Laikos

 

ISTRUZZJONI TAL-“CONSILIUM”

U TAL-KONGREGAZZJONI MQADDSA TAR-RITI

MUSICAM SACRAM

5 ta’ Marzu 1967

 

Daħla

 

1. Il-mużika sagra kienet oġġett tal-ħsieb tal-Konċilju Vatikan II, u dan minħabba l-aspetti li għandhom rabta mar-riforma liturġika. Fil-fatt, il-Konċilju wera l-importanza tagħha fil-kult divin, u dwar hekk ippropona diversi prinċipji u normi fil-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa, u ddedikalha kapitlu sħiħ fl-istess Kostituzzjoni.

 

2. Id-deċiżjonijiet tal-Konċilju diġà ġew applikati fir-riforma liturġika li bdiet ftit ilu. Imma n-normi ġodda dwar l-ordinament tar-riti u s-sehem ħaj tal-fidili qanqlu xi diffikultajiet dwar il-mużika sagra u r-rwol ministerjali tagħha. Għalhekk deher ta’ siwi li nsolvu dawn id-diffikultajiet anki biex nixħtu aktar dawl fuq xi prinċipji li jinsabu fil-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa.

 

3. Għalhekk, il-“Consilium” għall-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa, inkarigat mill-Papa, fela bir-reqqa dawn il-kwistjonijiet u ħejja din l-Istruzzjoni, li ma għandhiex l-għan li tiġbor il-leġislazzjoni kollha fuq il-mużika sagra, imma biss li tindika n-normi prinċipali li jidhru l-aktar meħtieġa bħalissa. Hi trid kważi tkompli u tikkompleta l-Istruzzjoni ta’ qabilha ta’ din il-Kongregazzjoni, li wkoll tħejjiet mill-“Consilium”, dwar l-applikazzjoni eżatta tal-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa, u li ħarġet fis-26 ta’ Settembru 1964.

 

4. Nagħmlu sew nittamaw li r-Ragħajja tal-erwieħ, il-mużiċisti u l-fidili, waqt li jilqgħu mill-qalb u jpoġġu fil-prattika dawn in-normi, jgħaqqdu, f’fehma waħda, l-isforzi tagħhom biex jintlaħaq l-għan veru tal-mużika sagra, “li hu l-glorja ta’ Alla u l-qdusija tal-fidili”.[1]

a) Mużika sagra hi dik li, magħmula għaċ-ċelebrazzjoni tal-kult divin, hi mogħnija bi qdusija u tjieba tal-forom.[2]

b) Bl-isem ta’ Mużika sagra qed nifhmu, f’dan id-dokument: il-kant Gregorjan, il-polifonija sagra antika u moderna fid-diversi ġeneri tagħha, il-mużika sagra għall-orgni u strumenti oħra leġittimament ammessi fil-Liturġija, u l-kant popolari sagru, jiġifieri liturġiku u reliġjuż.[3]

 

I. XI NORMI ĠENERALI

 

5. L-azzjoni liturġika tilbes forma iktar għolja meta hi ċċelebrata bil-kant, bil-ministri ta’ kull grad jiżvolġu l-uffiċċju tagħhom, u bis-sehem tal-poplu.[4] Fil-fatt, f’din il-forma ta’ ċelebrazzjoni, it-talb jakkwista espressjoni iktar hienja, il-misteru tal-Liturġija mqaddsa u n-natura ġerarkika u komunitarja tagħha jiġu mmanifestati b’mod iżjed ċar, ir-rabta tal-qlub issir iżjed profonda bl-għaqda tal-ilħna, l-erwieħ jogħlew b’mod eħfef għall-ħwejjeġ tas-Sema permezz tal-ġmiel tal-ħwejjeġ qaddisa, u ċ-ċelebrazzjoni kollha tipprefigura b’mod iżjed ċar il-liturġija li sseħħ f’Ġerusalemm tas-Sema.

 

Għalhekk ir-Ragħajja tal-erwieħ għandhom iħabirku b’kull mod biex iwettqu din l-għamla ta’ ċelebrazzjoni; anzi, ħa jkunu jafu kif japplikaw sew, anki fiċ-ċelebrazzjonijiet bla kant, li fihom jieħu sehem il-poplu, it-tqassim tal-uffiċċji u tal-partijiet, li hu proprju tal-azzjoni liturġika ċċelebrata bil-kant, u jaraw fuq kollox li jkun hemm il-ministri meħtieġa u idonji u tiġi megħjuna l-parteċipazzjoni attiva tal-fidili. Il-preparazzjoni prattika ta’ kull ċelebrazzjoni liturġika għandha ssir b’fehma waħda fost dawk kollha li jridu jikkuraw il-parti ritwali jew pastorali jew tal-kant, taħt il-gwida tar-Rettur tal-knisja.

 

6. L-ordinament awtentiku taċ-ċelebrazzjoni liturġika jippresupponi qabelxejn it-tqassim u t-twettiq tajjeb tal-uffiċċji, fejn “kull wieħed, kemm jekk ministru kemm jekk fidil, waqt li jagħti s-sehem tiegħu, għandu jagħmel dak biss u dak kollu li skont in-natura tar-rit u dak li jitolbu n-normi liturġiċi għandu x’jaqsam miegħu”,[5] u dan jitlob ukoll li jiġu rrispettati s-sens u n-natura proprja ta’ kull parti u ta’ kull kant. Għalhekk hemm bżonn b’mod partikulari li l-partijiet, li minnhom infushom jitolbu l-kant, jiġu fil-fatt kantati, imma billi jintużaw il-ġeneru u l-forma mitluba min-natura tagħhom.

 

7. Bejn il-forma solenni l-iżjed sħiħa taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, li fiha dak kollu li jitlob il-kant jiġi fil-fatt kantat, u l-forma iżjed sempliċi, li fiha ma jintużax il-kant, jista’ jkun hemm diversi gradi, skont id-dimensjoni ikbar jew iżgħar li tingħata lill-kant. Madankollu, meta niġu biex nagħżlu l-partijiet li jitkantaw, għandna nibdew minn dawk li min-natura tagħhom huma ta’ importanza ikbar: qabelxejn dawk li jmissu lis-saċerdot u lill-ministri, li għalihom irid iwieġeb il-poplu, jew li jridu jitkantaw mis-saċerdot flimkien mal-poplu; imbagħad ftit ftit jiżdiedu dawk li huma tal-fidili waħidhom jew tal-ischola cantorum waħidha.

