Laikos

 

INAWGURAZZJONI SOLENNI TAL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN IT-TIENI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI XXIII

Il-Ħamis 11 ta’ Ottubru 1962

 

Sessjoni I

 

Ħuti għeżież,

 

1. Tifraħ Ommna l-Knisja għax, b’don speċjali tal-Providenza Divina, wasal fl-aħħar il-jum tant mixtieq meta, fuq il-qabar ta’ Pietru, għad-dell tal-Verġni Omm Alla, li tagħha lum qed niċċelebraw bil-ferħ id-dinjità materna, qed jiftaħ solennement il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

 

Il-Konċilji Ekumeniċi fil-Knisja

2.1. Il-Konċilji kollha – kemm l-għoxrin Ekumeniċi u kemm tant oħrajn Provinċjali u Reġjonali li m’hux ta’ min iwarrab – li ġew iċċelebrati tul il-medda tas-sekli, jixhdu għall-ħajja attiva tal-Knisja Kattolika u jinsabu mnaqqxa bħal imsiebaħ jixegħlu fl-istorja tagħha.

 

2.2. Huwa u jsejjaħ din l-assemblea grandjuża, is-Suċċessur l-aktar riċenti u umli tal-Prinċep ta’ l-Appostli, li qed ikellimkom, irid jipproponi li jirriafferma għal darb’oħra l-Maġisteru tal-Knisja, li qatt ma jiżbalja u jibqa’ sat-temma taż-żmien; Maġisteru li f’dan il-Konċilju qed jippreżenta ruħu b’mod straordinarju lill-bnedmin kollha li hawn fid-dinja, waqt li jżomm f’moħħu d-differenzi, l-esiġenzi, u l-opportunitajiet ta’ l-epoka kontemporanja.

 

2.3. Huwa u jiftaħ dan il-Konċilju universali, il-Vigarju ta’ Kristu, li qed ikellimkom, iħares, kif hu naturali, lejn l-imgħoddi, u kważi jaqra l-leħen imħeġġeġ u inkuraġġanti: għalhekk bil-qalb kollha jaħseb fil-merti tal-Papiet li għexu fi żminijiet eqdem u iktar riċenti, u li mill-assemblej tal-Konċilji, miżmuma kemm fil-Lvant u kemm fil-Punent mir-raba’ seklu għall-Medju Evu u sa żmienna, għaddewlna x-xhieda ta’ leħen hekk għażiż u solenni.  Huma jħabbru bla heda t-trijonf ta’ dik is-Soċjetà umana u divina, jiġifieri tal-Knisja, li ġġorr l-isem, id-doni tal-grazzja u l-valur kollu tal-Feddej Divin.

 

2.4. Jekk dan hu motiv ta’ ferħ spiritwali, xorta ma nistgħux niċħdu l-fatt li fil-linja twila ta’ dsatax-il seklu din l-istorja sfat imdella minn bosta mumenti ta’ diqa u mrar.  Kien u għadu jiswa dak li x-xwejjaħ Xmuni b’leħen profetiku qal lil Marija Omm Ġesù: “Hu għad ikun il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna…, sinjal li jmeruh” (Lq 2:34).  U Ġesù nnifsu, meta kien kiber fl-età, wera biċ-ċar kif fiż-żmien kellhom iġibu ruħhom il-bnedmin miegħu, meta lissen dawk il-kelmiet misterjużi: “Min jisma’ lilkom, jisma’ lili” (Lq 10:16).  U qal ukoll: “Min m’hux miegħi, hu kontra tiegħi; u min ma jiġborx miegħi, ixerred” (Lq 11:23), kif insibu miktub f’San Luqa, li jagħtina wkoll l-espressjonijiet li kkwotajna ta’ qabel.

 

2.5. Wara kważi għoxrin seklu, is-sitwazzjonijiet u l-problemi tant gravi li l-umanità jeħtieġ taffronta ma nbidlux; fil-fatt Kristu għandu dejjem il-post ċentrali ta’ l-istorja u tal-ħajja: il-bnedmin jew jisimgħu minnu u mill-Knisja, u hekk igawdu mid-dawl, it-tjieba, l-ordni ġust u l-ġid tal-paċi; jew inkella jgħixu mingħajru u jiġġildulu u jibqgħu b’għażla tagħhom barra mill-Knisja, u għalhekk jinħoloq fosthom taħwid, ir-relazzjonijiet bejn xulxin isiru diffiċli, u jfeġġ il-periklu ta’ gwerer imdemmija.

