L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Messaġġ lill-Familji Nsara fid-Dinja tal-lum

 

 

Il-Ħames Assemblea Ġenerali Ordinarja
SINODU TAL-ISQFIJIET
dwar
Il-Familja Nisranija
25 ta’ Ottubru 1980
 
 
MESSAĠĠ LILL-FAMILJI NSARA FID-DINJA TALLUM
 


I. Daħla
 
1.  Wasalna fi tmiem is-Sinodu. Tul dan ix-xahar li għadda aħna l-Isqfijiet mid-dinja kollha nġbarna hawn f’Ruma flimkien mal-Papa u taħt it-tmexxija tiegħu. Qabel nerġgħu lura lejn il-pajjiżi tagħna, nixtiequ ngħidulkom kelmtejn. Ma għandniex ħsieb inwieġbu għall- mistoqsijiet kollha li qegħdin isiru llum fuq iż-żwieġ u l-familja; irridu biss naqsmu magħkom l-imħabba, il-fiduċja u t-tama li nħossu. Bħala isqfijiet u ragħajja tagħkom, u wkoll ħutkom fil-fidi, aħna konna magħqudin magħkom f’dawn il-ġimgħat li għaddew; u ma nsejniex li aħna wkoll trabbejna lkoll fi ħdan familja bil-ferħ u n-niket kollu tagħha. Irridu għalhekk inroddu ħajr minn qiegħ qalbna lilkom u lill-familji tagħna.
 
II.  Il-qagħda tal-familji llum
 
2.  Fid-diskussjonijiet tagħna fuq il-ħajja tal-familja llum iltqajna ma’ ferħ u faraġ, u ma’ niket u tiġrib. Għandna nħarsu l-ewwel lejn dak li hu tajjeb u fuqu nibnu u nagħmluh perfett, b’fidi sħiħa li Alla jinsab f’kull imkien fil-ħlejjaq tiegħu u li aħna nistgħu nagħarfu x’irid mis-sinjali taż-żminijiet. Il-ħafna ħwejjeġ sbieħ u tajbin li naraw jagħmluna l-qalb. Nifirħu naraw tant familji jaqdu bil-ferħ il-missjoni fdata lilhom minn Alla, minkejja l-ħafna pressjonijiet biex jagħmlu mod ieħor. It-tjieba tagħhom u l-fedelta’ tagħhom għall-grazzja ta’ Alla u t-tħabrik tagħhom biex igħixu skond it-tagħlim tiegħu jimlewna bit-tama. L-għadd tal-familji li konxjenzjożament iridu jgħixu l-ħajja skond it-tagħlim tal-Evanġelju, billi jagħtu xhieda għall-frott tal-Ispirtu, qiegħed dejjem aktar jikber f’kull pajjiż.
 
3.  Tul dan l-aħħar xahar tgħallimna ħafna dwar il-ħafna kondizzjonijiet kulturali ta’ kull sura li fihom iridu jgħixu l-familji nsara. Il-Knisja għandha tilqa’ u ġġib ‘il quddiem dan l-għana kollu ta’ kull sura, hija u tħeġġeġ lill-familji nsara biex jagħtu xhieda sħiħa tal-pjan ta’ Alla fl-ambjent kulturali tagħhom. Iżda kull element ta’ kultura għandu jiġi mistħarreġ fid-dawl tal-Evanġelju biex wieħed ikun żgur li jaqbel mal-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ u għall-familja. Dan id-dmir li wieħed jilqa’ l-valuri kulturali ta’ kull pajjiż u jara s-siwi tagħhom huwa parti mill-istess ħidma ta’ stħarriġ.
 
