L-ENĊIKLIKA

“CARITATE CHRISTI COMPULSI”

tal-PAPA PIJU XI

dwar il-Qalb Imqaddsa

3 ta’ Mejju 1932

 

L-IMĦABBA ta’ Kristu ġagħlitna nistiednu, bl-Enċiklika Nova impendent tat-2 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, l-ulied kollha tal-Knisja Kattolika, jew aħjar lin-nies kollha li għandhom qalb, biex jingħaqdu bejniethom f’għaqda mqaddsa ta’ mħabba u ta’ għajnuna ħalli jtaffu xi ftit il-konsegwenzi tal-biża’ li qiegħdin jinħassu mill-bnedmin kollha imħabba fin-nuqqas ta’ xogħol. Hu tabilħaqq li kulħadd għas-sejħa tagħna wieġeb bil-ħeġġa kollha u b’qalbu f’idejħ. Iżda l-qagħad żdied u n-numru tan-nies bla xogħol, tista’ tgħid kullimkien, kiber, u b’dan jinqdew il-partiti xewwiexa biex jiżirgħu iżjed il-ħidma tagħhom; u b’hekk il-paċi tal-pajjiż tinsab iżjed imhedda u l-periklu tat-terrur u tal-biża’, jew ta’ dawk li jridu jeqirdu kull setgħa jinħass dejjem iżjed qawwi fis-soċjetà. Ladarba ninsabu f’dan, l-istess imħabba ta’ Kristu iġġagħilna nerġgħu nduru lejkom, ħuti għeżież, lejn uliedkom, lejn id-dinja kollha biex nitolbu lil kulħadd ħalli jingħaqdu u jeħduha b’ħilithom kollha kontra l-ħażen li qiegħed jaħkem fuq il-bnedmin, kif ukoll kontra xi ħaġa agħar li riesqa fuqhom.

 

STAT TA’ BIKI

Jekk inġibu quddiem għajnejna il-katina twila u doloruża ta’ għawġ li, bħala wirt tad-dnub, jinsabu mniżżla fil-ħajja tal-bnedmin sa mill-bidu tad-dinja, ġa mġarrfin fid-dnub, mid-dulluvju il-hawn, diffiċli niltaqgħu f’għawġ tar-ruħ u tal-ġisem li hu hekk kbir, li hu hekk fuq kullħadd, bħal dan li issa ninsabu fih: għax imqar l-eħrex flaġelli, li ħadd ma seta’ jinsihom, kienu jaqgħu issa fuq poplu u issa fuq ieħor. Iżda issa l-umanità kollha, il-bnedmin kollha kemm huma, jinsabu hekk imjassra bin-nuqqas ta’ xogħol u ta’ flus, li iżjed ma jitħabtu biex jeħilsu mix-xkiel li fih jinsabu, iżjed isibu li fih jitfixklu u bih jintrabtu: ma hawnx poplu, ma hawnx Gvern, ma hawnx għaqda jew familja li b’mod jew ieħor, direttament jew indirettament, ftit jew wisq, m’hix tħoss il-konsegwenzi ta’ dan il-għawġ. Dawk stess – huma ftit wisq – li donnhom għandhom f’idejhom, mal-għana tad-dinja, it-triġija tad-dinja; dawk il-ftit nies li bl-ispekulazzjonijiet tagħhom kienu u għadhom aktarx il-ħtija kollha ta’ dan il-għawġ, jaqgħu ħafna drabi huma stess l-ewwel nies bħala vittmi ta’ dan il-għawġ li jkunu ġiebu u magħhom jiġbdu u jġibu fix-xejn il-ġid ta’ bosta oħrajn; b’hekk iseħħ fid-dinja kollha u b’mod tal-biża’ dak li l-Ispirtu Santu qal lill-midinibin: “Bl-istess ħwejjeġ li bihom l-bniedem jidneb, ikun itturmentat”(Sap. XI,17).

Meta tara hekk, ħuti għeżież, itik li tibki u l-qalb tagħna ta’ Missier inħossuha tokrob u iġġagħilna nħossu il-bżonn, fiċ-ċokon taghna, li nimitaw is-sentiment sublimi tal-Qalb SS.ma ta’ Ġesù: “Tiġini ħniena minn dan il-poplu” (Mark VIII, 2). Imma iżjed tal-biki hija l-ħtija ta’ kull ma ninsabu fih; għaliex jekk kien dejjem veru dak li jgħid l-Ispirtu s-Santu bil-kelma ta’ San Pawl: “Il-ħtija tal-għawġ kollu hi r-regħba” (I Tim. VI,10) wisq iżjed dan il-kliem igħodd għall-istat tal-lum.

 

MNEJN HU ĠEJ IL-GĦAWĠ KOLLU

U mhux forsi r-regħba għall-ħwejjeġ ta’ din l-art dak li l-Poeta pagan sejjaħ b’korla f’waqtha, “il-misħut ġuħ tal-flus”, mhux forsi dak l-egoiżmu, li ta’ spiss wisq jinsab, qiegħed imexxi r-relazzjonijiet li għandhom bejniethom in-nies u s-soċjetajiet; mhix forsi r-regħba, hi x’inhi il-għamla tagħha, dik li karkret id-dinja u wasslitha fit-truf kif narawha l-lum u kif qiegħed jilmenta kulħadd? Mir-regħba jiġi li wieħed jibża mill-ieħor, li wieħed jitbażża’ jinnegozja mal-ieħor; mir-regħba tiġi l-għira li ġġagħlek tħoss, bħala ħsara tiegħek, kull ġid ta’ ħaddieħor; mir-regħba jiġi li wieħed jaħseb għalih biss, li jagħmel kollox biex ifittex il-ġid tiegħu biss, mingħajr ma jħares lejn ħaddieħor, anzi jkasbar bil-krudeltà id-drittijiet ta’ għajru. Minn hawn jiġi d-diżordni u t-taqsim inġust li mħabba fih naraw il-ghana tan-nazzjonijiet imrekkna fl-idejn ta’ ftit nies, li jmexxu kif jiftlilhom is-suq tad-dinja bi ħsara kbira tal-poplu, bħalma wrejna s-sena l-oħra, bl-Enċiklika tagħna Quadragesimo anno.