 

8. Kull darba li, għal ċelebrazzjoni liturġika bil-kant, tista’ ssir għażla ta’ persuni, tajjeb li wieħed jagħti preferenza lil dawk li huma iżjed kapaċi fil-kant; għandu jkun hekk fuq kollox meta hemm azzjonijiet liturġiċi iżjed solenni, ċelebrazzjonijiet li jitolbu kant iżjed diffiċli jew li jiġu trasmessi bir-radju jew bit-televiżjoni.[6]

 

Jekk imbagħad din l-għażla ma tkunx possibbli, u s-saċerdot jew il-ministru mhuwiex kapaċi jesegwixxi kif jixraq il-partijiet tal-kant, dawn jistgħu jingħadu b’vuċi għolja, u jiġu deklamati waħda jew iżjed mill-partijiet l-iżjed diffiċli li jmissu lilu; imma dan ma għandux ikun biss għall-kumdità tas-saċerdot jew tal-ministru.

 

9. Fl-għażla tal-ġeneru tal-mużika sagra, kemm għall-ischola cantorum u kemm għall-fidili, wieħed irid iqis il-possibbiltajiet ta’ dawk li jridu jkantaw. Il-Knisja ma teskludi mill-azzjonijiet liturġiċi ebda ġeneru ta’ mużika sagra, sakemm din tkun tikkorrispondi mal-ispirtu tal-azzjoni liturġika u man-natura tal-partijiet singoli,[7] u ma tfixkilx il-parteċipazzjoni tajba tal-fidili.[8]

 

10. Biex il-fidili jipparteċipaw b’mod attiv fil-liturġija iktar minn qalbhom u bi frott ikbar, jeħtieġ li l-forom taċ-ċelebrazzjoni u l-gradi tal-parteċipazzjoni jkunu varjati kif imiss, daqskemm hu possibbli, skont is-solennità tal-jiem u tal-ġemgħat.

 

11. Ta’ min iżomm quddiem għajnejh li l-vera solennità ta’ azzjoni liturġika tiddependi mhux tant mill-forma l-aktar għanja tal-kant jew tal-apparat l-aktar lussuż taċ-ċerimonji, imma pjuttost mill-mod denn u reliġjuż taċ-ċelebrazzjoni, li jqis l-integrità tal-azzjoni liturġika, jiġifieri tat-twettiq tal-partijiet kollha tagħha, skont in-natura tagħhom. L-aktar forma għanja tal-kant u l-apparat l-aktar lussuż taċ-ċerimonji huma, iva, xi kultant mixtieqa, jiġifieri meta jkun hemm il-possibbiltà li dan isir bil-mod xieraq; imma jkunu kuntrarji għas-solennità vera tal-azzjoni liturġika, jekk iwasslu biex jitħalla barra xi element minnha, jew biex tinbidel jew biex issir b’mod indenn.

 

12. Hi biss kompetenza tas-Sede Appostolika li tistabbilixxi, skont in-normi tradizzjonali, imma speċjalment skont il-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa, il-prinċipji ġenerali l-iżjed importanti, li huma bħall-fundament tal-mużika sagra. Dan id-dritt, fil-limiti stabbiliti, imiss ukoll lill-Konferenzi Episkopali, leġittimament imwaqqfa, u lill-Isqof.[9]

 

II. Il-parteċipanti fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi

 

13. L-azzjonijiet liturġiċi huma ċelebrazzjonijiet tal-Knisja, jiġifieri tal-poplu qaddis miġbur u ordnat taħt il-gwida tal-Isqof jew tas-saċerdot.[10] Fihom għandhom post partikulari, minħabba l-Ordni Sagri li rċivew, is-saċerdot u l-ministri tiegħu; u, minħabba l-uffiċċju li jwettqu, l-abbatini, il-lettur, il-kummentatur u l-membri tal-ischola cantorum.[11]

 

14. Is-saċerdot jippresiedi fuq il-ġemgħa mqaddsa fil-persuna ta’ Kristu. It-talbiet li hu jkanta jew jgħid b’vuċi għolja, għalkemm imlissna f’isem il-poplu qaddis kollu u dawk kollha preżenti,[12] għandhom jiġu mismugħa minn kulħadd b’mod devot.

 

15. Il-fidili jwettqu l-uffiċċju liturġiku tagħhom permezz ta’ dik il-parteċipazzjoni sħiħa, konxja u attiva li hi mitluba mill-istess natura tal-Liturġija u li għaliha l-poplu Nisrani għandu dritt u dmir bil-qawwa tal-Magħmudija.[13]

 

Din il-parteċipazzjoni:

a) għandha tkun qabelxejn interna: u biha l-fidili jwaħħdu l-ħsieb tagħhom mal-kliem li jlissnu jew jisimgħu, u jikkoperaw mal-grazzja divina;[14]

b) imma għandha tkun ukoll esterna: u b’din juru l-parteċipazzjoni interna permezz tal-ġesti u l-atteġġjament tal-ġisem, l-akklamazzjonijiet, it-tweġibiet u l-kant.[15]

 

Barra minn hekk, il-fidili għandhom jiġu edukati kif jerfgħu l-ħsieb tagħhom lejn Alla permezz tal-parteċipazzjoni interjuri, waqt li jisimgħu dak li l-ministri jew l-ischola jkunu jkantaw.

 

16. Ma hemm xejn iżjed solenni u festiv fiċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa minn ġemgħa li, kollha kemm hi, tesprimi bil-kant il-qima u l-fidi tagħha. Għalhekk is-sehem attiv tal-poplu kollu, li jidher bil-kant, għandna nippromovuh b’kull kura, billi nixmu ma’ dan l-ordni:

a) Jinkludi qabelxejn l-akklamazzjonijiet, it-tweġibiet għat-tislimiet tas-saċerdot u tal-ministri u għat-talbiet litaniċi; barra dawn, l-antifoni u s-salmi, il-versetti mtennija jew ritornelli, l-innijiet u l-kantiċi.[16]

b) B’katekeżi adatta u b’taħriġ prattiku, ftit ftit il-poplu ta’ Alla jitwassal għal parteċipazzjoni dejjem usa’, anzi għal waħda sħiħa f’dak kollu li jmiss lilu.

ċ) Madankollu, jista’ jiġi fdat f’idejn l-ischola waħidha xi kant tal-poplu, speċjalment jekk il-fidili għadhom mhumiex istruwiti biżżejjed, jew meta jintużaw kompożizzjonijiet mużikali b’iżjed minn vuċi waħda, sakemm il-poplu ma jiġix eskluż mill-partijiet l-oħra li jmissu lilu. Imma ma għandhiex tiġi approvata d-drawwa li jiġu fdati b’mod sħiħ lill-ischola cantorum waħidha l-partijiet kantati kollha tal-“Proprju” u tal-“Ordinarju”, fejn jiġi eskluż għalkollox il-poplu mill-parteċipazzjoni fil-kant.