 

2.6. Kull meta jiġu ċċelebrati, il-Konċilji Ekumeniċi jipproklamaw f’forma solenni din ir-rabta ta’ Kristu mal-Knisja tiegħu u jxerrdu ma’ kullimkien id-dawl tal-verità, imexxu fit-triq it-tajba l-ħajja ta’ l-individwi, ta’ dawk li jgħixu fil-familji u tas-soċjetà, iqajmu u jqawwu l-enerġiji spiritwali, u jgħollu ’l fuq l-erwieħ għall-ġid veru u li jibqa’ għal dejjem.

 

2.7. Aħna u nikkontemplaw l-epoki suċċessivi ta’ l-umanità tul dawn l-għoxrin seklu ta’ l-era Kristjana, quddiemna jidhru x-xhieda ta’ dan il-Maġisteru staordinarju tal-Knisja, jiġifieri tal-Konċilji universali.  Din id-dokumentazzjoni tinsab miġbura f’bosta volumi ta’ imponenza liema bħalha, u ta’ min iqisha bħala teżor qaddis, li jinsab miżmum fil-Belt ta’ Ruma u fl-aktar bibljoteki ċelebri tad-dinja kollha.

 

Oriġni u kawża tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II

3.1. Dwar l-oriġni u l-kawża ta’ l-avveniment kbir li għalih għoġobna nsejħulkom, biżżejjed insemmu mill-ġdid ix-xhieda, ċertament umli, imma li aħna nistgħu niżguraw bħala ppruvata: l-ewwel darba li ħsibna f’dan il-Konċilju kien kważi f’leħħa ta’ mument, u mbagħad għarrafna bih bi kliem sempliċi lill-Kulleġġ Imqaddes tal-Kardinali f’dak il-jum hieni tal-25 ta’ Jannar 1959, festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, fil-Bażilika Patrijarkali tiegħu fuq via Ostiense.  Dawk li kienu preżenti ħassewhom mill-ewwel kommossi, bħallikieku kien idda xi raġġ ta’ dawl sopranaturali, u dan urewh ilkoll bil-ħarsa ta’ ħlewwa fuq wiċċhom u f’għajnejhom.  Fl-istess ħin xegħel mad-dinja kollha interess qawwi, u l-bnedmin kollha bdew jistennew kważi bla sabar iċ-ċelebrazzjoni tal-Konċilju.

 

3.2. F’dawn l-aħħar tliet snin twettqet ħidma intensiva biex jitħejja l-Konċilju, bl-għan li nindagaw b’iktar preċiżjoni u kullimkien liema hi, f’dan iż-żmien li qed ngħixu fih, il-qagħda tal-Fidi, tal-prattika reliġjuża, tas-sitwazzjoni tal-komunità Kristjana u fuq kollox Kattolika.

 

3.3. Mhux ta’ b’xejn li dan iż-żmien ta’ tħejjija għall-Konċilju jidhrilna li kien kważi l-ewwel sinjal u don tal-grazzja tas-Sema.

 

3.4. Mixgħula mid-dawl ta’ dan il-Konċilju, il-Knisja tixtieq tikber, kif nittamaw, fl-għana spiritwali u, hi u tikseb il-ħeġġa għal enerġiji ġodda, tħares b’ċertezza lejn iż-żminijiet li ġejjin.  Fil-fatt, bl-introduzzjoni opportuna ta’ ċerti bidliet u bl-impenn għaref tagħha fl-għajnuna reċiproka, il-Knisja tixtieq li l-bnedmin, il-familji u l-ġnus tabilħaqq idawru ħsiebhom lejn ir-realtajiet sopranaturali.

 

3.5. Għalhekk hu dmir tagħna li rroddu ħajr minn qalbna lil Dak li minnu ġej kull ġid għaċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-Konċilju, u nfaħħru bl-hena kollu l-glorja ta’ Kristu l-Mulej, li hu Sultan rebbieħ u etern taż-żminijiet u l-ġnus kollha.