Jekk, imbagħad, dan l-istess egoiżmu, meta jabbuża mill-imħabba li għandu jkollu l-bniedem lejn pajjiżu u jkabbar iż-żejjed dak is-sentiment ta’ nazzjonaliżmu tajjeb, li l-imħabba nisranija, fil-qies tagħha, mhux biss ma tikkundannax iżda tmexxih fil-qdusija u ttih il-ħajja, jidħol bejn poplu u ieħor, allura ma hemmx eċċess li ma jidhirx skont il-ħaqq, u dak li fi bniedem wieħed jiġi kkundannat minn kulħadd, iqisuħ bħala ħaġa li tista’ ssir, anzi ta’ min ifaħħarha, jekk din issir fl-isem ta’ dan in-nazzjonaliżmu esaġerat. Minflok il-liġi kbira tal-imħabba u ta’ bejn l-aħwa li għandha tkun fil-bnedmin kollha biex tgħaqqad il-ġnus kollha f’familja waħda ma’ Missier wieħed li jinsab fis-sema, tidħol il-mibegħda li twassal lil kulħadd għall-qirda. Fil-ħajja pubblika jiġu mkasbra l-prinċipji mqaddsa li kienu jmexxu l-għaqda ta’ xulxin, jiġu mimsusa l-pedamenti qawwija tal-jedd u tal-fedeltà, li fuqhom għandu jiġu mibni kull stat, jiġu mħassra u magħluqa l-għejjun, mnejn joħorġu u huma ġejjin dawk it-tradizzjonijiet antiki, li, fil-fidi f’Alla u fil-fedeltà lejn il-liġi tiegħu, kienu jidhru l-pedamenti l-iżjed sħaħ tal-veru progress tal-ġnus.

 

 IL-ĦSARA L-IŻJED KBIRA

Filwaqt li japprofittaw ruħhom minn tant għawġ fil-ħajja tal-ġisem u tar-ruħ, l-egħdewwa ta’ kull ordni u paċi tas-soċjetà, sejħulhom komunisti jew b’xi isem ieħor – u dan hu l-ikbar gwaj ta’ żminijietna – ifittxu b’ħilithom kollha li jaqtgħu kull irbit tal-liġi t’Alla jew tal-bniedem, li jagħmlu gwerra l-iżjed qalila fid-dieher jew bil-moħbi, kontra r-Reliġjon, kontra Alla stess, billi jimxu fuq il-programm tad-demonju, li jkaċċu mill-qalb ta’ kulħadd, saħansitra tat-tfal, kull sentiment reliġjuż, għaliex jafu wisq tajjeb li, meta tneħħi mill-qalb tal-bniedem il-fidi f’Alla, huma jistgħu jagħmlu li jridu. U hekk qegħdin naraw il-lum dak li fl-istorja tad-dinja ma rajna qatt, il-bnadar tad-demonju miftuħa beraħ, bla ebda mistħija, jiddikjaraw gwerra kontra Alla u r-Reliġjon, qalb il-ġnus kollha u fid-dinja kollha.

Tassew li l-ħziena qatt ma naqsu, kif qatt ma naqsu, dawk li ċaħdu ’l Alla; iżda dawn kienu ftit ħdejn il-kontra l-kbira, uħud l-hawn u l-hinn u ma kinux jissugraw, jew ma kienx jidhrilhom li jaqbel li juru biċ-ċar il-ħsieb ħażin tagħhom, bħal ma donnu ried igħid l-istess kantur tas-Salmi, ispirat minn Alla, meta qal: “L-iblaħ qal f’qalbu: ma hemmx Alla” (Ps. XIII u LII.1). Il-ħażin, l-atew, wieħed fost ħafna jiċħad ’l Alla li ħalqu, iżda bil-moħbi fil-qalb tiegħu. Għall-kuntrarju, il-lum, l-ateiżmu (iċ-caħda t’Alla) ġa xtered qalb folol kbar ta’ nies; bil-għaqdiet tiegħu qiegħed jiddeħes imqar fl-iskejjel tal-poplu, jidher fit-tijatri u biex jinfirex iżjed qiegħed jinqegħda bil-pellikoli taċ-cinematografu, magħmulin apposta, bil-gramofonu u bir-radju; mill-istamperiji tiegħu joħroġ kotba bil-lingwi kollha; igħin wirjiet speċjali, u purċissjonijiet pubbliċi; ħoloq partiti politiċi għalih, għaqdiet ekonomiċi u militari. Dan l-ateiżmu organizzat u ħaddiema jħabrek, bla qatt igħejja, bix-xewwiexa tiegħu, bil-konferenzi u bl-istampi, bil-mezzi kollha ta’ propoganda moħbija u fil-beraħ, fil-klassijiet kollha, fit-triqat kollha, fis-swali kollha u jagħti saħħa lil dan ix-xogħol qarrieqi tiegħu billi jiġbed l-għajnuna morali tal-Universitajiet tiegħu u jorbot lil dawk li ma jintebħux fil-għaqda qawwija li jgħaqqad bil-forzi kollha. Meta tara tant xogħol li qiegħed isir biex jaqdi l-ħsieb hekk ħażin, tiġi tabilħaqq weħidha f’moħħna u toħroġ minn fommna l-karba ta’ swied il-qalb li ħarġet mill-fomm ta’ Kristu: “l-ulied ta’ din id-dinja huma fil-għamla tagħhom iżjed qalbiena minn ulied id-Dawl” (Luqa XVI,8).

 

PROPAGANDA INFERNALI

Il-kapijiet, imbagħad, ta’ dan it-tixtrid kollu tal-ateiżmu filwaqt li jinqdew bin-nuqqas ta’ xogħol li jinsab il-lum, b’tagħlim tal-infern, ifittxu l-kawża ta’ din il-miżerja li tinsab kullimkien. Is-Salib Imqaddes ta’ Ġesù, simbolu ta’ umiltà u ta’ faqar, iqegħduh flimkien mas-simboli tal-imperjaliżmu tal-lum, bħallikieku r-Reliġjon tinsab imxierka ma’ dik il-qawwa tad-dlamijiet li qegħda ġġib tant għawġ qalb il-bnedmin. B’hekk jittantaw, u aktarx jirnexxilhom li jgħaqqdu l-gwerra kontra Alla mat-taħbit li jrid isofri l-bniedem għall-qligħ tal-ħobżna ta’ kuljum, bix-xewka li jippossiedu biċċa art għalihom, li jkollhom pagi tajba, djar tajba, kondizzjoni tal-ħajja, insomma, li tixraq lill-bniedem. L-iżjed xewqat li huma skont il-ħaqq u meħtieġa, kif ukoll il-passjonijiet l-iżjed baxxi, kollox igħodd għall-programm tagħhom kontra r-Reliġjon; bħallkieku l-ordni li ħalaq Alla jinsab kontra l-ġid tal-bniedem, u mhux, għall-kuntrarju, l-iżjed rahan tajjeb; bħallikieku l-qawwa tal-bniedem bil-mezzi tal-magni li għandna l-lum tista’ qatt tikkumbatti l-qawwa t’Alla biex iġġib ordni ġdid u aħjar fil-ħwejjeġ ta’ din id-dinja.

