John Henry Newman: il-qalb Marjana tal-Anglikan li sar kardinal Kattoliku

 

Fl-1826 John Henry Newman, li dakinhar kien kjeriku Anglikan, inħatar bħala għalliem f’Oriel College f’Oxford.  Hemmhekk iltaqa’ ma’ Hurrell Froude, Anglikan.  It-tnejn li huma saru ħbieb.  Kien minn dan ħabibu li Newman żviluppa l-bidu ta’ ta’ devozzjoni lejn il-Madonna.

Fl-1832, Is-Solennita’ tat-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija, Newman – li kien qed iservi bħala kapillan tal-knisja ta’ Ommna l-Verġni Marija – għamel prietka lill-Universita’ ta’ Oxford dwar Omm Alla.  F’dik l-omelija hu qal dakinhar: ‘Min jista’ jagħti stima tal-qdusija u l-perfezzjoni tagħha, hi li ntagħżlet biex tkun Omm Kristu?  X’kienu mela d-doni li Alla ta ladarba kellha tkun l-eqreb qariba lejn l-Iben t’Alla,  dik li kienet marbuta fin-natura sabiex tqimu; dik li ssejħet sabiex tedukah ġurnata wara oħra hu u jikber fil-għerf  u l-qdusija?’

Kien minn dan il-mument ‘il quddiem li Marija kellha tedukaa u tħarreġ lil dan l-istess kjeriku Anglikan hekk kif hu ukoll kien qed jikber fl-għerf u l-qdusija – u b’devozzjoni lejha.

 Meta Froude miet fis-sena 1836, hu ħalla lil Newman kopja ta’ Brevjarju Ruman. Newman beda jirreċita t-talb ta’ kuljum – imma minkejja d-devozzjoni ġdida lejn Marija li beda jħaddan, hu ma nkludiex it-talb mill-brevjar li jinvoka l-għajnuna ta’ Marija.  Newman kien għadu jħaddan ċerta ostilita’ lejn ċerti aspetti ta’ devozzjoni Kattolika lejn il-Madonna.

Fl-1841, il-professur C. W. Russell tas-seminarju Kattoliku ta’ Maynooth, fl-Irlanda, kiteb lil Newman. Russell assigura lil Newman li jekk jidħol aktar fil-fond tal-misteru ta’ Marija, kien itajjar kull biża’ u preġudizzju li kellu.  Russell wasal anke biex jissuġġerixxi li r-Rużarju ma kienx xejn inqas minn ‘sensiela ta’ meditazzjonijiet dwar l-Inkarnazzjoni, il-Passjoni u l-Glorja tal-Feddej’.  Hu bagħat lil Newman kopja tal-omeliji ta’ San Alfons Maria De Liguori dwar il-Madonna.  Ħafna snin wara, fl-awtobijografija tiegħu l-Apologia Pro Vita Sua (1864), hu kiteb: ‘Russell kellu x’jaqsam mal-konverżjoni tiegħi aktar minn ħaddieħor’.

Sa ma Newman iddeċieda li jsir Kattoliku, l-idea tiegħu tar-rwol ta’ Marija fil-ħajja tan-Nisrani u tal-fidwa tal-umanita’ ġew iċċarati mill-qari tiegħu tal-Iskrittura.  Hu u jikteb dwar it-Tielet Konċilju Ekumeniku ta’ Efesu (431 WK), fejn Marija kienet ikkonfermata bħala Omm Alla, hu nnota li dan kien neċessarju ‘sabiex jipproteġi d-duttrina tal-Inkarnazzjoni u li jippreserva l-fidi tal-Kattoliċi minn umanitarjaniżmu superfiċjali’. Imbagħad għadda biex jispjega li dawk il-gruppi Insara li ċaħdu l-qima lejn il-Madonna ‘wara ftit żmien waqfu jaduraw lill-Iben Etern tagħha’.

 

Lejn Marija permezz ta’ Kristu

Ikun jagħmel sens li ngħidu li aktar ma Newman resaq lejn il-Knisja, aktar resaq lejn Marija.  Wara l-konverżjoni tiegħu, fis-sena 1849 Newman ippubblika d-Discourses Addressed to Mixed Congregations.   Mill-ġdid hu mmediata dwar ir-rwol ta’ Marija bħala sur tal-fidi fil-ħajja tan-Nisrani u bħala xhud prinċipali tal-Inkarnazzjoni. ‘Il-Knisja u Satana qablu flimkien dwar dan, li l-iben u l-Omm imorru flimkien; u li l-esperjenza tal-aħħar tliet sekli kkonfermat din ix-xhieda għax il-Kattoliċi li onoraw l-Omm xorta jagħtu qima lill-Iben, waqt li l-Protestanti, li issa waqfu jistqarru l-Iben, waslu għal dan billi l-ewwel irridikulaw lill-Omm’.

Fir-rigward tas-setgħa interċessorja tal-Madonna, Newman, ċertament konxju mit-tħassib Protestant dwar dan is-suġġett, wera n-natura biblika tal-interċessjoni b’eżempji miġbuda mit-Testment il-Qadim (Abraham, Mose’) u figuri tat-Testment il-Ġdid (Filippu, Indrija).