 
4.  Problema akbar minn dik tal-kultura hija l-qagħda ta’ dawk il-familji li qegħdin igħixu fil-faqar f’dinja li għandha għana hekk kbir. F’ħafna partijiet tad-dinja u fi ħdan ukoll ħafna pajjiżi, il-faqar qiegħed jikber minħabba strutturi soċjali, ekonomiċi u politiċi li jġibu ‘l quddiem l-inġustizzja, l-oppressjoni u d-dipendenza. F’ħafna postijiet il-qagħda ma tħallix ħafna żgħażagħ irġiel u nisa jużaw id-dritt tagħhom li jiżżewġu u jgħixu ħajja xierqa. Min-naħa l-oħra, fil-paiijiżi aktar żviluppati, wieħed jiltaqa’ ma sura oħra ta’ nuqqas: vojt spiritwali fost abbundanza ta’ ġid, miżerja fil-ħsieb u fir-ruħ li twassal lill-bniedem jaraha bi tqila jifhem ir-rieda ta’ Alla għall-ħajja tal-bniedem li twassal għall-qtigħ il-qalb dwar iż-żmien ta’ issa u timlih bil-biża għall-ġejjieni. Ħafna jsibuha bi tqila li jintrabtu bir-rabta taż-żwieġ għal għomorhom u jgħixu kif titlob din ir-rabta. Ma humiex neqsin mill-ġid imma qalbhom midruba u qegħdin jistennew xi Smaaritan tajjeb biex itaffilhom l-uġiġħ tagħhom u jdewwilhom il-ġrieħi biż-żejt u l-inbid tal-ferħ u tas-saħħa.
 
5.  Xi gvernijiet u xi organizzazjonijiet internazzjonali spiss jużaw il-vjolenza kontra l-familja. Hi projbita l-intimita’ fil-familja, u ma humiex rikonoxxuti d-drittijiet tal-familja għal-liberta’ reliġjuża, għall-paternita’ responsabbli u għall-edukazzjoni. B’hekk il-familji jħossu ruħhom imċaħħdin mir-responsabbiltajiet tagħhom u jqisu ruħhom vittmi tal-qagħda li jinsabu fiha aktar milli bnedmin responsabbli għall-qadi tad-dmirijiet tagħhom. Is-soluzzjoni tal-problemi soċjali, ekonomiċi u politiċi qiegħda tintefa’ fuq il-familji u dawn qegħdin jiġu mġiegħelin jużaw metodi li aħna nikkundannaw; qegħdin jiġu mġiegħela jużaw il-kontraċċezzjoni, l-abort, l-isterilizzazzjoni u l-ewtanasija. Is-Sinodu għalhekk jitlob bil-qawwa kollha li tithejja ‘Karta tad-Drittijiet tal-Familja” li tgħid x’inhuma d-drittijiet fondamentali tal-familja u tħarishom fid-dinja kollha.
 
 
6.  Il-ħafna problemi li qegħdin iħabbtu l-famiji u d-dinja llum ġejjin mill-fatt li ħafna llum qegħdin jiċħdu s-sejħa fondamentali tal-bniedem għat-tisħib fil-ħajja u l-imħabba ta’ Alla: ħafna bnedmin illum huma lsiera tal-għatx għall-għana, għas-setgħa u għax-xalar. Iqisu lill-bnedmin kollha mhux bħala aħwa ta’ l-istess famija tal-bnedmin, imma bħala tfixkil għalihom u egħdewwa tagħhom. Fejn tonqos il-fehma ta’ Alla bħala Missier, tonqos ukoll il-fehma li l-bnedmin kollha huma aħwa fl-istess familja. Kif jistgħu l-bnedmin jagħrfu li huma aħwa bejniethom jekk ma jagħarfux li Alla huwa l-Missier ta’ kulħadd? L-għaqda tal-bnedmin bejniethom bħala aħwa hi mibnija fuq il-fatt li Alla hu l-Missier ta’ kulħadd.
 
III.  Il-pjan ta’ Alla għż-żwieġ u għall-familja
 
7.  Il-pjan ta’ Alla (ara Ef 1,3ss) hu li l-bnedmin kollha, irġiel u nisa, jissieħbu fil-ħajja stess ta’ Alla fi Kristu Gesu’ (ara I Gw 1, 1-3;2 Piet 1,4). Il-Missier isejjaħ lil kull bniedem biex dan il-pjan iseħħ fih f’xirka ma-bnedmin kollha, biex hekk isseħħ il-familja waħda ta’ Alla.
 
