John Henry Newman – il-kardinal li rebaħ bil-fallimenti

 

Il-ħajja ta’ John Henry Newman tista’ titqies faċilment bħala waħda ta’ fallimenti kontinwi, tal-inqas hekk kien iħares lejha hu stess b’mod retrospettiv.  ‘F’ħajtu, iseħħu ħwejjeġ li ma jseħħux fil-ħajjiet tal-oħrajn – jiena qisni scapegoat’ darba qal.   Huwa u jħares lura lejn ħajtu, hu kien jirrifletti u darba stqarr kif ħajtu ‘ħarbitlu’ minn idejh u kemm kien jagħmel aktar affarijiet li kieku ‘iffoka fuq suġġett wieħed biss’.  Ħajtu kienet, skont hu, ‘storja ta’ fallimenti.  Pjan wara pjan, huwa rahom jitkissru u jiġu fix-xejn quddiemu.  Meta kellu 60 sena, hu kiteb li għalkemm mhux ad litteram imma kien ilu ‘ma jirċievi biċċa aħbar sabiħa personali għal dawk l-aħħar tletin sena u aktar’.   Ħajtu kienet waħda mimlija ‘niket’ u ‘ansjetajiet’.  Hekk kiteb Fr Ian Ker fl-artiklu tiegħu Succeeding by failure fil-ġurnal The Catholic Herald tal-11 ta’ Ottubru 2019.

 

Bħala student f’Oxford, Newman ma marx sew fl-eżemijiet tal-aħħar. Hu m’għaddhiex mill-matematika u kiseb biss dik li sejħilha lower division ta’ second class fil-Klassiċi.   Seba’ snin wara, hu sofra kollass nervuż, dak li komunement nirreferu għalik bħala breakdown psikoloġiku u kellu jieqaf.  Meta kien tutor f’Oriel College, hu ried iwaqqaf il-prattika li l-gradwati  jikru tutors privati minn fost il-gradwati riċenti  u u staq li t-tutors tal-kulleġġ  jipprovdu t-tagħlim kif ukoll il-lectures tas-soltu.  Imma l-persuna inkarigata minn dan ma aċċettatx din il-bidla u allura fis-sena 1828, hu tneħħa minn tutor

 

F’din l-istess sena, hu kien mistieden mill-Isqof ta’ Londra sabiex ikun wieħed mill-predikaturi ta’ Whitehall; kellu jħalli din il-kariga meta fl-1232 ntebaħ bil-liberaliżmu tal-isqof li għażlu.  Fl-1830 hu tkeċċa minn segretarju tas-Soċjeta’ Missjunarja Ekkleżjastika minħabba pamphlet li kiteb.  Fl-1834, għalkemm kien qiegħed jistenna li se jingħata din il-ħatra ġdida,  hu baqa’ ma nħatarx biex jokkupa s-siġġu universitarju tal-filosofija morali. 

 

Bħala mexxej tal-Moviment ta’ Oxford u l-arkitett prinċipali tat-teoloġija tal-via media, hu beda jħoss ħafna dubji li kissruh internament.  Dan laħaq il-qofol tiegħu fis-sena 1841 bill-pubblikazzjoni tat-Trattat kontroversjali numru 90 li prova jinterpreta id-39 Artiklu tal-Knisja Anglikana f’sens Kattoliku.  Dan kien ikkundannat mill-viċi-kanċillier u mbagħad mill-kapijiet tal-kulleġġi u aktar tard mill-isqfijiet.  Finalment, fl-1845, Newman irrinunzja l-via media u l-Moviment ta’ Oxford għax safa konvint li l-Knisja Kattolika hija l-Knisja l-vera.

 

Id-diżappunti u l-fallimenti ta’ Newman matul is-snin tiegħu bħala Kattoliku kienu mdallma u nikkieta daqs dawk ta’ meta kien għadu Anglikan.  Fl-1851 nħatar president jew rettur tal-Universita’ Kattolika l-ġdida tal-Irlanda; xtaq ħafna li tkun l-universita’ Kattolika ewlenija tad-dinja Anglo-Sassona.  Madankollu, hu kellu l-isqfijiet kontra tiegħu.  Barra minn hekk, il-gvern Brittanika rrifjuata li jikkonvolaida l-gradi akkademiċi ta’ din l-universita’ l-ġdida.  Kellu wkoll kunflitt bla tmiem mal-Arċisqof Paul Cullen ta’ Dublin li ċaħad li jippermettilu li jwaqqaf kumitat lajk biex jieħu ħsieb il-finanzi. 

