SALVIFICI DOLORIS

TBATIJA GĦAS-SALVAZZJONI

Ittra Appostolika tal-Papa Ġwanni Pawlu II

dwar xi tfisser għan-Nisrani it-tbatija tal-bniedem

 

Ħuti meqjuma fl-episkopat, għeżież ħuti fi Kristu

DAĦLA

1. L-Appostlu San Pawl biex juri x’qawwa għandha t-tbatija għas-salvazzjoni, qal: “Jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja”[1].

Dan il-kliem jidher qisu jinsab fi tmiem it-triq it-twila tat-tbatija li hi sehem il-ġrajja tal-bniedem u li hi mdawwla mill-Kelma ta’ Alla. Dan il-kliem ta’ San Pawl qisu għandu s-siwi ta’ xi ħaġa li nstabet darba għal dejjem u tagħti ferħ kbir. Hu għalhekk li San Pawl jikteb: “Nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom”[2]. Il-ferħ ġej mill-għarfien ta’ xi tfisser it-tbatija; għalkemm Pawlu ta’ Tarsu li qiegħed jikteb għaraf xi tfisser it-tbatija b’mod tassew personali, madankollu kulħadd jista jasal biex jagħraf dan. L-Appostlu jrid iwassal lill-oħrajn dak li għaraf hu, ferħan li b’hekk kulħadd se jkollu l-għajnuna – kif hu stess kellu l-għajnuna – ħa jifhem sewwa l-qawwa li għandha t-tbatija għas-salvazzjoni.

2. It-tbatija – l-aktar fir-rabta tagħha mas-salvazzjoni - tidher ħaġa f’waqtha biex naħsbu sewwa fuqha f’din is-sena mqaddsa tal-Fidwa, li l-Knisja qiegħda tiċċelebra b’Ġublew straordinarju. Hi għalhekk okkażjoni tajba biex dan is-suġġett tat-tbatija jiġi studjat sewwa u fil-fond. Iżda, ukoll li ma kinitx din is-Sena mqaddsa tal-Ġublew, il-problema tat-tbatija tal-bniedem hu problema li dejjem jolqot il-bnedmin kollha f’kollox, minn tarf għall-ieħor tad-dinja, qisu li t-tiġrib b’xi mod daħal fid-dinja mal-bniedem; dan iwassal lill-bniedem biex qatt ma jieqaf jitkellem fuq it-tbatija. Għalkemm San Pawl, fl-ittra lir-Rumani, jikteb: “nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas,”[3] u għalkemm naraw madwarna l-annimali jbatu, b’dana kollu, meta nitkellmu fuq “it-tbatija”, nifhmu b’mod speċjali, it-tbatija li hi fin-natura tal-bniedem. Din it-tbatija hi ħaġa kbira daqskemm hu kbir il-bniedem, għaliex b’xi mod turi x’inhu l-kobor tal-bniedem, u bil-mod tagħha tgħaddi wkoll il-kobor tal-bniedem. Dan għaliex it-tbatija, milli jidher, hi xi ħaġa li għandha x’taqsam ma dak li bih il-bniedem hu aqwa mid-dinja ta’ madwaru, u tinsab f’dawk il-ħwejjeġ li bihom il-bniedem b’xi mod “hu msejjaħ” biex jogħla ‘l fuq minnu nnifsu, b’mod moħbi u misterjuż.

 

3. Jekk il-problema tat-tbatija għandna ngħarbluh sewwa b’mod speċjali f’din is-sena mqaddsa tal-Fidwa, dan nagħmluh l-ewwelnett għaliex il-Fidwa seħħet bis-Salib ta’ Kristu, jiġifieri bit-tbatijiet tiegħu. Fl-istess ħin, f’din is-Sena tal-Fidwa, aħna niftakru wkoll f’dik il-verita’ li tinsab fl-enċiċlika Redemptor hominis: fi Kristu “kull bniedem hu triq għall-Knisja”[4]. Nistgħu ngħidu li l-bniedem isir triq għall-Knisja b’mod speċjali meta t-tbatija tidħol f’ħajtu; u dan jiġri, kif kulħadd jafu f’kemm-il sura, u f’kull żmien ta’ ħajtu, issa għal ħaġa u issa għall-oħra, iżda hi x’inhi s-sura li jkollha t-tbatija, milli jidher, anzi hekk hu, it-tbatija ma tista’ qatt tkun nieqsa mill-ħajja tal-bniedem fid-dinja.

Il-Knisja għalhekk, hija u tqis li l-bniedem, fil-mixi tiegħu fid-dinja b’mod jew ieħor irid jgħaddi mit-triq tat-tbatija, għandha tmur dejjem tiltaqa’ miegħu – forsi l-aktar f’din is-sena mqaddsa tal-Fidwa – f’din it-triq. Il-Knisja li għandha l-bidu tagħha fil-misteru tal-Fidwa bis-Salib ta’ Kristu, għandha tara kif tiltaqa’ mal-bniedem b’mod speċjali fit-triq tat-tbatija, għax f’din il-laqgħa l-bniedem isir “triq għall-Knisja”, u din hi l-aqwa fost it-triqat kollha.

 

4. Hu dan il-ħsieb li għandu jqawwina biex nikkunsidraw il-problema tat-tbatija matul din is-Sena Mqaddsa tal-Fidwa; it-tbatija tal-bniedem tqanqalna biex inħossu għalih, twassalna biex nuruh ukoll rispett, u b’xi mod tbeżżagħna. Dan għaliex fit-tbatija hemm moħbi misteru kbir. Dan ir-rispett speċjali li għandu jkollna għal kull sura ta’ tbatija tal-bniedem irridu nuruh fil-bidu ta’ dak li se ngħidu għax inħossu fil-fond ta’ qalbna l-ħtieġa li nagħmlu dan u wkoll biex nobdu dak li tgħidilna l-fidi. Dak li nħossu f’qalbna u dak li tgħidilna l-fidi aħna u nitkellmu fuq it-tbatija, qishom jersqu lejn xulxin u jsiru ħaġa waħda; qalbna tgħidilna li għandna nirbħu l-biża, u l-fidi (kif, biex insemmu eżempju, ġa fissrilna San Pawl) tagħtina dak li bih u għalih il-bniedem jirnexxilu jikseb dik il-qawwa li l-bniedem kien jaħseb li bl-ebda mod ma jista’ jikseb; dan għaliex il-bniedem li qiegħed ibati hu fih innifsu misteru li ma nistgħu qatt nifhmu.


 

II

ID-DINJA TAT-TBATIJA TAL-BNIEDEM

5. It-tbatija, jekk inħarsu lejha fid-dimensjoni soġġettiva tagħha, bħala ħaġa kollha kemm hi personali u li tinsab fil-qiegħ nett tar-ruħ ta’ kull bniedem, tidher li la tista qatt tfissirha u l-anqas tgħaddiha lil ħaddieħor; iżda, minkejja dan, forsi t-tbatija jekk inqisuha fir-realta’ oġġettiva tagħha, nistgħu nistudjawha, naħsbu fuqha, u nqisuha bħala problema; u għalhekk nistgħu nistaqsu x’inhi n-natura tagħha u nfittxu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħna. Hi ħaġa ċara wkoll, li dan ma jfissirx biss li nuru x’inhi t-tbatija, għaliex, barra li nagħtu d-definizzjoni tagħha, rridu ngħidu wkoll x’inhuma l-kriterji li għandna nużaw, jekk irridu nifhmu sewwa x’inhi t-tbatija tal-bniedem fl-oqsma kollha tagħha.

Nafu li il-mediċina, li hi x-xjenza u s-sengħa tal-fejqan, mill-ħafna oqsma tat-tbatija tal-bniedem, taf biss l-oqsma l-aktar magħrufa, dawk jiġifieri li jistgħu jiġu mirbuħa, fihom infushom b’metodi ta’ kura li jmorru kontrihom (it-terapija). Imma dan hu biss ħaġa żgħira. It-tbatija tal-bniedem, hi wisq aktar minn hekk u, daqshekk ieħor hi ta’ ħafna u ħafna suriet; il-bniedem ibati b’ħafna modi, u l-mediċina ma tqishomx kollha, lanqas fl-ogħla specjalizazzjonijiet tagħha. Dan għaliex it-tbatija hi xi ħaġa aktar minn mard, hi aktar komplikata, u għandha egħruq aktar fil-fond fin-natura tal-bniedem. Dan nifhmuh aħjar jekk nagħżlu minn xulxin it-tbatija fiżika u t-tbatija morali. Din id-distinzjoni tiġi min-natura stess tal-bniedem u turi li t-tbatija tista tolqot direttament sew il-ġisem u sew ir-ruħ tal-bniedem. Il-kelmiet “tbatija” u “uġigħ” kemm-il darba jfissru l-istess ħaġa, iżda ikun hemm it-tbatija fiżika meta l-ġisem kollu jkun muġugħ, waqt li t-tbatija morali hi n-niket, it-tbatija fir-ruħ. Hi tbatija kollha kemm hi spiritwali, u mhux biss tbatija psikika jew psikoloġika (“uġigħ ta’ qalb”); din tista tkun imsieħba kemm mat-tbatija fiżika u kemm mat-tbatija morali. Il-ħafna suriet ta’ tbatija morali ma humiex anqas mis-suriet kollha tat-tbatija fiżika; iżda t-tbatija morali jidher li hi ftit magħrufa u ftit ukoll titfejjaq bit-terapija.

 

6. Il-Kotba tal-Iskrittura nistgħu nqisuhom ktieb kbir tat-tbatija. Insemmu għalhekk xi eżempji mill-Kotba tal-Patt il-Qadim li juruna b’mod singulari t-tbatija tal-bniedem, u l-aktar it-tbatija morali. Naraw hawnhekk it-tbatija – in-niket - li wieħed iġarrab minħabba l-biża’ tal-mewt[5], jew minħabba l-mewt tal- ulied[6], u l-aktar tal-iben il-kbir u waħdieni[7], jew minħabba n-nuqqas ta’ wlied[8] jew għax imxennaq għall-art twelidu[9] jew meta wieħed jinsab persegwitat jew fost l-egħdewwa[10], jew imwaqqa għaċ-ċajt u mkasbar għax qiegħed ibati[11], jew għax waħdu u mitluq minn kulħadd[12], jew għax imġarrab fil-kuxjenza tiegħu[13], jew għax ma jifhimx għaliex il-ħżiena jgħumu fil-ġid u l-ġusti huma maħqura[14], jew minħabba l-qerq u l-ingratitudni tal-ħbieb u tal-qraba[15] u fl-aħħarnett minħabba t-tiġrib ta’ art twelidu[16].

Il-Kotba tal-Patt il-Qadim iqisu l-bniedem bħala persuna fisika-psikika, u spiss jorbtu t-tbatija morali tar-ruħ ma’ uġigħ ta’ xi parti jew oħra tal-ġisem; l-għadam[17], il-kliewi[18], il-fwied[19], l-imsaren[20], il-qalb[21]. Ma nistgħux niċħdu li t-tbatija morali – in-niket – turi ruħha wkoll fil-parti fisika, fil-ġisem tal-bniedem, u spiss taħkem fuq il-bniedem kollu kemm hu.

7. Kif jgħallmuna l-eżempji li semmejna, l-Iskrittura tagħtina lista twila ta’ każijiet li fihom il-bniedem jiġi mġarrab b’kull sura ta’ tbatija. Iżda din il-lista, għalkemm issemmi ħafna suriet ta’ tbatija, ma ssemmix kull ma jsemmi u jtenni dwar it-tbatija l-ktieb tal-ġrajja tal-bniedem (li aktar hu “ktieb li ma nkitibx”) u aktar u aktar ma ssemmix dak li jtenni dwarha l-ktieb tal-ġrajja tal-familja kollha tal-bnedmin, meta fih naraw il-ġrajja ta’ kull bniedem.

Nistgħu ngħidu li l-bniedem ibati, kull darba li jġarrab xi deni. Fi kliem il-kotba tal-Patt il-Qadim, hemm rabta hekk kbira bejn it-tbatija u d-deni li qishom ħaġa waħda. Il-kotba tal-Patt il-Qadim ma għandhomx kelma biex ifissru l-qawwa tat-“tbatija”, u għalhekk kull ma jbati l-bniedem isejħulu “deni”[22]. L-ilsien Grieg biss, u l-kotba tal-Patt il-Ġdid bil-Grieg (u l-versjonijiet Griegi tal-qedem tal-kotba tal-Patt il-Qadim) jużaw il-kelma pasko, kelma li tfisser: inkun imġarrab minn xi ħaġa, inħoss, inbati; għalhekk il-kelma pasko, tfisser il-qagħda ta’ min ikun imġarrab mid-deni u għalhekk qiegħed ibati, għaliex id-deni (fih innifsu) mhux l-istess ħaġa bħat-tbatija. It-tbatija, il-bniedem jista’ jħossha fih stess (tbatija attiva) u tista’ tiġi fuqu (tbatija passiva, mill-Latin patior); u meta wkoll il-bniedem innifsu jġibha fuqu u joħloqha hu stess għalih, it-tbatija fin-natura metafisika tagħha, tibqa dejjem ħaġa passiva, ħaġa li l-bniedem iġarrabha fuqu nnifsu.

Iżda dan ma jfissirx li l-mard tar-ruħ, psikologikament, ma għandux il-“ħidma speċifika” tiegħu: Il-“ħidma speċifika” tal-mard tar-ruħ huma t-tbatijiet, li jintgħażlu soġġettivament minn xulxin, jiġifieri l-uġigħ, in-niket, it-tamiet mhux mitmuma, il-qtigħ il-qalb u d-disprament; dawn iġarrbu l-bniedem jew għax jolqtuh b’qawwa kbira jew b’mod dgħajjef, jew għax jaħkmuh sal-fond ta’ qalbu, jew jolqtuh ukoll indirettament, skont in-natural li għandu jew kemm jiflaħ għalihom. Għalhekk f’kull sura psikoloġika tat-tbatija l-bniedem dejjem iġarrab xi deni li jġagħlu jbati.

Ma nistgħaġbux għalhekk jekk l-istess tbatija ġġagħalna nistħarrġu x’inhi n-natura tad-deni: x’inhu deni?

Din il-mistoqsija b’xi mod, milli jidher ma tistax tinfired mill-problema tat-tbatija. It-tweġiba nisranija għal dan il-problema ma taqbilx mat-tweġiba li tingħata minn xi tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi oħra, li jsostnu li l-ħajja tal-bniedem fid-dinja hi fiha nfisha sura ta’ deni li minnu l-bniedem jeħtieġlu jeħles. Ir-reliġjon nisranija żżomm li l-ħajja hi ħaġa tajba fiha nfisha, li kull ma hawn maħluq hu tajjeb, u xxandar li l-ħlejjaq kollha huma tajbin kif hu tajjeb Dak li ħalaqhom. Il-bniedem ibati minħabba d-deni li hu sura ta’ nuqqas, ta’ limitazzjoni, ta’ tagħwwiġ ta’ dak li hu tajjeb. Il-bniedem ibati għaliex ma għandux sehem f’xi ġid, li b’xi mod ġie mċaħħad minnu jew li minnu ċċaħħad. U aktar u aktar ibati - fil-kors ordinarju tal-ħajja – jekk verament hu mċaħħad minn ġid li jmissu “ikollu” sehem fih.