 

17. Fejn hu ħinu, għandu jiġi osservat ukoll is-silenzju mqaddes.[17] Fil-fatt, permezz tiegħu, il-fidili ma jkunux jipparteċipaw fl-azzjoni liturġika bħal barranin jew spettaturi muti, imma jidħlu b’mod aktar intimu fil-misteru ċċelebrat, bil-qawwa tad-dispożizzjonijiet interni, li ġejjin mill-Kelma ta’ Alla li tinstema’, mill-kant u mit-talbiet li jitlissnu, u mix-xirka spiritwali mas-saċerdot li jlissen il-partijiet mistennija minnu.

 

18. Fost il-fidili għandhom jiġu mgħallma b’kura speċjali fil-kant sagru l-membri tal-għaqdiet reliġjużi tal-lajċi, biex jistgħu jgħinu b’mod iżjed effikaċi ħalli tiġi mwieżna u promossa l-parteċipazzjoni tal-fidili.[18] Il-formazzjoni tal-fidili kollha għall-kant għandha tiġi mħeġġa b’żelu u sabar, flimkien mal-formazzjoni liturġika, skont l-età, il-kundizzjoni, il-ġeneru tal-ħajja u l-grad ta’ kultura reliġjuża tal-istess fidili, ibda diġà mill-ewwel snin ta’ tagħlim fl-iskejjel primarji.[19]

 

19. Jixraqlu attenzjoni partikulari, minħabba s-servizz liturġiku li jwettaq, il-“kor” jew il-“kappella mużikali” jew “schola cantorum”.

 

Skont in-normi konċiljari dwar ir-riforma liturġika, ix-xogħol tiegħu sar ta’ sinifikat u importanza ikbar: fil-fatt hu jrid jieħu ħsieb l-eżekuzzjoni eżatta tal-partijiet proprji tiegħu, skont id-diversi ġeneri ta’ kant, b’mod li dejjem jiffavorixxi s-sehem attiv tal-fidili fil-kant.

 

Għalhekk:

a) għandu jkun hemm “kor” jew “kappella mużikali” jew “schola cantorum” u jiġu promossi b’kura, speċjalment fil-katidrali jew fil-knejjes l-oħra l-kbar, fis-seminarji u fid-djar tal-istudenti tar-reliġjużi;

b) hu opportun li jitwaqqfu “scholæ”, imqar jekk modesti, fil-knejjes minuri.

 

20. Il-kappelli mużikali li diġà jeżistu f’bażiliċi, katidrali, monasteri u knejjes oħra maġġuri, u li tul is-sekli kisbu merti kbar, huma u jħarsu u jiżviluppaw wirt mużikali ta’ valur inestimabbli, għandhom jiġu kkonservati, b’regolamenti proprji, riveduti u approvati mill-Ordinarji, għal ċelebrazzjoni tal-azzjonijiet sagri f’forma iżjed għanja.

 

Madankollu, is-surmastrijiet ta’ dawk l-ischolæ u r-Retturi tal-knejjes għandhom jaraw b’kura li l-fidili jistgħu dejjem jingħaqdu fil-kant, tal-inqas fit-twettiq tal-partijiet l-aktar faċli li jmissu lilhom.

 

21. Wieħed irid jara, speċjalment fejn ma hemmx il-possibbiltà li titwaqqaf lanqas schola modesta, li tal-inqas ikun hemm kantur wieħed jew tnejn, mgħallma biżżejjed, li jipproponu tal-inqas kant sempliċi għall-parteċipazzjoni tal-poplu, u jiggwidaw u jwieżnu b’mod opportun lill-fidili fit-twettiq ta’ dak li hu mistenni minnhom. Tajjeb li jkun hemm kantur bħal dan anki fil-knejjes li għandhom schola, għal dawk iċ-ċelebrazzjonijiet li fihom l-ischola ma tistax tipparteċipa, u li madankollu għandhom isiru b’ċerta solennità, u allura bil-kant.

 

22. L-ischola cantorum, skont id-drawwiet leġittimi tad-diversi pajjiżi u d-diversi sitwazzjonijiet konkreti, tista’ tkun magħmula kemm minn irġiel u tfal, kemm minn irġiel biss jew minn tfal biss, kemm minn irġiel u nisa, u anki, fejn il-każ tassew jitlob dan, minn nisa waħidhom.

 

23. L-ischola cantorum, waqt li tqis id-dispożizzjoni ta’ kull knisja, għandha tkun f’post fejn:

a) tidher ċara n-natura tagħha: jiġifieri li hi tagħmel parti mill-ġemgħa tal-fidili u qed tiżvolġi uffiċċju partikulari tagħha;

b) jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-ministeru liturġiku tagħha;[20]

ċ) tiġi żgurata għal kull wieħed mill-membri tagħha l-kumdità li jieħu sehem fil-Quddiesa bl-iktar mod sħiħ, jiġifieri bis-sehem sagramentali;

Meta mbagħad l-ischola cantorum ikun fiha nisa wkoll, għandha tkun ’il barra mill-presbiterju.

 

24. Barra l-formazzjoni mużikali, lill-membri tal-ischola cantorum għandha tingħatalhom ukoll formazzjoni liturġika u spiritwali xierqa, b’mod li mit-twettiq eżatt tal-uffiċċju liturġiku tagħhom, joħorġu mhux biss id-dekor tal-azzjoni sagra u l-edifikazzjoni tal-fidili, imma anki ġid spiritwali veru għall-istess kanturi.

 

25. Biex tiġi żgurata b’mod iżjed faċli din il-formazzjoni teknika u spiritwali, għandhom jgħinu l-għaqdiet djoċesani, nazzjonali u internazzjonali ta’ mużika sagra, u speċjalment dawk approvati u iktar minn darba rrakkomandati mis-Sede Appostolika.

 

26. Is-saċerdot ċelebrant, il-ministri sagri jew l-abbatini, il-letturi, il-membri tal-ischola cantorum u l-kummentatur iwettqu l-partijiet assenjati lilhom b’mod li jinftiehem sewwa, biex hekk jagħmlu iżjed faċli u kważi naturali t-tweġibiet tal-fidili, fejn dan hu mitlub mir-rit. Tajjeb li s-saċerdot u l-ministri ta’ kull grad jgħaqqdu leħinhom mal-leħen tal-ġemgħa kollha fil-partijiet li jmissu lill-poplu.[21]

 

III. Il-kant fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa

 

27. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, bis-sehem tal-poplu, speċjalment fil-Ħdud u fil-jiem ta’ festa, il-preferenza hi, sa fejn hu possibbli, li tintuża l-forma tal-Quddiesa bil-kant anki iżjed minn darba fl-istess jum.

