqt li l-konflagrazzjoni immensa tal-gwerra qiegħda tħeġġeġ mad-dinja kollha u ġġib miżerja, sofferenzi u mewt bla għadd. U speċjalment illum huwa d-dmir ta’ kulħadd li jidbiegħed mill-vizzju, mit-tlellix tad-dinja, pjaċiri diżordinati tal-ġisem u anki minn dawk li frugħat u mill-interess fieragħ fil-ħwejjeġ li jintemmu li ma jiswew xejn biex ikattru l-ispirtu nisrani jew biex iwassluna fil-ġenna. Jeħtieġ aktar li nwaħħlu f’rasna t-tifsir importanti tal-kliem tal-immortali Predeċessur Tagħna, Ljun il-Kbir, li bil-Magħmudija aħna nsiru l-ġisem tal-Kurċifiss.[199] U dik it-talba sabiħa ta’ Sant’Ambroġju: “Wiżinni, o Kristu, fuq is-Salib; hawn biss tinsab is-salvazzjoni ta’ dawk li huma mitlufa; hawn biss jinsab il-mistrieħ għall-għajjiena; hawn biss il-ħajja għal dawk li qegħdin imutu.”[200]

 

EŻORTAZZJONI TAL-AĦĦAR

109.     Mill-ġdid, qabel nagħalqu din l-ittra, Aħna nħossuna mġiegħla l-ħin kollu li neżortawkom ilkoll u ’l kull wieħed biex tħobbu l-Knisja, Omm Imqaddsa biz-zelu u bl-imħabba li tidher fl-għamil. Ħalli hija tibqa’ ħielsa mill-ħsara, ħalli hija tkun tista’ tixtered bil-ħeffa u titkattar, din hija l-intenzjoni li għaliha għandna kuljum noffru t-talb tagħna, il-ħidma tagħna, u l-hemm tagħna lill-Missier Etern jekk is-salvazzjoni tal-familja kollha tal-bnedmin, li d-Demm Divin feda, hija tassew għażiża għall-qalb tagħna. U waqt li s-sema huwa mudlam bi sħab iswed, waqt li perikoli gravi qegħdin jaħbtu għall-umanità u għall-Knisja stess, niddedikaw lilna nfusna u dak kollu li huwa tagħna, lill-Missier tal-ħniena bit-talba: “Ħares lejna nitolbuk, Sinjur, lejn din il-familja tiegħek, li mħabba fiha s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu ma beżax li jiġi mogħti f’idejn in-nies ħżiena, u li jsofri t-turmenti tas-Salib.”[201]

 

EPILOGU

INVOKAZZJONI LILL-VERĠNI OMM ALLA

110.     Jalla dawn ix-xewqat Tagħna ta’ missier, li huma żgur ukoll tagħkom, Venerabbli Ħuti, isibu t-twettiq fil-ħajja u l-bnedmin kollha jitħeġġu b’imħabba vera għall-Knisja, bl-interċessjoni tal-Verġni Omm t’Alla. Ir-ruħ tagħha l-aktar qaddisa, aktar mill-erwieħ tal-kreaturi kollha flimkien, kienet imfawra bl-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu. Hija “waqt li tirrappreżenta lill-umanità kollha” tat il-kunsens tagħha għaż-“żwieġ spiritwali bejn l-Iben t’Alla u natura umana.”[202] Kienet hija li tat it-twelid mirakoluż ta’ Kristu s-Sinjur tagħna, imżejjen diġà fil-ġuf verġinali tagħha bid-dinjità ta’ Kap tal-Knisja, u b’hekk ġiebet fid-dinja l-fonti tal-ħajja tas-sema; u kienet hija li ippreżentatu, lill-ġdid mitwieled Profeta, Re u Saċerdot, lil dawk fost il-Lhud u l-Ġentili li ġew minn tal-ewwel biex jadurawh. Kien għat-talb tagħha ta’ Omm “f’Kanan tal-Galilea” li Binha l-waħdieni għamel il-miraklu li bih “id-dixxipli Tiegħu emmnu fih.”[203] Kienet hi li immuni minn kull dnub, personali jew ereditarju, u dejjem magħquda b’rabta l-aktar kbira ma’ Binha, offriet lil Ġesù fuq il-Golgota lill-Missier Etern flimkien mas-sagrifiċċju tad-drittijiet u tal-imħabba tagħha ta’ omm, bħala Eva ġdida, għall-ulied kollha ta’ Adam, imtebbgħin mill-waqgħa spiritwali tiegħu, u b’hekk hija li kienet l-omm tal-Kap tagħna skont il-Ġisem, saret b’titolu ġdid ta’ dulur u ta’ glorja l-omm spiritwali tal-membri Tiegħu kollha. Hija kienet ukoll li bl-interċessjoni l-aktar potenti tagħha niżżlet fuq il-Knisja għadha titwieled, l-Ispirtu tal-Feddej mogħti lilna diġà fuq is-Salib, li fawwar nhar il-Pentekoste b’mod hekk prodiġjuż. Hija fl-aħħarnett vera Reġina tal-Martri, billi ġarrbet b’qalb fidiċjuża u kuraġġuża t-toqol immens tad-dulur, aktar mill-insara kollha “imliet dak li kien jonqos fit-tbatijiet ta’ Kristu, għall-Ġisem Tiegħu li huwa Knisja”;[204] u lill-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, mitwieled mill-qalb maqsuma tas-Salvatur,[205] Hija għożżot bl-istess imħabba mkebbsa ta’ omm li biha ħadet ħsieb u reddgħet lill-Bambin Ġesù fil-maxtura.