 

L-opportunità li niċċelebraw il-Konċilju

4.1. Hemm imbagħad ħaġa oħra, Ħuti għeżież, li jiswa li rressqu għall-kunsiderazzjoni tagħkom fuq dan l-argument.  Biex ngħollu aktar l-hena qaddis li f’din is-siegħa solenni qed jolqot lil qlubna, jixraq li nosservaw quddiem din l-assemblea grandjuża li l-ftuħ ta’ dan il-Konċilju Ekumeniku qed iseħħ propju f’ċirkustanzi ta’ żmien favorevoli.

 

4.2. Fil-fatt spiss jiġri, kif diġà rajna aħna u nwettqu ta’ kuljum il-ministeru appostoliku tagħna, li, mhux b’inqas offensiv għal widnejna, jaslilna l-kliem ta’ xi wħud li, għalkemm mixgħula b’żelu kbir għar-reliġjon, jivvalutaw il-fatti mingħajr biżżejjed oġġettività u ġudizzju prudenti.  Fil-kundizzjonijiet attwali tas-soċjetà umana, huma ma jaraw xejn aktar ħlief rovina u nkwiet; joħorġu jgħidu li żminijietna huma wisq agħar meta nqabbluhom mas-sekli ta’ qabel; u jaslu wkoll sal-punt li jġibu ruħhom bħallikieku ma kellhom xejn x’jitgħallmu mill-istorja, li hi l-għalliema tal-ħajja, u bħallikieku fi żmien il-Konċilji ta’ qabel kollox mexa ħarir f’dak li għandu x’jaqasam mad-duttrina Nisranija, mal-morali, mal-libertà ġusta tal-Knisja.

 

4.3. Lilna jidhrilna li fermament m’għandniex naqblu ma’ dawn il-profeti ta’ l-isfortuna, li dejjem iħabbru l-agħar, donnhom qed jilmħu joqrob l-aħħar tad-dinja.

 

4.4. Fil-qagħda preżenti tal-ġrajjiet umani, fejn l-umanità donnha dieħla f’ordni ġdid ta’ l-affarijiet, iktar għandna naraw il-pjanijiet misterjużi tal-Providenza Divina, li jseħħu f’kull żmien permezz ta’ l-għemejjel tal-bnedmin, u spiss lil hemm minn dak li dawn ikunu jistennew, waqt li bl-għerf tagħhom jużaw kollox, anki l-ġrajjiet koroh tal-bnedmin, għall-ġid tal-Knisja.

 

4.5. Dan wieħed faċli jasal għalih jekk iqis b’attenzjoni x’inhuma l-lum il-problemi u l-perikli ta’ natura politika u ekonomika.  Dawn iżommu lill-bnedmin hekk medhija, li jbiegħdu l-interessi u t-tħassib tagħhom mill-fatt reliġjuż, li jappartieni lill-Maġisteru mqaddes tal-Knisja.  Żgur li din l-imġiba m’hix nieqsa mill-iżball, u għalhekk bir-raġun kollu m’għandhiex tiġi approvata.  Madankollu, ħadd ma jista’ jiċħad li dawn is-sitwazzjonijiet ikkawżati ta’ l-inqas għandhom dan il-vantaġġ, li hekk tneħħew dawk il-bosta impedimenti li bihom fi żminijiet oħra wlied din id-dinja kienu spiss ifixklu l-azzjoni ħielsa tal-Knisja.  Biżżejjed daqqa t’għajn ħafifa lejn l-istorja ekkleżjastika biex nosservaw biċ-ċar kif l-istess Konċilji Ekumeniċi, li l-ġrajjiet tagħhom huma miktuba b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Knisja, spiss ġew iċċelebrati mhux mingħajr diffikultajiet gravi u motivi ta’ diqa minħabba l-indħil xejn f’postu tas-setgħa ċivili.  Fil-fatt xi drabi l-Prinċpijiet ta’ din id-dinja ġenwinament offrew li jieħdu f’idejhom il-ħarsien tal-Knisja, imma wisq drabi dan seħħ ukoll bi ħsara u periklu spiritwali, għax spiss dawn kienu mmexxija minn kalkoli politiċi u taw wisq kas ta’ l-interessi tagħhom.