8.  Il-famija mbagħad għandha sejħa speċjali biex twettaq dan il-pjan ta’ Alla. Qisha l-ewwel ċellula tas-soċjeta u tal-Knisja, li tgħin il-membri tagħha biex ikunu huma li jagħmlu l-istorja tas-salvazzjoni, u li jkunu wkoll sinjali ħajja tal-pjan ta’ Alla għad-dinja. Alla ħalaqna sura xbieha tiegħu (Gen 1, 26) u ried li l-bniedem jikber u jiktor u jimla l-art kollha u jaħkimha (Gen 1.28). Dan il-pjan iseħħ meta r-raġel u l-mara jintrabtu flimkien fl-imħabba għall-qadi tal-ħajja.Il-miżżewġin huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess setgħa ta’ Alla biex jagħtu d-don tal-ħajja. Fil-milja taż-żminijiet l-Iben ta’ Alla, imwieled minn mara (Gal 4.4) żejjen iż-żwieġ bil-grazzja tiegħu ta’ salvazzjoni u għollih għad-dinjita’ ta’ sagrament, billi sieħbu fil-patt tal-imħabba u tal-fidwa li wettaq b’demmu. L-imħabba u d-don tiegħu nnifsu fi Kristu jagħti lill-Knisja u li l-Knisja tagħtih, huma xbieha tal-imħabba għal xulxin u tad-don lil xulxin tar-raġel u l-mara (ara 5,22-32). Il-grazzja sagramentali taż-żwieġ hi għajn ta’ ferħ u ta’ qawwa għall-miżżewġin kollha. Huma, bħala ministri tas-sagrament taż-żwieġ, jaqdu dmirhom “in persona Christi” u hekk iqaddsu ‘l xulxin. Jeħtieġ għalhekk li l-miżżewġin dejjem aktar jagħarfu din il-grazzja fihom u jagħarfu wkoll il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fihom. Hutna egħziez, isimgħu lill-Mulej li kull jum qiegħed igħidilkom: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla!” (Ara Gw 4,10).
 
9.  Dan il-pjan ta’ Alla jġiegħelna nifhmu għaliex il-Knisja temmen u tgħallem li dan il-patt ta’ mħabba u ta’ għoti lil xulxin tal-miżżewġin, marbutin flimkien fis-sagrament taż-żwieġ, hu għal dejjem u ma jitħassar qatt. Iż-żwieġ hu patt ta’ mħabba u ta’ ħajja. L-għoti tal-ħajja ma jistax jinfired  mir-rabta taż-żwieġ. L-istess att taż-żwieġ, tgħallem l-enċiklika Humanae Vitae, irid ikun kollu kemm hu egħmil ta’ bniedem: sħiħ, esklusiv u miftuħ għall-ħajja (Humanae vitae, 9 u 11)
 
 
10. Dan il-pjan ta’ Alla għall-familja jifhmuh, jilqgħuh u jgħixuh dawk kollha li ġarrbu “l-konverżjoni tal-qlub”, li m’hijiex ħlief l-għoti sħiħ tiegħek innifsek lil Alla waqt li tinża “l-bniedem il-qadim” ħa tilbes “il-ġdid”. Il-konverżjoni u l-qdusija huma meħtieġa għal kulħadd, għalhekk kulħadd irid jasal biex jagħraf u jħobb lill-Mulej, iġarrab il-preżenza tiegħu f’ħajtu, jithenna bl-imħabba u l-ħniena tiegħu, bil-mogħdrija u l-maħfra tiegħu, fl-imħabba għal xulxin kif ħabbna Hu. Il-miżżewġin, il-ġenituri u l-ulied, fir-relazzjonijiet tagħhom lejn xulxin, huma strumenti u ministri tal-fedelta’ u tal-imħabba ta’ Kristu. Għalhekk iż-żwieġ nisrani  u l-ħajja fil-familja huma sinjali ħajjin tal-imħabba ta’ Alla għalina u tal-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja.
 
11. B’dan kollu l-uġigħ tal-qalb u l-ferħ tal-qawmien huma parti mill-ħajja ta’ kull bniedem li, fil-mixi tiegħu f’din id-dinja, irid jimxi wara Kristu. Għalhekk dawk biss li huma kollhom kemm huma miftuħin għall-Misteru ta’ l-Għid, jistgħu jagħmlu kull ma jitlobhom Kristu, bl-imħabba kollha, minkejja l-fatt li dak li jitlob ikun diffiċli ħafna. Min, għax dgħajjef, ma jagħmilx dak li jitolbu Kristu, ma għandux b’daqshekk jaqta’ qalbu: “ Ma għandhomx jaqtgħu qalbhom, imma bl-umilta’ kollha u bla heda , ifittxu kenn fil-ħniena ta’ Alla” (H.V. 25).
 