111.     Jalla hija, immela, Omm l-aktar qaddisa tal-membri kollha ta’ Kristu,[206] li lill-Immakulata Qalb Tagħha, Aħna bil-fiduċja ikkonsagrajna l-bnedmin kollha jalla hija li issa qiegħda tirrisplendi bil-glorja fil-ġisem u fir-ruħ, fis-saltna tas-sema ma’ Binha, tidħol għalina Miegħu sabiex minn dik ir-Ras awgusta abbundanza ta’ grazzji jinżlu bħala xmara mfawra fil-membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu. J’alla hija issa, bħal fl-imgħoddi tħares u tindokra l-Knisja bil-patroċinju l-aktar potenti tagħha u fl-aħħar taqilgħalna minn għand Alla żminijiet aktar ta’ paċi ghall-Knisja u għall-familja kollha tal-bnedmin.

112.     Fuq din l-għajnuna tas-sema Aħna npoġġu t-tama tagħna, u bħala rahan tal-favuri li s-sema sejjer ixerred u bħala sinjal ta’ mħabba speċjali Tagħna, b’qalbna kollha Aħna nagħtukom ilkoll, Venerabbli Ħutna, u lill-merħliet imħollija fil-kura tagħkom, il-Benedizzjoni Apostolika.

Mogħtija f’San Pietru, Ruma, fid-29 jum ta’ Ġunju, festa tal-Imqaddsa Appostli Pietru u Pawlu, fis-sena 1943, il-ħames tal-Pontifikat Tagħna.

PIUS PP. XII


 

[1] Kol 1, 24.

[2] Atti 22, 28.

[3] IPt 4, 12.

[4] Efes 2, 21-22.  1Pt 2, 5.

[5] Sess. III, Const. de fid. cath., kap. 4.

[6] Rum 5, 20.

[7] 2Pt 1, 4.

[8] Efes 2, 3.

[9] Ġw 3, 16.

[10] Ġw 1, 12.

[11] Konċilju Vatikan, Const. de Eccl., prol.

[12] Ibid., Const. de fid. cath. kap. 1.

[13] Kol 1, 18.

[14] Rum 12, 5.

[15] A.S.S., XXVIII, p. 710.

[16] Rum 12, 4.

[17] 1Kor 12, 13.

[18] Efes 4, 5.

[19] Mt 18, 17.

[20] Mt 9, 11.  Mk 2, 16.  Lq 15, 2.

[21] S. Wistin, Ep. CLVII, 3, 22;  Migne, P.L., XXXIII, 686.

[22] S. Wistin, Serm., CXXXVII, 1;  Migne, P.L., XXXVIII, 754.

[23] Enċ. Divinum Illud, A.S.S., XXIX, p. 649. 

[24] Ġw 17, 18.

[25] Mt XVI, 18-19.

[26] Ġw 15, 15; Ġw 17, 8 u 14.

[27] Ġw 3, 5.

[28] Ġen 3, 20.

[29] Ambroġju, In Luc, II, 87;  Migne, P.L., XV, 1585.

[30] Mt 15, 24.

[31] S. Tumas, I-II,  q. 103,  a. 3, ad 2.

[32] Efes 2, 15.

[33] Kol 2, 14.

[34] Mt 26, 28.  1 Kor 11, 25.

[35] S. Ljun il-Kbir, Serm., LXVIII, 3;  Migne, P.L., LIV, 374.

[36] Ġirol. u S. Wistin, Ep. CXII, 14 u CXVI,  16;  Migne, P.L. XXII, 924, 943;  S. Tumas, I-II, q. 103, a. 3, ad 2;  a. 4, ad 1, Konċilju ta’ Firenze, pro Jacobitis;  Mansi, XXXI, 1738.

[37] 2Kor 3, 6.

[38] S. Tumas, III, q. 42, a.1.

[39] De pecc. orig., XXV, 29;  Migne, P.L.,  XLIV, 400.