 

4.6. Nistqarru li l-lum aħna milquta minn diqa kbira għax fostkom hemm nieqsa bosta Rgħajja tal-Knisja, wisq għeżież għalina, li minħabba fil-Fidi ta’ Kristu huma marbuta fil-ktajjen jew imxekkla minn ostakli oħra, u li t-tifkira tagħhom iġġegħilna ngħollu quddiem Alla talb ħerqan għalihom; minkejja dan, b’tama u faraġ kbir għalina, qed naraw iseħħ quddiemna l-fatt li l-Knisja, maħlula sa fl-aħħar minn tant impedimenti profani tas-snin l-imgħoddija, minn dan it-Tempju tal-Vatikan, bħal minn Ċenaklu ieħor ta’ l-Appostli, permezz tagħkom tista’ tgħolli ’l fuq leħinha, mimli b’aworità u maestà.

 

L-għan ewlieni tal-Konċilju: li jħares u jxerred id-duttrina

5.1. Dak li iktar minn kull ħaġa oħra jinteressa lill-Konċilju hu li d-depożitu mqaddes tad-duttrina Nisranija jitħares u jiġi mgħallem f’għamla iżjed effikaċi.

 

5.2. Din id-duttrina tħaddan lill-bniedem kollu, magħmul minn ruħ u ġisem, u lilna, li ngħixu fuq din l-art, tordnalna li ngħixu bħala pellegrini mexjin lejn is-Sema pajjiżna.

 

5.3. Dan juri b’liema mod għandha tkun ordnata din il-ħajja fid-dinja, sakemm, wara li nkunu wettaqna d-dmirijiet tagħna, li għandna lejn il-Belt ta’ l-art u dik tas-Sema, naslu biex nilħqu l-għan imwaqqaf għalina minn Alla sa minn qabel.  Fi kliem ieħor, il-bnedmin kollha, kemm bħala individwi u kemm bħala soċjetà, sakemm din il-ħajja tippermettilhom, huma fid-dmir li jitħabtu bla waqfien biex jiksbu l-ġid tas-Sema, u biex jagħmlu dan jinqdew bir-realtajiet ta’ din l-art, b’mod imma li l-użu tal-ġid li jgħaddi ma jippreġudikax il-ferħ etern tagħhom.

 

5.4. Hu tabilħaqq minnu li l-Mulej għamel din l-eżortazzjoni: “Fittxu l-ewwel is-Saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu” (Mt 6:33).  Dan “l-ewwel” jesprimi lejn fejn għandhom ikunu diretti fuq kollox l-isforzi u t-tħassib tagħna; imma ma nistgħux lanqas inwarrbu għall-ġenb il-kelmiet l-oħra li nsibu dritt wara f’dan il-kmand tal-Mulej: “u dan kollu jingħatalkom ukoll” (Mt 6:33).  Fir-realtà, fil-Knisja dejjem kien u għad hemm dawk li, anki jekk jiddedikaw ruħhom bil-qawwa kollha għall-prattika tal-perfezzjoni evanġelika, fl-istess ħin jagħtu l-kontribut tagħhom b’riżq il-progress ċivili, biex mill-eżempji ta’ ħajjithom u ta’ l-inizjattivi ta’ ġid tagħhom għall-karità, jitqawwa u jistagħna mhux ftit dak kollu li hu l-ogħla u l-iktar nobbli fis-soċjetà umana.

 

5.5. Imma biex din id-duttrina tilħaq il-bosta oqsma ta’ l-attività umana, li jmissu ma’ l-individwi, il-familji u l-ħajja soċjali, qabel xejn hu meħtieġ li l-Knisja ma twarrab qatt ħarsitha minn fuq il-wirt qaddis tal-verità li hi rċiviet minn dawk ta’ qabilha; u fl-istess ħin hemm bżonn li tħares ukoll lejn il-preżent, li jġib miegħu sitwazzjonijiet u modi ġodda ta’ ħajja, u fetaħ toroq ġodda għall-appostolat Kattoliku.