Tant miljun ta’ nies, filwaqt li jaħsbu li b’hekk ikunu qiegħdin jitħabtu għall-għajxien tagħhom, jaqbdu ma’ dan it-tagħlim u jaqilbu l-verità ta’ taħt fuq u jħambqu kontra t’Alla u tar-Reliġjon. Anqas tgħid li dawn l-assalti huma biss kontra r-Reliġjon Kattolika, iżda kontra dawk ukoll li jagħfu ’l Alla bħala Kreatur tas-sema u tal-art, u bħala Sid waħdu tal-ħwejjeġ kollha. U s-soċjetajiet sigrieti li ssibhom dejjem pronti biex igħinu t-taqbida kontra Alla u kontra l-Knisja, tiġi mnejn tiġi, ma jibqgħux lura u jsaħħnu iżjed il-mibegħda bla dehen li ma tistax iġġib u la paċi u la hena lil l-ebda klassi ta’ nies, iżda li għandha twassal għall-qirda tan-nazzjonijiet kollha.

B’hekk din il-għamla ġdida tal-ateiżmu, filwaqt li tħoll u tħeġġeġ l-iżjed passjonijiet qawwija tal-bniedem, b’wiċċ tost, l-iżjed sfaċċat, tħambaq u tgħid li ma tistax issir il-paċi u ma jistax ikun hawn ġid fid-dinja, sakemm ma jinqeridx għal kollox sa kull sinjal ta’ reliġjoni u ma jitwarrabx kull rappreżentant tagħha. Bħallikieku b’hekk tista’ tinħanaq dik il-għajta ta’ foħrija li biha l-ħolqien qiegħed ikanta l-glorja ta’ Alla (Ps. XVIII,2).

 

NIDDEFENDU L-IŻJED ĦWEJJEĠ QADDISA

Nafu wisq tajjeb, maħbubin ħutna, li dawn l-isforzi kollha tal-ateiżmu jisfaw fix-xejn u fis-siegħa li stabilixxa Alla, “Alla jqum u l-egħdewwa tiegħu jiġu mħarbta” (Ps. LXVII.2); nafu li “il-qawwa tal-infern ma tirbaħx” (Matt. 16.18); nafu li Alla, il-Feddej tagħna, bħal ma qal hu stess wisq qabel: “b’daqqa ta’ lsienu jsawwat id-dinja u bin-nifs ta’ fommu joqtol lill-ħażin” (Is. XI.4) u tkun waħxija għal l-aħħar gġal dawk l-imsejkna s-siegħa li fiha jaqgħu “taħt idejn Alla ħaj” (Hebr. X.31). U din il-fiduċja qawwija li għandna fir-rebħa li biha fl-aħħar għandu jirbaħ Alla u l-Knisja, għat-Tieba bla qies t’Alla, hi ta’ kuljum imwettqa meta jidhru, ta’ kuljum quddiemna, f’faraġ ta’ qalbna, erwieħ bla għadd li qiegħdin jersqu bil-qawwa kollha lejn Alla fil-partijiet kollha tad-dinja u fil-klassijiet kollha tal-bnedmin. Hu tabilħaqq i bħalissa għaddej minn fuq id-dinja kollha nifs qawwi tal-Ispirtu s-Santu li qiegħed jiġbed l-iżjed l-erwieħ taż-żgħażagħ għal l-ogħla ħsebijiet insara, igħollihom fuq kull rispett uman, u jħejjihom għal kull sagrifiċċju imqar l-iżjed aħrax; dan huwa nifs ta’ Alla li jqanqal l-erwieħ kollha, imqar ma jridux, u jġagħilhom jitħabtu f’ruħhom u jħossu veru għatx t’Alla imqar f’dawk li ma għandhom jistqarru li qegħdin iħossu dan il-għatx. L-istedina tagħna wkoll li għamilna lis-sekulari biex igħinu lill-kleru fl-Azzjoni Kattolika ġiet milqugħa kullimkien bil-qalb kollha; qiegħed jiżdied ta’ kuljum ġo l-ibliet u fl-irħula il-għadd ta’ dawk li bil-ħila tagħhom kollha qegħdin ixerrdu l-prinċipji nisranija u jsaħħu, mqar fil-ħajja pubblika, filwaqt li huma wkoll ifittxu li jwettqu t-tagħlim tagħhom bl-eżempji ta’ ħajja tajba.

Iżda, b’danakollu, meta naraw ħażen hekk kbir u tant ħsara għat-tradizzjonijiet kollha l-iżjed qaddisa, tant ħsara fl-erwieħ li ma jmutu qatt, tant offiża ’l Alla, ma nistgħux, ħutna għeżież, ma nfissrux l-uġigħ ta’ qalb kollu li qiegħdin inġarrbu; ma nistgħux ma nsemmgħux il-leħen Tagħna u bil-qawwa kollha li tinsab fil-qalb tagħna apostolika ma niddefendux id-drittijiet t’Alla mkasbra, u l-egħżeż sentimenti tal-qalb tal-bniedem, li għandha bżonn assolutament t’Alla. Wisq iżjed meta din il-kotra ta’ nies, invażata mill-ispirtu tad-demonju, ma joqogħdux iħambqu biss, iżda jiġbru wkoll il-forzi tagħhom biex, bla dewmin ta’ xejn, jaslu fil-ħsebijiet tagħhom. Gwaj għall-bnedmin jekk Alla, li jinsab hekk imkasbar mill-kreaturi tiegħu, iħalli, fil-ġustizzja tiegħu, li din il-qerda tibqa’ miexja u jinqeda biha, bħala flagell, biex jikkastiga d-dinja.