[40] Efes 2, 14-16.

[41] Atti 2, 1-14.

[42] Lq 3, 22.  Mk 1, 10.

[43] Kol 1, 18.

[44] Efes 4, 16.  Kol 2, 19.

[45] Kol 1, 15.

[46] Kol 1, 18;  Apk 1, 5.

[47] 1Tim 2, 5.

[48] Ġw 12, 32.

[49] S. Ċirillu ta’ Alessan., Comm. in Joh., I, 4;  Migne, P.G., LXXIII, 69;  S. Tumas, I, q. 20, a. 4, ad 1.

[50] Hexaem., VI, 55;  Migne, P.L., XIV, 265.

[51] S. Wistin, De agon. Christ., XX, 22;  Migne, P.L., XL, 301.

[52] S. Tumas, 1, q. 22, a. 1-4.

[53] Ġw 10,  1-18.  1Pt 5, 1-5.

[54] Ġw 6, 63.

[55] Prov 21, 1.

[56] 1Pt 2, 25.

[57] Atti 8, 26;  9, 1-19;  10, 1-7;  12, 3-10.

[58] Fil 4, 7.

[59] Ljun XIII, Satis Cognitum, A.S.S., XXVIII, 725.

[60] Lq 12, 32.

[61] Corp. Jur. Can., Extra. Comm., I, 8, 1.

[62] Gregorju l-Kbir, Mor., XIV, 35, 43;  Migne, P.L., LXXV, 1062.

[63] Konċilju Vatikan, Const. de Eccl., kap. 3.

[64] C.I.C., can. 329, 1.

[65] I Paral., XVI, 22;  Ps. civ, 15.

[66] 1Pt 5, 3.

[67] 1Tim 6, 20.

[68] Ep. ad Eulog., 30;  Migne, P.L., LXXVII, 933.

[69] 1Kor 12, 21.

[70] Ġw 15, 5.

[71] Efes 4, 16.  Kol 2, 19.

[72] Comm. in ep. ad Eph., kap. 1, lect. 8;  Hebr. II, 16-17.

[73] Fil 2, 7.

[74] 2Pt 1, 4.

[75] Rum 8, 29.

[76] Kol 3, 10.

[77] Ġw 3, 2.

[78] Kol 1, 19.

[79] Ġw 17, 2.

[80] Kol 2, 3.

[81] Ġw 1, 18.

[82] Ġw 3, 2.

[83] Ġwi 18, 37.

[84] Ġw 6, 68.

[85] S. Wistin, De cons. evang., I, 35, 54;  Migne, P.L. XXXIV, 1070.

[86] Lhud 12, 2.

[87] Cyril Alex., Ep. 55 de Symb;  Migne, P.G., LXXVII, 293.

[88] Ġw 15, 5.

[89] S. Tumas, III,  q. 64, a.3.

[90] Efes 4, 16.  Kol 2, 19.

[91] De Rom. Pont., I, 9;  De Concil., II, 19.

[92] 1Kor 12, 12.

[93] Atti 9, 4;  22, 7;  26, 14.

[94] Ljun XIII, Sapientiae Christianae, A.S.S., XXII, 392; Satis Cognitum: Ibidem, XXVIII, 710.

[95] Rum 7, 9.  2Kor 3, 17.  Gal 4, 6.

[96] Ġw 22, 22.

[97] Ġw 3, 34.

[98] Efes 1, 18;  4, 7.

[99] Rum 8, 14-17.  Gal 4, 6-7.

[100] 2Kor 3, 18.

[101] A.S.S. XXIX p. 650.

[102] Gal 2, 20.

[103] S. Ambroġju, De Elia et ieiun., 10, 36-37;  et In Psalm. 118, serm. 20, 2;  Migne, P.L.,  XIV, 710,  u XV,  1483.

[104] Efes 5, 23.

[105] Ġw 4, 42.

[106] 1Tim 4, 10.

[107] Atti 20, 28.

[108] Enarr. In Ps. LXXXV, 5;  Migne, P.L., XXXVII, 1085.

[109] Klem. Alex., Sirom., VII, 21;  Migne, P.G., IX 413.

[110] 1Kor 3, 23.   Piju XI, Divin Redemptoris: A.S.S. 1937, p.80.

[111] De Veritate, q. 29, a. 4, ċ.

[112] Ljun XIII, Sapientiae Christianae, A.S.S., XXII, 392.

[113] Ljun XIII, Satis Cognitum, A.S.S. XXVIII, 724.

[114] Ibid 710.

[115] Ljun XIII, Satis Cognitum, A.S.S. XXVIII, 710.

[116] Ibid.

[117] S. Tumas, De Veritate, q. 29, a. 4, ad 9.

[118] Fil 2, 8.