Għalhekk, il-fehma nisranija, ta’ x’inhi verament it-tbatija tiġi mit-tifsir li tagħti lid-deni, li b’xi mod għandu dejjem relazzjoni mal-ġid.

8. It-tbatija tal-bniedem għandna nqisuha qisha xi ‘dinja’ li teżisti flimkien mal-bniedem, li xi kull tant tidher fih tgħib, u xi kull tant ma tgħib xejn imma tibqa’ u tagħmel fih egħruq fil-fond. Din id-dinja ta’ tbatija hi xi ħaġa mxerrda f’ħafna nies, f’kotra kbira ta’ nies, hi dinja li teżisti mxerrda ma kullimkien. Kull bniedem, bit-tbatija li hu jbati fih innifsu, mhumiex biss parti żgħira minn din id-dinja ta’ tbatija, imma din id-dinja ta’ tbatija teżisti fih ukoll bħala ħaġa tiegħu biss. Iżda flimkien ma’ din id-dimensjoni personali, id-dinja tat-tbatija għandha qisha s-solidarjeta’ tagħha . Il-bnedmin li jbatu jsiru jixbħu ‘l xulxin jew għax qegħdin ibatu, jew għax din xortihom jew għax jeħtieġu min jurihom sinjali ta’ mħabba u jifhimhom, jew forsi wkoll, u aktarx, għaliex moħħhom biss li jsibu tweġiba għall-mistoqsija xi tfisser it-tbatija. Għalhekk, għalkemm id-dinja tat-tbatiija hi mxerrda ma kullimkien, fl-istess ħin hi fiha nfisha sejħa għall-għaqda u s-solidarjeta’. F’dan l-istudju tagħna fuq it-tbatija se nżommu wkoll quddiem għajnejna din is-sejħa għas-solidarjeta’. Meta nqisu d-dinja tat-tbatija, kemm fid-dimensjoni personali u kemm fid-dimensjoni soċjali tagħha, naraw li f’ċerti mumenti u f’ċerti żminijiet fil-ħajja tal-bniedem, din id-dinja qisha tilħaq il-qofol tagħha. Dan jiġri, biex insemmu xi eżempji, fl-okkażjoni ta’ kalamitajiet naturali, epidemiji, disgrazzji kbar, ħerbiet, taqlib soċjali kbir: nistgħu nsemmu bħala eżempju, ħsad ħażin, li jġib miegħu il-kastig tal-ġuħ, li jista’ jiġi wkoll minn kawżi oħra.

Imbagħad hemm il-gwerer. Fuqhom irrid nitkellem b’mod speċjali. Nitkellem fuq l-aħħar żewg gwerer li kienu mifruxin mad-dinja kollha u l-aktar fuq it-tieni gwerra li ġabet magħha ħsad kbir ta’ mejtin u għadd wisq akbar ta’ tbatija għall-bnedmin. Min-naħa l-oħra, it-tieni ħamsin sena tas-seklu tagħna – qisu minħabba l-iżbalji li saru u nuqqasijiet taċ-ċivilta’ ta’ żmienna – ġabu magħhom it-theddida tal-biża ta’ gwerra nukleari, tant li ma nistgħux inqisu dan iż-żmien jekk mhux bħala żmien li fih it-tbatijiet se jsiru ħemel u se naslu għall-qerda tal-bnedmin kollha minnhom stess. Hu għalhekk li d-dinja tat-tbatija li tinsab imxerrda f’kull bniedem, f’dawn iż-żminijiet tagħna, forsi aktar minn żminijiet oħra, qisha qiegħda tinbidel f’sura speċjali tat-“tbatija tad-dinja”, ta’ dik id-dinja li qatt qabel ma ġiet hekk mibdula mill-progress bil-ħila tal-bniedem, imma wkoll li qatt qabel ma kienet hekk mhedda mill-iżbalji u l-ħtijiet tal-bniedem.

 

 

III

IL-BNIEDEM IFITTEX TWEĠIBA GĦALL-MISTOQSIJA: X’INHI T-TBATIJA?

9. F’kull tbatija li l-bniedem iġarrab, u fl-oqsma kollha tad-dinja tat-tbatija, hemm dejjem mistoqsija: Għaliex it-tbatija? Hija mistoqsija dwar minn fejn ġejja, għaliex u għalfejn it-tbatija. F’kelma waħda: xi tfisser it-tbatija? Din il-mistaqsija mhux biss insibuha msieħba ma’ kull tbatija tal-bniedem, imma, milli jidher, hi din il-mistoqsija li tagħmel it-tbatija li hemm fil-bniedem, tbatija tal-bniedem.

Ħaġa ċara li t-tbatija, l-aktar it-tbatija tal-ġisem, tinsab imxerrda fl-annimali kollha: imma hu l-bniedem biss li, meta jintlaqat bit-tbatija, jagħraf li qed ibati, u għalhekk jistaqsi għaliex; u, bħala bniedem, ibati aktar jekk ma jkollux tweġiba li tissodisfah. Dan hu problema diffiċli, daqs il-problema l-ieħor li jixbħu dwar id-deni. Għaliex id-deni? Għax hawn id-deni fid-dinja? Meta l-mistoqsija nagħmluha b’dan il-mod, inkunu b’xi mod nagħmlu wkoll mistoqsija dwar it-tbatija.

Iż-żewġ mistoqsijiet huma tqal kemm meta bniedem jagħmilhom lill-bniedem ieħor, kemm meta n-nies jagħmluhom lil nies oħra, u kemm ukoll meta il-mistoqsija ssir lil Alla. Il-bniedem it-tweġiba ma jistennihiex mid-dinja, għalkemm spiss hu minħabba d-dinja li jbati, imma l-mistoqsija jagħmilha lill-Alla, bħala Dak li ħalaq id-Dinja u huwa Sidha. Hi ħaġa magħrufa li f’din il-kwistjoni, il-bnedmin mhux biss jaslu biex jonqsu mid-dehen b’ħafna modi, u jeħduha kontra Alla, imma jaslu wkoll biex jiċhdu lil Alla. Jekk, min-naħa, id-dinja twassal il-bniedem biex b’ruħu jagħraf li hemm Alla u li huwa għaref u setgħan u kollu ġmiel, min-naħa l-oħra t-tbatija u d-deni tant idallmu din id-dehra li jdallmuha għall-aħħar, u dan l-aktar fil-ġrajjiet drammatiċi tal-ħajja ta’ kuljum fejn ħafna jġarrbu tbatijiet kbar bla ħtija, u ħafna ħtijiet kbar jeħilsu minn kastigi xierqa. Dan jurina – forsi aktar minn ħaġ’oħra – x’siwi għandu l-problema, xi tfisser it-tbatija, u b’liema għaqal għandna nistudjaw dan il-problema u t-tweġiba li rridu nagħtu għalih.

 

10. Dwar it-tbatija l-bniedem jista’ jagħmel lil Alla mistoqsija bil-qawwa kollha ta’ qalbu u b’fehma mimlija stagħġib u nkwiet; Alla jistenniha din il-mistoqsija u jagħti widen għaliha, kif naraw fir-rivelazzjoni tal-Patt il-Qadin. Il-ktieb ta’ Ġob ifisser dan il-problema tat-tbatija b’mod l-aktar ħaj.

Kulħadd jafha l-ġrajja ta’ dan il-bniedem ġust li, bla ebda ħtija, ġie mġarrab minn tbatijiet bla qies. Tilef ġidu, tilef ‘l uliedu bniet u subien, u fl-aħħar hu stess ġarrab marda qalila. U waqt li kien f’din il-qagħda hekk kiefra ġew għandu tlieta min-nies li kienu ilhom jafuh. Dawn – kull wieħed minnhom bil-mod tiegħu – ippruvaw jikkonvinċuh li kien ħati ta’ xi dnub kbir, la ġie mġarrab minn tant tbatijiet kiefra. It-tbatija – qalulu – tiġi fuq il-bniedem biss bħala kastig ta’ xi ħtija; jibgħatha Alla l-ġust, u r-raġuni tagħha nsibuha fl-ordni tal-ġustizzja. Nistgħu ngħidu li ħbieb Ġob mhux biss riedu jikkonvinċuh li d-deni hu moralment ġust, imma b’xi mod tħabtu wkoll biex jiddefendu għalihon infushom it-tifsir morali tat-tbatija. Ħasbu li t-tbatija ma tistax tiftiehem jekk mhux biss bħala kastig tad-dnub, u għalhekk tidħol fil-qasam tal-ġustizzja ta’ Alla li jpatti t-tajjeb bil-ġid u l-ħażin bid-deni. Hawnhekk għandna tagħlim li nsibuh ukoll f’kotba oħra tal-Patt il-Qadim, li juruna t-tbatija bħala kastig mogħti minn Alla għad-dnubiet.

Alla ġie rrivelat lilna bħala Leġislatur u Mħallef u ebda setgħa ma hawn fid-dinja bħal tiegħu. Alla ġie rrivelat lilna, qabel xejn, bħala il-Ħallieq, dak li għamel kollox u għamlu kollu kemm hu tajjeb fih innifsu. Għalhekk kull darba li l-bniedem, minn rajh u b’fehma sħiħa, ikasbar dak li hu tajjeb fil-ħolqien, mhux biss jikser il-liġi imma wkoll joffendi lil Alla, li hu l-ewwel leġislatur, l-ewwel wieħed li għamel il-liġijiet. Dan il-ksur tal-liġi hu dnub fit-tifsir veru tal-kelma, jiġifieri fit-tifsir tal-kelma ‘dnub’ għandha fl-Iskrittura u fit-teoloġija. Fejn hemm id-dnub għandu jkun hemm il-kastig biex hekk jiġi mħares l-ordni morali fit-tifsir traxxendentali tiegħu, kif ġie mwaqqaf mir-rieda ta’ Dak li ħalaq kollox u hu l-ogħla Leġislatur. Minn hawn ġejja waħda mill-veritajiet fondamentali tal-fidi reliġjuża, verita’ li ġiet ukoll rivelata, verita’ li tgħid li Alla hu mħallef ġust, li jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena: Int, Mulej, “ġust b’dak kollu li għamilt magħna, kull ma għamilt hu sewwa, u triqatek dritti u l-ħaqq tiegħek bis-sewwa. Għax int għamilt ħaqq bis-sewwa, f’kull ma ġibt fuqna ... bis-sewwa u l-ħaqq ġibt dan kollu fuqna, minħabba dnubietna”[23].

Il-fehma tal-ħbieb ta’ Ġob hi fehma li spiss niltaqgħu magħha fil-kuxjenza tal-familja kollha tal-bnedmin: l-ordni morali fih innifsu jitlob kastig għal kull ksur ta’ liġi, għal kull dnub jew ħtija. Minn dan jiġi li t-tbatija tidher bħala “deni li wieħed ikun ħaqqu għall-ħtijietu”. Dawk li huma żguri li t-tbatija hija kastig tad-dnub, jibnu l-fehma tagħhom fuq l-ordni tal-ġustizzja, fehma li taqbel ma’ dik li fisser wieħed mill-ħbieb ta’ Ġob: “għal li rajt, dawk li jagħmlu l-ħażen u jizirgħu it-tbatija, lilhom jaħsdu”[24].

 

11. Imma Ġob ma jaċċettax bħala veru l-prinċipju li t-tbatija hi kastig tad-dnub. Dan jagħmlu għax din kienet il-fehma tiegħu: kien żgur li ma kienx ħaqqu ebda kastig, tant li jsemmi l-ġid li għamel tul ħajtu kollha. U fl-aħħar Alla stess iċanfar lill-ħbieb Ġob talli xlewh u jistqarr li Ġob ma kienx ħati ta’ ebda ħtija. It-tbatija ta’ Ġob hi t-tbatija ta’ min hu bla ħtija, tbatija li għandna nqisuha bħala misteru, li l-bniedem bid-dehen kollu tiegħu ma jasalx biex jifhem.

Il-Ktieb ta’ Ġob ma jmurx kontra l-ordni morali traxxendentali, li hu mibni fuq il-ġustizzja, kif turihielna r-Rivelazzjoni kollha tal-Patt il-Qadim u l-Patt il-Ġdid. Fl-istess ħin il-Ktieb ta’ Ġob iwissina bil-qawwa kollha li ma għandniex nużaw il-prinċipji ta’ dan l-ordni morali traxxendentali b’mod superfiċjali, qisu ma hemmx prinċipji oħra. Jekk hu minnu li t-tbatija jista’ jkollha t-tifsir ta’ kastig meta hemm il-ħtija, mhux minnu li kull tbatija ġejja minn xi ħtija u għandha s-sura ta’ kastig. Ġob, il-bniedem ġust, hu prova liema bħala ta’ dan fil-Patt il-Qadim. Ir-Rivelazzjoni li hi l-istess Kelma ta’ Alla tpoġġielna quddiemna, bla ħabi ta’ xejn, il-problema tat-tbatija ta’ min hu bla ħtija, tat-tbatija bla ebda ħtija. Ġob mhux qed jiġi kastigat; ma hemm ebda raġuni li għaliha kellu jieħu xi kastig, għalkemm ġie mġarrab b’mod l-aktar kiefer. Mill-bidu tal-Ktieb ta’ Ġob, jidher ċar li Alla ippermetta li Ġob jiġi mġarrab, għax hekk ried ix-xitan. Dan, quddiem Alla, staqsa jekk Ġob kienx tassew bniedem ġust: “Tgħid għalxejn Ġob jibża minn Alla? ... Berikt kull ma għamlu idejh, u ġidu kiber mal-art kollha kemm hi. Imma midd idek u olqot kull ma għandu, u ara jekk jisħtekx f’wiċċek”[25].

Jekk Alla ppermetta li Ġob jiġi mġarrab mit-tbatija, dan għamlu biex juri kemm Ġob kien bniedem ġust. It-tbatija kienet prova.

Fil-Ktieb ta’ Ġob ma nsibux kull ma tgħidilna r-Rivelazzjoni dwar it-tbatija. Dan il-Ktieb b’xi mod hu tħabbira tal-Passjoni ta’ Kristu, imma waħdu biss hu prova biżżejjed li t-tweġiba għall-mistoqsija dwar xi tfisser it-tbatija mhux marbuta kollha kemm hi ma l-ordni morali, li hu mibni biss fuq il-ġustizzja. Iżda, jekk din it-tweġiba għandha s-siwi u l-qawwa tagħha fondamentali u traxxendentali, m’hijiex tweġiba biżżejjed għall-każijiet bħal dawk tat-tbatija ta’ Ġob, anzi tasal biex iddgħajjef sewwa u tnaqqas il-fehma tal-ġustizzja kif insibuha mfissra fir-Rivelazzjoni.

 

12. Il-Ktieb ta’ Ġob jippreżentalna l-problema tat-tbatija b’mod tassew aħrax, huwa u jurina t-tbatija ta’ wieħed bla ħtija, iżda l-problema ma jħollux.