 

28. Tibqa’ tgħodd id-distinzjoni bejn Quddiesa solenni, Quddiesa kantata u Quddiesa letta, stabbilita mill-Istruzzjoni tal-1958 (n. 3), skont it-tradizzjoni u l-liġijiet liturġiċi attwali. Madankollu, għal raġunijiet pastorali, huma proposti għall-Quddiesa kantata gradi ta’ parteċipazzjoni, b’mod li jkun iżjed faċli, skont il-possibbiltajiet ta’ kull ġemgħa liturġika, li l-kant jagħmel iżjed solenni ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. It-tħaddim ta’ dawn il-gradi jiġi rregolat hekk: l-ewwel wieħed jista’ jintuża anki waħdu; it-tieni u t-tielet, integralment jew parzjalment, jintużaw biss jekk mal-ewwel. Għalhekk wieħed irid jara li jmexxi dejjem lill-fidili għas-sehem sħiħ fil-kant.

 

29. L-ewwel grad jinkludi fih:

a) fir-Riti tal-bidu:

it-tislima tas-saċerdot ċelebrant bit-tweġiba tal-fidili;

il-kolletta;

b) fil-Liturġija tal-Kelma:

l-akklamazzjonijiet għall-Vanġelu;

ċ) fi-Liturġija Ewkaristika:

it-talba fuq l-offerti;

il-prefazju, bid-djalogu u s-Sanctus;

id-dossoloġija finali tal-Kanoni;

il-Pater noster bl-istedina ta’ qabel u l-emboliżmu:

il-Pax Domini;

it-talba ta’ wara t-tqarbin;

il-formuli tal-aħħar.

 

30. It-tieni grad jinkludi fih:

a) il-Kyrieil-Gloria u l-Agnus Dei;

b) il-Credo;

ċ) it-talbiet tal-fidili.

 

31. It-tielet grad jinkludi:

a) il-kant proċessjonali tad-dħul u tat-tqarbin;

b) il-kant bejn il-lezzjonijiet wara l-qari jew l-epistola;

ċ) l-Hallelujah qabel il-Vanġelu;

d) il-kant tal-offertorju;

e) il-qari tal-Iskrittura Mqaddsa, sakemm ma jitqiesx iktar opportun li jiġi mxandar bla ma jitkanta.

 

32. L-użu leġittimament permess f’xi postijiet, ikkonfermat ukoll ’l hawn u ’l hemm b’indult, li l-kant tad-dħul, tal-offertorju u tat-tqarbin li jinsab fil-Gradwal isiru floku testi oħra, jista’ jinżamm, skont il-ġudizzju tal-awtorità kompetenti tal-post, sakemm dan il-kant ikun ta’ siwi għal dak il-mument partikulari tal-Quddiesa, għall-festa jew għaż-żmien liturġiku li jkun. L-istess awtorità tal-post għandha tapprova t-test ta’ dan il-kant.

 

33. Tajjeb li l-ġemgħa tipparteċipa, sa fejn hu possibbli, fil-kant tal-“Proprju”; speċjalment b’ritornelli faċli jew forom mużikali konvenjenti.

 

Fost il-kant tal-“Proprju” għandu importanza partikulari l-kant interrelazzjonali f’forma ta’ gradwal jew ta’ salm responsorjali. Dan, min-natura tiegħu stess, jagħmel parti mil-Liturġija tal-Kelma; għalhekk għandu jsir waqt li kulħadd ikun bilqiegħda u f’atteġġjament ta’ smigħ, anzi, daqskemm hu possibbli, bis-sehem tal-ġemgħa.

 

34. Il-kant li jagħmel l-Ordinarju tal-Quddiesa, jekk jitkanta fuq kompożizzjonijiet mużikali b’iżjed minn vuċi waħda, jista’ jiġi esegwit mill-ischola fil-mod tradizzjonali, jiġifieri jew a cappella jew b’akkumpanjament, sakemm, madankollu, il-poplu ma jitħalliex barra għalkollox mill-parteċipazzjoni fil-kant.

 

Fil-każijiet l-oħra, il-kant tal-Ordinarju tal-Quddiesa jista’ jitqassam bejn l-ischola u l-poplu, jew anki bejn żewġ korijiet tal-poplu stess, jiġifieri b’mod li t-tqassim isir b’versetti alternati, jew b’mod ieħor iżjed konvenjenti, li jqis taqsim iżjed wiesa’ tat-test.

 

F’dawn il-każi, madankollu, ta’ min iżomm quddiem għajnejh li:

Il-Credobilli hu l-formula tal-istqarrija tal-fidi, preferibbilment jitkanta minn kulħadd, jew b’mod li jippermetti parteċipazzjoni xierqa tal-fidili.

Is-Sanctus, bħala akklamazzjoni finali tal-prefazju, preferibbilment jitkanta, ordinarjament mill-ġemgħa kollha, flimkien mas-saċerdot.

— L-Agnus Dei jista’ jiġi mtenni kemm hemm bżonn, speċjalment fiċ-ċelebrazzjoni, waqt il-Qsim tal-Ħobż. Tajjeb li l-poplu jipparteċipa f’dan il-kant, tal-inqas bl-invokazzjoni finali.

 

35. Jixraq li l-Pater noster jitkanta mill-poplu flimkien mas-saċerdot.[22] Jekk jitkanta bil-Latin, jintużaw il-melodiji approvati diġà eżistenzi; jekk jitkanta bl-ilsien tal-post, il-melodiji għandhom ikunu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-post.

 

36. Xejn ma jżomm milli fil-Quddies lett titkanta xi parti mill-“Proprju” jew mill-“Ordinarju”. Anzi, xi kultant jista’ jintuża wkoll kant ieħor fil-bidu, fl-offertorju, fit-tqarbin jew fl-aħħar tal-Quddiesa: imma mhuwiex biżżejjed li jkun kant “Ewkaristiku”, imma jrid jaqbel ma’ dak il-mument partikulari tal-Quddiesa, mal-festa jew maż-żmien liturġiku li jkun.

 

IV. Il-kant tal-Uffiċċju Divin

 

37. Iċ-ċelebrazzjoni bil-kant tal-Uffiċċju Divin hija l-forma li tixraq l-aktar għan-natura ta’ din it-talba u hi sinjal ta’ solennità iktar sħiħa u ta’ għaqda iktar profonda tal-qlub fiċ-ċelebrazzjoni tat-tifħir lil Alla. Skont ix-xewqa espressa tal-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa, din il-forma hi rrakkomandata qatigħ għal dawk li jiċċelebraw l-Uffiċċju Divin f’kor jew f’komunità.[23]

 

Tajjeb li huma tal-inqas ikantaw xi parti mill-Uffiċċju Divin u b’mod partikolari s-Sigħat prinċipali, jiġifieri t-Tifħir u l-Għasar, fuq kollox il-Ħadd u fil-jiem ta’ festa.

