F’din in-novena bi tħejjija għall-festa tal-Ispirtu s-Santu ser nirriflettu fuq is-simboli tal-Ispirtu s-Santu.

Wara dan, jiġri li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha. Uliedkom iħabbru, subjien u bniet, ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet. U mqar fuq il-qaddejja, rġiel u nisa, nsawwab l-ispirtu tiegħi f’dawk il-jiem. Fis-sema u l-art nuri sinjali, demm u nar u kolonni ta’ duħħan!  Ix-xemx tinbidel fi dlam, u l-qamar f’demm, qabel ma jasal Jum il-Mulej, kbir u tal-biża’! U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles, għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm is-salvazzjoni, kif qal il-Mulej, u f’Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ. (Ġoel 3,1-5)

 

L-Ewwel Jum: IN-NAR

Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad (Lq:12:50) 

 

Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f'post wieħed … U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b'ilsna oħra, skond ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. (Atti 2,1; 2,3-4)

 

 

It-Tieni Jum: L-ILMA

 Weġibha Ġesù: "Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa' jagħtih l-għatx;  imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta' l-ilma li jwassal sal-ħajja ta' dejjem." Qaltlu l-mara: "Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma." (Ġw.4,14-15)

 

Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b'leħen għoli: "Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta' ilma ħaj." Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat. (Ġw.7,37-39)

 

 

It-Tielet Jum : IR-RIĦ

Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma' ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu."(Ġw:3:9) 

 

Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f'post wieħed. F'daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta' riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. (Atti:2, 2-3])

 

 

Ir-Raba  Jum : IŻ-ŻEJT U D-DILKA

Sibt 'il David, qaddej tiegħi, biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu; tkun idi dejjem miegħu, u nsaħħu wkoll bi driegħi. (Salm 89,21-22)

 

Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta' Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f'idejh il-ktieb ta' Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej 'L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani,

 bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,  nrodd il-ħelsien lill-maħqurinu nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’ (Lq.4,16-19)

 

 

Il-Ħames Jum: IS-SIĠILL

Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa' għall-ħajja ta' dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu." (Ġw:6:28) 

 

 San Pawl lill-Korentin: Alla hu li jwettaq kemm lilkom u kemm lilna fi Kristu, li kkonsagrana għalih innifsu;  hu li ssiġillana wkoll bis-siġill tiegħu, u tana b'rahan l-Ispirtu fi qlubna. (2Kor.1,22-13)

 

L-anġli fid-dehra qalilhom: "Tagħmlulhomx ħsara lill-art u lill-baħar, anqas lis-siġar, qabel ma nkunu stampajna s-siġill fuq il-ġbin tal-qaddejja ta' Alla tagħna." (Ap.7,3)

 

 

Is-Sitt Jum: IL-FWIEĦA

San Pawl lill-Korentin:  Niżżi ħajr lil Alla, għax hu li jmexxina dejjem fir-rebħ fi Kristu u li jxerred ma' kullimkien permezz tagħna l-fwieħa tat-tagħrif tiegħu.  Għaliex aħna nwasslu l-fwieħa ta' Kristu fost dawk li jsalvaw u fost dawk li jintilfu. Lil dawn ta' l-aħħar din il-fwieħa twassalhom   għall-mewt, lil dawk twassalhom għall-ħajja. (2Kor.2,14-16)

 

 

Is-Seba’ Jum: ID-DELL

L-anġlu daħal għandha u qalilha: "Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek."  Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x'setgħet qatt tfisser din it-tislima. ….Iżda wieġeb l-anġlu u qalilha: "L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta' l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. (Lq.1,28-31)

 

 

It-Tmien Jum: IL-ĦAMIEMA

Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala' mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta' Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. (Mt:3,17)

 

 

Id-Disa’ Jum: IT-TINDA

Imma Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li m'hijiex maħduma b'idejn il-bnedmin, jiġifieri m'hijiex ħolqien ta' din l-art… (Lhud:9,11)

 