 

JEW M’ALLA JEW KONTRA ALLA

Jinħtieħ għaldaqshekk, egħżież ħutna, li bla ebda għajja, “niddefendu, bħal sur, id-dar t’Alla” (Eżek: XIII.5) billi niġbru aħna wkoll il-forżi tagħna kollha u b’fehma waħda u b’qalb waħda neħduha kontra l-folla ħażina, li hi għadu t’Alla, u tal-bniedem. F’din it-taqbida, infatti, naraw li l-bniedem qiegħed jiddiskuti tabilħaqq il- kwistjoni li hi ta’ qofol għad-dinja kollha u jrid jieħu l-iżjed deċiżjoni importanti li għandha tagħżel il-libertà tal-bniedem: jew ma’ Alla jew kontra Alla, din hi l-għażla li għandha tiddeċiedi x’sejjer jiġri mill-bnedmin: fil-politka, fil-kummerċ, fil-moralità, fil-għerf, fl-arti, fl-istat, fis-soċjetà ċivili u fil-familja, fl-Orjent u fl-Oċċident, kullimkien tidher din il-kwistjoni li tkun maqtugħa darba għal dejjem imħabba l-konsegwenzi, tagħha. Tant li dawk stess li jirrapreżentaw lil dawk in-nies li jaħsbu li din id-dinja kollox u li ma tinsabx ħajja oħra, isibu dejjem quddiem għajnejhom il-kwistjoni tal-eżistenza t’Alla li kienu jaħsbu li spiċċat għal kollox u jkollhom bilfors jerġgħu jibdew jiddiskutu fuqha. Aħna, għaldaqstant, nitolbu, fl-isem t’Alla, lil kulħadd biex, quddiem kwistjonijiet bħal dawn u fi żminijiet ta’ taqbid hekk aħrax u hekk importanti għall-bnedmin kollha, iħallu fil-ġenb dak li jġagħilhom jaħsbu fihom infushom biss bla ma jaħsbu f’ħaddieħor, filwaqt li dan l-egoiżmu jagħma mqar l-imħuħ l-izjed tajba, ineħħi l-ħajr għal kull ħaġa qaddisa meta din tkun tista’ ssir b’xi ftit ta ġid għal ħaddieħor: li kien kulħadd jingħaqad biex isalva lilu n-nifsu u lil l-oħrajn. F’din il-għaqda ta’ erwieħ u ta’ qawwa għandhom ikunu, naturalment, minn tal-ewwel dawk li jiftaħru bl-isem ta’ insara għax jiftakru dak li sar fi żmien l-appostli “meta l-ġemgħa tal-insara kienet qalb waħda u ruħ waħda” (Atti 4.32); iżda għandhom igħinu wkoll bil-fedeltà u bil-qalb l-oħrajn kollha li jemmnu wkoll li hemm Alla u jadurawh, biex ibegħdu minn fuq il-bnedmin il-perikolu kbir li qiegħed jhedded lil kulħadd. It-twemmin f’Alla huwa l-qofol ta’ kull ordni fis-soċjetà u ta’ responsabilità fid-dinja; u għalhekk dawk kollha li ma jridux l-anarkija u l-qerda għandhom jaħdmu bil-qawwa kollha biex l-egħdewwa tar-reliġjon ma jaslux fil-ħsieb li għandhom f’moħħom u li qiegħdin ixandruh ma kulħadd.

 

ĦIDMA TAL-BNIEDEM U GĦAJNUNA T’ALLA

Nafu, ħutna egħżież, li f’din it-taqbida biex niddefendu r-reliġjon għandna nużaw wkoll il-ħidma kollha li hi skont il-ħaqq, u li tinsab fil-bniedem. Għalhekk, aħna mxejna fuq it-triq imdawwla li ħalla warajh il-Papa ta’ qabilna Ljuni XIII u bl-Enċiklika tagħna “Quadragesimo anno” ħdimna, bil-ħila kollha, biex il-ġid tad-dinja jiġi mqassam aħjar u wrejna liema huma l-mezzi qawwija li għandhom jatu s-saħħa u l-qawwa lis-soċjetà li tinsab mifluġa u jingħata s-serħan u l-paċi lill-bnedmin li jifformaw din is-soċjetà. Għaliex ix-xewqa, li ħadd ma jista’ joħnoqha, li għandu l-bniedem f’qalbu biex iħaddan fid-dinja għana li jixraqlu ġiet imqegħda hemm fil-Kreatur tal-ħlejjaq kollha u r-Reliġjon nisranija dejjem għarfet u mexxiet bil-ħila kollha kull ma għamel il-veru għerf u l-progress tajjeb biex il-bnedmin jimxu għall-aħjar.

Iżda quddiem din il-mibegħda tad-demonju għar-reliġjon li tfakkarna fil-“moħba tal-ħażen”, li jsemmi San Pawl (II Thess: II.7), kull ma jagħmel il-bniedem mhux biżżejjed, u Aħna, ħutna egħżież, inkunu qegħdien nonqsu mill-ministeru appostoliku Tagħna jekk ma nurux lill-bnedmin dawk il-misteri tal-għaġeb fejn jinsab id-dawl u fejn biss tinsab il-qawwa li trażżan il-qawwa, bla rbit, tad-dlamijiet. Meta l-Mulej, wara li niżel mill-isplenduri tat-Tabor, fejjaq liż-żagħżugħ li kien imħabbat mid-demonju, u lid-dixxipli ma setgħux ifejqu, kif dawn talbuh bl-umiltà kollha u qalulu: “għaliex aħna ma stajniex neħilsuh mid-demonju?”, weġibhom b’dawk il-kelmiet li ma jinsihom ħadd: “din ix-xorta ta’ demonji ma tkeċihomx ħlief bit-talb u bis-sawm” (Matt: XVII 18-20). Aħna jidhrilna, egħżież ħutna, li dawn il-kelmiet t’Alla jgħoddu sewwa għall-għawġ ta’ żminijietna li bit-talb biss u l-penitenza jista’ wieħed ibiegħed.

 

Filwqat, mela, li niftakru kemm aħna żgħar u li niddependu f’kollox minn Dak li hu fuq kulħadd, nirrikorru, fuq kollox, għat-talb. Il-fidi tgħarrafna kemm hi kbira l-qawwa tat-talb imżejjen bl-umiltà, bit-tama, u bil-perseveranza; ma’ ebda ħaġ’oħra qaddisa , ħlief mat-talb, il-Mulej, li jista’ kollox għaqqad wegħdiet hekk kbar, hekk universali, hekk solenni: “Itolbu u jiġi mogħti lilkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiħi miftugħ lilkom; għaliex min jitlob jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiġi mismugħ (Matt. VII, 7-9). Tabilħaqq, tabilħaqq ingħidilkom: kull ma titolbu lill-Missier fl-isem tiegħi, hu jatihulkom” (Ġwanni XVI, 23).

