Stampa l-Litanija

TLIET INVOKAZZJONIJIET ĠODDA MAL-LITANIJA

“Mater misericordiæ”, il-Latin għal Omm tal-ħniena”; Mater spei, jew Omm it-tama”; u “Solacium migrantium, jew “Faraġ tal-migranti” huma l-invokazzjonijiet ġodda lill-Verġni Mqaddsa Marija fil-Litanija Lawretana, li spiss tingħad fi tmiem ir-Rużarju.

 

Iż-żieda li l-Papa Franġisku għadu kemm għamel lil-Litanija Lawretana ġiet ippromulgata mill-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju 2020, fl-istess jum tal-Festa tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija.

 

F’ittra lill-Presidenti tal-Konferenzi tal-Isqfijiet mad-dinja kollha, il-Kardinal Robert Sarah, il-Prefett tal-Kongregazzjoni, u s-Segretarju tagħha, l-Arċisqof Arthur Roche, jgħidu li mal-medda tas-sekli, l-Insara ilhom jużaw għadd bla tarf ta’ invokazzjonijiet u titli biex bihom isejħu lill-Verġni Marija, “bħala t-triq ipprivileġġjata u żgura għal-laqgħa ma’ Kristu”.

 

Tweġiba għall-ħtiġijiet ta’ żmienna

Huma jgħidu li “f’rabta ma’ żminijietna, immarkati minn sentimenti ta’ inċertezza u biża’, il-Poplu ta’ Alla jirrikorri b’qima għandha, kollu mħabba u fiduċja”.

 

“Wara li għarbel dan is-sentimenti u laqa’ x-xewqat espressi”, spjegat il-Kongregazzjoni, “il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku jixtieq jipprovdi li fil-formularju tal-Litanija tal-Verġni Mqaddsa Marija, imsejħa l-‘Litanija Lawretana’, jiddaħħlu l-invokazzjonijiet ‘Mater misericordiæ’, ‘Mater spei’ u ‘Solacium migrantium’”.

 

Skont id-direttivi, l-invokazzjoni “Omm tal-ħniena” għandha tiddaħħal wara “Omm il-Knisja”, “Omm it-tama” wara “Omm tal-grazzja ta’ Alla”, u “Faraġ tal-migranti” wara “Kenn tal-midinbin”.

 

F’intervista, l-Arċisqof Roche spjega li dawn l-invokazzjonijiet “iwieġbu għar-realtajiet taż-żminijiet li qed ngħixu fihom”. Ħafna nies mad-dinja kollha jħossuhom imġarrba b’ħafna modi, mhux biss minħabba l-pandemija tal-Covid-19, imma anki għax imġiegħla jħallu djarhom minħabba faqar, ġlied u raġunijiet oħra, u għalhekk jersqu jitolbu f’riġlejn il-Verġni Mbierka.

 

L-invokazzjonijiet mhumiex ġodda

L-Arċisqof Roche qal li l-Papa ried iwieġeb għal dan il-mument billi jinkludi dawn l-invokazzjonijiet. L-Arċisqof innota li dawn l-invokazzjonijiet mhumiex ġodda għax huma parti mit-tradizzjoni tal-Knisja li tmur lura sekli sħaħ, bħalma hi t-talba-innu, “Sliem għalik, Sultana, Omm tal-ħniena, tama tagħna…”.

 

“Dawn l-invokazzjonijiet kollha”, qal, “tqiegħdu fil-Litanija Lawretana, li hi għal qalb tant nies mad-dinja kollha. Issa din qed twieġeb għal bżonn veru li d-dinja tagħna llum għandha tal-għajnuna tal-Verġni Mbierka”.

 

X’inhi l-Litanija Lawretana?

