Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

 

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 8 ta' Marzu, 1978

 

Id-dmir tal-penitenza

 

L-ispiritwalità tar-Randan, iż-żmien li r-reliġjon tagħna tqiegħed qabel l-Għid, għaċ-ċelebrazzjoni tal-misteru kbir tas-salvazzjoni tagħna, tqis, anzi tesiġi, l-għarfien li aħna nħossu personalment il-ħtieġa tal-penitenza.  Aktar ma' l-bniedem isir jaf lilu nnifsu, u jintebaħ li l-eżistenza tiegħu minnha nfisha fiha xi ħaġa li mhix regolari, nieqsa, infeliċi, ħażina, aktar iħoss il-ħtieġa mhux mitmuma li jakkuża l-imperfezjonijiet tiegħu;  ħtieġa li tikxef is-suppervja, dmir tradut, rimors inevitabbli, jiġifieri miżerja patoloġika; dak li jgħolli u fl-istess ħin jumilja l-kunċett li l-bniedem għandu tiegħu nnifsu.  Aħna lkoll nafu kemm hi għarfa l-kelma li tinsab fil-bażi tal-psikoloġija umana: "il-kobor tal-bniedem jitkejjel skont kemm jagħraf il-miżerja tiegħu" (Pascal, Pensées, 397).  Dawn l-osservazzjonijiet jixlu l-kundizzjoni li ġġiblek ħniena saħansitra tal-kundizzjoni umana, u fl-Evanġelju għandhom eku preċiz, qiesu leħen li mhux biss iqanqal fina l-għarfien tad-dgħufija li nitwieldu biha, imma mill-ewwel iħabbar rimedju: "Iż-żmien wasal u s-Saltna t'Alla hi fil-qrib, indmu u emmnu fl-Evanġelju"(Mk 1, 15); "Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet" (Mt 3,  2; 4, 17)

Aħna lkoll nafu kemm dal-kliem divin twaħħad mad-drawwiet tal-Knisja, mal-pedagoġija tagħha, mhux biss fil-formazzjoni esiġenti tal-monaċi u tas-segwaċi fidili tal-kristjaneżmu, imma wkoll fid-drawwiet tal-popli, meta l-poplu kien josserva dak li tgħallem il-Knisja regolarment, u meta l-istil tal-ħajja tas-soċjetà kien jippermetti li kulħadd iħaddem dixxiplina penitenzjali anki fit-tul, bħal dik ta' żmien ir-Randan, (Cfr. DUCHESNE, Origines du culte chrétien (Oriġini tal-kult kristjan), p. 254, etc.).  Iż-żminjiet inbidlu u mhux biss ħalli n-nies iħarsu l-prattika nisranija, imma minħabba li l-attivitajiet umani huma organizzati b'mod differenti, speċjalment ix-xogħol; tant illi li wieħed josserva b'mod regolari u metodiku l-ebusija tar-Randan, bis-sawm tal-obbligu saret ħaġa prattikament impossibbli; tant illi wara l-Konċilju ta' ftit żmien ilu ingħataw regolamenti oħra bil-Kostituzzjoni Apposotlika tagħna li għandha t-titlu "Paenitemini" tas-17 ta' Frar, 1966, li bihom l-obligu tradizzjonali tas-sawm kważi tneħħa għalkollox.  Baqa' l-obbligu tal-astinenza għal kulħadd fil-jum tal-Ġimgħa, sakemm mhux festa (għalkemm il-Konferenzi Episkopali ingħatalhom id-dritt li dan l-obbligu jibdluh f'xi opra oħra ta' karità ta' karattru penitenzjali jew karitattiv jew ta'ħniena), u baqa' l-obbligu tas-sawm u l-astinenza fil-jum tal-Irmied (jew Ras ir-Randan) u nhar il-Ġimgħa l-Kbira.  Dawn il-jumejn baqgħu obbligu kemm għall-astinenza għal min għalaq l-14-il sena u għalmin għalaq il-21; iżda huma meħlusin mill-obbligu tas-sawm dawk li għalqu s-sittin sena.  Issa dawn huma normi sempliċi u magħrufin, aktar u aktar biex jgħinuna naraw jekk ir-rabta tagħna mal-fedeltà lejn il-liġi ekkleżjastika  ssibniex fidili u puntwali.

Iżda, minbarra dawn ir-regoli tant imnaqqsa (flimkien ma' oħrajn li jistgħu jżidu l-Isqfijiet lokali), tibqa' tgħodd għal kulħadd daqs qatt qabel il-liġi tal-penitenza, li lin-nisrani tajjeb, żgħażugħ jew xiħ, torbtu dejjem u ssir aktar urġenti daqskemm huma diffiċli ż-żminijiet u d-drawwiet tad-dinja moderna.  It-taħriġ tal-mortifikazzjoni korporali li jidher, illum naqas ħafna; iżda l-ħtieġa u d-dmir tal-penitenza, speċjalment tal-ispirtu, tad-divertiment, tal-ħala, tal-ħsibijiet perversi, jitolbu minna sahra u osservanza interjuri.

Hawnhekk aħna għandna nfakkru lil kull nisrani tajjeb l-istil axxetiku.  Se naċċennaw biss sejħa speċjali, ir-rikmandazzjoni li naħfru bħal aħwa l-offiżi li jkunu weġġgħuna; hi rakkomandazzjoni li l-Mulej rabatna biha aħna u ngħidu t-talba fundamentali tal-"Missierna"; għad irridu nitkellmu aktar dwarha.

Imbagħad irridu nirrikmandaw mill-ġdid (għalkemm għalissa mhux se nsemmi s-Sagrament tal-Penitenza), it-tliet opri penitenzjali li tissuġġerixxi l-Knisja stess bħala rfid għat-taħriġ penitenzjali, li llum jista josservahom prattikament kulħadd; dawn l-opri huma: it-talb, il-mortifikazzjoni tas-sensi u tal-kburija u fl-aħħar, il-karità fil-ħafna manifestazzjonijiet tagħha u li jista' jagħmilhom kulħadd, fosthom l-elemożina lill-aħwa fil-bżonn, ħaġa li għad għandha post ewlieni.  "L-imħabba - jikteb San Pietru - tgħatti kotra ta' dnubiet" (1 Pietru 4,8).

 

Ħuti, uliedi!  Ftakru, u ġibu ruħkom skont kif kontu mgħallmin illum!

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....