 

 SEJĦA LID-DINJA GĦALL-GĦAQDA FL-GĦAMIL TAJJEB

U liema ħaġa nistgħu nitolbu aħjar u li toqgħod lill-persuna adorabbli ta’ Dak li hu biss “daħal bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Kristu Ġesù” (I Tim. II, 5), milli nitolbu li tibqa’ fid-dinja l-fidi t’Alla waħdu, ħaj u veru? Meta nitolbu hekk, ġa nkunu qlajna xi ħaġa; għaliex fejn il-bniedem jitlob hemm stess jingħaqad m’Alla, u, biex ingħidu hekk, ġo jżomm fuq l-art il-ħsieb t’Alla. Il-bniedem li jitlob, bl-istess qagħda tiegħu umli, jistqarr quddiem id-dinja t-twemmin tiegħu f’Dak li ħalaq u hu sid il-ħlejjaq kollha; meta, imbagħad, jingħaqad ma’ ħaddiehor fit-talb ta’ flimkien, b’dan biss jagħraf u jistqarr li mhux biss hu, iżda wkoll il-bnedmin kollha għandhom fuqhom Sid li jinsab waħdu fuq kulħadd.

Kemm hi dehra sabiħa għas-sema u għall-art il-Knisja li titlob! Minn mijiet ta’ snin ilu, bla ħeda ta’ xejn, minn nofsillejl għal ieħor, jistema’ fuq l-art il-leħen tal-kant tas-salmi ispirati minn Alla; fil-ġurnata kollha, ma hemmx siegħa waħda li mhix imqaddsa bil-liturġija li saret għaliha; ma hemm l-ebda żmien, twil jew qasir, fil-ħajja, li fih ma jsirx ir-radd il-ħajr, it-tifħir, it-talb, it-tpattija fl-orazzjoni ta’ flimkien u tal-ġisem mistiku ta’ Kristu, li hi l-Knisja. B’hekk it-talb stess jassigura l-presenza t’Alla fost il-bnedmin bħal ma wiegħed Alla l-Feddej: “Fejn jinsabu tnejn jew tlieta min-nies miġbura fl-isem tiegħi, hemm ninsab jien f’nofshom (Matt. XVIII, 20).

It-talb, imbagħad, jeqred sewwasew il-ħtija stess tal-għawġ li ninsabu fih u li Aħna semmejna iżjed il-fuq, jiġifieri r-regħba bla tarf tal-ġid tad-dinja. Il-bniedem li jitlob iħares il-fuq, jiġifieri lejn il-ġid tas-sema, li fih jaħseb u lilu jixtieq, l-essri tiegħu kollu jintreħa fil-kontemplazzjoni tal-ordni tal-għaġeb li għamel Alla, li ma jafx x’jiġifieri t-taqtigħ ta’ qalb u li ma jintilifx f’piki fiergħa għal min jigri l-iżjed; u b’hekk, kważi jiġi waħdu t-taqsim tajjeb bejn ix-xogħol u l-mistrieħ, taqsim li bi ħsara kbira tal-ġisem, tal-but u tar-ruħ, jonqos għall-aħħar fis-soċjetà tal-lum. Għaliex, jekk dawk li sabu ruħhom fil-qagħad u fil-faqar, imħabba filli l-ħidma tal-bniedem tat iżjed frott milli kien kemm bżonn, jagħżlu żmien xieraq għat-talb, ix-xogħol u l-frott tiegħu jsiru bil-qies kif għandu ikun, u t-taqbida li l-lum qiegħed tifred lill-bnedmin f’żewġ naħiet kbar ta’ tħabrik għall-ġid tad-dinja li malajr jispiċċa, tintefa’ f’taqbida oħra ta’ qdusija u ta’ paċi għall-ġid tas-sema li ma jintemm qatt.

 

IX-XEWQAT IMQADDSA TA’ PAĊI

B’hekk ukoll tinfetaħ it-triq għall-paċi li hi hekk mixtieqa, bħal ma wisq tajjeb igħid San Pawl sewwasew meta jgħaqqad il-kmandament tat-talb max-xewqat qaddisa tal-paċi u tas-saħħa għall-bnedmin kollha: “Nirrikmandalkom, għaldaqstant, li jsiru, qabel xejn talb u radd ta’ ħajr għall-bnedmin kollha; għas-slaten u għal dawk kollha li jinsabu fil-għoli, biex ngħaddu ħajja ta’ kwiet u ta’ paċi bil-qdusija u l-onestà kollha. Għaliex dan hu sewwa u mogħġub quddiem is-Salvatur Alla tagħna, li jrid lill-bnedmin kollha isalvaw u jaslu biex jagħrfu s-sewwa” (I Tim. II: 1-4). Għall-bnedmin kollha għandna nitolbu l-paċi, iżda speċjalment, għal-dawk li fis-soċjetà għandhom fuq spallejhom ir-responsabiltà qawwija tal-gvern: kif jistgħu huma jagħtu lin-nies taghhom il-paċi, jekk din il-paci ma tinsabx fihom? U hu, sewwasew it-talb li kif igħid San Pawl, għandu jġib il-paċi: it-talb li jsir lil Alla l-Missier, li hu Missier tal-bnedmin kollha; it-talb li jfisser ix-xewqat kollha tal-familja, ta’ dik il-familja l-kbira li tinsab imxerrda mad-dinja kollha.

Nies li, f’kull nazzjon, jitolbu lill-istess Alla għall-paċi fl-art, ma jistgħux ikunu huma li flimkien iġibu l-ġlied u l-firda bejn il-bnedmin; nies li fit-talb iduru lejn Alla, ma jistgħux iħeġġu dak l-imperjaliżmu tan-nazzjon li ma jagħmlux Alla tagħhom; nies li jħarsu lejn “Alla tal-paċi u tal-imħabba” (II Kor. 13-14), li lejh iduru permezz ta’ Krisu: li hu “il-paċi tagħna” (Ephes. II,14) ma jistriħux qabel mal-paċi, li d-dinja ma tistax tagħti, ma tinżilx minn għand Dak li jagħti kull ġid fuq “il-bnedmin ta’ ried tajba” (Luqa: IV:2-14).