 

Anki kjeriċi oħra li għal raġuni ta’ studju jgħixu ħajja komuni, jew jiltaqgħu f’xi okkażjoni ta’ eżerċizzi spiritwali jew ta’ konvenji oħra, għandhom iqaddsu b’mod opportun il-laqgħat tagħhom biċ-ċelebrazzjoni bil-kant ta’ xi partijiet tal-Uffiċċju Divin.

 

38. Fiċ-ċelebrazzjoni bil-kant tal-Uffiċċju Divin, waqt li jibqa’ jiġi rrispettat id-dritt attwali għal dawk li huma obbligati għall-kor u kull indult partikulari, jista’ jiddaħħal il-prinċipju tas-solennizzazzjoni progressiva: jiġifieri jistgħu jitkantaw dawk il-partijiet li min-natura tagħhom huma iżjed direttament iddestinati għall-kant, bħad-djalogi, l-innijiet, il-versetti, il-kantiċi, u jiġu rreċitati l-oħrajn.

 

39. Il-fidili għandhom jiġu mistiedna, u jiġu edukati b’katekeżi tajba, biex jiċċelebraw b’mod komuni, il-Ħadd u fil-jiem ta’ festa, xi partijiet mill-Uffiċċju Divin, speċjalment l-Għasar jew Sigħat oħra, skont id-drawwa tal-post u tad-diversi komunitajiet. Ġeneralment jiġu indirizzati l-fidili, u b’mod partikulari dawk l-iżjed istruwiti, kif jużaw fit-talb tagħhom is-salmi, mifhuma fis-sens Nisrani tagħhom, biex hekk ftit ftit jiġu inizjati kif jużaw u jiggustaw aktar it-talba pubblika tal-Knisja.

 

40. Din l-inizjazzjoni tiġi żgurata b’mod partikulari għall-membri tal-Istituti li jipprofessaw il-kunsilli evanġeliċi, biex minnha jiksbu għana aktar kotran li bih irejqu l-ħajja spiritwali tagħhom. U tajjeb li huma jiċċelebraw anki bil-kant, skont kemm hu possibbli, is-Sigħat prinċipali, biex jipparteċipaw iktar intensament fit-talba pubblika tal-Knisja.

 

41. Skont in-norma tal-Kostituzzjoni fuq l-Iskrittura Mqaddsa, skont it-tradizzjoni ta’ sekli sħaħ tar-rit Latin, għall-kjeriċi tinżamm fl-Uffiċċju Divin, iċċelebrat f’kor, il-lingwa Latina.[24]

 

Imma billi l-istess Kostituzzjoni fuq l-Iskrittura Mqaddsa tipprevedi l-użu tal-ilsien tal-post fl-Uffiċċju Divin, kemm għall-fidili u kemm għall-monaċi nisa u għall-membri, mhux kjeriċi, tal-Istituti li jipprofessaw il-kunsilli evanġeliċi,[25] għandha tiġi kkurata l-preparazzjoni tal-melodiji biex jintużaw fil-kant tal-Uffiċċju Divin fl-ilsien tal-post.

 

V. Il-mużika sagra fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti u tas-sagramentali, b’mod partikulari azzjonijiet sagri tas-sena liturġika, fiċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa tal-Kelma ta’ Alla u fit-taħriġ devot u qaddis 

 

42. Skont il-prinċipju li tana l-Konċilju, jiġifieri li “kull meta r-riti, skont in-natura nfisha ta’ kull wieħed, jitolbu ċelebrazzjoni komuni, bil-preżenza u sehem ħaj tal-fidili, għandna nisħqu li sakemm hu possibbli din hi ta’ min jippreferiha għaċ-ċelebrazzjoni individwali u kważi privata”,[26] minn dan bilfors toħroġ l-importanza li għandha tingħata lill-kant, bħala mezz dejjem adatt biex juri l-aspett “ekkleżjali” taċ-ċelebrazzjoni.

 

43. Xi ċelebrazzjonijiet tas-Sagramenti u tas-Sagramentali li għandhom importanza partikulari fil-ħajja tal-komunità parrokkjali kollha, bħalma huma l-Griżma, l-Ordni Sagri, iż-Żwieġ, il-Konsagrazzjoni ta’ knisja jew ta’ altar, il-funeral, u oħrajn, sakemm hu possibbli, għandhom isiru bil-kant, b’mod li anki s-solennità tar-rit tikkontribwixxi b’riżq effikaċja pastorali ikbar. Imma rridu nieħdu ħafna ħsieb li nevitaw li, taħt id-dehra tas-solennità, fiċ-ċelebrazzjonijiet jidħol xi aspett purament profan jew li ma jixraqx lill-kult: dan għandu jiġi applikat speċjalment għaċ-ċelebrazzjonijiet taż-żwieġ.

 

44. Jingħataw aktar solennità permezz tal-kant dawk iċ-ċelebrazzjonijiet li l-liturġija tagħtihom, matul is-sena liturġika, sinifikat speċjali.

 

Imma b’mod għalkollox partikulari għandha tingħata s-solennità dovuta lir-riti mqaddsa tal-Ġimgħa Mqaddsa, li, permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Għid, iwasslu lill-fidili għall-istess qalba tas-sena liturġika u tal-liturġija kollha.

 

45. Anki għal-liturġija tas-Sagramenti u tas-Sagramentali u għall-azzjonijiet sagri prinċipali l-oħra tas-sena liturġika għandhom jitħejjew il-melodiji opportuni, biex nippromovu f’forma iżjed solenni ċ-ċelebrazzjoni tagħhom anki fl-ilsien tal-post, skont in-normi mogħtija mill-awtorità kompetenti u l-possibbiltajiet ta’ kull ġemgħa.

 

46. Kbira hi l-effikaċja tal-mużika sagra biex isseddaq id-devozzjoni tal-fidili anki fiċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa tal-Kelma ta’ Alla u fit-taħriġ devot u qaddis.

 

Fiċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa tal-Kelma ta’ Alla[27] għandha tittieħed bħala mudell il-Liturġija tal-Kelma tal-Quddiesa;[28] fit-taħriġ devot u qaddis ikunu ta’ siwi kbir b’mod speċjali s-salmi, l-opri ta’ mużika sagra meħuda mir-repertorju antik u modern, l-għana reliġjuż popolari u l-ħoss tal-orgni u ta’ strumenti oħra iktar karatteristiċi. Barra minn hekk, f’dan it-taħriġ devot u qaddis u speċjalment fiċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa tal-Kelma ta’ Alla, jistgħu joqogħdu sew ħafna wkoll xi opri mużikali li, imqar jekk ma għadx għandhom post fil-liturġija, jistgħu madankollu jseddqu l-ispirtu reliġjuż jew jgħinu fil-meditazzjoni tal-misteri mqaddsa.[29]

 

VI. Liema lingwa tintuża fl-azzjonijiet liturġiċi ċċelebrati bil-kant, u kif jinżamm il-patrimonju ta’ mużika sagra

 

47. Skont il-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa, “l-użu tal-ilsien Latin għandu jinżamm fir-riti Latini, barra f’każ ta’ xi dritt partikolari”.[30] Imma billi “bosta drabi l-użu tal-ilsien tal-pajjiż jista’ jkun ta’ fejda kbira għan-nies”,[31] “ikun imiss lill-awtoritajiet kompetenti tal-Knisja tal-post… li jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar l-użu u kif għandu jintuża l-ilsien tal-pajjiż; dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu approvati jew ikkonfermati mis-Sede Appostolika”.[32]

 

Għalhekk, fir-rispett sħiħ ta’ dawn in-normi, tintgħażel il-forma ta’ parteċipazzjoni li twieġeb l-aħjar għall-possibbiltajiet ta’ kull ġemgħa.