Sa mill-Patt il-Qadim naraw jitfaċċa l-ħsieb li t-tbatija m’hijiex biss kastig għad-dnub; dan narawh kull fejn il-Patt il-Qadim jurina x’qawwa għandha t-tbatija biex tgħallem. Fit-tbatijiet li bihom Alla jġarrab il-poplu magħżul tiegħu, hemm ukoll l-istedina tal-ħniena tiegħu li twiddeb u twassal ghall-konversjoni: “Dawn il-kastigi mhumiex għall-qerda, imma għat-twiddib ta’ ġensna”[26].

B’dan naraw li l-kastig għandu wkoll dimensjoni personali, jiġifieri l-kastig għandu l-qawwa mhux biss li jpatti għad-deni li jkun sar b’deni lil min għamlu, imma wkoll, u qabel xejn, għandu l-qawwa li jkun ta’ ġid għal min qiegħed ibatih.

Dan l-aspett tat-tbatija hu importanti ħafna, u għandu l-egħruq tiegħu fir-Rivelazzjoni kollha tal-Patt il-Qadim u aktar u aktar tal-Patt il-Ġdid. It-tbatija għandha twassal għall-konversjoni, jiġifieri għall-bini mill-ġdid tal-ġid fil-bniedem li f’din is-sejħa għall-indiema jista jagħraf il-ħniena ta’ Alla. L-għan tal-indiema hu li jintrebaħ id-deni, li jinsab moħbi fil-bniedem b’ħafna suriet, kemm fir-relazzjonijiet tiegħu mal-oħrajn u kemm f’dawk ma’ Alla.

13. Iżda biex insibu tweġiba vera għall-mistoqsija dwar x’inhi tassew it-tbatija, irridu naraw x’inhi r-rivelazzjoni tal-imħabba ta’ Alla, li fl-aħħar mill-aħħar tagħti t-tifsir sħiħ ta’ kull ma hawn fid-dinja. L-imħabba tagħti tifsira mill-aqwa tat-tbatija, li tibqa dejjem misteru, għaliex nafu li t-tifsir kollu li nagħtu qatt mhu biżżejjed u sħiħ. Kristu jdaħħalna f’dan il-misteru, u jgħinna nifhmu għaliex inbatu jekk għandna l-ħila nifhmu l-għoli tal-imħabba ta’ Alla għalina.

Jekk irridu naslu biex nagħrfu t-tifsir sħiħ tat-tbatija, imdawwlin mill-Kelma ta’ Alla li ġiet rivelata lilna, irridu nħarsu lejn il-bniedem kollu kemm hu fir-suriet kollha tas-setgħat tiegħu. Qabel xejn irridu naċċettaw li nkunu mdawwla mir-Rivelazzjoni mhux biss għax ir-Rivelazzjoni turina x’inhu l-ordni traxxendentali tal-ġustizzja, imma wkoll għaliex ir-Rivelazzjoni ddawwal dan l-ordni bid-dawl tal-imħabba, li hi l-bidu veru ta’ kull ma hu maħluq. L-imħabba tagħtina t-tweġiba l-aktar sħiħa għall-mistoqsija xi tfisser it-tbatija. U din it-tweġiba Alla taha lill-bniedem permezz tas-Salib ta’ Ġesù Kristu.

 

 

IV

ĠESÙ KRISTU: IT-TBATIJA MIRBUĦA MILL-IMĦABBA

14. “Alla hekk ħabb id-dinja li ta ‘l Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”[27]. Dan il-kliem li Ġesù qal lil Nikodemu jdaħħalna fil-qalb tal-ħidma ta’ Alla għas-salvazzjoni tagħna. Huwa kliem li jurina x’inhu l-qofol tas-soterjoloġija nisranija, tat-teoloġija tas-salvazzjoni. Is-salvazzjoni tfisser ħelsien mid-deni, u għalhekk għandha rabta sħiħa mal-problema tat-tbatija. Skont il-kliem li ntqal lil Nikodemu, Alla ta ‘l Ibnu “lid-dinja” biex jeħles lill-bniedem mid-deni, li fl-aħħar mill-aħħar insibu fih ir-raġuni vera għaliex għandna nbatu. Fl-istess ħin il-kelma “ta” turi li l-ħelsien li kellu jseħħ permezz tal-Iben waħdieni ta’ Alla, kellu jseħħ bit-tbatijiet tiegħu stess. F’dan tidher l-imħabba, l-imħabba bla qies kemm tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla u kemm tal-Missier, li għalhekk “ta” lil Ibnu. Din hi mħabba għall-bniedem, imħabba għad-“dinja”, imħabba li ssalva.

Hawnhekk se naraw aspett għal kollox ġdid tal-problema li fuqha qegħdin naħsbu – u dan irridu nżommuh ċar quddiem għajnejna aħna u nistħarrġu dan il-problema. Dan l-aspett mhux l-istess aspett li rajna meta, b’xi mod, fittixna biss naraw xi tfisser it-tbatija fil-qasam tal-ġustizzja. Dan l-aspett ġdid huwa dak tal-Fidwa, li fuqu jitkellem Ġob, il-bniedem ġust tal-Patt il-Qadim, almenu skont il-Vulgata, meta jgħid: “NAF li l-Feddej tiegħi ħaj ... u fl-aħħar ... nara lil Alla”[28]. Sa issa ħsibna l-aktar u b’xi mod biss fuq it-tbatija fis-suriet kollha tagħha f’dan iż-żmien (kif kienu s-suriet kollha tat-tbatija ta’ Ġob), iżda l-kliem ta’ Kristu lil Nikodemu, li semmejna aktar ‘il fuq, huwa dwar it-tbatija fit-tifsira ewlenija u fundamentali tagħha. Alla jagħti lil Ibnu l-waħdieni biex il-bniedem “ma jintilifx”; il-qawwa tal-kelmiet: “ma jintilifx” hi mfissra b’mod aktar preċiż bil-kliem ta’ wara: “imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”. Il-bniedem “jintilef”, meta “jitlef il-ħajja ta’ dejjem”. Mela il-maqlub tas-salvazzjoni m’hijiex it-tbatija f’din id-dinja, m’hijiex kull xorta ta’ tbatija, imma hija dik it-tbatija żgura u ma tintemm qatt, jiġifieri it-telfien tal-ħajja ta’ dejjem, jiġifieri tkun imwarrab għal dejjem minn Alla, id-dannazzjoni. L-Iben il-waħdieni ta’ Alla ngħata lill-bnedmin l-ewwelnett biex iħares il-bniedem minn dan id-deni, minn din it-tbatija żgura u ma tintemm qatt. Il-missjoni tal-Iben ta’ Alla għas salvazzjoni tad-dinja kienet għalhekk li hu jmiss it-tbatija fl-egħruq traxxendentali tagħha, minn fejn tinbet fil-ġrajja tal-bniedem. Dawn l-egħruq traxxendentali tat-tbatija jinsabu fid-dnub u l-mewt: ġejjin mit-telfien tal-ħajja ta’ dejjem. Din mela kienet il-missjoni tal-iben il-waħdieni ta’ Alla: ir-rebħa fuq il-mewt u d-dnub. Bl-obbidjenza tiegħu sal-mewt Ġesu’ rebaħ id-dnub u bil-qawmien tiegħu mill-imwiet rebaħ il-mewt.

 

15. Meta ngħidu li Kristu fil-missjoni tiegħu mess id-deni fl-egħruq tiegħu, aħna ma nkunux qegħdin naħsbu biss fuq id-deni u t-tbatija żgura u ma tintemm qatt, jiġifieri fuq it-tbatija eskatoloġika (biex il-bniedem “ma jintilifx”, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”), imma nkunu naħsbu wkoll – almenu b’xi mod – fuq id-deni u t-tbatija f’dan iż-żmien, fil-ġrajja tal-bniedem fid-dinja. Id-deni jibqa marbut mad-dnub u l-mewt. U għalkemm irridu noqogħdu attenti ħafna qabel ngħidu li t-tbatijiet tal-bniedem huma konsegwenza ta’ dnubiet veri (dan narawh fl-eżempju ta’ Ġob, il-bniedem ġust), ma nistgħux nifirduhom mid-dnub tal-bidu, dak id-dnub li San Ġwann isejjaħlu “id-dnub tad-dinja”[29], minn dik il-qagħda ta’ dnub li naraw fl-egħmil tan-nies u fil-mixi tas-soċjetajiet tul il-ġrajja kollha tad-dinja. Għalkemm ma għandniex, kif għamlu ħbieb Ġob, inqisu bħala kriterju rabta sħiħa bejn tbatija u ħtija, ma għandniex inwarrbu l-fehma li fl-aħħar mill-aħħar it-tbatija tal-bniedem ġejja mill-fatt li l-bniedem hu involut fid-dnub b’ħafna manjieri.

L-istess ħaġa dwar il-mewt. Spiss wieħed jistenniha bħala ħelsien mit-tbatijiet ta’ din il-ħajja. Fl-istess ħin ma nistgħux ma nqisux li bil-mewt il-qawwa qerrieda tat-tbatija fil-ġisem u fir-ruħ tilħaq il-qofol tagħha. Qabel xejn il-mewt iġġib firda fil-personalitἀ kollha fiżika-psikika tal-bniedem. U r-ruħ tibqa’, imma mifruda mill-ġisem; il-ġisem bil-mod il-mod jispiċċa skont il-kliem li l-Mulej Alla qal wara d-dnub tal-bniedem fil-bidu tal-ġrajja tiegħu fid-dinja: “inti trab u lejn it-trab terġa tmur”[30]. Għalhekk, għalkemm il-mewt mhijiex tbatija fit-tifsir li nagħtu l-kelma meta nitkellmu fuq it-tbatija tad-dinja, għalkemm insibuha b’xi mod ‘l hemm mis-suriet kollha tat-tbatija tad-dinja, id-deni li l-bniedem iġarrab biha, hu xi ħaġa li ma tistax teħles minnha u li tħaddan kollox. L-Iben il-waħdieni ta’ Alla, bl-egħmil tiegħu ta’ salvazzjoni, ħeles lill-bniedem mill-mewt u d-dnub. L-ewwelnett qaċċat ‘il barra mill-ġrajja tal-bniedem is-setgħa tad-dnub, li bis-saħħa tal-ispirtu tal-ħażen għamel l-egħruq fih minn żmien id-dnub tal-bidu; b’hekk l-Iben ta’ Alla ta lill-bniedem li jgħix fil-grazzja qaddisa. Wara r-rebħa fuq il-mewt, l-Iben ta’ Alla neħħa wkoll is-setgħa lill-mewt, meta bil-qawmien tiegħu mill-imwiet fetaħ it-triq tal-qawmien għall-ħajja ta’ dejjem. Il-qerda tas-setgħa tad-dnub u l-qerda tas-setgħa tal-mewt huma żewġ kondizzjonijiet għal kollox meħtieġa għall-“ħajja ta’ dejjem”, li hi l-hena li ma tintemm qatt tal-għaqda tal-bniedem ma’ Alla; dan, għal dawk li jsalvaw, ifisser li t-tbatija, wara t-tmiem tad-dinja, tintemm għal kollox. Bl-egħmil ta’ Kristu għas-salvazzjoni tagħna, il-bniedem kiseb li f’din id-dinja jgħix bit-tama tal-ħajja u tal-qdusija ta’ dejjem. Ir-rebħa ta’ Kristu fuq id-dnub u l-mewt bis-Salib u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, ma tneħħi xejn mit-tbatija tal-ħajja f’din id-dinja u lanqas teħles mit-tbatija l-ġrajja kollha tal-bniedem fil-ħajja tiegħu fid-dinja, iżda titfa’ dawl ġdid, id-dawl tas-salvazzjoni, fuq il-ġrajja tal-bniedem fid-dinja u fuq it-tbatijiet kollha tiegħu. Hu d-dawl tal-Evanġelju, tal-Bxara t-tajba. F’nofs dan id-dawl insibu l-veritἀ li Gesù wera lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb id-dinja li ta l-Iben il-waħdieni tiegħu”[31]. Din il-veritἀ tbiddel mill-egħruq il-ġrajja tal-bniedem u l-qagħda tiegħu fid-dinja; minkejja li d-dnub għamel l-egħruq tiegħu fil-ġrajja tal-bniedem kemm bħala dnub tan-nisel u kemm bħala “id-dnub tad-dinja” u kemm bħala l-ġabra tad-dnubiet kollha tal-bnedmin, Alla l-Missier ħabb ‘l Ibnu, jiġifieri, ħabbu dejjem; imbagħad, fiż-żmien f’waqtu, għal din l-imħabba, li tirbaħ kollox, “ta” dan l-Iben il-waħdieni tiegħu biex jinżel sal-egħruq tad-deni tal-bniedem u hekk jersaq qrib l-oqsma kollha tat-tbatija, li minnhom għandu sehem il-bniedem, biex isalvah.

 

16. Kristu, fil-ħidma tiegħu ta’ salvazzjoni f’nofs il-poplu ta’ Iżrael resaq dejjem aktar qrib id-dinja tat-tbatija tal-bniedem. “Għadda jagħmel il-ġid”[32] u egħmilu kien l-aktar ma dawk li kienu jbatu u jeħtiegu l-għajnuna. Fejjaq il-morda, farraġ l-imnikktin, tama’ ‘l dawk li kienu bil-ġuħ, fejjaq it-torox, l-għomja, l-imġiddmin, ħeles ‘il min kien maħkum mix-xitan jew minn kull xorta ta’ nuqqas fil-ġisem, tliet darbiet ta l-ħajja lill-mejtin. Kien iħoss għal kull xorta ta’ tbatija tal-bniedem, kemm fir-ruħ u kemm fil-ġisem. U fl-istess ħin kien jgħallem, u fil-qalba tat-tagħlim tiegħu, hemm it-tmien beatitudni, li qalhom għall-bnedmin li huma mġarrbin minn tant tbatijiet fil-ħajja tad-dinja. Dawn huma “l-fqar fl-ispirtu”, “dawk li jibku”, “dawk li għandhom ġuħ u għatx tal-ġustizzja”, u dawk li huma ippersegwitati minħabba l-ġustizzja, meta n-nies jisħtuhom u jfittxuhom għall-mewt u jgħidu kull deni fuqhom, bil-gideb, minħabba Kristu ...[33]. Dan skont San Mattew. San Luqa mbagħad isemmi ‘l dawk li huma “għalissa bil-ġuħ”[34].

Hu x’inhu, Kristu resaq qrib din id-dinja tat-tbatija tal-bniedem għaliex hu stess tgħabba b’din it-tbatija. Tul il-ħajja pubblika tiegħu mhux biss ġarrab l-għeja, ma kellux fejn joqgħod, u ħabbat wiċċu mal-injoranza ta’ dawk li kienu l-aktar qrib tiegħu, imma wkoll, u aktar minn kollox, sab ruħu dejjem aktar imdawwar mill-għira waqt li, minn jum għall-ieħor, beda dejjem jidher aktar ċar il-ħsieb ta’ dawk li riedu jneħħulu ħajtu. Għax kien jaf b’dan kollu, Kristu spiss kien jitkellem mad-dixxipli tiegħu fuq it-tbatija u l-mewt li kien hemm lesti ghalih: “ara, issa aħna telgħin Ġerusalem u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba li jaqtgħuhielu għall-mewt u jerħuh f’idejn il-pagani; dawn imbagħad jiddieħku bih, jobżqulu fuq, jagħtuh għall-mewt u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”[35]. Kristu jersaq lej il-passjoni u l-mewt tiegħu, żgur li l-missjoni tiegħu kellu jtemmha b’dan il-mod. Kien proprju b’din it-tbatija tiegħu li l-bniedem “ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”. Bis-Salib Ġesù kellu jinżel sal-egħruq tad-deni, li tħawwel fil-ġrajja tal-bniedem u f’qalb il-bnedmin. Bis-Salib tiegħu kellu jtemm l-opra tal-fidwa. Din l-opra kellha tkun opra ta’ fidwa, skont il-pjan tal-Imħabba ta’ dejjem ta’ Alla.