“Il-paċi lilkom” (Ġwanni: XX:19), kienet it-tislima tal-Għid li l-Mulej ta lill-Appostli u l-ewwel dixxipoli tiegħu; u din it-tislima imbierka, minn dak iż-żmien sal-lum ma naqset qatt mil-liturġija mqaddsa tal-Knisja u llum, wisq iżjed, din it-tislima għandha tfarraġ u tqajjem il-qlub imgierħa u magħfusa tal-bnedmin.

 

 

 

L-EWWEL PRIETKI TA’ ĠESÙ

Iżda mat-talb jinħtieġ inżidu wkoll il-penitenza, l-ispirtu ta’ penitenza u t-taħriġ tal-penitenza nisranija. Hekk igħallimna Ġesù l-Imgħallem tagħna li l-ewwel priedki tiegħu kienu sewwasew fuq il-penitenza: “Beda Ġesù jippriedka u jgħid; “agħmlu penitenza”(Matt. IV,17). Hekk ukoll tgħallimna t-tradizzjoni kollha nisranija, l-istorja kollha tal-Knisja: fil-flagelli l-kbar, fit-tribulazzjonijiet kbar tal-familja nisranija, meta kienet tinħtieġ iżjed il-għajnuna t’Alla, l-insara, jew minn rajhom, jew aktarx fuq l-eżempju u t-talb tar-Ragħajja mqaddsa, ħadu dejjem f’idejhom iż-żewġ armi l-iżjed qawwija tal-ħajja spiritwali: it-talb u l-penitenza. B’dik it-tqanqila mqaddsa li fuqha mexa, kważi bla ma jaf, il-poplu nisrani, meta ma jkunx tilef it-triq imħabba fit-tixrid taż-żerriegħa l-ħażina, tqanqila li mhix ħaġa oħra ħlief dak is-“sens ta’ Kristu” (I Kor. II,16) li minnu jitħaddet l-appostlu, l-insara ħassew dejjem f’dak il-kas, il-bżonn li jnaddfu ruħhom mid-dnub bl-indiema tal-qalb, bis-sagrament tal-qrar, u li jraqqdu l-korla tal-Ġustizzja t’Alla mqar b’opri esterni tal-penitenza.

Nafu tajjeb u magħkom, Ħutna għeżież, nilmintaw li, fi żminijietna, il-ħsieb u l-siem ta’ tpattija u ta’ penitenza tilfu ħafna, fost bosta nies, mill-qawwa li jqajmu dik ix-xejra tal-qalb u dawk is-sagrifiċċi tal-ħajja li fi żminijiet oħra, kienu jnisslu billi kienu jidhru quddiem il-għajnejn tal-bnedmin ta’ fidi, bħala mwettqa mill-karattru t’Alla b’xebħ ta’ Kristu u tal-Qaddisin tiegħu: u anqas jonqsu xi wħud li jridu jqegħdu fil-ġenb il-penitenzi esterni bħala ħwejjeġ li għamlu żmienhom; biex ma nsemmux il-bniedem, li jrid jimxi waħdu, ta’ żminijietna, li jmaqdar il-penitenza għax iżommha bħala wirja ta’ natural imjassar. U hi ħaġa ċara li iżjed ma tibred il-fidi f’Alla, iżjed jitħawwad u jgħid il-ħsieb tad-dnub oriġinali u ta’ irvell tal-ewwel bniedem kontra Alla, u għalhekk ukoll jintilef il-ħsieb tal-ħtieġa tal-penitenza u tat-tpattija.

Iżda Aħna, o Ħutna għeżież, għandna, imħabba l-obbligu tal-uffiċju pastorali, inżommu fil-għoli dawn l-ismijiet u dawn il-ħsiebijiet u ngħożżuhom fil-veru tifsir tagħhom, fil-ġmiel safi tagħhom, u, iżjed ukoll, fit-taħriġ tagħhom billi nuru kemm jinħtieġu għall-ħajja nisranija.

 

 

 

 

 FIRDA LI MA TISTAX TKUN

Għal dan tħeġġiġna l-istess difiża t’Alla u tar-Reliġjon li qiegħdin niddefendu, għaliex il-penitenza fiha stess tagħraf u ġġib l-ordni morali tad-dinja li hu mqiegħed fil-liġi eterna jiġifieri f’Alla ħaj. Min ipatti ’l Alla għad-dnub, jagħraf, b’hekk stess, il-qdusija tal-ogħla prinċipju tal-moralità, il-qawwa ta’ rbit li għandhom fihom infushom, il-ħtieġa ta’ kastig għall-ksur tal-liġi. U hu żgur wieħed mill-erruri l-iżjed perikolużi ta’ żminijietna dak li bih riedu jifirdu l-moralità, jew imġieba tal-ħajja, mir-reliġjon, u b’hekk iwaqqgħu kull pedament ta’ kull liġi. Dan l-errur tal-moħħ seta’, forsi, wieħed ma jagħtix kaz tiegħu għax ma jarax fih perikolu kbir meta kien errur ta’ ftit nies u l-fidi f’Alla kienet għadha bħala wirt, fil-qlub ta’ kulħadd u wieħed kien jaħseb li tinsab fil-qlub imqar ta’ dawk li ma kenux jistqarruha iżjed. Imma llum, meta ċ-ċaħda t’Alla qiegħed tixtered fost il-folla tal-poplu, il-konsegwenzi tal-biża’, ta’ dak l-errur tmisshom b’idejk u ssibhom tabilħaqq fid-dinja tal-ħażen. Flok il-liġijiet morali li jgħejbu malli tintilef il-fidi f’Alla, tidħol il-forża qawwija li tkasbar kull jedd. Flok il-fedeltà antika u l-imġieba tajba fil-kummerċ bejn bniedem u ieħor, tant imfaħħra mqar mill-għorrief u l-poeti tal-paganeżmu, illum issib spekulazzjonijiet bla kuxjenza li jagħmel il-bniedem sewwa fl-affarijiet tiegħu innifsu, kemm meta ikollu x’jaqsam ma’ ħaddieħor. U tabilħaqq kif jista’ jseħħ il-ftehim u x’saħħa jista’ jkollu kuntratt meta ma hemmx il-kuxjenza li tagħmel tajjeb? U kif jista’ wieħed jitħaddet fuq il-garanżija tal-kuxjenza jekk naqsu l-fidi f’Alla u l-biża’ tiegħu? Jekk tneħħi dal-pedament jew qofol, kull liġi morali taqa’ wkoll u ma jkun hemm ebda rimedju li jista’ jżomm ir-rovina, li tiġi bil-mod il-mod, iżda żgur, tal-ġnus, tal-familja, tal-istat u taċ-ċiviltà tal-bnedmin.

