Il-Miraklu Skoċċiż ta’ Newman

Darba waħda, Ethel, mart Alexander James Grant, pastor Kalvinista fi ħdan il-Presbyterian Scottish Church, ħalliet kopja tal-gazzetta fl-uffiċju ta’ żewġha.  Kienet kopja tal-Catholic Herald u hi kienet fetħet, bi skop, il-gazzetta b’tali mod li titfaċċa paġna b’artiklu dwar il-ħajja ta’ soru Franċiża mhux daqstant magħrufa.  Ethel kienet ħalliet il-Komunjoni Anglikana u daħlet fil-Knisja Kattolika fis-sena 1908 u kienet qed tittama li żewġha jagħmel l-istess.  Imma dan ma tantx kien jidher li jseħħ; żewġha kien pastor fi ħdan il-United Free Church of Scotland, denominazzjoni magħrufa għan-nuqqas ta’ simpatija tagħha lejn il-Knisja Kattolika. 

 

Alexander James Grant kien bniedem intelliġenti, u kien jaf tmien lingwi.  Kien iservi l-komunita’ ta’ Lochranza, raħal fuq il-gżira ta’ Arran, waħda mill-gżejjer Hebrides tal-Iskozja.  Ma tantx kien ġie espost għall-Knisja Kattolika; kien iltaqa’ biss ma’ żewġ saċerdoti li offrewlu ‘ftit tagħrif dwar ir-Reliġjon Rumana’. Hu stess stqarr li tgħidx kemm kien iħossu mbuttat mir-reliġjon tagħhom; fil-fatt kiteb li ‘I was absolutely refractory to their insinuations’. 

 

Darba minnhom, Grant qara artiklu miktub minn ċertu Fr Taylor, li rrakkonta l-istorja ta’ Marie Francoise-Thérèse Martin li kienet ingħaqdet mal-ordni Karmelitan qabel ma mietet fl-eta’ ta’ 24 sena, wara li għexet ħajja mingħajr ftit li xejn avvenimenti.  L-artiklu kien semma li kienet se toħroġ traduzzjoni bl-Ingliż tal-awtobijografija tagħha.  Grant qata’ l-artiklu mill-gazzetta u żammha fil-kartiera.  Xi ħbieb ta’ martu kisbu kopja tal-ktieb Storja ta’ Ruħ.  Fil-Milied tas-sena 1909, Grant irritorna mill-predikazzjoni tiegħu lejn id-dar bl-influwenza.  Sab il-ktieb maġenb is-sodda u qrah.  Aktar tard kiteb: ‘Il-ktieb li ġie f’idejja kien ċertament xogħol ta’ xi ħadd ġenju’.  Imbagħad ġranet xi ħaġa interessanti li se nikkwotha kif inhi, maqluba għall-Malti

 

‘Darba minnhom filgħaxija, meta kont imqajjem, ħassejt sensazzjoin straordinarja u għidt lil marti hekk kif daħlet fil-kamra tas-sodda: ‘it-tifla ċ-ċkejkna tinsab hawn’ –

            ‘Min’ staqsiet hi.

            ‘Il-Fjura ċ-ċkejkna...żgur li tinsab f’din il-kamra’.

Xejn ma kien ħejjieni għal din is-sensazzjoni.  Ħassejtni hekk f’ruħi: id-dinja esterjuri bħal donnha sparixxiet minn quddiem għajnejja.  Kollox kien preżenti b’mod interjuri u hekk rajt quddiemi lill-Qaddejja t’Alla.  Pruvajt inwarrab dan minn quddiemi u għidt lili nnifsi: ‘Int qed taqa’ fis-superstizzjoni u l-idolatrija’; imma t-tentattivi tiegħi kien ilkoll għalxejn; hi reġgħet lura u ħaddnietni magħha u mbagħad bħal donni smajt il-kelmiet: ‘Dan hu l-mod ta’ kif il-Kattoliċi qaddisa jħobbu lil Ġesù, agħżel it-triq iċ-ċkejkna’.

            ‘Iva’ weġibt. ‘Ħa nipprova nsegwik, jekk tgħinni’ għax tassew ridt li jirnexxili’.

 

Aktar tard, Grant sab konsolazzjoni fil-kitbiet ta’ John Henry Newman.  Wara li qara l-Apologia Pro Vita Sua, li fiha Newman jiddeskrivi t-triq diffiċli tiegħu biex wasal għall-fidi Kattolika, Grant dar fuq martu u qalilha: ‘Issa qed nemmen dawk il-ħwejjeġ li qatt qabel ma stajt nemmen’.  Wara ħafna xhur ta’ tħassib, Grant irriżenja minn pastor Kalvinista fis-sena 1911 u sar Kattoliku.  Aktard tard hu ġie msejjaħ sabiex jixhed għall-kawża tal-beatifikazzjoni ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux u saħansitra ġie mistieden biex imur jgħix f’Alençon; ix-xogħol tiegħu u ta’ martu kien li jdawru l-pellegrini u t-turisti mad-dar tal-qaddisa Franċiża. 

 

Newman żgur qatt ma immaġina kemm kienet se tkun kbira l-influwenza tiegħu fuq dawk li ġew warajh.  Ir-riflessjonijiet tiegħu fuq il-kuxjenza ispiraw studenti Ġermaniżi sabiex jirribellaw kontra t-Tielet Reich ta’ Hitler.  L-innu tiegħu Lead, Kindly Light  nissel sens ta’ konsolazzjoni lil Mahatma Gandhi fil-mumenti l-aktar suwed ta’ ħajtu.  L-Essay in Aid of a Grammar of Assent għen lil Oscar Wilde jersaq lejn il-fidi Kattolika.  Hu bidel il-ħajja ta’ eluf ta’ nies; il-kanonizzazzjoni tiegħu se tkompli titrasforma l-ħajja ta’ ħafna oħrajn.  Nażżarda ngħid li l-ħatra tiegħu għal mal-lista tal-qaddisin għad tkun il-kawża tal-anniħilazzjonit totali tal-ereżija Anglikana.

 

Dun Geoffrey G Attard

 

Riferenzi;

Editorjal The Newman effect  f’ Catholic Herald, 11 t’Ottubru 2019, paġna 3.