Kien għalhekk li Kristu ċanfar bl-aħrax lil San Pietru, meta dan ipprova jġagħlu jwarrab minn fehmtu l-ħsibijiet tat-tbatija u tal-mewt tas-salib[36]. U meta Ġesù ġie maqbud fil-ġnien tal-Ġetsemani, u San Pietru pprova jiddefendih bis-sejf, Kristu qallu: “erġa daħħal sejfek f’postu ... Kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?”[37]. U Ġesù qal ukoll: “Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?”[38] Din it-tweġiba – mhux inqas minn tweġib ieħor li jinsab ‘l hawn u ‘l hemm fl-Evanġelju – turi kemm Kristu kellu fil-fond ta’ qalbu l-ħsieb li darba kien fisser huwa u jitkellem ma’ Nikodemu: “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lill Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem”[39]. Kristu beda miexi fit-triq li kellha twasslu għall-passjoni tiegħu, żgur mill-qawwa tagħha għas-salvazzjoni; u dan għamlu biex jobdi lill-Missier imma aktar u aktar għaliex kien ħaġa waħda mal-Missier fl-imħabba għad-dinja u għall-bniedem fid-dinja. Għalhekk San Pawl kiteb dan għal Kristu: “Ħabbni u ta ruħu għalija”[40].

 

17. L-Iskrittura kellha sseħħ. Ħafna siltiet messjaniċi tal-Patt il-Qadim ħabbru minn qabel it-tbatijiet tal-Messija ta’ Alla. Fost dawn is-siltiet kollha l-aktar li tqanqal il-qlub hija dik is-silta, magħrufa bħala r-Raba’ Għanja tal-Qaddej ta’ Jahweh, li tinsab fil-ktieb tal-Profeta Isaija. Il-Profeta, li bir-raġun kollu hu msejjaħ “il-ħames evanġelista”, f’din il-għanja jiddeskrivi b’mod hekk ħaj it-tbatijiet tal-Qaddej li qisu qiegħed jarahom b’għajnejh stess, bl-għajnejn tal-ġisem u b’dawk tar-ruħ. Il-Passjoni ta’ Kristu fid-dawl tal-kliem ta’ Isaija, tieħu tifsir aqwa u tqanqal aktar il-qlub milli jagħmlu r-rakkonti tal-evanġelisti. Ara, kif jidher quddiemna l-Bniedem tat-Tbatija:

“Ebda sura ma kellu u ebda ġmiel biex inħarsu lejh ... kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu mard; bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, li aħna xejn ma qisnieh. Iżda hu refa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, milqut minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien migruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna. Aħna lkoll bħal ngħaġ mitlufa kull wieħed minna qabad triq għal rasu; u l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen kollu tagħna”[41].

L-għanja tal-Qaddej li qiegħed ibati għandha deskrizzjoni li fiha b’xi mod nistgħu naraw il-mumenti kollha tal-Passjoni tal-Mulej fl-iċken irqaqat: maqbud, insultat, mogħti bil-ħarta, bil-bżieq fuqu, imkasbar fid-dinjitἀ tiegħu waqt li hu maqbud, il-kundanna inġusta, il-flaġellazzjoni, il-kuruna tax-xewk li qegħdulu fuq rasu u l-insulti li tawh, it-triq tas-salib, imsallab, l-agunija.

Imma aktar mid-deskrizzjoni tal-passjoni bi kliem il-profeta, jolqot lill-qlubna l-kobor tas-sagrifiċċju ta’ Kristu. Għalkemm bla ħtija, jilqa’ fuqu t-tbatijiet kollha tal-bnedmin, għax jitgħabba bi dnubiethom kollha. “Il-Mulej xeħet fuqu l-ħażen kollu tagħna”: id-dnub kollu tal-bniedem, fil-kobor tiegħu kollu u kif inhu mxerred f’kulħadd u kullimkien, hu r-raġuni vera tat-tbatijiet tal-Feddej. Jekk imbagħad it-tbatija “inqisuha” mill-kobor tad-deni li wieħed iġarrab, kliem il-profeta jgħinna nifhmu kemm hu kbir id-deni u kemm hi kbira t-tbatija li Kristu ġarrab. Nistgħu ngħidu li din hi tbatija “flok ħaddieħor”; iżda hi fuq kollox tbatija “li tifdi”. Il-Bniedem tat-Tbatija tal-profezija hu veramet “il-ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”[42]. Bit-tbatijiet tiegħu, jitħassru d-dnubiet għaliex hu waħdu, bħala l-Iben il-waħdieni tal-Missier, seta’ jitgħabba bihom u jilqagħhom b’dik l-imħabba għall-Missier li tegħleb id-deni ta’ kull dnub; b’xi mod hu jġib fix-xejn dan id-deni fil-qasam spiritwali tar-relazzjonijiet ta’ Alla mal-familja kollha tal-bnedmin, u jimla dan il-qasam bil-ġid.

Hawn niltaqgħu maż-żewġ naturi ta’ Dik il-Persuna waħda li bi tbatijietha kisbet il-Fidwa. Dak li bil-passjoni u l-mewt tiegħu fuq is-salib ġabilna l-fidwa, hu l-Iben il-waħdieni , li Alla “ta”. Fl-istess waqt dan l-Iben, tal-istess natura tal-Missier, ibati bħala bniedem. It-tbatijiet tiegħu huma tbatijiet ta’ bniedem, iżda – u din hi ħaġa li ma hemmx oħra bħalha fil-ġrajja tal-bniedem – dawn it-tbatijiet għandhom ukoll qawwa u kobor, li għalkemm huma qawwa u kobor ta’ tbatijiet ta’ bniedem, huma ta’ qawwa u kobor bla qjies ta’ tbatija, għaliex il-Bniedem li qiegħed ibati hu l-Persuna tal-istess Iben ta’ Alla: “Alla minn Alla”. Għalhekk Hu biss – l-Iben il-waħdieni – jista jħaddan il-kobor kollu tad-deni li hemm fid-dnub tal-bniedem; f’kull dnub u fid-dnub “kollu” tal-ġrajja sħiħa tal-bniedem fuq l-art.

18. Nistgħu ngħidu li l-ħsibijiet li fissirna hawn fuq iwassluna dritt fil-Ġetsemani u fuq il-Kalvarju, fejn l-Għanja tal-Qaddej ibati tal-Ktieb ta’ Isaija isseħħ kollha kemm hi. Imma qabel naslu hemm, inkomplu naqraw il-kliem tal-Għanja, li ħabbru minn qabel il-Passjoni fil-Ġetsemani u fuq il-Kalvarju. Dan il-Qaddej – u dan irridu narawh biex infissru sewwa l-Passjoni ta’ Kristu – tgħabba minn rajh b’dawk it-tbatijiet li fuqhom tkellimna:

“Ħaqruh, u qagħad għalihom, bla ma biss fetaħ fomu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal ngħaġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu. Bil-forza u l-ħaqq neħħewh; u min qagħad jaħseb fuq xortih? Iva qaċċtuh mill-art tal-ħajjin, minħabba fi dnub il-poplu tiegħu kien midrub; u tawh qabar mal-ħżiena, u mal-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda ħsara u ebda qerq ma ħareġ minn fommu”[43].

Kristu bata minn rajh u bata bla ħtija. Bit-tbatijiet tiegħu jilqa’ dik il-mistoqsija mtennija kemm-il darba mill-bnedmin u li nsibu mfissra, b’xi mod, fil-kruha kollha tagħha, fil-ktieb ta’ Ġob. Iżda Kristu mhux biss jilqa’ din il-mistoqsija (mistoqsija li jilqagħha b’mod wisq aktar sħiħ għaliex hu mhux biss bniedem kif kien Ġob,imma hu wkoll l-Iben ta’ Alla), imma għandu wkoll l-aħjar tweġiba li tista tingħata għal din il-mistoqsija. Nistgħu ngħidu li t-tweġiba tiġi b’xi mod mit-tbatija stess li dwarha ssir il-mistoqsija. Kristu jwieġeb għall-mostqsija x’inhi u xi tfisser it-tbatija mhux biss bit-tagħlim tiegħu, jiġifieri bil-Bxara t-tajba, imma, qabel kollox, iwieġeb bit-tbatija tiegħu stess, li hi parti mit-tagħlim tal-Evanġelju u ma tistax tiġi mifruda minnu. Din hija l-aħħar kelma li tiġbor fiha fil-qosor it-tagħlim kollu tal-Evanġelju: “il-predikazzjoni tas-salib”[44], kif darba qal San Pawl.

Din “il-predikazzjoni tas-salib” turi kif tassew seħħet għal dejjem id-dehra mħabbra fil-profezija tal-qedem. Ħafna ġrajjiet, u ħafna diskorsi tul iż-żmien kollu li fih Kristu kien igħallem lin-nies, juru b’liema mod Kristu sa mill-bidu laqa’ din it-tbatija għax din kienet ir-rieda tal-Missier għas-salvazzjoni tad-dinja. Iżda l-aħħar pass tiegħu f’din it-tbatija kien it-talba fil-ġnien tal-Ġetsemani. Il-kliem: “Missier, jekk jista jkun, biegħed minni dan il-kalċi; imma mhux kif irrid jien, izda kif trid int”[45], u mbagħad: “Missier, jekk dan il-kalċi ma jistax igħaddi mingħajr ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek”[46] ifissru ħafna. Iwettqu l-veritἀ ta’ dik l-imħabba li wera l-Iben lill-Missier bl-ubbidjenza tiegħu. Fl-istess waqt jagħtu xhieda tal-veritἀ tat-tbatijiet tiegħu. Kliem it-talba ta’ Kristu fil-ġnien tal-Ġetsemani juru kemm kienet vera l-imħabba minn kemm kienu veri t-tbatijiet tiegħu. Kliem Kristu, bis-sempliċitἀ kollha tagħhom, iwettqu għall-aħħar kemm hi vera t-tbatija għall-bniedem; tbatija tfisser iġġarrab id-deni, li quddiemu l-bniedem jitriegħed. Quddiem it-tbatija l-bniedem igħid: “Ħa titbiegħed minni”, kif qal Kristu fil-ġnien tal-Ġetsemani.

Kliem Kristu juri wkoll il-qawwa u l-kobor bla qies li ma hemmx bħalu tat-tbatija li seta’ jġarrab biss il-Bniedem li kien l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, jagħti xhieda ta’ kemm kienet qawwija u fil-fond it-tbatija tiegħu, kliem il-profeta, li semmejna aktar ‘il fuq, jgħinuna, b’xi mod, biex nifhmuha aħjar. Mhux biex nifhmuha għal kollox (kieku dan, konna nkunu nistgħu nidħlu fil-fond tal-misteru ta’ Kristu, Alla u bniedem), imma almenu naslu biex nintebħu bid-differenza (u bix-xebħ ukoll) li hemm bejn kull xorta ta’ tbatija li jista’ jġarrab il-bniedem u t-tbatijiet tal-Bniedem-Alla. Il-Ġetsemani hu l-post fejn din it-tbatija, bil-veritἀ kollha tad-deni li wieħed iġġarrab biha kif fisser il-profeta, dehret fil-qawwa kollha u fil-qofol kollu tagħha quddiem għajnejn ir-ruħ ta’ Kristu.

Il-kliem li ntqal fuq il-Kalvarju jiġi wara l-kliem li ntqal fil-Ġetsemani u juru l-kobor kollu tad-deni, tat-tbatija li Kristu ġarrab – ħaġa li ma hemmx oħra bħalha fid-dinja. Meta qal: “Alla tiegħi għaliex tlaqtni?”, kliemu ma kienx ifisser biss it-tiġrib ta’ ruħ mitluqa minn kulħadd, li spiss niltaqgħu miegħu fil-Patt il-Qadim u l-aktar fis-salmi, u speċjalment fis-salm 22 (21), minn fejn ittieħdu l-kelmiet li għadna kemm semmejna[47]. Nistgħu ngħidu li dan il-kliem li jfisser it-tiġrib ta’ min hu mitluq minn kulħadd, għandu il-bidu tiegħu fl-għaqda sħiħa, qishom ħaġa wahda, tal-Missier u l-Iben, u għandu dan il-bidu tiegħu proprju għaliex il-Missier “xeħet fuqu l-ħażen tagħna kollu”[48], bil-mod kif aktar tard ifisser San Pawl: “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja għal Alla”[49]. Flimkien ma’ dan il-piż hekk tal-biża’, Kristu – huwa u jqis il-qofol tad-deni li hemm fid-dnub li bih Alla jiġi mwarrab – għaliex hu ħaġa waħda mal-Missier, iġarrab, b’mod li ma jistax ifissru l-bniedem, din it-tbatija, jiġifieri li jkun mifrud u miċħud mill-Missier, li jiġi mwarrab għal kollox minn Alla. Permezz ta’ din it-tbatija, Kristu jtemm il-Fidwa u għalhekk jista’ jgħid, huwa u jmut: “Kollox mitmum”[50].

Nistgħu ngħidu li seħħet l-Iskrittura u tassew seħħu għal dejjem kliem il-Għanja tal-Qaddej li semmejna aktar ‘il fuq: “Il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard”[51]. It-tbatija tal-bniedem laħqet il-qofol tagħha fil-passjoni ta’ Kristu. Din it-tbatija tal-bniedem fl-istess waqt kisbet dimensjoni ġdida, ordni ġdid: intrabtet mal-imħabba, ma’ dik l-imħabba li dwarha Kristu tkellem ma’ Nikodemu, dik l-imħabba li tnissel il-ġid, u tnisslu wkoll mid-deni, tnisslu permezz tat-tbatija, bħalma l-ġid kbir tal-fidwa tad-dinja ħareġ u bla heda joħroġ, mis-Salib ta’ Kristu. Is-Salib ta’ Kristu sar għajn li minnha joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj[52]. Fis-Salib ta’ Kristu għandna ntennu l-mistoqsija dwar it-tifsir tat-tbatija, u fis-Salib ta’ Kristu għandna nsibu sa l-aħħar it-tweġiba għal din il-mistoqsija.

 

V

IMSEĦBIN FIT-TBATIJIET TA’ KRISTU

19. L-istess Għanja tal-Qaddej li jbati, li hemm fil-Ktieb ta’ Isaija, twassalna għal din il-mistoqsija u għal din it-tweġiba, bil-kliem li ġej; “jekk joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ tpattija, huwa għad jara nisel bla tmiem u r-rieda tal-Mulej isseħħ fih”.

“Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, u jixba’ bit-tagħrif tiegħu. Il-qaddej il-ġust jiġġustifika l-kotra, u l-ħażen tagħhom, jitgħabba bih hu. Għaliex nagħtih il-kotra b’sehmu, u jkollu sehem fil-priża tal-qawwijin, għaliex hu offra ruħu għall-mewt u kien magħdud mal-midinbin, għad li neħħa l-ħtijiet tal-kotra u daħal għall-midinbin”[53].

Nistgħu ngħidu li, mal-Passjoni ta’ Kristu kull tbatija tal-bniedem tinsab f’qagħda ġdida. Ġob qisu intebaħ b’dan meta qal: “naf li l-Feddej tiegħi ħaj ...”[54], u qisu dawwar lejn din il-qagħda t-tbatijiet tiegħu li mingħajr il-Fidwa ma kinux jistgħu juruh il-qawwa sħiħa tagħhom. Fis-Salib ta’ Kristu mhux biss seħħet il-Fidwa permezz tat-tbatija, imma l-istess tbatija tal-bniedem ġiet mifdija. Kristu – li ma kellu ebda ħtija – tgħabba bid-“deni kollu tad-dnub”. Dak li Kristu ġarrab minn dan id-deni juri l-kobor bla qies tat-tbatijiet tiegħu, li saru l-prezz tal-Fidwa. Fuq dan jitkellem Isaija fil-Għanja tal-Qaddej li jbati u fuq dan tkellmu wkoll, meta wasal żmienhom, ix-xhieda tal-Patt il-Ġdid, li twettaq bid-Demm ta’ Kristu. Araw x’igħid San Pietru fl-ewwel ittra tiegħu: “Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa”[55]. Fl-ittra lill-Galatin l-Appostlu San Pawl igħid: “Ta lilu nnifsu għal dnubietna biex jeħlisna minn din id-dinja ħażina tal-lum”[56], u fl-ittra lill-Korintin: “Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom”[57].

B’dan il-kliem u bi kliem bħalu x-xhieda tal-Patt il-Ġdid jitkellmu fuq il-kobor tal-Fidwa li seħħet bil-Passjoni ta’ Kristu. Il-Feddej bata flok il-bniedem u għall-bniedem. Kull bniedem għandu sehmu mill-Fidwa. Kulħadd huwa wkoll imsejjaħ biex jissieħeb f’dik il-Passjoni li biha seħħet il-Fidwa, kulħadd hu msejjaħ biex jissieħeb f’dik il-passjoni li biha nfdiet kull tbatija tal-bniedem. Kristu huwa u jġib il-Fidwa bil-passjoni tiegħu, fl-istess waqt tella’ t-tbatija tal-bniedem għall-għoli tal-Fidwa. Għalhekk kull bniedem, bit-tbatijiet tiegħu, jista’ jissieħeb fil-passjoni ta’ Kristu li fdiena.

 

20. Ħafna siltiet tal-Patt il-Ġdid iħabbru dan. Fit-tieni ittra lill-Korintin l-Appostlu jikteb: “Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin, imħassbin iżda ma għandniex qalbna maqtugħa, ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin mal-art, iżda m’aħniex meqrudin. F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù. Għalhekk aħna għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt minħabba f’Ġesù biex il-ħajja ta’ Ġesù wkoll tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut ... għax nafu li dak li qajjem lil Sidna Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù”[58].

San Pawl jitkellem fuq ħafna tbatijiet u l-aktar fuq dawk it-tbatijiet li fihom l-ewwel insara kien ikollhom sehem “minħabba Kristu”. Dawn it-tbatijiet wasslu lil dawk li lilhom intbagħtet l-ittra li semmejna, biex jissieħbu fl-egħmil tal-Fidwa li seħħ bil-passjoni u l-mewt tal-Mulej. Iżda l-qawwa u l-waqt tat-tifsir tas-Salib u tal-mewt ta’ Kristu jsibu l-milja tagħhom fil-qawwa u l-waqt tat-tifsir tal-Qawmien mill-imwiet. Il-bniedem isib dawl għal kollox ġdid fil-qawmien mill-imwiet, dawl li jgħinu fil-mixja tiegħu fost tant dlamijiet ta’ tmaqdir, ta’ dubji, ta’ qtigħ il-qalb u ta’ persekuzzjonijiet ukoll. Għalhekk l-appostlu fit-tieni ittra lill-Korintin jikteb: Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta’ Kristu, hekk ukoll permezz ta’ Kristu joktor fina l-faraġ”[59]. F’imkien ieħor iqawwi qalb lil dawk li lilhom qiegħed jikteb huwa u jgħid: “Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta’ Alla u s-sabar ta’ Kristu”[60]. U fl-ittra lir-Rumani hekk ikellimhom: “nitlobkom, ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla: il-kult spiritwali tagħkom”[61].

It-tisħib fil-Passjoni ta’ Kristu f’dan il-kliem tal-Appostlu, qisu għandu żewġ dimensjonijiet. Jekk il-bniedem jissieħeb fit-tbatijiet ta’ Kristu, dan jiġri għaliex Kristu fetaħ il-Passjoni tiegħu għall-bniedem għaliex Kristu, bit-tbatijiet tiegħu għas-salvazzjoni tagħna, b’xi mod, issieħeb fit-tbatijiet kollha tal-bnedmin. U meta l-bniedem, permezz tal-fidi, isib it-tbatijiet ta’ Kristu li fdewna, isib fl-istess waqt it-tbatijiet tiegħu fihom, u permezz tal-fidi jara li stagħnu għax kisbu xi ħaġa ġdida u tifsir ġdid. Dan il-għarfien wassal lil San Pawl biex jikteb kliem tassew qawwi fl-ittra tiegħu lill-Galatin: “Issallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta ruħu għalija”[62]. Il-fidi ġġiegħel lil min kiteb dan il-kliem jagħraf x’imħabba kienet dik li wasslet lil Kristu fuq is-Salib. Jekk Kristu fil-passjoni u l-mewt tiegħu ħabb daqshekk, bil-passjoni u l-mewt tiegħu wkoll igħix f’dawk li ħabb daqshekk, jiġifieri jgħix fil-bniedem, f’San Pawl. Waqt li San Pawl, permezz tal-fidi, jħoss dan kollu billi b’imħabbtu jwieġeb għal din l-imħabba – Kristu, hu u jgħix fil-bniedem, f’San Pawl jingħaqad ukoll b’mod speċjali permezz tas-Salib mal-bniedem, ma’ San Pawl. Din l-għaqda San Pawl ifissirha wkoll bi kliem mhux inqas qawwi fl-istess ittra lill-Galatin: “Ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-Salib ta’ Sidna Ġesù Kristu li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja”[63].

 

21. Is-Salib ta’ Kristu jitfa’ dawl ta’ fidwa fuq il-ħajja tal-bniedem u fuq it-tbatijiet tiegħu b’qawwa liema bħalha. Dan għaliex permezz tal-fidi s-Salib jasal għand il-bniedem flimkien mal-qawmien mill-imwiet: il-misteru tal-passjoni jinsab fil-misteru tal-Għid. Dawk li kienu xhieda tal-Passjoni ta’ Kristu kienu xhieda wkoll tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Dan jikteb San Pawl: “Irrid nagħraf lilu (lil Kristu) u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet”[64]. L-Appostlu ġarrab “il-qawwa tal-qawmien mill-imwiet” l-ewwel darba fit-triq ta’ Damasku, u biss wara, f’dan id-dawl tal-Għid, wasal għal dak “it-tisħib fil-passjoni” ta’ Kristu, li fuqu jitkellem, fost l-oħrajn, fl-ittra lill-Galatin. It-triq ta’ San Pawl hija t-triq tal-Għid, u dan bla dubju ta’ xejn: it-tisħib fis-Salib ta’ Kristu jseħħ bl-esperjenza ta’ Kristu rxoxt, jiġifieri b’tisħib speċjali fil-qawmien mill-imwiet. Hu għalhekk li meta San Pawl jitkellem fuq it-tbatija, spiss jitkellem ukoll fuq il-glorja, li għandha l-bidu tagħha fis-Salib ta’ Kristu. Ix-xhieda tal-passjoni u tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet kienu żguri fuq li żguri minn dan: “jeħtiġielna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla”[65]. Barra dan, San Pawl, huwa u jikteb lit-Tessalonkin igħid: “għalhekk aħna stess niftaħru bikom ... għas-sabar tagħkom u għall-fidi tagħkom fil-persekuzzjonijiet u t-tbatija kollha li intom għaddejtu minnhom ... Minn dan jidher il-ħaqq ġust ta’ Alla ħalli b’hekk tkun tixirqilkom is-saltna ta’ Alla li minħabba fiha qegħdin tbatu”[66]. B’hekk it-tisħib fit-tbatijiet ta’ Kristu hu fl-istess ħin ukoll tbatija għas-Saltna ta’ Alla. Quddiem għajnejn Alla l-ġust, quddiem il-ħaqq tiegħu, dawk kollha li jissieħbu fil-Passjoni ta’ Kristu jkun jistħoqqilhom din is-Saltna. Bit-tiġrib tagħhom huma b’xi mod iħallsu għall-prezz bla qies tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu, li sar il-prezz tal-Fidwa tagħna: b’dan il-prezz is-Saltna ta’ Alla ssaħħet mill-ġdid fil-ġrajja tal-bniedem, billi saret l-għan ewlieni tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art. Bit-tbatijiet tiegħu Kristu daħħalna f’din is-Saltna, u l-bnedmin li qishom jidħlu fil-misteru tal-Fidwa (bit-tbatijiet tagħhom), huma wkoll jilħqu l-kobor sħiħ tagħhom fil-bini ta’ din is-Saltna.

 

22. Ma’ dan il-għan tas-Saltna ta’ Alla hemm ukoll marbuta dik it-tama tal-glorja, li għadha l-bidu tagħha fis-Salib ta’ Kristu. Hu l-qawmien mill-imwiet li juri din il-glorja – glorja eskatoloġika – glorja li ġiet għal kollox moħbija mit-tbatijiet bla qies tas-Salib ta’ Kristu. Dawk li jissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu, huma msejħin biex bit-tbatijiet tagħhom huma wkoll ikollhom sehem fil-glorja. Dan San Pawl igħidu kemm-il darba. Lir-Rumani jiktibilhom dan: “Aħna werrieta ma’ Kristu għax aħna nbatu miegħu biex nistgħu inkunu glorifkati. Jien għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-glorja li għad trid tidher fina”[67]. U fit-tieni ittra lill-Korintin naqraw: “Id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qjies għal dejjem lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru iżda lejn dawk li ma jidhrux”[68]. U San Pietru l-Appostlu fl-ewwel ittra tiegħu jxandar din il-veritἀ: “Ifirħu għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu”[69].

Ir-raġuni tat-tbatija u tal-glorja hi ħaġa kollha kemm hi tal-Evanġelju, u tidher b’mod tassew ċar u miftuħ meta norbtuha mas-Salib u l-qawmien mill-imwiet. Il-qawmien mill-imwiet, qabel xejn, inbidel f’dehra ta’ glorja li taqbel perfettament mal-irfigħ ta’ Kristu fuq is-Salib. Dan għaliex, għalkemm għall-bnedmin fuq is-Salib Kristu deher li ġie mneżża minn kollox, quddiem Alla ġie mgħolli ‘l fuq minn kollox. Fuq is-Salib temm għal kollox il-missjoni tiegħu; huwa u jagħmel ir-rieda tal-Missier, wettaq lilu nnifsu u laħaq il-milja tiegħu. Fin-nuqqas ta’ saħħa tiegħu Kristu wera l-qawwa u fix-xejn tiegħu wera l-kobor tiegħu bħala l-Messija. Dan il-kobor kollu ma jurihx il-kliem li hu qal fuq il-Kalvarju, waqt l-agunija tiegħu, u l-aktar il-kliem li qal għal dawk li sallbuh: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”?[70] Dan il-kliem għandu qisu l-qawwa ta’ eżempju mill-aqwa għal dawk li huma mseħbin fil-passjoni ta’ Kristu bi tbatijiethom. It-tbatija hi wkoll sura ta’ stedina għall-bniedem biex juri l-qawwa morali u l-kobor spiritwali tiegħu. Dan urewh matul iż-żminijiet, il-martri u l-konfessuri ta’ Kristu, b’dan il-kliem quddiem għajnejhom: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ”[71]. Il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet uriena “is-sebħ taż-żmien li ġej” u wettaq fl-istess ħin “il-glorja tas-Salib”; dik il-glorja li tinsab fl-istess passjoni ta’ Kristu u li spiss dehret u għadha tidher, qisha xbieha, fit-tbatijiet tal-bnedmin, bħala dehra tal-kobor spiritwali tal-bniedem. Din il-glorja ma għandniex biss narawha fil-martri għall-fidi, imma wkoll f’ħafna bnedmin li, xi kull tant, għalkemm ma jemmnux fi Kristu, iġarrbu ħafna deni u jagħtu ħajjithom ukoll għall-veritἀ jew għal xi kawża oħra ġusta. Id-dinjitἀ kbira tal-bniedem titwettaq b’mod speċjali b’dan it-tiġrib kollu.

23. It-tbatija hija dejjem prova – u xi drabi prova iebsa – li minnha jrid igħaddi l-ġens tal-bnedmin. L-ittri ta’ San Pawl jitkellmu spiss fuq il-fatt tal-għaġeb tal-qawwa fit-tiġrib, li ma jaqbel xejn mal-fehma tal-kotra kbira tan-nies, imma li huwa mxandar mill-Evanġelju, qawwa fit-tiġrib li ġarrabha b’mod speċjali l-istess San Pawl u dawk kollha li huma mseħbin fit-tbatijiet ta’ Kristu. Fit-tieni ittra lill-Korintin, San Pawl jikteb: “Mela bil-qalb kollha niftaħar bin-nuqqasijiet tiegħi biex fuqi tgħammar is-setgha ta’ Kristu”[72]. U fit-tieni ittra lil Timotju, naqraw: “Din hi l-kawża li għaliha qiegħed inbati. Imma b’daqshekk ma nistħix għax jien naf f’min emmint”[73]. U fl-ittra lill-Filippin jasal biex igħid: “Kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini”[74].

Dawk li għandhom sehem fit-tbatijiet ta’ Kristu, għandhom quddiem għajnejhom il-misteru tal-Għid tas-Salib u tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet, misteru li fih Kristu l-ewwel niżel sal-qiegħ nett tad-dgħjufija u tax-xejn tal-bniedem: miet imsallab. Imma jekk f’din id-dgħjufija ta’ Kristu isseħħ ukoll fl-istess waqt il-glorifikazzjoni tiegħu li twettqet bil-qawmien mill-imwiet, dan juri li d-dgħjufija tat-tbatijiet kollha tal-bnedmin tista’ timtela b’dik l-istess qawwa ta’ Alla, li dehret fis-Salib ta’ Kristu. Meta nifhmu l-ħaġa b’dan il-mod, tbati għalina jkun ifisser li b’mod singulari nkunu nħossu u nġarrbu fina l-ħidma tal-qawwa ta’ Alla li ssalvana, u li tingħata lilna l-bnedmin fi Kristu. Fih Alla wettaq il-fehma li jaħdem fina l-aktar permezz tat-tbatija, jiġifieri permezz tad-dgħjufija u x-xejn tagħna, biex fihom jurina l-qawwa kollha tiegħu. B’dan il-mod nistgħu nifhmu wkoll l-esortazzjoni li nsibu fl-ewwel ittra ta’ San Pietru: “Jekk wieħed isofri għax nisrani m’għandux imniex jistħi: ħa jfaħħar lil Alla b’dan l-isem”[75].