Fir-rigward tal-assunzjoni ta’ Marija, Newman wasal biex jifhem li din id-duttrina mhux biss kienet emmnuta minn żminijiet bikrija, imma kienet ukoll koerenti mal-veritajiet l-oħra tar-Rivelazzjoni, b’mod partikulari d-duttrina tal-maternita’ divina ta’ Marija u l-qawmien tal-ġisem.

‘Jekk il-Ħallieq jiġi fid-dinja fil-forma ta’ qaddej u ħlejqa’ Newman jistaqsi, ‘allura ma tistax Ommu, fuq in-naħa l-oħra, togħla biex issir Sultana tas-sema u tiġi mlibbsa bix-xemx, u jkollha l-qamar taħt riġlejha?’

Newman kienet influwenzata mill-fehma tal-Padri tal-Knisja dwar Marija bħala t-Tieni Eva.  Hu bena fuq il-kitbiet ta’ San Ġustinu, San Irinew u Tertulljanu u spjega kif Eva kkawżat il-Waqgħa tal-Bniedem u li bħala ‘Eva l-ġdida’ Marija b’mod kruċjali pparteċipat fis-salvazzjoni tagħna.  Hekk kif Eva kkoperat max-xitan sabiex ikkawżat ħażen kbir, Marija wkoll ikkoperat bil-grazzja sabiex tasal għal ġid wisq akbar.  Kien minn din l-analiżi li Newman seta’ jikseb tagħrif akbar dwar id-dinjita’ tal-Madonna.

L-ogħla dinjita’ ta’ Marija u aktarx l-akbar titlu tagħha huwa dak ta’ Theotokos, Omm Alla.  Minħabba li l-użu ta’ Theotokos ġie affermat formalment fil-Konċilju ta’ Efesu, Newman stagħġeb kif l-Anglikani ma setgħux jaraw din  il-verita’.  Dak li l-Knisja Kattolika taf dwar Marija, tafu sustanzjalment mis-Santi Padri.

 

Il-Brevjar Marjan ta’ Newman

Fl-aħħar snin tiegħu, il-vista ta’ Newman marret lura.  Ma setax jitlob il-brevjarju.  Għalhekk kien jgħid ir-Rużarju minflok.   Imma anke qabel dan iż-żmien, dawk madwaru nnutaw b’mod frekwenti kemm kien iġorr ir-Rużarju.  Bl-imħabba tiegħu lejn Marija dejjem tikber, hu kiteb li Kristu ‘niżel mis-sema u għammar fostna u miet għalina.  Dan kollu jinsab fil-Kredu li fih it-tagħlim prinċipali tal-Kristjaneżmu.

Hu kiteb hekk dwar ir-Rużarju: ‘Fih aħna nikkontemplaw il-misteri l-kbar tal-ħajja tal-Mulej u t-twelid tiegħu fil-maxtura. Fih nikkontemplaw ukoll il-misteri tat-tbatija u tal-glorja tiegħu.  Imma anke l-Insara stess, ħafna drabi, bl-għarfien kollu li għandhom, għandhom aktar sens ta’ biża’ milli mħabba lejh.  Il-virtu’ speċjali tar-Rużarju jinsab f’dan il-mod ġdid kif ir-Rużarju jaħres lejh dawn il-misteri;  il-ħsibijiet tagħna fuqu jitħalltu ma’ dawk tagħna dwar Ommu u għalhekk quddiem titfaċċa l-Familja Mqaddsa, id-dar li fiha Alla għex.  Issa din il-familja anke minn perspettiva umana, hija meqjusa oġġett sagru; mela kemm aktar din il-familja hija marbuta ħaġa waħda b’rabtiet sopranaturali  għax hija l-familja li fiha għex il-Mulej Alla flimkien ma’ ommu’.

Il-kanonizzazzjoni

Wara li fl-2010 il-Papa Benedittu XVI bbeatifika lill-Kardinal John Henry Newman f’Birmingham fl-Ingilterra.  Issa jmiss li l-Papa Franġisku, nhar il-Ħadd 13 ta’ Ottubru, jgħodd lil Newman mal-qaddisin.  Dan huwa l-ewwel qaddis Ingliż mhux-martri kkanonizzat minn żmien ir-Riforma Protestanta.  Newman se jibqa’ jissemma għall-ħidma tiegħu mal-foqra u l-emarġinati ma’ Birmingham, għall-kontribut oriġinali għat-teoloġija u l-apoloġetika Kattolika u għall-intellett sublimi msieħeb minn ħajja ta’ qdusija; ħajtu hija prova kontinwa tan-nuqqasijiet akuti li jeżistu fi ħdan it-tradizzjoni Anglikana li – mdawla mill-grazzja t’Alla – tista’ biss twassal għat-tħaddin tal-fidi vera li għaddewlna l-appostli.

 

Kitba ta’ Fr Geoffrey George Attard