Laikos

 

Ir-riżenja tal-Kardinal Paul-Emile Leger sentejn biss wara l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u ftit jiem wara s-sehem tiegħu fl-ewwel Sinodu[i] tal-Isqfijiet

Kardinal Paul-Emile Leger kien l-aktar prelat prominenti tal-Kanada fis-snin 50 u 60. Matul il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II huwa kien ta appoġġ sħiħ lil Papa Ġwanni XXII u s-sejħa tiegħu għall-aggornament fil-Knisja Kattolika. Tkellem favur l-ekumeiżmu, iż-żwieġ u l-familja, il-libertà tal-ħsieb fi ħdan il-Knisja, ir-riforma liturġika, il-libertà reliġjuża, kif ukoll fuq l-importanza tal-Iskrittura Mqaddsa fil-ħajja tal-Knisja. Il-Konċilju ntemm f’Diċembru 1965 u sentejn biss wara, Ledger reġa’ kien Ruma biex jieħu sehem sehem fl-ewwel Sinodu tal-Isqfijiet. Ftit jiem biss wara li rritorna mis-Sinodu, kien huwa stess li ħabbar ir-riżenja tiegħu.Għalkemm matul l-24 sena ta’ wara huwa żar Montreal diversi drabi, madankollu sa mewtu fl-1991 fl-età ta’ 87 sena,  huwa kompla jiddedika ħajtu għall-qadì ta’ dawk fit-Tielet Dinja.

 

"Nixtieq niddedika l-ftit snin li fadalli biex ngħin lill-lebbrużi"

Ir-riżenja tal-Kardinal Leger minn Arċisqof ta’ Montreal fil-Kanada waslet bħala xokk għall-komunità li kien imexxi, iżda għal xi wħud li kienu jafuh aktar mill-qrib, ma kienet xejn ta’ sorpriża. Sa mill-1963 kien hemm spekulazzjoni li huwa kien qed jikkunsidra mossa bħal din, iżda dak iż-żmien din kienet miċħuda.

Waqt konferenza stampa li ta fid-9 ta’ Novembru 1967, huwa ħabbar fi kliem sempliċi u kommoventi li d-deċiżjoni tiegħu li jitlaq kellha x’taqsam mal-kriżi tal-fidi preżenti fil-Knisja f’dak iż-żmien.  Semma l-kollass tal-fidi fost iż-żgħażagħ, l-indifferenza ta’ numru kbir ta’ nsara lejn il-Knisja, in-nuqqas ta’ ġibda u interess li bosta kellhom lejha, saħansitra l-aggressività minn ċerti klassijiet tas-soċjetà meta dawn iffaċjati b’diffikultajiet ta’ natura reliġjuża.

Leger dakinhar qal, “Xi wħud jistgħu jistaqsu, u bir-raġuni, għaliex qed nabbaduna l-vapur fil-mument tal-maltempata. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, hija propju din il-kriżi reliġjuża li wasslitni biex nċedi dan il-post ta’ tmexxija, ħalli nsir sempliċi saċerdot missjunarju.

Huwa kompla jfisser kif kien waqt is-Sinodu, matul id-diskussjonijiet fuq l-ateiżmu tal-fidi, li l-futur tiegħu sar għalih kwistjoni ta’ kuxjenza.  Kien deher ċar għalih li l-Mulej kien qed jitlob minnu li minbarra l-kliem, jidħol ukoll għall-għemil.  Il-Kardinal qal li wara snin fit-tmexxija tal-oħrajn, issa kien ried iħalli lilu nnifsu jitmexxa.

Stqarr li minkejja li kien diffiċli għalih iħalli tant ħbieb u tant memorji, imma fl-istess waqt ħass li dan il-pass li kien qed jieħu, nissel fih paċi kbira. Fuq naħa kien qed jara  tant problem;  il-ġuħ fid-dinja, is-sottożvilupp ta’ tant popli, l-illitteriżmu, it-tbatija siekta taeluf ta' lebbrużi.  Fuq in-naħa l-oħra kien hemm it-teknoloġija sofistikata, l-effiċjenza, l-awtomiżu.  Tant kuntrasti kbar li kienu jnisslu fih dieqa.

 

Qalb l-ifqar fost iċ-ċittadini kollha tat-Tielet Dinja. 

“Wasal iż-żmien”, qal, “li mill-kliem ngħaddi għall-azzjoni. Nixtieq niddedika l-ftit snin li fadalli biex nagħti għajnuna spiritwali u materjali lill-lebbrużi. U għalhekk ħa nitlaq lejn l-Afrika.”

Leger kompla li fit-teħid tad-deċiżjoni tiegħu, ma ħasibx biss fl-Afrika, imma għażel hemm għax ried ikun missjunarju sempliċi qalb l-ifqar fost iċ-ċittadini kollha tat-Tielet Dinja.  Kien jaf li dak li ser jagħmel kellu jkun tal-akbar ġid anke għall-Knisja ta’ Montreal infisha.

Imbagħad kompla jistqarr, “Irrid inkun sinċier miegħi nnifsi. Ilħaqt l-età fejn tista’ tidħol ċerta sklerożi tar-ruħ u tal-ġisem. Huwa tant faċli, li wara li tkun eżerċitajt l-awtorità għal żmien twil speċjalment fi djoċesi fejn il-Kattoliċi huma l-maġġoranza l-kbira, tidra fi drawwiet komdi. Għalhekk il-​konfront tiegħi mal-​paganiżmu jistaʼ jsaħħaħ fija l-​fidi.”

Meta ġie mistoqsi jekk iħossx li hemm biżżejjed problemi soċjali u ekonomiċi f’Montreal u li fil-fatt huwa kien qiegħed jaħrab minnhom, l-Isqof Leger qal, “Hawn għandkom il-mezzi kollha meħtieġa biex tagħtu lil dawn in-nies dak li jridu, għax hawn qed ngħixu f’soċjetà u ċiviltà sinjura. Imma meta naħseb li mal-mitejn miljun Afrikan għandhom salarju medju ta’ biss ħamsin dollaru fis-sena, naħseb li nista’ mmur bil-libertà.”

 

Referenza: The Register tat-18 ta’ Novembru 1967.

Aktar minn The Catholic Register Archive: catholicregister.org/archive

 

[i] Din kienet l-Ewwel Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet li saret bejn id-29 ta’ Settembru u d-29 ta’ Ottubru 1967,  sentejn biss wara li ntemm il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. It-tema diskussa kienet, “Il-Preservazzjoni u tisħiħ tal-fidi Kattolika, l-integrità tagħha, il-qawwa tagħha, l-iżvilupp tagħha, il-koerenza dottrinali u storika tagħha.”