Fl-ittra lir-Rumani San Pawl jitkellem aktar fit-tul fuq dan “il-bidu tal-qawwa mid-dgħjufija”, dan it-tiġdid spiritwali tal-bniedem fit-tiġrib u t-tribulazzjonijiet li huma s-sejħa speċjali ta’ dawk kollha li għandhom sehem fit-tbatijiet ta’ Kristu: “niftaħru wkoll bis-sofferenza , għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar iġib il-prova, il-prova ġġib it-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna”[76]. Fit-tbatija hemm sura ta’ sejħa speċjali għall-qawwa li l-bniedem irid juri min-naħa tiegħu.

U din hi l-qawwa li l-bniedem juri bla ma jaqta’ qalbu meta jġarrab dwejjaq u deni. Meta l-bniedem iġib ruħu b’dan il-mod hu jkun juri dik it-tama li biha jistqarr li hu żgur li mhux se jħalli t-tiġrib jegħelbu u lanqas qatt se jħallih ineżżgħu mid-dinjitἀ tiegħu ta’ bniedem li hu, dinjitἀ kollha kemm hi marbuta mas-sens li għandu tat-tifsir tal-ħajja. Dan it-tifsir tal-ħajja jidher ħaġa waħda mal-imħabba ta’ Alla, li hija l-aqwa don tal-Ispirtu s-Santu. Il-bniedem, huwa u jkollu sehem minn din l-imħabba, isib ruħu fit-tbatija; isib “ruħu”, ir-”ruħ” li jkun ħaseb li “tilef” minħabba tbatijietu[77].

 

24. Iżda dak li ġarrab l-Appostlu San Pawl fit-tisħib tiegħu fit-tbatijiet ta’ Kristu, imur aktar ‘il bogħod. Fl-ittra lill-Kolossin naqraw liema hu l-aħħar għan li għalih trid twassal it-tbatija. Dan jikteb San Pawl: “Nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, biex intemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja”[78]. U f’ittra oħra, lil dawk li lilhom qiegħed jikteb, jistaqsihom: “Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu?”[79].

Fil-misteru tal-Għid, Kristu ta bidu għall-għaqda mal-bniedem fix-xirka tal-Knisja. Dan il-misteru tal-Knisja nistgħu infissruh hekk: bil-Magħmudija li biha l-bniedem isir xebħ ma’ Kristu, u mbagħad bis-sagrifiċċju ta’ Kristu – sagramentalment, bl-Ewkaristija – il-Knisja dejjem tinbena spiritwalment bħala Ġisem ta’ Kristu. F’dan il-Ġisem, Kristu jrid jingħaqad mal-bnedmin kollha u l-ewwelnett hu jgħaqqad miegħu ‘l dawk li qegħdin ibatu. Kliem l-ittra lill-Kolossin li semmejna aktar ‘il fuq juru ta’ liema sura speċjali hi din l-għaqda. Dan għaliex dawk kollha li jbatu flimkien ma’ Kristu – kif l-Appostlu San Pawl “bata” flimkien ma’ Kristu – mhux biss jiksbu mingħand Kristu dik il-qawwa li semmejna, imma wkoll bit-tbatijiet tagħhom “itemmu dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu”. Din it-tifsira mibnija fuq l-Evanġelju titfa’ dawl qawwi fuq il-qawwa li għandha t-tbatija biex toħloq. It-tbatijiet ta’ Kristu ġabu l-fidwa tad-dinja, fidwa li fiha nnifisha ma tispiċċa qatt u hi bla qjies u ebda bniedem ma jista’ jżid xejn magħha. Fl-istess waqt, Kristu, fil-misteru tal-Knisja u fil-Ġisem tiegħu, b’xi mod, fetaħ it-tbatijiet, li bihom fdiena, għall-bnedmin kollha mġarrbin bit-tbatija. Daqskemm il-bniedem jissieħeb fit-tbatijiet ta’ Kristu – kullimkien fid-dinja u f’kull żmien tal-ġrajja tal-bniedem – daqshekk ieħor hu jtemm bil-mod tiegħu t-tbatijiet li bihom Kristu ġab il-Fidwa tad-dinja.

Minħabba dan, għandna ngħidu li l-Fidwa li ġab Kristu, kellha xi nuqqas fiha? Le. Dan ifisser biss li l-Fidwa li seħħet bil-qawwa tal-imħabba li wasslet għat-tpattija għall-htijiet tal-bnedmin, hija dejjem miftuħa għal kull xorta ta’ mħabba li turi ruħha fit-tbatijiet tal-bniedem. F’dan l-aspett – jiġifieri taħt l-aspett tal-imħabba – il-Fidwa, li seħħet darba għal dejjem, b’xi mod dejjem aktar isseħħ. Kristu temm darba għal dejjem il-Fidwa tagħna u wassalha sal-aħħar, iżda fl-istess waqt ma temmhiex għal kollox: fit-tbatijiet li bihom feda d-dinja, Kristu, sa mill-bidunett, ħaddan u jħaddan għal dejjem kull ma jġarrbu il-bnedmin tad-dinja. Hekk hu: milli jidher, l-istess natura tat-tbatijiet ta’ Kristu titlob li dawn it-tbatijiet ikomplu jintemmu.

B’hekk Kristu, li ħaddan miegħu dak kollu li jbatu l-bnedmin, bit-tbatijiet tiegħu feda d-dinja. Din il-fidwa li seħħet darba għal dejjem bil-Passjoni ta’ Kristu, fl-istess ħin, bil-mod tagħha, tinsab ukoll u timxi ‘l quddiem, fil-ġrajja tal-bniedem. Tinsab u timxi ‘l quddiem bħala Ġisem ta’ Kristu, li hu l-Knisja; b’dan il-mod kull tbatija tal-bniedem, minħabba x-xirka ta’ kulħadd fl-imħabba ta’ Kristu, ittemm il-passjoni ta’ Kristu, kif il-Knisja ttemm l-egħmil tal-fidwa ta’ Kristu. Il-misteru tal-Knisja – jiġifieri dak il-Ġisem li jtemm fih il-ġisem ta’ Kristu msallab u mqajjem mill-imwiet – fl-istess ħin jurina fejn u kif it-tbatijiet tal-bniedem itemmu t-tbatijiet tal-Passjoni ta’ Kristu. Biss meta naħsbu fuq il-Knisja bħala l-Ġisem ta’ Kristu, li bla heda, kullimkien u f’kull żmien, miexja ‘l quddiem, nistgħu naħsbu u nitkellmu fuq “dak li jonqos” mit-tbatijiet tal-bnedmin. B’dan il-mod l-Appostlu jgħidu b’mod ċar ħafna għax huwa jitkellem dwar li ntemmu f’ġismina “dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għal ġisem tiegħu li hu l-Knisja”.

Hija fl-istess Knisja li bla heda tieħu mill-għana bla qies tal-Fidwa biex tqassmu fil-ħajja tal-bnedmin, li l-Passjoni ta’ Kristu li biha nfdejna tintemm bla heda bit-tbatijiet ta’ Kristu. Madankollu dan naraw x’inhi sewwa n-natura tal-Knisja li ġejja minn Alla u magħmula minn bnedmin. It-tbatija b’xi mod għandha sehem mill-kwalitajiet ta’ din in-natura tal-Knisja, u għalhekk it-tbatija għandha siwi speċjali quddiem il-Knisja. It-tbatija hi xi ħaġa tajba, u l-Knisja – li temmen bis-sħiħ fil-Fidwa – għandha qima kbira għat-tbatija bil-qawwa kollha tal-fidi tagħha fil-Fidwa, tal-fidi, li biha tħaddan il-misteru kbir, li ma jista’ jitfisser qatt, tal-Ġisem ta’ Kristu.

  

VI

L-EVANĠELJU TAT-TBATIJA

25. Ix-xhieda tas-Salib ta’ Kristu u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet taw lill-Knisja u lill-familja kollha tal-bnedmin l-Evanġelju speċjali tat-tbatija. Il-Feddej innifsu kien l-ewwel wieħed li kiteb dan l-Evanġelju bil-passjoni li huwa ġarrab għall-imħabba tagħna, biex il-bniedem “ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”[80]. Din il-passjoni ta’ Kristu, flimkien mal-kelma ħajja tat-tagħlim tiegħu, saret għajn mimlija għal dawk kollha li kellhom sehem fit-tbatijiet tiegħu, kemm id-dixxipli u l-konfessuri tal-ewwel żminijiet u kemm dawk kollha li ġew fiż-żminijiet ta’ wara. Hi ħaġa ta’ faraġ – ħaġa mwettqa mill-Evanġelju u mill-istorja – li qrib Kristu, quddiem nett u fl-ogħla post, hemm dejjem Ommu bl-eżempju tax-xhieda li bil-ħajja kollha tagħha hi tagħti ta’ dan l-Evanġelju tat-tbatija. Tant kienu u tant kbar kienu t-tbatijiet li ġarrbet u tant kienu marbutin ma’ xulxin, li mhux biss wettqu s-sħuħija tal-fidi tagħha, imma wkoll għenu għall-fidwa ta’ kulħadd. Fil-fatt, sa mill-mument li fih kellimha l-Anġlu fis-skiet ta’ darha, hija bdiet tara fil-missjoni tagħha ta’ omm “il-ħidma li għaliha kienet imsejħa”, dik li tissieħeb fil-missjoni ta’ Binha b’mod li ħadd ħliefha ma kellu jissieħeb. Dan ġie mwettaq fi żmien tassew qasir minn dak li seħħ f’Betlem fit-twelid ta’ Ġesù u mit-tħabbira solenni tax-xwejjaħ Xmun, li tkellem fuq is-sejf ta’ niket li kellu jinfdilha qalbha, u mill-qtigħ il-qalb u d-dwejjaq li ġarrbet fil-ħarba lejn l-Eġittu, minħabba l-ħsieb kiefer ta’ Erodi.

Barra dan, wara dak kollu li ġara tul il-ħajja moħbija u l-ħajja pubblika ta’ Binha – u f’dan kollu żgur li kellha sehem kbir minħabba s-sensibilitἀ kbira tagħha – it-tbatijiet tal-Verġni Marija laħqu l-milja tagħhom fuq il-Kalvarju, tbatijiet li moħħ il-bniedem bilkemm jasal biex jimmaġinahom, imma tbatijiet li b’mod misterjuż u soprannaturali kienu ta’ ġid għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. It-tlugħ tagħha fuq il-Kalvarju, “il-qagħda” tagħha ħdejn is-Salib flimkien mad-dixxiplu l-maħbub kienu sura ta’ tisħib speċjali fil-mewt ta’ Binha għall-fidwa tagħna; u l-kliem imbagħad li semgħet minn fomm Binha kienu qishom ordni solenni għaliha biex tħabbar lix-xirka kollha ta’ dawk li jemmnu dan l-Evanġelju tassew singulari.

L-imqaddsa Verġni Marija, għaliex kienet ħdejn is-Salib u kienet qiegħda tbati flimkien ma’ Binha, tat kontribut liema bħalu għal dan l-Evanġelju tat-tbatija, u ma Binha kitbet kemm-il paġina minnu u wettqet f’ħajjitha, minn qabel, kliem San Pawl li semmejna fil-bidu ta’ din l-ittra appostolika. Marija, għalhekk, għandha raġuni tassew speċjali biex tgħid li qiegħda “ttemm f’ġisimha – kif ġa temmet f’qalbha – dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu”.

Kristu qatt ma ħeba minn dawk li kienu jisimgħuh il-ħtieġa tat-tbatija. Bid-dieher qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja għandu ... jerfa’ salibu kuljum”[81], u lid-dixxipli tiegħu tahom kmandamenti morali, li biex iħarsuhom, kien jinħtiġilhom “jiċħdu lilhom infushom”[82]. It-triq li twassal għas-Saltna tas-smewwiet hija “dejqa”, u Kristu juri li m’hijiex it-triq “wiesgħa u spazjuża” li twassal “għat-telfien”[83]. Kristu kien spiss igħid lid-dixxipli u l-konfessuri tiegħu li kienu se jġarrbu ħafna persekuzzjonijiet, li – kif nafu – seħħu mhux biss fl-ewwel żminijiet tal-ħajja tal-Knisja fl-imperu ta’ Ruma, imma seħħu wkoll tul iż-żminijiet, f’ħafna pajjiżi, u għadhom iseħħu fi żmienna wkoll.

Dan hu xi kliem tal-Mulej fuq din il-ħaġa: “jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagogi u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih. U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi, imma xagħra waħda minn raskom ma tintelifx. Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom”[84].

L-Evanġelju tat-tbatija għall-ewwel jitkellem f’ħafna postijiet dwar it-tbatija “għal Kristu” u “minħabba Kristu”, u dan bil-kliem stess ta’ Ġesù jew tal-appostli tiegħu. L-Imgħallem ma jaħbix lid-dixxipli tiegħu u ‘l dawk li jimxu warajh il-fatt li forsi jistgħu ibatu, anzi jgħidulhom bid-dieher, u jżid jurihom ukoll x’għajnuna mis-sema se jkollhom biex tqawwihom fost it-tiġrib u l-persekuzzjonijiet “minħabba l-isem ta’ Kristu”. Dawn it-tbatijiet b’mod singulari juru wkoll xebħ ma’ Kristu u għaqda miegħu: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom ... billi m’intomx tad-dinja, għax jiena ħriġtkom mid-dinja, id-dinja tobgħodkom ... il-qaddej mhux akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll ... Imma dan kollu għad jagħmluhulkom minħabba f’ismi, għax huma ma jagħarfux lil dak li bagħatni”[85]. Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom, imma agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja”[86].

Dan l-ewwel kapitlu tal-Evanġelju tat-tbatija, li jitkellem fuq il-persekuzzjonijiet, jiġifieri dwar it-tiġrib minħabba Kristu, fih kliem speċjali li jħeġġeġ għall-kuraġġ u għall-qawwa tal-qalb u jitwettaq bil-qawwa tal-għaġeb tal-qawmien mill-imwiet. Kristu f’kull żmien, jirbaħ id-dinja bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, iżda għaliex il-qawmien mill-imwiet hu marbut mal-passjoni u l-mewt tiegħu, Kristu jirbaħ id-dinja wkoll bit-tbatijiet tiegħu. Hekk hu. It-tbatija, b’mod singulari, hi mdaħħla f’dik ir-rebħa tad-dinja li dehret fil-qawmien mill-imwiet. Kristu rxoxt żamm f’ġismu s-sinjali tal-pjagi tas-Salib: f’idejh, f’saqajh u f’ġenbu. Bil-qawmien tiegħu mill-imwiet wera bid-dieher il-qawwa rebbieħa tat-tbatija u nissel f’dawk li għazel bħala Appostli u f’dawk li bla heda jagħżel u jibgħat fid-dinja, konvinzjoni sħiħa dwar din il-qawwa. Igħidilna l-Appostlu San Pawl: “Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Gesù lkoll igħaddu mill-persekuzzjoni”[87].