 

5.6. Għalhekk il-Knisja ma baqgħetx indifferenti quddiem dawn il-kixfiet meraviljużi tal-ġenju uman u għal dak il-progress ta’ ideat li minnu ngawdu l-lum, lanqas ma żammet lura milli ġenwinament tapprezzahom; imma, hija u ssegwi b’attenzjoni dawn il-fatti, ma tieqaf qatt twissi lill-bnedmin biex, ’il fuq mill-ġibdiet tar-realtajiet viżibbli, jgħollu għajnejhom lejn Alla, għajn ta’ kull għerf u ta’ kull ġmiel, biex dawk li għalihom intqal: “Imlew l-art u aħkmuha” (ara Ġen 1:28), ma jinsewx dak il-kmandament kbir: “Lill-Mulej Alla tiegħek biss għandek tadura u lilu biss taqdi” (Mt 4:10; Lq 4:8), biex hekk il-ġmiel li jgħaddi tal-ħwejjeġ maħluqa ma jżommx lura l-progress veru.

 

B’liema mod għandha tiżviluppa d-duttrina l-lum

6.1. Ħuti għeżież, wara din il-premessa hu ċar x’inhu mistenni li jagħmel il-Konċilju Ekumeniku f’dak li għandu x’jaqsam mad-duttrina.

 

6.2. Il-wieħed u għoxrin Konċilju Ekumeniku – bl-għajnuna effikaċi u importanti ta’ persuni li jeċċellaw fix-xjenzi tad-dixxiplini mqaddsa, ta’ l-eżerċizzju ta’ l-appostolat u tar-rettitudni fl-imġiba – jixtieq jgħaddi d-duttrina Kattolika sħiħa, bla tnaqqis jew tagħwiġ, li, minkejja d-diffikultajiet u l-kontroversji, saret wirt komuni għall-bnedmin.  Dan il-fatt m’hux milqugħ minn kulħadd, imma qed nipproponuh bħala offerta ta’ teżor l-aktar abbundanti lil dawk kollha ta’ rieda tajba.

 

6.3. Imma aħna m’għandniex biss inħarsu dan it-teżor prezzjuż, bħallikieku kien jinteressana biss mill-qedem tiegħu, imma, b’ħidma sfiqa, mingħajr biża’, jeħtieġ nissoktaw fil-ħidma li l-epoka tagħna qed titlob minna, u nħabirku fil-mixja li l-Knisja ilha tterraq għal kważi għoxrin seklu.

 

6.4. Imma l-ħidma tagħna lanqas tikkonsisti, bħala għan primarju, f’li niddiskutu xi wħud mit-temi prinċipali tad-duttrina ekkleżjastika, u hekk nerġgħu niftakru b’aktar dettall f’dak li għallmu l-Missirijiet u t-teologi antiki u moderni u li ovvjament nassumu li intom ma warrabtux, imma jinsab minqux fil-menti tagħkom.

 

6.5. Biex sempliċiment nidħlu f’diskussjonijiet simili ma kienx hemm bżonn jissejjaħ Konċilju Ekumeniku.  Fil-preżent, allura, hu meħtieġ li f’dawn iż-żminijiet tagħna t-tagħlim Nisrani kollu jiġi eżaminat mill-ġdid, b’ruħ serena u kalma, mingħajr ma jitnaqqaslu xejn, b’dak il-mod eżatt ta’ kif wieħed jaħseb u jifformula l-kliem li jispikka fuq kollox fl-atti tal-Konċilji ta’ Trento u Vatikan I; hu meħtieġ li l-istess duttrina tiġi eżaminata b’mod iktar wiesa’ u profond u li l-erwieħ jiġu iktar mgħaddsa fiha u mgħarrfa dwarha, kif jixtiequ tabilħaqq dawk kollha li ġenwinament jemmnu fil-verità Kristjana, Kattolika, Appostolika; hu meħtieġ li din id-duttrina ċerta u li ma tinbidilx, li dwarha għandu jkun hemm kunsens fidil, tiġi approfondita u murija skond ma hu mitlub miż-żminijiet tagħna.  Mela, altru d-depożitu tal-Fidi, jiġifieri l-veritajiet li jagħmlu parti mid-duttrina mqaddsa tagħna, u altru l-mod li bih jiġu mħabbra, dejjem, imma, fl-istess sens u l-istess tifsira.  Ta’ min jagħti importanza kbira lil dan il-metodu u, jekk meħtieġ, jiġi applikat bis-sabar; hemm bżonn li tiġi addottata dik l-għamla ta’ espożizzjoni li l-aktar tikkorrispondi għall-Maġisteru, li l-karattru tiegħu hu prinċipalment pastorali.