 

ARMA TA’ SAĦĦA

Il-penitenza, immela, hi bħal arma ta’ saħħa li ġiet imqegħda f’idejn il-qalbiena suldati ta’ Kristu, li jridu jikkumbattu biex jiddefendu u jerġgħu jwaqqfu l-ordni morali tad-dinja kollha. Din hi arma li tasal sewwa biex teqred sa l-egħruq tal-ħażen kollu, sar-regħba tal-ġid ta’ din l-art u tal-pjaċiri moqżieża tal-ħajja.

Bis-sagrifiċċi li jagħmel minn qalbu n-nisrani li ma jxeħħx ma’ Alla, biċ-ċaħda tal-ħwejjeġ tad-dinja, imqar dawk li jiswewlu xi tbatija, bl-opri tal-penitenza, dan in-nisrani jgħakkes il-passjonijiet ħżiena li ħsiebhom hu li jistraxxnawh biex jikser l-ordni morali. Iżda, jekk iż-żelu tal-liġi t’Alla u l-imħabba ta’ bejnietna jinsabu fih hekk kbar kemm għandhom ikunu, allura mhux biss in-nisrani jinxeħet biex jagħmel penitenza għalih u għal dnubietu, imma wkoll jitgħabba bit-tpattija għad-dnubiet tal-oħrajn, bħal ma għamlu l-Qaddisin li ħafna drabi kienu jsiru bħala vittmi ta’ tpattija għad-dnubiet ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ; anżi bħal ma għamel il-Feddej tagħna li sar “Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġwanni: I,29).

Ma hemmx forsi wkoll, Ħutna egħżież, f’dan l-ispirtu ta’ penitenza, misteru ħelu ta’ paċi? “Ma hemmx paċi għall-ħżiena” (Is: XLVIII,22), igħid l-Ispirtu Santu, għaliex dawn igħixu dejjem fil-ġlied u kontra l-ordni mwaqqaf min-natura u mill-Ħallieq tagħha. Il-paċi tista’ biss isseħħ għal dejjem fl-art, meta dan l-ordni jerġa’ jiġi mwaqqaf, meta l-ġnus kollha igħarfuh u jistqarruh bil-fedeltà u minn rajhom, meta l-kondizzjonijiet tal-pajjiż u r-relazzjonijiet tal-ġnus bejniethom jitqegħdu fuq dal-pedamenti. Imma m’humiex biżżejjed biex joħolqu l-paċi li għandha sseħħ, u la l-pattijiet l-iżjed sollenni, u la l-laqgħat u l-konferenzi tan-nazzjonijiet bejniethom, u la l-forzi mqar l-iżjed għolja u disinteressati ta’ ebda bniedem tal-Istat, jekk, qabel xejn, ma jiġux imħarsa d-drittijiet imqaddsa tal-liġi naturali u tal-liġi t’Alla. L-ebda mexxej tal-ekonomija tal-poplu, l-ebda forza ta’ għaqda ma tista’ qatt twassal biex tħoll bil-paċi l-kondizzjonijiet soċjali, jekk qabel fil-kamp stess tal-ekonomija ma tirbaħx il-liġi morali mqegħda f’Alla u fil-kuxjenza. Dan hu l-valur fondamentali ta’ kull siwi, sewwa fil-ħajja politka kemm fil-ħajja ekonomika tan-nazzjonijiet; dan hu is-siwi l-iżjed ċert, li jekk jitħares tajjeb, imqar l-oħrajn kollha ma jitilfu xejn minn dak li jiswew, għaliex tagħmel tajjeb għalihom il-liġi t’Alla li hi eterna u ma titbiddel qatt.

 

L-EKU TA’ INNU

U mqar għal bniedem waħdu, il-pentienza hi l-qofol li għandu jġib il-vera paċi, billi tifirdu mill-ġid fieragħ ta’ din id-dinja u torbtu mal-ġid li ma jintemm qatt, billi ttih ukoll fiċ-ċaħda u fil-għawġ, paċi li d-dinja bil-għana u l-pjaċiri tagħha ma tista’ qatt tagħti. Ma kienx forsi wieħed mill-innijiet l-iżjed kwieta u ferrieħa li qatt instemgħu f’dan il-wied tad-dmugħ, dak il-famuż “Innu tax-Xemx” ta’ San Franġisk? Min għamel dan l-innu, min kitbu u kantaħ kien wieħed minn dawk li l-iżjed għamlu penitenza, il-Fqajjar ta’ Assisi, li fid-dinja ma kellu proprju xejn, u li fil-ġisem tiegħu bla forzi kellu l-pjagi dolorużi tal-Mulej tiegħu Msallab.

It-talb, mela u l-penitenza huma ż-żewġ spirti qawwija li f’dawn iż-żminijiet tahomlna Alla biex jwasslu għal ħdanu l-bnedmin li fit-telfa tat--triq it-tajba, jinsabu jiġġerrew mitlufa l-hawn u l-hinn: huma l-ispirti li għandhom ipattu għall-ewwel u l-aqwa ħtija ta’ kull ribelljoni u ta’ kull irvell, jiġifieri r-ribelljoni tal-bniedem kontra Alla. Iżda l-ġnus stess huma msejjħa biex jagħżlu darba għal dejjem: jew huma jintreħew fi ħdan dawn l-ispirti ta’ ġid u ta’ fejda u jikkonvertu bl-umiltà u bl-indiema lejn is-Sinjur tagħhom u l-Missier tal-ħniena, jew jintelqu huma stess u l-ftit tal-hena li baqa’ fid-dinja f’idejn il-għadu t’Alla, jiġifieri f’idejn l-ispirtu tal-vendetta u tal-qerda.

Ma baqgħelniex, immela, nagħmlu ħaġa oħra ħlief li nistiednu lil din id-dinja msejkna, li xerdet tant dmija, li fetħet tant oqbra, li ħarbtet tant opri, li telfet tant ħobż u xogħol lill-bnedmin, ma baqgħalniex, ħlief nistidnuha bil-kelmiet ħelwa tal-Liturġija mqaddsa: “Ikkonverti lejn il-Mulej, Alla tiegħek”.