26. Jekk l-ewwel kapitlu kbir tal-Evanġelju tat-tbatija jinkiteb minn dawk li, tul iż-żminijiet, ibatu persekuzzjoni minħabba Kristu, hekk ukoll, matul iż-żminijiet, kapitlu ieħor kbir jiktbuh dawk kollha li jbatu flimkien ma’ Kristu, huma u jgħaqqdu t-tbatijiet tagħhom mal-passjoni ta’ Kristu li salvatna. Fihom iseħħ dak li qalu u kitbu l-ewwel xhieda tal-Passjoni ta’ Kristu u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, dwar it-tisħib fil-passjoni ta’ Kristu. F’dawn in-nies iseħħ l-Evanġelju tat-tbatija u fl-istess ħin kull wieħed minnhom b’xi mod ikompli jiktbu: jiktbu u jħabbru lid-dinja, iħabbru fejn igħix u jħabbru lin-nies ta’ żmienu.

Jidher ċar, tul iż-żminijiet kollha, li fit-tbatija hemm moħbija qawwa speċjali li tgħaqqad bis-sħiħ il-bniedem ma’ Kristu: u din hi grazzja speċjali. Ħafna qaddisin, bħal San Franġisk ta’ Assisi, San Injazju ta’ Loyola u oħrajn jafu l-konverżjoni tagħom lil din il-grazzja. L-effett ta’ din il-konverżjoni mhuwiex biss li l-bniedem jagħraf x’inhu t-tifsir tat-tbatija għas-salvazzjoni, iżda wkoll, u fuq kollox, il-bniedem bl-istess tbatija jiġġedded għal kollox. Dan għaliex jikseb qisha dehra ġdida tal-ħajja li jrid igħix u tas-sejħa li jrid jilħaq. Dan twettqu l-qawwa tal-ispirtu li bih il-bniedem jegħleb il-ġisem b’mod tassew tal-għaġeb. Meta l-ġisem ikun marid sewwa u għal kollox bla saħħa, u l-bniedem hu bilkemm tajjeb biex igħix u jaħdem, f’dak il-ħin tidher tassew fl-aqwa tagħha l-qawwa tal-kobor tal-ispirtu, li tqanqal qalb dawk kollha li huma f’saħħithom.

Dan il-kobor tar-ruħ u din il-qawwa spiritwali fit-tbatija jiġu minn konverżjoni speċjali u minn koperazzjoni mal-grazzja ta’ Kristu msallab. Kristu nnifsu jaħdem sal-fond tat-tbatijiet tal-bniedem permezz tal-Ispirtu tal-faraġ. Hu Kristu li, b’xi mod, ibiddel l-istess natura tal-ħajja tar-ruħ, meta juri lill-marid li hu qrib tiegħu. Hu, bħala Mgħallem u Mexxej tar-Ruħ, igħallem ‘l aħwa li qegħdin ibatu din il-bidla tal-għaġeb li sseħħ fil-qalba tal-misteru tal-Fidwa. It-tbatija fiha nnifisha hi t-tiġrib tad-deni. Iżda Kristu fit-tbatija qiegħed is-sisien tassew sodi tal-ġid li jibqa’ għal dejjem, jiġifieri l-ġid tas-salvazzjoni ta’ dejjem. Kristu bit-tbatijiet tiegħu fuq is-Salib, wasal sal-egħruq tad-deni, li huma d-dnub u l-mewt. Rebaħ lil dak li jagħmel id-deni, lix-xitan, u t-tixwix tiegħu bla heda kontra l-Ħallieq ta’ kollox. Kristu lil aħwa li qegħdin ibatu fetħilhom u, bil-mod il-mod, urihom ix-xefaq tas-Saltna ta’ Alla, jiġifieri d-dinja ħielsa mid-dnub, id-dinja li ddur lejn Alla, id-dinja li qiegħda tinbena bil-mod il-mod fuq il-qawwa li ssalva tal-imħabba. U Kristu, bil-mod il-mod, imma b’mod żgur, idaħħal f’din id-dinja, f’din is-Saltna tal-Missier, lil kull min qiegħed ibati, u jdaħħlu, b’xi mod, mill-qalba stess ta’ tbatijietu. It-tbatija ma tistax tinbidel u ssir ħaġ’oħra bil-grazzjja minn barra, imma minn ġewwa, fiha nfisha. Kristu bil-Passjoni tiegħu li salvatna jinsab ‘il ġewwa ħafna f’kull tbatija tal-bniedem, u għalhekk jista’ jaħdem fil-bniedem minn ġewwa bil-qawwa tal-ispirtu tal-veritἀ, tal-Ispirtu tal-faraġ.

U dan mhuwiex biżżejjed. Il-Feddej divin tagħna jixtieq jidħol fir-ruħ ta’ kull min qiegħed ibati permezz tal-qalb ta’ Ommu Marija, l-ewwel waħda u l-ogħla fost il-mifdijin kollha. Kristu qiegħed imut ried li qisu tkompli dik il-ħidma ta’ Omm li biha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, hu ġie fid-dinja; għalhekk lill-Imqaddsa Verġni Marija taha ħidma ġdida ta’ omm – ħidma spiritwali u universali – li tħaddan il-bnedmin kollha, hekk li kulħadd, fil-mixja tiegħu bil-fidi f’din id-dinja, flimkien magħha, jingħaqad ma’ Kristu sa fuq is-Salib, u, bil-qawwa tas-Salib, jagħti ħajja ġdida lit-tbatija, u minn dgħjufija tal-bniedem jagħmilha qawwa ta’ Alla. Dan mhux dejjem isir bl-istess mod. Spiss dan jibda u jimxi ‘l quddiem b’diffikultἀ kbira. L-istess bidu tiegħu qatt ma hu l-istess: għaliex l-imġieba tal-bniedem fit-tbatija mhijiex l-istess f’kulħadd. Iżda nistgħu ngħidu, qabel xejn, li kull bniedem jidħol għat-tbatija bi protesta tal-istess natura tiegħu ta’ bniedem li hu, huwa u jistaqsi: għaliex qiegħed inbati? Kulħadd jistaqsi xi tfisser it-tbatija u jistenna tweġiba li tgħodd għall-qagħda tiegħu ta’ bniedem li hu. U l-mistoqsija żgur jagħmilha wkoll lil Alla, lil Kristu. Barra dan il-bniedem jifhem ukoll li ‘l dak li qiegħed jistaqsih, huwa wkoll ġarrab it-tbatija, u għalhekk jistenna li t-tweġiba jagħtihielu mis-Salib, mill-qalba ta’ tbatijietu. Iżda xi kull tant, ikun hemm bżonn taż-żmien, u żmien twil ukoll, qabel ma wieħed jibda jintebaħ f’qalbu bit-tweġiba li qiegħda tingħatalu. Kristu għal din il-mistoqsija tal-bniedem dwar it-tbatija, qatt ma jwieġeb direttament u b’mod astratt. Il-bniedem jirċievi t-tweġiba li ssalvah, huwa u jissieħeb bil-mod il-mod fil-Passjoni ta’ Kristu.

It-tweġiba li tingħata permezz ta’ dan it-tisħib ma’ Kristu fil-Passjoni tiegħu, b’laqgħa fir-ruħ ma’ l-Imgħallem, mhijiex biss tweġiba astratta għall-mistoqsija xi tfisser it-tbatija. It-tweġiba ta’ Kristu hi qabel xejn stedina. Hi sejħa. Kristu jfisser x’inhi t-tbatija, mhux billi jqisha fiha nfisha, maqtugħa mill-ħajja, imma qabel xejn igħid: “Ejjew warajja!” Ejja! Bi tbatijietek issieħeb f’din il-ħidma għas-salvazzjoni tad-dinja, li sseħħ bil-Passjoni tiegħi, bis-Salib tiegħi. Meta l-bniedem jerfa’ salibu, u jingħaqad spiritwalment mas-Salib ta’ Kristu, hu jagħraf it-tifsir tat-tbatija għas-salvazzjoni. Il-bniedem ma jiksibx dan it-tifsir għax hu bniedem, imma jiksbu fil-Passjoni ta’ Kristu. Iżda, fl-istess waqt, din it-tifsira tat-tbatija għas-salvazzjoni, mill-qagħda ta’ Kristu fi tbatijietu tgħaddi għall-qagħda tal-bniedem fit-tbatijiet tiegħu u ssir, b’xi mod, it-tweġiba personali tiegħu għat-tbatija. Imbagħad il-bniedem fit-tbatija jikseb il-paċi fir-ruħ u hena spiritwali.

 

27. Fuq dan il-hena l-Appostlu jitkellem fl-ittra tiegħu lill-Kolossin: “Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom”[88]. Għajn ta’ hena ssir ir-rebħa fuq il-fehma li t-tbatija ma għandha ebda siwi, fehma li xi kull tant għandha egħruq fil-fond sewwa tat-tbatija tal-bniedem. Din il-fehma mhux biss tifni l-bniedem, imma twasslu wkoll biex ikun piż għall-oħrajn. Il-bniedem iħoss li jkollu jitlob l-għajnuna mingħand ħaddieħor ħa jdur bih, u, fl-istess ħin, iħoss li ma jiswa xejn għalih innifsu. Meta wieħed jagħraf xi tfisser it-tbatija għas-salvazzjoni, u jilqagħha flimkien ma’ Kristu, jasal biex iwarrab din il-fehma hekk ta’ dwejjaq. Il-fidi fit-tisħib fil-Passjoni ta’ Kristu twassal lill-bniedem biex ikun żgur f’qalbu li bit-tbatijiet tiegħu huwa “qiegħed itemm dak li hu nieqes mit-tbatijiet ta’ Kristu”; u minn dan jasal biex jagħraf li, fid-dimensjoni spiritwali tal-opra tal-fidwa, qiegħed ikun ta’ qadi għas-salvazzjoni ta’ ħutu kif ried Kristu. Ikun mhux biss għalhekk ta’ ġid għall-oħrajn, iżda wkoll, u aktar, ikun jaqdi dmir li ma hemmx ieħor bħalu. Fil-Ġisem ta’ Kristu, li bla heda jikber bis-Salib tal-Feddej, hi t-tbatija li hi minnha nfisha stess meħtieġa għas-salvazzjoni tad-dinja bil-qawwa tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, li hu l-medjatur m’hemmx iehor floku u l-awtur tal-ġid. Hi t-tbatija, aktar minn kull ħaġa oħra, li tiftaħ it-triq għall-grazzja, li tbiddel qlub il-bnedmin. Hi t-tbatija l-aktar li ddaħħal fil-ġrajja tal-bniedem, il-qawwa tal-Fidwa. Fil-ġlieda kontra s-setgħat tal-ajru, li fuqhom titkellem l-ittra lill-Efesin[89], it-tbatijiet tal-bniedem flimkien mal-Passjoni ta’ Kristu li ssalvana huma ta’ għajnuna speċjali għas-setgħat it-tajba u jiftħu t-triq għar-rebħa ta’ dawn it-setgħat ta’ salvazzjoni.

Il-Knisja għalhekk, fl-aħwa ta’ Kristu li qegħdin ibatu, għandha qisu aspett ta’ ħafna suriet tal-qawwa divina tagħha. Spiss ir-ragħajja tal-Knisja jirrikorru għandhom u jitolbuhom għajnuna u appoġġ. L-Evanġelju tat-tbatija bla heda jinkiteb u bla heda jitkellem bi kliem li jfisser ħaġa tassew tal-għaġeb għalkemm hi ħafna kontra l-fehma tal-kotra l-kbira tan-nies; l-egħjun ta’ din il-qawwa divina joħorġu proprju minn din id-dgħjufija tal-bniedem. Dawk li jissieħbu fit-tbatijeit ta’ Kristu jgħożżu fi tbatijiethom biċċa żgħira iżda speċjali ħafna tat-teżor bla qies tal-fidwa tad-dinja, u jistgħu jgħaddu lill-oħrajn dan it-teżor. Aktar ma l-bniedem hu mhedded mid-dnub, aktar ma joktru l-istrutturi tad-dnub, li fihom tinsab id-dinja tal-lum, aktar għandha tifsir it-tbatija tal-bniedem. U aktar il-Knisja tħoss il-ħtieġa li tfittex li tuża t-tbatijiet tal-bniedem għas-salvazzjoni tad-dinja.

  

VII

IS-SAMARITAN IT-TAJJEB

28. Tagħmel parti wkoll, tal-Evanġelju tat-tbatija, u tagħmlu b’mod xieraq, il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. B’din il-parabbola Ġesù jwiegeb għall-mistoqsija li saritlu: “Il-proxxmu tiegħi min hu?”[90]. Dan għaliex mit-tlieta min-nies li kienu għaddejjin mit-triq li tieħu minn Ġerusalem għal Ġeriko, fejn kien jinsab mixħut nofsu ħaj ir-raġel li ġie mneżżἀ u mbiċċer mill-ħallelin, is-Samaritan wera ruħu verament proxxmu ta’ dak l-imsejken: il-kelma “proxxmu” tfisser ukoll dak li ħares il-kmandament tal-imħabba tal-proxxmu. Żewġt irġiel oħra għaddew minn dik it-triq, l-ewwel saċerdot u mbagħad levita, u t-tnejn rawh u baqgħu sejrin. Imma s-Samaritan, “rah u tħassru, resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi ... u rabathomlu”, u mbagħad “wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu”[91]. U meta telaq qabbad lil tal-lukanda biex jieħu ħsieb lil dak il-batut u wegħdu li jroddlu jekk jonfoq xi ħaġa iżjed.

Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb tagħmel parti mill-Evanġelju tat-tbatija, għaliex turina kif kull wieħed minna għandu jgħin lill-proxxmu tiegħu meta jkun ibati. Ma nistgħux “nibqgħu sejrin” mingħajr ma jimpurtana xejn minn għajrna, imma għandna “nieqfu” ħdejh. Is-Samaritan it-tajjeb hu kull bniedm li jieqaf ma bniedem ieħor fi tbatijietu, huma x’inhuma. U tieqaf ma’ min qiegħed ibati ma tfissirx kurżitἀ barra minn lokha, imma qalb dejjem lesta biex tgħin. Hi qisha l-wiri ta’ dak li hemm moħbi fil-fond tal-qalb, u tfisser ukoll dak li wieħed ikun iħoss. Is-Samaritan it-tajjeb hu kull bniedem li jħoss għat-tbatijiet ta’ ħaddiehor, hu bniedm li “jħenn” għat-tiġrib tal-proxxmu. Jekk Kristu, li kien jagħraf x’hemm fil-fond tal-qalb tal-bniedem, jurina dak li hemm fil-fond tal-qalb tal-bniedem għandu s-siwi tiegħu fl-imġieba tagħna quddiem it-tbatijiet tal-oħrajn. Għandna għalhekk nieħdu ħsieb dak li nħossu fil-fond ta’ qalbna, għaliex bih nuru ħniena kollha mħabba għal min qiegħed ibati. Xi drabi tkun biss b’din il-ħniena kollha mħabba li nkunu nistgħu nuru l-imħabba u s-solidarjetἀ tagħna ma’ min huwa mġarrab.