IV.  It-tweġiba tal-familja għall-pjan ta’ Alla
 
12. Intom ukoll, bħalna, tistaqsu x’inhu dmirkom fid-dinja tallum. Mill-ħarsa li nagħtu madwarna fid-dinja, naraw li għalikom hemm dmirijiet edukattivi mill-aqwa. Hu dmirkom tedukaw bnedmin ħielsa, b’sens morali mill-aqwa u b’kuxjenza kapaċi tagħraf x’jeħtieġ isir f’kull ċirkostanza bnedmin li għandhom il-ħila jaraw x’għandhom il-ħila jaraw x’għandhom jagħmlu u li dmirhom hu li jaħdmu biex il-bnedmin kollha jkollhom qagħda ta’ ħajja aħjar u biex titqaddes id-dinja. Hu dmirkom trabbu l-bnedmin fl-imħabba u tedukawhom biex f’kull ma jagħmlu fir-relazzjonijiet kollha tagħhom mal-bnedmin l-oħra jagħmluh b’imħabba, ħalli l-imħabba tkun għall-komunita’ kollha kemm hi, tkun imqanqla minn sens ta’ ġustizzja u ta’ rispett għall-oħrajn u tagħraf ir-responsabbiltajiet tagħna lejn kollha kemm hi s-soċjeta’. Hu dmirkom tedukaw il-bnedmin għall-fidi, jiġifieri tedukawhom biex jemmnu f’Alla u jħobbuh dejjem lesti biex imorru warajh f’kollox. Hu dmirkom twasslu lill-bnedmin il-valuri fondamentali tal-bniedem u tan-nisrani u tedukawhom biex ikollhom il-ħila jilqgħu f’ħajjithom valuri ġodda wkoll. Aktar ma familja ssir nisranija, aktar tkun familja tixraq lill-bniedem.
 
13. Il-familja taqdi dawn id-dmirijiet tagħha bħala “Knisja fid-dar” bħala komunita ta’ fidi li tgħix fit-tama u bl-imħabba, fil-qadi ta’ Alla u tal-familja kollha tal-bnedmin. It-talb flimkien u l-liturġija huma għajn ta’ grazzja għall-familja. Jeħtieġ li l-familja, fil-qadi ta’ dmirijietha, issib l-għixjien tagħha fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, fit-tisħib fis-sagramenti mqaddsa, u l-aktar fis-sagramenti tar-Rikonċiljazzjoni u tal-Ewkaristija. Is-suriet kollha ta’ talb u d-devozzjonijiet kemm dawk tal-imgħoddu u kemm dawk ġodda, u l-aktar dawk li huma marbutin mal-Verġni Marija, igħinu ħafna għall-kobor tal-ispirtu ta’ tjieba u tal-ħajja tal-grazzja.
 