 Mbagħad wieħed mix-Xjuħ qabad u staqsieni: "Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom min huma, u minfejn ġejjin?" "Inti taf, sinjur", għedtlu jien. Mbagħad qalli: "Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf. Għalhekk jinsabu quddiem it-tron ta' Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu; u l-Ħaruf li qiegħed fuq it-tron  jeħodhom jgħammru taħt it-tinda tiegħu.(Ap.7, 13-15)

  

Talb lill-Ispirtu s-Santu

 Talba ta’ sottomissjoni lill-Ispirtu s-Santu

O Spirtu Qaddis, ħajja ta’ ruħi, jiena nadurak: dawwalni, mexxini, qawwini, farraġni, għallimni x’għandi nagħmel, ikkmandani dak li trid minni.

Inwiegħdek li noqgħod għal dak kollu li tippermetti li jgħaddi mingħalija; agħmel biss li nagħraf ir-rieda tiegħek.


Talba għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu 

Missier etern Alla, f’isem Ġesù Kristu, ibnek,

u għall-interċessjoni tal-verġni Marija Immakulata,

ibgħat fija l-Ispirtu.

Ejja, Spirtu qaddis, f’qalbi u qaddishieli.

Ejja, missier il-fqajrin u wennisni.

Ejja, ħallieq ta’ kull ġid u farraġni.

Ejja, dawl tal-imħuħ u dawwalni.

Ejja, faraġ tal-erwieħ u hennini.

Ejja, mistieden għażiż u tħallini qatt waħdi.

Ejja, fewġa ħelwa ta’ ħajti u ’tini s-saħħa. 

 

Glorja. (x3)

 

Spirtu qaddis, imħabba bla tmiem,

ejja fina bil-ħeġġa tiegħek,

ejja kebbes il-qlub tagħna.


Novena lill-Ispirtu s-Santu

(tibda l-għada ta’ Lapsi)

 

Spirtu tal-għerf, aħna nadurawk: urina x-xejn tal-ħwejjeġ tad-dinja u l-importanza tal-ħwejjeġ tas-sema. 

Glorja.

 

Spirtu tal-fehma, aħna nirringrazzjawk: dawwalna bil-fidi biex tmexxina f’kull opra tagħna. 

Glorja.

 

Spirtu tal-kunsill, aħna nfaħħruk: agħmilna ubbidjenti għat-tnebbiħ tiegħek. 

Glorja.

 

Spirtu ta’ qawwa, aħna nberkuk: agħmel li nirbħu dejjem l-għedewwa ta’ ruħna. 

Glorja.

 

Spirtu tax-xjenza, aħna nigglorifikawk: għinna sabiex naqilgħu l-vera sapjenza tal-qaddisin. 

Glorja.

 

Spirtu tal-pjetà, aħna nitolbuk: agħmel li nitolbu aktar bil-ġabra. 

Glorja.

 

Spirtu tal-biża’ ta’ Alla, aħna nħobbuk: żommna dejjem fil-preżenza tiegħek. 

Glorja.

 

Antifona

Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek u ħeġġeġ fihom in-nar ta’ mħabbtek.

 

Ċ:  Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u huma jinħalqu.

P:  U inti ġġedded il-wiċċ ta’ l-art.

 

Nitolbu

O Alla li bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, għallimt il-qlub tal-fidili tiegħek, agħmel li aħna bl-istess Spirtu nkunu tassew għaqlin u nifirħu dejjem bil-faraġ tiegħu.  Bi Kristu sidna.   Ammen.


Att ta’ konsagrazzjoni lill-Ispirtu s-Santu

O Spirtu mqaddes, Spirtu divin tad-dawl u tal-imħabba, jiena nikkonsagralek l-intelliġenza tiegħi, lil qalbi, ir-rieda u lili nnifsi fiż-żmien u fl-eternità.  Jalla l-intelliġenza tiegħi tkun dejjem sottomessa għat-tnebbiħ tiegħek u għat-tagħlim tal-Knisja Kattolika li tagħha inti l-mexxej li ma tistax tiżbalja.  Jalla ħajti tkun tixbah lill-ħajja ta’ Ġesù.   Ammen.