 

ID-DINJA MA’ DWAR IL-QALB TA’ ĠESÙ

U liema okkażjoni aħjar nistgħu ahna nurukom, Ħutna għeżież, għal din il-għaqda ta’ talb u ta’ tpattija mill-festa li ġejja tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù? L-istess spirtu ta’ din il-festa, bħal ma wrejna sewwa erba’ snin ilu bl-Enċiklika tagħna Miserentissimus, hu sewwasew l-ispirtu ta’ tpattija u ta’ imħabba, u għalhekk ridna li f’ġurnata bħal dik, ta’ kull sena u għal dejjem, isir f’kull knisja tad-dinja, att pubbliku ta’ tpattija għal tant offiżi li jolqtu dik il-Qalb t’Alla.

Tkun ukoll, mela din is-sena l-Festa tal-Qalb Imqaddsa għall-Knisja kollha ħeġġa mqaddsa ta’ tpattija u ta’ talb. Jersqu b’għadd kbir l-insara lejn it-Tqarbin Imqaddes, jersqu f’riġlejn l-altari biex jaduraw is-Salvatur tad-dinja moħbi taħt il-velu tas-Sagrament, li intom, Ħutna għeżież, għandkom tfittxu li jkun espost sollennement fil-knejjes kollha, iferrgħu f’dik il-Qalb Ħanina li ġarrbet in-niket kollu tal-qalb tal-bniedem, id-duluri kollha tagħhom, il-qawwa tal-fidi tagħhom, il-fiduċja tat-tama tagħhom, il-ħeġġa ta’ imħabbithom. Jitolbuha lil dik il-Qalb billi jinqdew ukoll bil-patroċinju qawwi ta’ Marija Santissima, Mediatriċi tal-grazzi kollha, għalihom u għall-familji tagħhom, għal pajjiżhom u għall-Knisja, jitolbuha għall-Vigarju ta’ Kristu fl-art u għall-Isqfijiet l-oħra, li miegħu jaqsmu l-pis aħrax tat-triġija spiritwali tal-erwieħ; jitolbuha għal ħuthom li jemmnu, għal ħuthom li jinsabu fit-triq ħażina, għal dawk li ma jemmnux, għall-infidili, u fl-aħħarnett għall-istess egħdewwa t’Alla u tal-Knisja biex jikkonvertu.

U dan l-ispirtu ta’ talb u ta’ tpattija jżommuh qawwi ħaj u ħaddiem fl-insara kollha ma’ tul l-Ottava li aħna ridna nżidu biex inżejnu din il-festa b’dan il-privileġġ tal-liturġija; ma’ tul dawk il-ġranet għandkom tfittxu li jsiru, bil-mod li kull wieħed minnkom jidhirlu, Ħutna għeżież, skont iċ-ċirkostanzi tal-pajjiz, talb pubbliku u opri oħra ta’ devozzjoni skont il-fehma li aħna semmejna fil-qosor: “biex naqilgħu l-ħniena u nsibu l-grazzja għall-għajnuna meħtieġa” (Hebr. IV,16.

 

OTTAVA TA’ TALB U TA’ TPATTIJA

Tkun tabilħaqq għall-poplu nisrani kollu Ottava ta’ tpattija, ta’ swied il-qalb qaddis: ikunu ġranet ta’ tgħakkis u ta’ talb. L-insara għandhom jiċċaħdu mid-divertiment imqar dawk li jistgħu jsiru; dawk li l-iżjed jistgħu, jiċċaħdu, minn rajjhom fl-ispirtu ta’ tgħakkis nisrani, minn xi ħaġa imqar żgħira milli s-soltu jieħdu fil-ħajja ta’ kuljum u jatuha billi jiftħu idejjhom, lill-foqra, billi l-karità hija mezz l-iżjed tajjeb biex impattuha l-Ġustizzja t’Alla u niġbdu fuqna l-ħniena Tiegħu. U l-foqra u dawk kollha li f’dawn iż-żminijiet jinsabu bi ftit xogħol u bi ftit tal-għajxien, joffru bl-istess spirtu ta’ penitenza u b’rassenjazzjoni akbar in-nuqqas li qegħdin iġagħilhom isofru ż-żmien diffiċli li ninsabu fih u l-kondizzjoni soċjali li l-Provvidenza t’Alla għal ħsieb moħbi l-iżda dejjem bl-imħabba, qegħithom fih: jilqgħu bl-umiltà u bil-fidi minn idejn Alla l-effetti tal-faqar, li ħraxu iżjed fih imħabba l-għaks li bħal issa jinsabu l-bnedmin jintrefgħu b’ġenoristà akbar, sal-għolja mqaddsa tas-Salib ta’ Kristu u jiftakkru li jekk ix-xogħol huwa mill-iżjed ħwejjeġ li jiswew għall-ħajja, kienet l-imħabba t’Alla li bata, dik li salvat id-dinja: jitfarġu fil-ħsieb ċert li s-sagrifiċċi u t-tbatijiet tagħhom meta ssofrihom ta’ nisrani jiswew biex iressqu fuqna s-siegħa tal-ħniena u tal-paċi.

Il-Qalb divina ta’ Ġesù ma tistax ma titqanqalx għat-talb u għas-sagrifiċċi tal-Knisja tiegħu u Ġesù jispiċċa biex igħid lill-għarusa tiegħu li qiegħda toqrob f’riġlejh taħt it-toqol ta’ tant tbatija u tant għawġ: “Kbira hi l-Fidi tiegħek! Ikun dak li tixtieq” (Matt: XV,21).

B’din il-fiduċja, imsaħħa bit-tifkira tas-Salib, sinjal qaddis u strument għani tal-fidwa mqaddsa tagħna, li tagħha l-lum qiegħdin niċċelebraw il-glorjuża invenzjoni, lilkom, Ħutna għeżież, lill-kleru u lill-poplu tagħkom lid-dinja kollha Kattolika, nagħtu b’imħabba ta’ Missier il-Barka Apostolika.

F’Ruma, minn San Pietru, nhar il-Festa tal-Invenzjoni tas-Salib Imqaddes, 3 ta’ Mejju 1932, fit-tnax il-sena tal-Pontifikat tagħna.

 

PIJU P.P.X

 

Ħajr lil Myriam Buttigieg għall-korrezzjoni u typing tal-verżjoni bil-Malti