[119] Ġw 20, 22.

[120] Ġw 20, 21.

[121] Lq 10, 16.

[122] Konċilju Vatikna, Const. de fide Cath., kap. 3.

[123] Serm., XXI, 3;  Migne, P.L., LIV, 192-193.

[124] S. Wistin, Contra Faust., 21, 8;  Migne, P.L., XLII, 392.

[125] Efes 5, 22-23.  Ġw 15, 1-5.  Efes 4, 16.

[126] Kol 1, 18.

[127] Enar. In Ps., XVII, 51 u XC, 11, 1;  Migne, P.L. XXXVI, 154 u XXXVII, 1159.

[128] Ġw 17, 21-23.

[129] Apk 5, 12-13.

[130] Efes 4, 5.

[131] Ġw 17, 3.

[132] 1Ġw 4, 15.

[133] 2Kor 4, 13.

[134] Gal 2, 20.

[135] Efes 3, 17.

[136] Lhud 12, 2.

[137] Tit 2, 13.

[138] Lhud 13, 14.

[139] Efes 4, 4.

[140] Kol 1, 27.

[141] 1Ġw 4, 16.

[142] Ġw 14, 28.

[143] Ġw 15, 9-10.

[144] 1Ġw 4, 20-21.

[145] Rum 12, 5.

[146] 1Kor 12, 25.

[147] S. Tumas, Comm. In Ep. ad Eph., kap. 2, lect. 5.

[148] Ibid. kap. 2, lect. 8.

[149] S. Tumas, I, q. 43, a.3.

[150] Sess. III, Const. de fide Cath., kap. 4.

[151] Divinum Illud, A.S.S., XXIX, p. 653.

[152] Didache, IX, 4.

[153] Rum 8, 35.

[154] Efes 5, 22-23.

[155] Expos. Evang. sec. Luc., IV, 49;  Migne, P.L., XV, 1626.

[156] Gal 2, 20.

[157] 1Kor 15, 10.

[158] S. Tumas, II-II, q. 83, a. 5, 6.

[159] 1Tim 2, 5.

[160] S. Tumas, De Veritate, q. 29, a. 4, ċ.

[161] Ġw 14, 14.

[162] Apk 5, 13.

[163] Ps. CXXXVI, 5-6.

[164] Efes 2, 20.  1Pt, 2, 4-5.

[165] 2Kor 11, 14.

[166] 2Kor 10, 5.

[167] Lhud 13, 17.

[168] 1Kor 12, 22-23.

[169] Degriet tas-Santu Uffiżżju, 2 Diċ. 1940.  A.A.S., 1940, p. 553.

[170] Ġen 4, 10.

[171] Rum 12, 5.  1Kor 12, 25.

[172] 1Kor 12, 26.

[173] Lq 10, 33-37.

[174] Lq 6, 27-35. Mt 5, 44-48.

[175] Efes 3, 18.

[176] Lq 22, 32.

[177] Ġw 17, 9-19.

[178] Ġw 17, 20-23.

[179] Mt 9, 38.  Lq 10, 2.

[180] Ġw 17, 21.

[181] Enċ. Summi Pontificatus, A.A.S., 1939, p. 419.

[182] Iren. Adv. Haer., IV, 33, 7; Migne, P.G., VII, 1076.

[183] Piju IX, Iam Vos Omnes, 13 Sett. 1868. Act. Ċon. Vat., C.L., VII, 10.

[184] S. Wistin, In Ioann. Evang. tract. XXVI, 2:  Migne, P.L. XXX, 1607.

[185] S. Wistin, l-istess.

[186] Lhud 11, 6.

[187] Konċilju Vatikan, Const. de fide Cath., kap. 3.

[188] Ljun XIII, Immortale Dei:  A.S.S., XVIII, pp. 174-175; Cod. Iur. Can., c. 1351.

[189] S. Wistin, l-istess.

[190] Is 32, 17.

[191] 1Tim 2, 2.

[192] Għerf 6, 23.

[193] Għerf 6, 4-10.

[194] Ġw 13, 1.

[195] Atti 22, 28.

[196] Rum 6, 5.

[197] 2Tim 2, 11.

[198] Kol 1, 24.

[199] Serm. LXIII, 6; LXVI, 3:  Migne, P.L., LIV, 357-366.

[200] Ps. CXVIII, XXII, 30:  Migne, P.L., XV, 1521.

[201] Uffiżżju tal-Ġimgħa l-Kbira.

[202] S. Tumas, III, q. 30, a. 1, ċ

[203] Ġw 2, 11.

[204] Kol 1, 24.

[205] Uffiżżju tal-Qalb ta’ Ġesù; Innu tal-Vespri.

[206] Piju X, Ad Diem Illum, A.S.S., XXXVI, p. 453.