14. L-ewwel dmir tal-familja huwa d-dmir tal-evanġelizzazzjoni u tal-katekeżi. L-edukazzjoni tal-fidi fis-safa u fil-virtujiet insara l-oħra, kif ukoll l-edukazzjoni sesswali, għandhom jibdew fi ħdan il-familja. Iżda l-familja ma għandhiex tħares biss għal dak li jsir fil-parroċċa, imma trid tkun miftuħa għall-bnedmin kollha tad-dinja. Fi ħdan il-komunita’ kollha tal-bnedmin, il-familja nisranija trid tagħti xhieda tal-valuri tal-Evanġelju, iġġib ‘il quddiem il-ġustizzja soċjali, tgħin lill-fqar u lill-maħqurin. Inħeġġu għalhekk bil-qawwa kollha lill-familji biex jingħaqdu flimkien ħa jiddefendu d-drittijiet tagħhom, biex jeħduha kontra l-istrutturi soċjali inġusti u kontra kull imġiba pubblika jew privata li thedded il- familja, biex jinfluwenzaw kemm jistgħu l-‘mass media’, biex jibnu  soċjeta fejn kulħadd lest biex igħin lil xulxin. Ta’ min ifaħħar u jqawwi l-qalb ta’ dawk il-movimenti ta’ familji li bħala għan għandhom l-għajnuna ta’ miżżewġin u ta’ familji oħra biex jifhmu l-pjan ta’ Alla, jaraw x’inhu s-siwi tiegħu u jsawru ħajjithom fuqu. Nixtiequ naraw ġejja ‘l quddiem din is-sura ta’ ħajja, għax inqisuha bħala parti mill-aqwa tal-appostolat kollu tal-familja.
15. Il-familja, jekk trid tgħix fl-ispirtu tal-Evanġelju, għandha tkun dejjem lesta tilqa’ ħajja ġdida, taqsam mal-fqar il-ġid u l-għana tagħha, tkun miftuħa għall-oħrajn u tilqagħhom għandha. Xi drabi, il-lum, il-familja jkollha tagħżel sura ta’ ħajja li tmur kontra l-kultura u l-mentalita’ tan-nies tallum l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tas-sess, mal-liberta ta’ kull bniedem u mal-ġid materjali. Quddiem id-dnub u l-falliment tad-dinja tallum, il-familja nisranija trid tagħti xhieda ta’ spirtu verament nisrani, billi tagħraf fil-ħajja tagħha u tal-oħrajn x’siwi għandhom il-valuri tas-sogħba u tal-maħfra tal-ħilijiet, tar-rikonċiljazzjoni u tat-tama. Trid tagħti wkoll xhieda bil-ħajja kollha tagħha tad-doni tal-Ispirtu s-Santu u tal-beatitudni. Trid tgħix sura ta’ ħajja sempliċi u twettaq fost l-oħrajn appostolat verament evanġeliku.
 
V.  Il-Knisja u l-familja
 
16.  Matul is-Sinodu, kull jum, fehemna dejjem aktar aħjar id-dmir tal-Knisja li tqawwi l-qalb tal-miżżewġin u tal-familja u tgħinhom. Hassejna li għandhom niddedikaw ruħna aktar għall-qadi ta’ dan id-dmir tagħna.
 
17. Il-Knisja għandha ħafna għal qalbha l-appostolat u l-qadi tal-familja. Dan l-appostolat huwa l-ħidma kollha tal-poplu kollu ta’ Alla, f’kull komunita’ lokali, huwa b’mod speċjali t-tħabrik ta’ dawk il-kappillani u l-lajċi li huma impenjati fil-pastorali tal-familja. F’ħidma flimkien ma’ kull persuna, mal-miżżewġin u mal-familji, igħinuhom igħixu s-sejħa tagħhom b’mod aktar sħiħ. Dan l-appostolat iħaddan it-thejjija għaż-żwieġ, l-għajnuna lil miżżewġin tul il-ħajja kollha tagħhom fiż-żwieġ, l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kateketiċi u liturġiċi li jgħoddu għall-familji, l-għajnuna lil miżżewġin li ma għandhomx tfal, lill-familji neqsin mill-missier jew l-omm, lill-ommijiet mitluqin minn żwieġhom, lir-romol, lid-divorzjati u lil miżżewġin mifrudin minn xulxin, u b’mod speċjali lill-familji jew lil miżżewġin li qegħdin igħixu fil-faqar, jew għaddejjin minn kriżi, imxekklin fiżikament jew mentalment, jew imġarrbin mill-problema tad-drogi jew tas-sokor jew mill-problemi ta’l-emigrazzjoni jew ta’ ċirkostanzi oħra li jheddu s-sħuħija tal-familja.
 
18. Is-saċerdot għandu dmir speċjali fil-qadi tal-familja. Hu dmir tiegħu joffri lill-familja l-ikel u l-faraġ tal-Kelma ta’ Alla, tas-sagramenti u tal-mezzi l-oħra għall-kobor tal-ħajja tar-ruħ, waqt li fl-istess ħin ifittex iġib ‘il quddiem u jsaħħaħ il-familja fl-imħabba, b’attenzjoni kbira u b’sabar liema bħalu, biex ikun hemm familji tassew indawlin (Ara Gaudium et Spes n.52) Dan il-ministeru għandu jgħin ħafna, fost ħwejjeġ oħra, it-tkattir tal-vokazzjonijiet reliġjużi u saċerdotali