 

Ħa jaraw ir-Ragħajja tal-erwieħ li, barra bil-lingwa tal-post, “il-fidili jistgħu jgħidu jew ikantaw flimkien ukoll bl-ilsien Latin dawk il-partijiet tal-Ordinarju tal-Quddiesa li għandhom x’jaqsmu magħhom”.[33]

 

48. Hemm fejn ġie mdaħħal l-użu tal-ilsien tal-post fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, l-Ordinarji tal-post jiġġudikaw x’opportunitajiet hemm li jżommu Quddiesa waħda jew iżjed bl-ilsien Latin, speċjalment bil-kant, f’xi knejjes, fuq kollox tal-bliet il-kbar, fejn jattendu f’għadd ikbar fidili ta’ diversi ilsna.

 

49. Dwar l-użu tal-ilsien Latin jew tal-post fiċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa fis-seminarji, għandhom jiġu osservati n-normi mogħtija mill-Kongregazzjoni Mqaddsa tas-Seminarji u tal-Universitajiet tal-Istudji dwar il-formazzjoni liturġika tal-kjeriċi.

 

Il-membri tal-Istituti li jipprofessaw il-kunsilli evanġeliċi fuq dan il-punt għandhom josservaw dak li ġie stabbilit fl-Ittra Appostolika Sacrificium Laudis tal-15 ta’ Awwissu 1966, u fl-Istruzzjoni dwar il-lingwa li għandha tintuża fl-Uffiċċju Divin u fil-Quddiesa konventwali jew ta’ komunitajiet reliġjużi, maħruġa minn din il-Kongregazzjoni Mqaddsa tar-Riti fit-23 ta’ Novembru 1965.

 

50. Fl-azzjonijiet liturġiċi bil-kant iċċelebrati bl-ilsien Latin:

a) Il-kant Gregorjan, bħala kant proprju tal-Liturġija Rumana, għandu jingħata l-ewwel post, sakemm ma jkunx hemm bidliet oħra.[34] Il-melodiji eżistenti fl-edizzjonijiet tipiċi għandhom jintużaw bil-mod l-aktar opportun.

b) “Jixraq ukoll li titħejja għall-użu tal-knejjes żgħar edizzjoni li tiġbor fiha melodiji aktar ħfief”.[35]

ċ) Il-kompożizzjonijiet mużikali ta’ ġeneru ieħor, b’vuċi waħda jew aktar, li jagħmlu parti mill-patrimonju tradizzjonali, jew kontemporanji, għandhom jinżammu b’ġieħ, jitkattru u jiġu esegwiti skont il-possibbiltà.[36]

 

51. Barra minn hekk, waqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet tal-ambjent, is-siwi pastorali għall-fidili u n-natura ta’ kull ilsien, ir-Ragħajja tal-erwieħ għandhom jaraw jekk – barra milli waqt l-azzjonijiet liturġiċi ċċelebrati bil-Latin – parti mill-wirt ta’ mużika sagra, minsuġa fis-sekli ta’ qabel għal testi f’lingwa Latina, tistax tintuża wkoll fiċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru fl-ilsien tal-post. Fil-fatt xejn ma jżomm li fl-istess ċelebrazzjoni jitkantaw xi partijiet fi lsien ieħor.

 

52. Biex nikkonservaw il-patrimonju tal-mużika sagra u biex niffavorixxu kif jixraq il-forom ġodda tal-kant sagru, “għandha tingħata importanza kbira lill-formazzjoni u l-prattika mużikali fis-seminarji, fid-djar tan-novizzjat u tat-tagħlim tar-reliġjużi rġiel u nisa, u wkoll fl-istituti l-oħra u fl-iskejjel Kattoliċi”, speċjalment fl-Istituti superjuri maħluqa għal dan il-għan.[37] Ħa joktor qabelxejn l-istudju u l-użu tal-kant Gregorjan li, minħabba l-karatteristiċi tiegħu, huwa bażi importanti fl-edukazzjoni għall-mużika sagra.

 

53. Il-kompożizzjonijiet ġodda ta’ mużika sagra għandhom jaqblu fedelment mal-prinċipji u man-normi esposti. Għalhekk “għandhom jikkomponu melodiji li jkollhom il-kwalitajiet ta’ mużika tassew qaddisa u li jkunu jistgħu jitkantaw mhux biss minn Scholæ Cantorum kbar, iżda jkunu tajbin ukoll għal Scholæ żgħar, u jġibu ’l quddiem is-sehem ħaj tal-ġemgħa kollha tal-fidili”.[38]

 

F’dak li jmiss ir-repertorju tradizzjonali, qabelxejn ħa jingħataw importanza dawk il-partijiet li jwieġbu għall-esiġenzi tal-Liturġija mqaddsa mġedda; barra minn hekk, l-esperti fil-materja għandhom iqisu bir-reqqa jekk anki partijiet oħra jistgħux jiġi addattati għall-istess esiġenzi; dak li fl-aħħar mill-aħħar assolutament ma jweġbx għan-natura tal-azzjoni liturġika jew għaċ-ċelebrazzjoni ta’ siwi pastorali tagħha, għandu jiġi ttrasferit b’mod opportun għal taħriġ devot u, iżjed u iżjed, għaċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa tal-Kelma ta’ Alla.[39]

 

VII. Il-preparazzjoni tal-melodiji għat-testi bl-ilsien tal-post

 

54. Meta jittraduċu fl-ilsien tal-post il-partijiet biex jiġu mmużikati, u speċjalment is-salmi, l-esperti għandhom jaraw li fit-test tal-ilsien tal-post ikunu mżewġa b’mod tajjeb il-fedeltà għat-test Latin u l-adattabbiltà għall-kant: f’din il-ħidma, iridu jagħtu kas tan-natura u tal-liġijiet ta’ kull lingwa u tan-natura u tal-karatteristiċi ta’ kull poplu. Din il-kumplessività kollha ta’ fatti, flimkien mal-liġijiet tal-mużika sagra, għandhom iżommuhom quddiem għajnejhom ukoll il-mużiċisti huma u jħejju l-melodiji ġodda.