Il-Litanija Lawretana tieħu isimha mis-Santwarju Marjan ta’ Loreto fl-Italja, fejn jingħad li kienet ilha tintuża sa mill-1531. Ġiet approvata uffiċjalment fl-1587 mill-Papa Sistu V, li neħħa l-litaniji Marjani l-oħra kollha li kienu jintużaw pubblikament. Il-Litanija Lawretana hi l-unika Litanija Marjana approvata. Imma, ħafna litaniji Marjani oħra kienu u għadhom jintużaw, imma huma mmirati għad-devozzjoni privata, kif jidher, ngħidu aħna, fl-hekk imsejħa Officia Mariana

 

Mal-medda tas-sekli, tal-inqas ġew miżjuda 7 invokazzjonijiet ġodda. San Ġwanni Pawlu II żied “Omm il-Knisja” fl-1980, u “Sultana tal-familji” fl-1995. Il-Papa Franġisku issa żied tlieta oħra.

 

Jeżistu wkoll litaniji oħra, bħal tal-Qaddisin, tal-Ismijiet ta’ Ġesù, tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, ta’ San Ġużepp (1909), tad-Demm Imqaddes u anki tal-Ħniena Divina.

 

Ara l-ittra lill-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet ....

 

 

IL-LITANIJA LAWRETANA

 

Mulej, ħniena.     Mulej, ħniena.

Kristu, ħniena.     Kristu, ħniena.

Mulej, ħniena.      Mulej, ħniena.

 

Kristu, ismagħna.    Kristu, ismagħna.

Kristu, ilqa’ t-talb tagħna.    Kristu, ilqa’ t-talb tagħna.

                         

Missier Etern Alla.    Ħenn għalina.

Iben Alla li fdejt id-dinja.

Spirtu Qaddis Alla.

Trinità Qaddisa Alla wieħed.

 

Imqaddsa Marija.     Itlob għalina.

Imqaddsa Omm Alla.

Imqaddsa xebba tax-xbejbiet.

Omm ta’ Kristu.

Omm il-Knisja.

Omm tal-ħniena.

Omm tal-grazzja ta’ Alla.

Omm it-tama.

Omm l-iżjed safja.

Omm l-iżjed nadifa.

Omm u xebba.

Omm bla tebgħa.

Omm li tistħoqq l-imħabba.

Omm tal-għaġeb.

Omm tal-parir it-tajjeb.

Omm ta’ min ħalaqna.

Omm ta’ min salvana.

Xebba kollok għaqal.                                         

Xebba li tistħoqq kull qima.

Xebba li tistħoqq kull foħrija.

Xebba kollok setgħa.

Xebba kollok ħniena.

Xebba dejjem marbuta m’Alla.

Mera tal-qdusija.

Tron tal-għerf.

Bidu tal-ferħ tagħna.

Għamara tal-Ispirtu s-Santu.

Għamara ta’ kull grazzja.

Għamara ta’ kull tjieba.

Warda mistika.

Torri ta’ David.

Torri tal-avorju.

Dar tad-deheb.

Arka tar-Rabta l-ġdida.

Bieb tas-Sema.

Kewkba ta’ filgħodu.

Saħħa tal-morda.

Kenn tal-midinbin.

Faraġ tal-migranti.

Faraġ tal-imnikktin.

Għajnuna tal-Insara.

Sultana tal-Anġli.

Sultana tal-Patrijarki.

Sultana tal-Profeti.

Sultana tal-Appostli.

Sultana tal-Martri.

Sultana tal-Konfessuri.

Sultana tal-Verġni.

Sultana tal-Qaddisin kollha.

Sultana mnissla mingħajr l-ewwel tebgħa.

Sultana mtellgħa s-Sema.

Sultana tar-Rużarju Mqaddes.

Sultana tal-Familja.

Sultana tal-Paċi.

 

Ħaruf ta’ Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja:     aħfrilna nitolbuk, Mulej.

Ħaruf ta’ Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja:     ismagħna nitolbuk, Mulej.

Ħaruf ta’ Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja:     ħenn għalina.

 

V/.   Itlob għalina, Qaddisa Omm Alla.

R/.   Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedna Kristu.

 

Nitolbu

O Alla, li ridt li mat-tħabbira tal-Anġlu, l-Iben tiegħek isir bniedem fil-ġuf tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħtina nitolbuk, lilna li nistqarruha Omm Alla, li nkunu megħjunin mit-talb tagħha. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

 

 

 

Rapport minn Francesco Pio Attard