 

B’liema mod niġġieldu ’l-iżbalji

7.1. Fil-ftuħ ta’ dan il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, hu evidenti iktar minn qatt qabel li l-verità tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.  Minn żmien għall-ieħor nilmħu, fil-fatt, li l-fehmiet dubjużi tal-bnedmin huma f’kuntrast ma’ xulxin u spiss l-iżbalji jgħibu ftit wara li jqumu, bħal ċpar li jdub mas-sħana tax-xemx.

 

7.2. M’hemm l-ebda żmien li fih il-Knisja ma wrietx ruħha kontra dawn l-iżbalji; spiss ikkundannathom ukoll, xi drabi b’severità l-aktar qawwija.  Fi żminijietna, l-Għarusa ta’ Kristu tippreferi tuża d-duwa tal-ħniena flok taqbad l-armi tas-severità ħarxa; hi temmen li għandha tara x’inhuma l-bżonnijiet tal-lum, billi turi b’mod iżjed ċar il-valur tat-tagħlim tagħha iktar milli tikkundanna.  Mhux għax aħna neqsin minn duttrini foloz, fehmiet u perikli minn xiex inħarsu ruħna u li għandna nopponu; imma għax dawn kollha huma f’kuntrast hekk miftuħ mal-prinċipji retti ta’ l-onestà, u taw frott li jwassal għall-mewt hekk li l-lum il-bnedmin f’daqqa waħda donnhom bdew jistmerruhom, speċjalment dawk il-forom ta’ eżistenza li jinjoraw lil Alla u l-liġijiet tiegħu, għax iqiegħdu wisq fiduċja fil-progressi tat-teknika u jfasslu l-ġid tal-bniedem biss fuq il-kumditajiet tal-ħajja.  Il-bnedmin qed jagħrfu dejjem iżjed li d-dinjità tal-persuna umana u l-perfezzjoni naturali tagħha hi kwistjoni ta’ importanza kbira u diffiċli ħafna tasal għaliha.  Dak li jiswa fuq kollox hu li huma tgħallmu mill-esperjenza li l-vjolenza esterna mħaddma kontra l-oħrajn, il-qawwa ta’ l-armi u s-supremazija politika assolutament m’humiex biżżejjed biex jirrisolvu għal kollox il-problemi kbar li jitturmentawhom.

 

7.3. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Knisja Kattolika, waqt li b’dan il-Konċilju Ekumeniku terfa’ fl-għoli l-musbieħ tal-verità Kattolika, tixtieq turi ruħha bħala omm mimlija mħabba għal kulħadd, twajba, tistabar, imqanqla mill-ħniena u mit-tjieba lejn l-ulied li nfirdu minnha.  Lill-umanità mħabbta minn tant tiġrib hi tgħid dak li qal Pietru lil dak il-fqajjar li talbu l-karità: “Fidda u deheb m’għandix, imma minn dak li għandi sa nagħtik: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazareth, qum u imxi!” (Atti 3:6).  Fi kliem ieħor, il-Knisja ma toffrix lill-bnedmin ta’ żminijietna għana li jintemm, lanqas twegħidhom ferħ tad-dinja biss; imma tqassam il-ġid tal-grazzja sopranaturali, li jgħolli lill-bnedmin għad-dinjità ta’ wlied Alla u huwa ħarsien qawwi u għajnuna li tagħmlilhom ħajjithom iżjed umana; tiftaħ l-għejun tad-duttrina abbundanti tagħha, li biha l-bnedmin, imdawla mid-dawl ta’ Kristu, jirnexxilhom jifhmu fil-profond huma min huma tassew, b’liema dinjità huma mżejna, lejn liema destinazzjoni mexjin; fl-aħħar nett, permezz ta’ wliedha turi ma’ kullimkien il-kobor ta’ l-imħabba Nisranija, li xejn ma jiswa iżjed minnha biex neqirdu ż-żerriegħa tal-firda, xejn m’hu effikaċi daqsha biex inġibu ’l quddiem l-għaqda, il-paċi ġusta u l-fraternità bejn kulħadd.

 

Nippromovu l-għaqda fil-familja Nisranija u umana

8.1. Din ix-xewqa tal-Knisja li xxerred u tħares il-verità ġejja mill-fatt li, skond il-pjan ta’ Alla, “li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità” (1 Tim 2:4), mingħajr l-għajnuna tad-duttrina rivelata kollha l-bnedmin ma jistgħux jaslu għal għaqda sħiħa u soda ta’ l-erwieħ, li minnha jiġu l-vera paċi u l-fidwa ta’ dejjem.