 

Knisja universitarja li Newman ħallas għaliha mill-flus li kien fadal minn fond li l-Kattoliċi kienu ġabru biex iħallsu għall-ispejjeż legali marbutin mal-libell li kien għamilu l-eks-patri Giacinto Achilli, għenu biex il-knisja titlesta.  Imma mbagħad Newman sab li l-ispejjeż kienu ħafna ogħla. Fl-1859, fuq talba tal-Isqof William Bernard Ullathorne ta’ Birmingham, Newman kontra qalbu aċċetta li jsir editur ta’ The Rambler.  Newman ma kienx jaqbel mal-istil liberali tal-gazzetta għax din ma kellhiex rispett lejn l-awtorita’.  Hu ħass li kellu jagħmel kritika lill-ittra pastorali tal-isqfijiet għaliex huma ma kkonsultawx lil-lajċi  dwar il-kwistjoni tal-iskejjel Kattoliċi.  Ullathorne ma ħax pjaċir u talbu jirriżenja.  Qabel ħalla, Newman ippubblika l-kitba tiegħu On Consulting the Faithful on Matters of Doctrine.   Ċertu isqof minn Wales kiteb Ruma biex jeħodha kontra l-artiklu u Ruma ordnat lill-Kardinal Wiseman biex jgħaddi lil Newman id-dokument li fih Ruma stqarret dwar xiex ma kenitx taqbel ma’ Newman.  Wiseman baqa’ m’għaddiex id-dokument lil Newman u allura Newman deher li hu diżubbidjenti. 

 

F’Diċembru 1858, Newman aċċetta kontra qalbu l-istedina tal-ġerarkija Kattolika li jikkopera fil-pjan Amerikan għal traduzzjoni l-ġdida tal-Bibbja bl-Ingliż; Newman kien se jaċċetta biss jekk l-isqfijiet Ingliżi jaċċettaw il-proposta.  Huma qatt ma weġbuh għall-ittra tiegħu li bagħatilhom biex jikseb permess.   Aktar tard f’ħajtu, Newman ried iwaqqaf oratorju ġdid imma Fr Frederick Faber kiseb minn Ruma d-dokument li ma kienx jagħti permess għal dan.  Din kienet weġgħa kbira ta’ qalb għal Newman, speċjalment minħabba l-fatt li Faber kien sieħbu fil-kongregazzjoni.  Fl-1964, Newman kien offrut biċċa art f’Oxford sabiex jibni oratorju.  Ruma aċċettat u l-isqof Ullathorne kien favur imma dan tal-aħħar talab li Newman ma jkollux x’jaqsam mal-pjan għax il-preżenza tiegħu f’Oxford kienet se tinkuraġixxi l-Kattoliċi sabiex jibgħatu lil uliedhom subien hemmhekk – xi ħaġa li l-isqfijiet ma ridux li sseħħ.  Il-proġett kien abbandunat.

 

Kien Newman innifsu li stqarr li ‘the rule of God’s providence is that we should succeed by failure’ (jidher li hija r-rieda t’Alla li nirnexxu permezz tal-fallimenti’.  Hu qal ukoll li l-kundanni tal-isqfijiet Anglikani għat-Trattat 90 ‘ikkonfermaw l-interpretazzjoni li jien għamilt tal-Padri, jiġifieri li dawk li jħobbu s-Santi Padri m’għandhom ebda post fil-Knisja Anglikana’.  Fi kliem ieħor, dan id-diżappunt kien wasslu biex jikkonverti.  Il-kuruna ta’ ħajtu kienet imbagħad tikkonsisti fil-berettin kardinalizju;  il-Mulej bħal ‘ippremjah’ tad-diżappunti u l-fallimenti kollha billi ppermetta li l-Knisja ta’ Ruma taħtru kardinal.

 

Quddiem din l-istorja ta’ insuċċessi, aħna wkoll għandna nagħmlu l-qalb għax il-Mulej għandu toroq li mhux dejjem jagħmlu sens bil-loġika tad-dinja.

 

Geoffrey G Attard