 

L-awtorità kompetenti tal-post għandha tara li fil-kummissjoni inkarigata biex tħejji t-traduzzjoni għal-lingwa tal-post ikun hemm esperti fl-hekk imsejħa dixxiplini u fl-ilsien Latin u dak tal-post: dawn kollha għandhom jaħdmu f’kollaborazzjoni sħiħa sa mill-bidu.

 

55. Hi l-awtorità kompetenti tal-post li tistabbilixxi jekk test fl-ilsien tal-post, li wasal mill-imgħoddi, u hu marbut ma’ melodija, jistax jintuża anki meta ma jaqbilx kompletament mal-verżjoni tat-testi liturġiċi leġittimament approvata.

 

56. Fost il-melodiji li għandhom jitħejjew għat-testi fl-ilsna tal-post, għandhom importanza partikulari dawk proprji tas-saċerdot ċelebrant u tal-ministri, sew dawk li jridu jkantawhom waħidhom jew flimkien mal-ġemgħa jew fi djalogu magħha. Xħin jiġu biex jikkomponuhom, il-mużiċisti għandhom jaraw jekk il-melodiji tradizzjonali tal-liturġija Latina, użati għal dan il-għan, jistgħux jissuġġerixxu melodiji anki għat-testi fl-ilsien tal-post.

 

57. Il-melodiji ġodda għas-saċerdot u l-ministri għandhom ikunu approvati mill-Awtorità kompetenti tal-post.[40]

 

58. Il-Konferenzi Episkopali konċernati għandhom jaraw li jkun hemm traduzzjoni waħda għal kull lingwa mitkellma f’iktar minn reġjun wieħed. Għandu jkun hemm ukoll, sa fejn hu possibbli, melodija jew aktar komuni għall-partijiet tas-saċerdot ċelebrant u tal-ministri u għat-tweġibiet u l-akklamazzjonijiet tal-poplu; u dan biex jiffavorixxu l-parteċipazzjoni komuni tal-fidili tal-istess lingwa.

 

59. Il-kompożituri għandhom jersqu għal din l-opra ġdida bl-impenn li jissoktaw dik it-tradizzjoni mużikali li lill-Knisja rregalatilha patrimonju veru għall-kult divin. Jistudjaw l-opri tal-imgħoddi, il-ġeneri tagħhom u l-karatteristiċi tagħhom, imma jqisu wkoll b’attenzjoni l-liġijiet il-ġodda u l-esiġenzi ġodda tal-Liturġija mqaddsa, biex hekk it-“tiġdid… isir b’manjiera li tkun b’xi mod torbot organikament mal-forma liturġika ġa eżistenti”,[41] u l-opri ġodda jifformaw parti ġdida mill-patrimonju mużikali tal-Knisja, u ma jagħmlux għajb lill-patrimonju tal-imgħoddi.

 

60. Il-melodiji ġodda għat-testi fl-ilsna tal-post ċertament għandhom bżonn ta’ perjodu ta’ esperjenza biex jistgħu jilħqu biżżejjed maturità u perfezzjoni. Madankollu wieħed għandu jevita li, imqar bil-pretest biss li qed isiru esperimenti, fil-knejjes isiru tentattivi li ma jixirqux lill-qdusija tal-post, lid-dinjità tal-azzjoni liturġika u lill-pjetà tal-fidili.

 

61. L-adattament tal-mużika sagra fir-reġjuni li għandhom tradizzjoni mużikali tagħhom, speċjalment fil-Missjonijiet,[42] jesiġi preparazzjoni partikulari min-naħa tal-esperti: fil-fatt hawn wieħed irid jagħraf iħallat b’mod opportun is-sens tas-sagru mal-ispirtu, it-tradizzjonijiet u l-espressjonijiet karatteristiċi ta’ dawk il-popli. Dawk li jiddedikaw ruħhom għal din il-ħidma għandu jkollhom biżżejjed għarfien kemm tal-liturġija u tat-tradizzjoni mużikali tal-Knisja, u kemm tal-lingwa, tal-kant popolari u tal-espressjonijiet karatteristiċi tal-popli li għalihom ikunu qed jagħmlu l-opra tagħhom.

 

VIII. Il-mużika sagra strumentali

 

62. L-istrumenti mużikali jistgħu jkunu ta’ siwi kbir fiċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa, kemm dawk li jakkumpanjaw il-kant u kemm dawk li jindaqqu waħidhom. “Fil-Knisja Latina l-orgni bit-tubi għandu jinżamm f’qima kbira bħala strument tradizzjonali tal-mużika li l-leħen tiegħu jagħni bi sbuħija tal-għaġeb iċ-ċerimonji tal-Knisja u jgħolli b’qawwa l-ħsieb lejn Alla u l-ħwejjeġ tas-Sema.

 

Madankollu strumenti oħra jistgħu jiddaħħlu fil-kult divin skont il-ġudizzju u bil-kunsens tal-awtorità kompetenti tal-post, basta jkunu addattati jew jistgħu jiġu addattati għall-użu qaddis, ikunu jixirqu għad-dinjità tat-tempju, u jwasslu għall-edifikazzjoni tal-fidili”.[43]

 

63. Il-permess tal-użu tal-istrumenti mużikali u l-istess użu tagħhom għandhom iżommu quddiem għajnejhom il-karattru u t-tradizzjonijiet ta’ kull poplu. Madankollu l-istrumenti li, skont il-ġudizzju u l-użu komuni, huma proprji tal-mużika profana, għandhom jitħallew kompletament barra minn kull azzjoni liturġika u t-taħriġ devot u qaddis.[44] L-istrumenti mużikali kollha, ammessi għall-kult divin, għandhom jintużaw b’mod li jwieġeb għall-esiġenzi tal-azzjoni sagra u jkun ta’ servizz għad-dekor tal-kult divin u tal-edifikazzjoni tal-fidili.

 

64. L-użu ta’ strumenti mużikali biex isieħbu l-kant, jista’ jwieżen il-vuċijiet, jiffaċilita l-parteċipazzjoni u jagħmel iżjed profonda l-għaqda tal-ġemgħa kollha. Madankollu l-ħoss tagħhom ma għandux jgħatti l-vuċijiet, u hekk jagħmilha diffiċli li wieħed jifhem it-test; anzi, l-istrumenti mużikali jieqfu meta s-saċerdot ċelebrant jew ministru, fit-taħriġ tal-uffiċċju tagħhom, ilissnu b’vuċi għolja test li jmiss lilhom.