 

8.2. Sfortunatament il-komunità ta’ l-Insara għadha ma laħqitx b’mod sħiħ u perfett din l-għaqda viżibbli fil-verità.  Il-Knisja Kattolika tħoss li hu dmir tagħha tħabrek b’mod attiv biex jitwettaq il-misteru kbir ta’ dik l-għaqda li Kristu Ġesù bi kliem ħerqan talab lill-Missier tas-Sema meta kien qorob is-sagrifiċċju tiegħu; hi tgawdi minn sliem l-aktar ħelu għax taf li tinsab magħquda intimament ma’ Kristu f’dak it-talb; iktar minn hekk, tifraħ mill-qalb meta tara li dawn l-invokazzjonijiet qed jagħmlu iżjed frott kotran anki fost dawk li jinsabu ’l barra mill-ħitan tagħha.  Jekk inqisu sew, din l-istess għaqda, li Kristu talab għall-Knisja tiegħu, donnha kważi tiddi b’raġġ tripliku ta’ dawl sopranaturali u salvifiku, li miegħu jikkorrispondu: l-għaqda tal-Kattoliċi bejniethom, li hemm bżonn tinżamm soda u tiddi bħala eżempju; imbagħad, l-għaqda li tikkonsisti fit-talbiet u t-tamiet ħerqana li bihom l-Insara mifruda minn din is-Sede Appostolika jixtiequ li jkunu magħquda magħna; u fl-aħħar, l-għaqda mibnija fuq l-istima u r-rispett li għandhom lejn il-Knisja Kattolika dawk li jsegwu d-diveri għamliet ta’ reliġjon li għadhom m’humiex Insara.

 

8.3. F’dan id-dawl – minkejja li l-bnedmin kollha li jitwieldu diġà ġew mifdija mid-demm ta’ Kristu – wieħed għandu biex isewwed qalbu li sa issa parti kbira mill-familja umana għad m’għandhiex sehem minn dawk l-għejun ta’ grazzja sopranaturali li jinsabu fil-Knisja Kattolika.  Għalhekk għall-Knisja Kattolika, li d-dawl tagħha jdawwal il-ħwejjeġ kollha u li mill-qawwa ta’ l-għaqda sopranaturali tagħha tgawdi l-komunità umana kollha, nistgħu napplikaw perfettament il-kelmiet sbieħ ta’ San Ċiprijanu: “Mimlija bid-dawl, il-Knisja ta’ Kristu xxerred ir-raġġi tagħha fuq id-dinja kollha; imma dan hu dawl wieħed li jilma kullimkien, u hekk ma titkissirx l-għaqda tal-ġisem.  Twessa’ l-friegħi tagħha fuq l-art kollha għall-ġid kotran, tkabbar bil-ħeġġa l-għejun tagħha biex inixxu b’abbundanza; imma waħda hi r-ras, waħda l-oriġni u waħda l-omm fertili għall-frott imbierek: minnha tnissilna, nerdgħu mill-ħalib tagħha, u ngħixu mill-ispirtu tagħha” (De Catholicæ Ecclesiæ unitate, 5).

 

8.4. Ħuti għeżież, dan hu li qed jipproponi l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, li, hu u jiġbor flimkien l-aqwa enerġiji tal-Knisja u b’żelu jħabrek biex il-bnedmin jilqgħu bl-aħjar mod il-bxara tas-salvazzjoni, kważi jħejji u jsaħħaħ it-triq għall-għaqda tal-familja umana, li hi bħall-fundament neċessarju biex il-Belt ta’ din l-art issir tixbah iktar lill-Belt tas-Sema “li s-sultan tagħha hu l-verità, il-liġi tagħha hi l-imħabba, u l-kobor tagħha hi l-eternità” (Santu Wistin, Ep. CXXXVIII, 3).

