Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 8 ta' Frar, 1978

 

Ir-Randan: rebbiegħa tal-ispirtu

 

Il-Knisja minn dejjem tat importanza partikolari liċ-ċiklu tal-kronoloġija taż-żmien ta' kull sena u matul kull żmien speċifiku tqassam bi preċiżjoni kemm il-pedagoġija spiritwali kif ukoll l-axxetika tagħha.  Żmien speċjali, żmien qawwi hu r-Randan, li liturġikament, din is-sena, bil-ferħ jibda llum.  Hemm bżonn li aħna nġarrbu din id-dixxiplina tradizzjonali tal-Knisja, li lill-kalendarju tagħnih b'awtorità partikolari u tagħti sens spiritwali liż-żmien li jkun għaddej.  Il-fidil ma jistax iħares b'indifferenza lejn il-mixja tal-jiem qiesu li l-istaġuni huma kollha l-istess jew li mank jitolbu minna li ngħejxuhom b'ċertu mod.  Nafu kemm hu rilevanti t-tqassim tal-ġranet matul il-ġimgħa li lin-nisrani jimponilu osservanza reliġjuża partikolari, jiġifieri s-sehem fis-'sinassi', fl-assemblea komunitarja, liturġika u ċelebrattiva tal-Kelma sagra u tas-sagrifiċċju ewkaristiku.  Il-Konċilju li għadu kif intemm ikkonferma din in-norma illi "l-Ħadd hu l-ewwel jum ta' festa u dan wieħed għandu jipproponih lit-tjieba tal-fidili u jisħaq fuqu magħhom biex ikun ukoll għalihom jum ta' ferħ u ta' mistrieħ mix-xogħol" (Sacrosanctum Cincilium, 106).  Tajjeb li nkunu nafu u sewwa nagħmlu li din in-norma nqisuha dejjem bħala s-sies tad-drawwiet reliġjużi u ċivili tagħna, għax b'hekk aħna nagħtu importanza akbar liż-żmien li jħejjina għall-Għid, jiġifieri r-Randan.

Ir-Randan hu żmien ta' tħejjija sagramentali.  Għas-sagrament tal-magħmudija tal-katekumeni, l-ewwel u qabel kollox.  Għall-insara mgħammdin ir-Randan ma jkunx biss sempliċi tifkira tal-ewwel sagrament li rċevew u li saffihom u ġġenerahom iżda tiġdid psikoloġiku u morali li jiġi mill-istess magħmudija, li jifsser li wieħed jaċċetta l-fidi bħala stil ta' ħajja u jikkonforma magħha bħala prinċipju loġiku u mistiku, skont il-kelma klassika ta' San Pawl: "il-bniedem ġust jgħix bil-fidi" (Rum 1,17), programm li dejjem jibqa' jiżviluppa u jitħaddem.  Imbagħad ir-Randan hu żmien ta' rikonċiljazzjoni għall-penitenti.  Id-duttrina kollha dwar id-dnub li jsir wara l-magħmudija, hawnhekk isib skola u fl-istess ħin tmiem ineffabbli li jinġabar fil-paċi tal-kuxjenza mreġġa' lura lejn il-ħbiberija ma' Alla permezz tas-sagrament tal-penitenza.  B'hekk, it-tħejjija fir-Randan ssib il-milja tagħha fil-preparazzjoni għall-Għid meta s-sagrifiċċju  ewkaristiku idaħħal lill-fidil f'komunjoni ma' Kristu nnifsu, "L-Għid tagħna maqtul għalina" (1 Kor 5,7).

U l-ħajja tal-fidil titħarreġ u tinbidel madwar dawn is-Sagramenti.  Il-karatteristika tagħha tkun it-tisdiq fir-reliġjożità, fl-axxetika u fil-karità.  Is-smigħ tal-Kelma divina jsir aktar attent u aktar assidwu; u jekk illum il-folol tal-insara m'għadhomx jattendu għall-prietki sistematiċi tar-Randan, kull nisrani li jħaseb għandu jsib mezz kif b'xi mod tal-anqas jisma' xi prietka ta' tħejjija għall-Għid f'xi grupp partikolari. ġaladarba b'xorti tajba, dan it-tip ta' predikazzjoni xtered u sar faċilment aċċessibli.  B'hekk, il-musbieħ tat-talb, kważi istintivament, jew aħjar permezz tal-laqgħa misterjuża mal-Ispirtu li jinżel u jkun preżenti fir-ruħ, jerġa' jitħeġġeġ u lill-atmosfera tar-Randan itiha d-dawl tiegħu ta' biki u ta' ferħ.

U x'baqa' mill-obbligu tas-sawm u l-astinenza fir-Randan?  Miż-żmien tant impenjattiv, tant riġidu u kważi ritwaliżżat, issa ma baqa' xejn?  Minbarra l-jumejn ta' sawm ta' obbligu għal min jiflaħ (Ras ir-Randan, jiġifieri llum u l-Ġimgħa l-Kbira, il-ġurnata l-kbira u ta' swied il-qalb), tneħħa l-obbligu impenjattiv tas-snin l-imgħoddija għax il-Knisja hi sensibbli għall-kundizzjonijiet mibdula u l-esiġenzi tad-drawwiet moderni; iżda dak li jibqa' għal min għandu spirtu qawwi u huwa fidil hu ferm aktar dehen tat-tifkira viġilanti tagħna u jinġabar f'żewġ kelmiet li jieħdu post is-sawm ta' qabel: awsterità personali fl-ikel, fid-divertiment, fix-xogħol... u karità mal-proxxmu, ma min qed ibati, ma' min jeħtieġ l-għajnuna, ma' min qed jistenniena nwieżnuh u naħfrulu... Dan kollu jibqa' bħalma jibqa' l-obbligu tal-astinenza kull nhar ta' Ġimgħa matul ir-Randan.  Anzi, dal-programm varjat, spontanju, li mhux dejjem faċli, jitlob minna l-għażla, sforz (iż-żgħażagħ jgħidulu 'fjurett'), id-dixiplina.  Hi biss id-dixxiplina li lin-nisrani ssaħħaħlu ħajtu u tagħmilhielu aktar awtentika.

Jalla d-dixxiplina, il-maqlub ta' kulma hu fieragħ u moda llum, imħarrġa mhux għal wiċċ in-nies (cfr Mt 6,1) imma sinċiera, tkun ta' tisħiħ għall-penitenza nisranija tagħna!

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....