 

65. Fil-Quddies kantat jew lett jista’ jintuża l-orgni, jew strument ieħor leġittimament permess biex jakkumpanja l-kant tal-ischola cantorum u tal-fidili; l-istess strumenti mużikali, waħidhom, jistgħu jindaqqu fil-bidu, qabel ma s-saċerdot jitla’ fuq l-altar, fl-offertorju, fit-tqarbin u fi tmiem il-Quddiesa.

 

L-istess norma, bl-adattamenti meħtieġa, tgħodd anki għall-azzjonijiet sagri l-oħra.

 

66. Il-ħoss, waħdu, ta’ dawn l-istess strumenti mużikali mhux permess fl-Avvent, fir-Randan, fit-Tridu Mqaddes, fil-Quddies u fl-Uffiċċji tal-Mejtin.

 

67. Huwa indispensabbli li l-organisti u l-mużiċisti l-oħra, barra li jkollhom kompetenza xierqa fl-użu tal-istrument tagħhom, ikunu familjari u mdaħħla b’mod intimu fl-ispirtu tal-Liturġija mqaddsa hekk li, anki jekk ikollhom jimprovizzaw, jiżguraw id-dekor taċ-ċelebrazzjoni mqaddsa, skont il-vera natura tad-diversi partijiet tagħha, u jiffavorixxu l-parteċipazzjoni tal-fidili.[45]

 

IX. Il-kummissjonijiet għall-mużika sagra

 

68. Il-Kummissjonijiet djoċesani tal-mużika sagra huma ta’ għajnuna valida biex fid-djoċesi jippromovu l-mużika sagra f’sintonija mal-azzjoni liturġika pastorali.

 

Għandhom għalhekk ikunu jeżistu, sa fejn hu possibbli, f’kull djoċesi, u jaħdmu f’kollaborazzjoni stretta mal-Kummissjoni Liturġika. Anzi, spiss hu opportun li miż-żewġ kummissjonijiet tiġi ffurmata waħda, magħmula minn esperti fiż-żewġ dixxiplini; dan jgħin biex jintlaħaq aktar faċilment ir-riżultat mixtieq. Hu rrakkomandat ukoll mhux ftit li iżjed djoċesijiet flimkien ikollhom Kummissjoni waħda, jekk dan ikun ta’ siwi, biex joħolqu uniformità ikbar f’reġjun wieħed u jikkonċentraw b’iktar frott il-forzi li għandhom għad-dispożizzjoni.

 

69. Il-Kummissjoni Liturġika, li tajjeb li tkun imwaqqfa fi ħdan il-Konferenza Episkopali,[46] għandha turi interess ukoll fil-mużika sagra; għalhekk trid tinkludi fost il-membri tagħha esperti ta’ mużika sagra. Tajjeb li din il-kummissjoni żżomm relazzjoni mhux biss mal-Kummissjonijiet djoċesani, imma anki mal-assoċjazzjonijiet mużikali l-oħra li jeżistu fir-reġjun. L-istess jgħodd ukoll għall-Istitut pastorali liturġiku li dwaru jitkellem l-art. 44 tal-Kostituzzjoni.

 

Din l-Istruzzjoni ġiet approvata mill-Qdusija Tiegħu Pawlu VI, fl-udjenza mogħtija lill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Arcadio M. Larraona, Prefett ta’ din il-Kongregazzjoni Mqaddsa, fid-9 ta’ Frar 1967. Il-Papa kkonfermaha wkoll bl-awtorità tiegħu, u ordna li tiġi ppubblikata, u stabbilixxa li tidħol fis-seħħ nhar l-14 ta’ Mejju 1967, il-Ħadd ta’ Għid il-Ħamsin. Minkejja kull dispożizzjoni kuntrarja.

 

Ruma, 5 ta’ Marzu 1967, Ħadd “Lætare, ir-Raba’ tar-Randan.

 

Kardinal GIACOMO LERCARO

Arċisqof ta’ Bologna,

President tal-“Consilium” għat-twettiq

tal-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa

 

Kardinal ARCADIO M. LARRAONA

Prefett tal-Kongregazzjoni Mqaddsa tar-Riti

 

FERDINANDO ANTONELLI

Arċisqof Titulari ta’ Idicra,

Segretarju tal-Kongregazzjoni Mqaddsa tar-Riti

 

 

 

miġjuba għall-Malti minn Francesco PIo Attard


 

[1] SC 112.

[2] Ara San Piju X, Motu proprju Tra le sollecitudini, 22 ta’ Novembru 1903, n. 2 (ASS 36 [1903-l904] 332).

[3] Ara Kongregazzjoni Mqaddsa tar-Riti, Istruzzjoni fuq il-mużika sagra u l-Liturġija mqaddsa, 3 ta’ Settembru 1958, n. 4 (AAS 50 [1958] 633).

[4] Ara SC 128.

[5] Ara SC 28.

[6] Kongregazzjoni Mqaddsa tar-Riti, Istruzzjoni fuq il-mużika sagra u l-Liturġija mqaddsa, n. 95 (AAS 50 [1958] 656-657).

[7] Ara SC 116.

[8] Ara SC 28.

[9] Ara SC 22.

[10] Ara SC 26 u 41-42, LG 28.

[11] Ara SC29.

[12] Ara SC 33

[13] Ara SC 14.

[14] Ara SC 11.

[15] Ara SC 31.

[16] Ara SC 30

[17] Ara SC 30.

[18] Ara Inter Oecumenici, 19 u 59.

[19] Ara SC 19; Kongregazzjoni Mqaddsa tar-Riti, Istruzzjoni fuq il-mużika sagra u l-Liturġija mqaddsa, nn. 106-108 (AAS 50 [1958] 660).

[20] Ara Inter Oecumenici, 97.

[21] Ara Inter Oecumenici, 48b.

[22] Ara Inter Oecumenici, 48 g.

[23] Ara SC 99.

[24] Ara SC 101 § 1; Inter Oecumenici, 85.

[25] Ara SC 101 §§ 2 u 3.

[26] Ara SC 27.

[27] Ara Inter Oecumenici, 37-39.

[28] Ara Inter Oecumenici, 37-39.

[29] Ara infra, n. 53.

[30] SC 36 § 1.

[31] SC 36 § 2.

[32] SC 36 § 3.

[33] SC 54; Inter Oecumenici, 59.

[34] Ara SC 116.

[35] SC 117.

[36] Ara SC 116.

[37] SC 115.

[38] SC 121.

[39] Ara supra, n. 46.

[40] Ara Inter Oecumenici, 42.

[41] SC 23.

[42] Ara SC 119.

[43] SC 120.

[44] Ara Kongregazzjoni Mqaddsa tar-Riti, Istruzzjoni fuq il-mużika sagra u l-Liturġija mqaddsa, 70 (AAS 50 [1958] 652).

[45] Ara supra, nn. 24-25.

[46] Ara SC 44.