 

Konklużjoni

9.1. U issa “niftħu fommna għalikom” (2 Kor 6:11, Vlg), għeżież Ħutna fl-Episkopat.  Hawn aħna l-lum miġbura f’din il-Bażilika tal-Vatikan, fejn jinsab il-fus ta’ l-istorja tal-Knisja: fejn issa s-Sema u l-art jingħaqdu f’tgħanniqa waħda, hawn fuq il-qabar ta’ San Pietru, qrib l-oqbra ta’ tant Predeċessuri Mqaddsa tagħna, li l-irmied tal-fdalijiet tagħhom f’din is-siegħa solenni donnu jrid iqum bi tkexkixa misterjuża ta’ ferħ.

 

9.2. Il-Konċilju li qed jiftaħ hu għall-Knisja bħal jum mimli dija ta’ dawl mill-isbaħ.  Bilkemm għadu sebaħ: imma ruħna donnha diġà qed tmiss ħelu ħelu ma’ l-ewwel raġġi tax-xemx li tielgħa!  Hawn kollox jispira qdusija, iqanqal l-hena.  Fil-fatt nistgħu nikkontemplaw kwiekeb li bid-dawl tagħhom jgħollu l-maestà ta’ dan it-tempju, u dawn huma intom, skond ix-xhieda ta’ l-Appostlu Ġwanni (ara Apok 1:20); u għalikom jiddu l-gandlieri tad-deheb madwar il-qabar tal-Prinċep ta’ l-Appostli, li huma l-Knejjes fdati lilkom (ara Apok 1:20).  Nilmħu wkoll il-personalitajiet l-aktar denji li ġew Ruma mill-ħames kontinenti, jirrappreżentaw il-pajjiżi tagħhom, u li jinsabu hawn preżenti b’rispett kbir u fi stennija ħelwa.

 

9.3. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-qaddisin u l-bnedmin qed jikkoperaw fiċ-ċelebrazzjoni tal-Konċilju: il-qaddisin mis-Sema impenjaw ruħhom li jħarsu fuq il-ħidmiet tagħna; il-fidili, li jgħollu quddiem Alla talb ħerqan; u intom ilkoll, billi tilqgħu bil-ħeffa l-ispirazzjonijiet sopranaturali ta’ l-Ispirtu s-Santu, li tintefgħu b’ruħkom u b’ġisimkom biex il-ħidmiet tagħkom iwieġbu b’mod sħiħ għax-xewqat u l-ħtiġijiet tad-diversi popli.  Biex dan iseħħ, huma mitluba minnkom il-paċi serena tar-ruħ, l-armonija fraterna, il-moderazzjoni fl-inizjattivi, il-korrettezza fid-diskussjonijiet, u l-għerf f’kull deċiżjoni.

 

9.4. Jalla l-impenn u l-ħidma tagħkom, li għandhom fuqhom mhux biss l-għajnejn tal-popli, imma anki t-tamiet tad-dinja kollha, jikkorrispondu fil-wisa’ max-xewqat u l-aspettattivi.

 

9.5. Alla li tista’ kollox, fik inqiegħdu l-fiduċja kollha tagħna, u mhux fil-qawwa tagħna.  Ħares bi tjieba fuq dawn ir-Rgħajja tal-Knisja tiegħek.  Id-dawl tal-grazzja tiegħek tas-Sema jkun magħna fid-deċiżjonijiet li nieħdu u fil-liġijiet li nfasslu; u ddumx ma tisma’ t-talbiet li nagħmlulek fl-għaqda tal-Fidi, kemm b’leħinna u kemm ġo qalbna.

 

9.6. O Marija, Għajnuna ta’ l-Insara, Għajnuna ta’ l-Isqfijiet, li mħabbtek doqniha dan l-aħħar b’mod partikulari fit-tempju ta’ Loreto, fejn ġejna nqimu l-Misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, bl-għajnuna tiegħek agħmel li dan il-Konċilju jkollu tmiem hieni, tajjeb u ta’ ġid; flimkien ma’ l-Għarus tiegħek San Ġużepp, mal-qaddisin Appostli Pietru u Pawlu, mal-qaddisin Ġwanni l-Battista u l-Evanġelista, idħol għalina quddiem Alla.

 

9.7. Lil Ġesù Kristu, Feddej wisq maħbub tagħna, Sultan etern tal-ġnus u taż-żminijiet, imħabba, setgħa u glorja għal dejjem ta’ dejjem.  Amen.

 

 

 

[AAS 54 (1962), pp. 785-795]

 

Traduzzjoni mit-Taljan għall-Malti ta’ Francesco Pio Attard