19. Il-Knisja, li tħabbar il-pjan ta’Alla, għandha ħafna xi tgħid ukoll lill-irġiel u lin-nisa dwar il-fatt li essenzjalment huma ndaqs u huma maħluqin għal xulxin biex flimkien jaslu għall-milja tagħhom bħala bnedmin, kif ukoll dwar il-ħafna suriet ta’ doni u ta’ ħidmiet bħala miżżewġin fil-ħajja tagħhom fiż-żwieġ. Ir-raġel u l-mara m’humiex l-istess imma huma ndaqs: it-tnejn għandhom igħożżu b’rispett dak li jagħżilhom minn xulxin u ma jinqdewx bih bi skuża ħalli wieħed jaħkem fuq l-ieħor. F’ħidma flimkien mas-soċjeta’, il-Knisja trid ixxandar u tħares bil-qawwa kollha d-dinjita’ u d-drittijiet tal-mara.
 
 
 
VI.  Għeluq
 
20.  Fi tmiem dan il-messaġġ tagħna, nixtiequ ngħidulkom li aħna nifhmu sewwa kemm hi dgħajfa l-qagħda tagħna bħala bnedmin. Nafu f’liema qagħda iebsa u ta’niket jinsabu ħafna familji nsara, li, minkejja li jridu bis-sinċerita’ kollha jħarsu dak li tgħallem il-Knisja dwar l-imġiba, ma jaslux biex iħarsuh għax iħossuhom dgħajfin ħafna quddiem id-diffikultajiet tagħhom. Iżda lkoll kemm aħna, għandu jkollna stima kbira tat-tagħlim u tal-grazzja ta’ Kristu u għandna nfittxu ngħixu fid-dawl tagħhom. Il-miżżewġin kollha għalhekk, bl-għajnuna tal-Knisja kollha, li  tissieħeb magħhom, għandhom jimxu ‘l quddiem fit-triq iebsa li twassalhom għall-fedelta’ dejjem aktar u aktar sħiħa lejn il-kmandamenti ta’ Alla. “Il-miżżewġin fil-mixi tagħhom, bħalma jiġri fl-aspetti kollha tal-ħajja tal-bniedem, jiltaqgħu ma’ mumenti ta’ waqfien u ma’ mumenti iebsin u ta’ niket.. Iżda jeħtieġ ngħiduh b’lehen għoli: il-bnedmin ta’ rieda tajba ma għandhom qatt iħallu jirbħuhom il-qtigħ il qalb u l-biża’, għaliex fl-aħħar mill-aħħar, m’huwiex l-Evanġelju Bxara t-tajba wkoll għall-familji , bxara li, għalkemm titlob sagrifiċċji u ċaħdiet, twassal ukoll għall-ħelsien sħiħ? Meta wieħed jintebaħ li għadu ma kisibx il-ħelsien sħiħ tar-ruħ imma għadu maħkum mill-qawwa tal-ġibdiet u l-ħajriet tiegħu, meta jintebaħ li ma għandux ħila jħares bir-reqqa kollha dak li titlob il-liġi morali f’qasam hekk importanti, hi ħaġa naturali li jħoss ruħu qalbu maqtugħa; imma huwa dan il-mument f’waqtu li fih in-nisrani, fit-taħwida li fiha jinsab, flok jeħodha kontra l-liġi u jġib ħerba fih innifsu li ma twassal imkien, jagħraf ix-xejn tiegħu quddiem Alla, u jistqarr li hu midneb quddiem l-imħabba bla qies ta’ Kristu l-Feddej” (Pawlu VI, diskors lill-moviment “Equipes de Notre Dame”, 4-6 1970. AAS 62 (1970) pp. 435-436).
 
21. Kull ma għidna fuq iż-żwieġ u l-familja nistgħu niġbruh f’żewġ kelmiet: imħabba u ħajja. Fi tmiem is-Sinodu nistednukom tikbru fl-imħabba u l-ħajja ta’ Alla. Min-naħa tagħna, bl-umilta’ kollha u b’sentiment ta’ radd il-ħajr, nistednukom titolbu għalina biex aħna wkoll inkunu nistgħu nikbru magħkom. U ngħalqu dan il-messaġġ tagħna bi kliem l-Appostlu San Pawl: “ Fuq kollox  ilbsu l-imħabba li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla” (Kol 3, 14-15).