Laikos

 

 

KONSAGRAZZJONI LILL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ

Ġesù l-aktar ħelu, o Feddej tal-bnedmin, ħares lejna mixħutin quddiem l-artal tiegħek. Aħna tiegħek u tiegħek irridu nkunu; u biex aktar inkunu magħqduin miegħek, kull wieħed minna llum jingħata lill-Qalb tiegħek imqaddsa. Bosta, jaħasra, ma għarfuk qatt, oħrajn maqdru l-kmandamenti tiegħek u ċaħduk. O Ġesù l-aktar ħelu, ikollok ħniena minn dawk u minn dawn, u lkoll iġbidhom lejn il-qalb tiegħek imqaddsa. O Mulej, kun is-sultan, mhux biss tal-insara li ma tbiegħdu qatt minnek, imma wkoll ta’ dawk l-ulied ħatjin li telquk, agħmel li dawn mill-aktar fis, jerġgħu għal dar missierhom, biex ma jmutux fil-faqar u bil-ġuħ. Kun is-sultan ukoll ta’ dawk li xi żball tal-moħħ qiegħed iżommhom imqarrqin jew il-ġlied jifridhom; sejħilhom għall-port tas-sewwa u għal twemmin wieħed, biex f’qasir żmien issir merħla waħda taħt ragħaj wieħed. Agħti, Mulej, kobor u setgħa lill-Knisja tiegħek, agħti s-sliem lill-ġnus, agħmel li minn tarf sal-ieħor tal-art ikun jinstema’, dan il-leħen: Tkun imfaħħra dik il-Qalb t’Alla li minnha ħadna saħħitna; Lilu kobor u ġieh għal dejjem. Ammen.

 

Mir-Ritwal għas-Sagramenti, għas-Sagramentali u għad-Devozzjonijiet popolari, 1967. 352.