Iżda s-Samaritan tal-parabbola li qalilna Gesù ma ħassx biss għal dak li ġie misruq u mbiċċer mill-ħallelin u ġietu ħniena minnu: dak li ħass għalih ġiegħlu jagħmel dak li għamillu biex igħinu. Fl-aħħar mill-aħħar dan is-Samaritan huwa dak li jgħin lil min hu mġarrab mit-tbatija hi x’inhi t-tbatija, u l-għajnuna li jagħti hi għajnuna, kemm jista jkun, li tiswa. Jagħti l-għajnuna b’qalbu kollha u ma jonqosx ukoll li jagħti għajnuna materjali. Nistgħu għalhekk ngħidu li jagħti lilu nnifsu, jagħti l-“jien” tiegħu, u jiftaħ il-”jien” tiegħu għal ħaddiehor. Hawn qegħdin nitkellmu fuq dak li hu l-aqwa ħaġa fl-antropoloġija nisranija. Il-bniedem ma jistax isib b’mod sħiħ lilu nnifsu jekk ma jagħtix lilu nnifsu, bil-qalb kollha bħala don lill-oħrajn[92]. Is-Samaritan it-tajjeb hu dak il-bniedem li jasal biex jagħmel dan id-don tiegħu innifsu.

 

29. Meta nqisu din il-parabbola tal-Evanġelju, naslu biex nifhmu li t-tbatija li tinsab f’tant suriet fil-bniedem, tinsab fih ukoll biex tqanqal fih l-imħabba, jiġifieri ġġiegħelu jagħti lilu nnifsu għall-bnedmin l-oħra mġarrbin mit-tbatija, mingħajr ma joqgħod iqis il-kumditajiet tiegħu. Id-dinja tat-tbatija tal-bniedem b’xi mod titlob bla heda dinja oħra, dik tal-imħabba tal-bniedem; b’xi mod it-tbatija hi r-raġuni għaliex il-bniedem jinsa ħtiġijietu, u jitqanqal għall-imħabba ta’ għajru b’qalbu u b’egħmilu. Ma jiswiex li bniedem, li hu “proxxmu”, jibqa’ għaddej meta jara ħaddieħor ibati, u dan f’ġieħ is-solidarjetἀ li għandu jkun hemm bejn bniedem u ieħor; wisq inqas imbagħad ma jiswiex li għandu jibqa’ għaddej f’ġieħ l-imħabba li għandu jkollu għal għajru. Għandu “jieqaf”, u għandu “jħoss għalih”, għandu jġib ruħu bħas-Samaritan tal-parabbola tal-Evanġelju. Il-parabbola fiha nfisha turi veritἀ tassew nisranija li fl-aħħar mill-aħħar hija wkoll veritἀ tal-bniedem f’kull imkien. Mhux ta’ b’xejn li kull ma jsir għal min hu batut u jeħtieġ l-għajnuna, in-nies igħidulu egħmil tas-Samaritan it-tajjeb.

Din il-ħidma tul iż-żminijiet ġiet organizzata bħala istituzzjoni, u hi qasam ta’ xogħol għal kull professjoni li għandha x’taqsam magħha. Kemm hi ħidma tas-Samaritan it-tajjeb il-professjoni tat-tobba u tal-infermieri u tal-professjonijiet l-oħra bħalhom! Minħabba l-ispirtu tal-Evanġelju li nsibu f’din il-ħidma, inħossu li għandna nqisuh aktar bħala vokazzjoni milli bħala professjoni biss. L-istituzzjonijiet li tul iż-żminijiet għamlu l-ħidma tas-“Samaritan it-tajjeb”, fi żmienna żdiedu u saru speċjalizzati. Dan juri bla dubju ta’ xejn li fi żmienna in-nies qed jagħtu każ tat-tbatijiet ta’ għajrhom b’attenzjoni akbar u aktar fil-fond, u qegħdin jippruvaw jifhmuhom aħjar u dejjem aktar jaħsbulhom minn qabel. Il-bniedem illum, f’dan il-qasam tat-tbatija tal-bniedem, dejjem aktar qiegħed ikun speċjalista fl-għarfien u l-kura tat-tbatijiet tan-nies. Meta nqisu dan kollu, nistgħu ngħidu li l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb saret waħda mill-partijiet l-aktar importanti tal-kultura morali u tac-civiltἀ universali tal-bniedem. Meta nġibu quddiem għajnejna lil dawk kollha li, bl-għerf u l-ħila tagħhom, igħinu b’tant u tant modi lill-proxxmu tagħhom li qiegħed ibati, ma nistgħux ma nfaħħruomx u nuruhom il-ħajr kollu tagħna. Dan it-tifħir u radd il-ħajr irridu nagħtuh lil dawk kollha li, mingħajr ma jagħtu każ kemm se jiswielhom, iduru bil-proxxmu tagħhom li qiegħed ibati, billi minn rajhom joffru lilhom infushom biex igħinuh bħalma għamel is-Samaritan it-tajjeb u jagħtu l-ħin tagħhom kollu u saħħithom kollha għalih, barra l-ħin ukoll mitlub mill-professjoni tagħhom. Din is-sura ta’ ħidma volontarja tas-Samaritan it-tajjeb, din il-ħidma ta’ mħabba, nistgħu inqisuha bħala ħidma soċjali, imma nistgħu nsejħulha wkoll appostolat, meta ssir bi spirtu kollu kemm huwa evanġeliku, aktar u aktar meta ssir b’rabta mal-Knisja jew ma’ xi komunitἀ oħra nisranija. Il-ħidma volontarja tas-“Samaritan it-tajjeb” isseħħ illum permezz ta’ ambjenti adatti u ta’ istituzzjonijiet imwaqqfin għal dan il-għan. Għandha importanza kbira l-ħidma li ssir b’dan il-mod, aktar u aktar meta titlob l-għajnuna u l-użu ta’ mezzi tekniċi. U mhijiex inqas għażiża l-ħidma individwali l-aktar dik ta’ nies li jkunu aktar imħejjijin għaliha, f’kull sura ta’ tbatija tal-bniedem, meta din it-tbatija tista’ biss tittaffa b’għajnuna individwali u personali. U fl-aħħarnett l-għajnuna fi ħdan il-familja tfisser kemm egħmil ta’ mħabba lejn il-proxxmu li wieħed juri ma’ qrabatu u kemm l-għajnuna tal-qraba lil xulxin.

Mhijiex ħaġa ħafifa li ssemmi s-suriet kollha u tgħid liema huma l-oqsma kollha tal-ħidma tas-”Samaritan it-tajjeb”, li nsibu fil-Knisja u fis-soċjetἀ tal-bnedmin. Irridu nammettu li huma ħafna, u wieħed għandu juri l-ferħ tiegħu għax bihom il-valuri morali ewlenin, bħal ma huma s-solidarjetἀ bejn il-bnedmin u l-imħabba nisranija tal-proxxmu, jidhru bħala l-qafas li fuqu tissawwar il-ħajja soċjali tal-bnedmin u r-relazzjonijiet bejniethom, waqt li s-suriet kollha tal-mibgħeda, tal-vjolenza, tal-kefrija, tad-disprezz tal-oħrajn, jew ukoll in-nuqqas biss ta’ interess f’għajrek u fi tbatijietu, id-dinja tistmerrhom.

F’din il-ħaġa għandha importanza kbira l-edukazzjoni li tingħata. Il-familja, l-iskola u l-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-edukazzjoni, ukoll minħabba raġunijiet naturali biss, għandhom ma jieqfu qatt iħabirku biex irawmu f’kulħadd u jsaħħu bla heda dak is-sentiment ta’ tjieba u mogħdrija għall-proxxmu li qiegħed ibati, li tiegħu hu xbieha s-Samaritan it-tajjeb tal-Evanġelju. Dan għandha taghmlu l-Knisja wkoll u għandha tagħmlu għal dawk ir-raġunijiet li Kristu jsemmi fil-parabbola u f’kollu kemm hu l-Evanġelju, hija u tagħrafhom dejjem aktar fil-fond, kemm tista’. Il-qawwa tal-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb u tal-Evanġelju kollu hija din: jeħtieġ li l-bniedem iħoss li hu nnifsu hu msejjaħ biex minn quddiem nett jagħti xhieda ta’ mħabba fit-tbatija. L-istituzzjonijiet huma importanti u meħtieġa ħafna, iżda ebda istituzzjoni fiha nfisha ma tista’ tieħu l-post tal-qalb tal-bniedem u tal-mogħdrija tal-bniedem għat-tbatija ta’ ħaddiehor. Dan ngħiduh għat-tbatijiet tal-ġisem, imma għandna ngħiduh wisq aktar għat-tbatijiet morali u l-aktar meta r-ruħ stess tkun qiegħda tbati.

 

30. Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, kif għidna, hi parti mill-Evanġelju tat-tbatija, u flimkien ma’ dan l-Evanġelju niltaqgħu magħha tul il-ġrajja kollha tal-Knisja u tat-twemmin nisrani, u tul il-ġrajja tal-bniedem u ta’ kull ġens ta’ bnedmin. Tixhdilna li dak li qalilna Kristu dwar it-tifsir tat-tbatija għas-salvazzjoni tagħna, bl-ebda mod ma jfisser li quddiem it-tbatija nibqgħu passivi u ma nagħmlu xejn. Anzi għandna ngħidu proprju l-maqlub ta’ dan. L-Evanġelju, quddiem it-tbatija, jurina proprju li ma għandniex nibqgħu passivi u ma nagħmlu xejn. F’din il-ħaġa Kristu stess jurina dan: quddiem it-tbatija kien attiv ħafna. Huwa b’dan il-mod qeda l-missjoni tiegħu ta’ Messija, skont il-kliem tal-profeta: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu ikkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin. Bagħatni nxandar il-ħelsien lill-imjassrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej”[93]. Kristu temm dan il-programm messjaniku tiegħu b’reqqa liema bħalha: għadda “jagħmel il-ġid”[94] u l-ġid li għamel jidher l-aktar fil-fejqan tal-morda. Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb taqbel perfettament mal-imġieba kollha ta’ Kristu.

Fl-aħħarnett din il-parabbola, minħabba dak li fuqu titkellem, insibuha f’dak il-kliem tal-Ġudizzju li għandu jħassibna ħafna, kliem li San Mattew isemmih fl-Evanġelju tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għaliex jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont il-ħabs u ġejtu żżuruni”[95]. U lill-ġusti li jistaqsuh meta għamlulu dan, Iben il-bniedem iweġibhom: “Tassew ngħidilkom kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”[96]. Is-sentenza l-oħra, il-maqlub ta’ din, hi għal dawk li l-imġieba tagħhom kienet mod ieħor: “Dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawn iż-żghar, anqas miegħi ma għamiltuh”[97].

Nistgħu ntawlu l-lista tat-tbatijiet li jqanqlu s-sentimenti tal-bnedmin u l-mogħdrija tagħhom u jwassluhom biex igħinuhom, jew ma jwassluhom għal xejn minn dan. L-ewwel u t-tieni parti tal-kliem ta’ Kristu fil-Ġudizzju tal-aħħar juru, bla ebda tlaqliq kemm hi imporanti għall-ħajja ta’ dejjem ta’ kull bniedem, li wieħed “jieqaf” kif għamel is-Samaritan it-tajjeb, ħdejn il-proxxmu li qiegħed ibati, “jagħdru” u jgħinu. Fil-programm messjaniku ta’ Kristu, li huwa wkoll il-programm tas-Saltna ta’ Alla, il-mard jinsab fid-dinja biex iqanqal l-imħabba fina, biex iwassalna ħa nagħmlu egħmejjel ta’ mħabba ma’ għajrna, biex inbiddlu ċ-ċiviltἀ tal-bnedmin f’”ċiviltἀ ta’ mħabba”. Permezz ta’ din l-imħabba sseħħ it-tifsira sħiħa tat-tbatija għas-salvazzjoni tagħna u tilħaq il-qofol kollu tagħha. Kliem Kristu fil-Ġudizzju tal-aħħar igħinna nifhmu dan il-kliem sempliċi u ċar tal-Evanġelju. Dan il-kliem dwar l-imħabba, dwar l-egħmejjel ta’ mħabba, egħmejjel ta’ mħabba ma’ min qiegħed ibati, juruna u jerġgħu juruna li fil-fond tat-tbatijiet kollha tal-bniedem, hemm it-tbatijiet ta’ Kristu li salvawna. Kristu jgħid: “Għamiltuh miegħi”. Hu jkun maħbub f’kull bniedem li nuruh imħabba; lilu nkunu ngħinu, meta ngħinu lil kull min qiegħed ibati, mingħajr ma nagħmlu għażla bejn bniedem u ieħor. Hu jinsab f’kull min qiegħed ibati, għaliex it-tbatijiet tiegħu li salvawna, xterdu, darba għal dejjem f’kull tbatija tal-bniedem. Dawk kollha li jbatu, darba għal dejjem ġew imsejħa biex jissieħbu fit-“tbatijiet ta’ Kristu”[98]. U fl-istess mod huma msejħin biex bit-tbatijiet tagħhom “itemmu dak li huwa nieqes mill-passjoni ta’ Kristu”[99]. Fl-istess ħin Kristu jgħallem lill-bnedmin sew li jagħmlu l-ġid bi tbatijiethom, u sew li jagħmlu l-ġid lil min qiegħed ibati. Dawn iż-żewġ fehmiet juruna b’mod sħiħ xi tfisser it-tbatija.


 

VI

EGĦLUQ

31. Din hi t-tifsira tat-tbatija, li hi verament soprannaturali, imma fl-istess ħin ukoll naturali għall-bniedem. Hi soprannaturali għaliex għandha l-egħruq tagħha fil-misteru tas-salvazzjoni tad-dinja, imma hi wkoll naturali għall-bniedem għaliex fit-tbatija l-bniedem isib lilu nnifsu, in-natura tiegħu ta’ bniedem li hu, id-dinjitἀ tiegħu, il-missjoni tiegħu.

It-tbatija hija żgur parti mill-misteru tal-bniedem. Forsi t-tbatija ma tidħolx f’dan il-misteru, li hu misteru għoli ħafna biex jiftiehem, daqskemm il-bniedem hu mdaħħal fih. Il-Konċilju Vatikan II ixandar din il-veritἀ: “fil-fatt il-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew bil-misteru biss tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem ... għax Kristu, Adam il-ġdid, meta juri l-misteru tal-Missier u tal-imħabba tiegħu, juri wkoll, kollu kemm hu, il-bniedem lill-bniedem innifsu u jurih ukoll is-sejħa l-aktar għolja tiegħu”[100]. Jekk dan il-kliem neħduh għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-misteru tal-bniedem, żgur li għandna neħduh b’mod speċjali għal dak li għandu x’jaqsam mat-tbatija tal-bniedem. F’din il-ħaġa huwa għal kollox meħtieg li “turi l-bniedem lill-bniedem innifsu u turih ukoll is-sejħa l-aktar għolja tiegħu”. Dan għaliex, kif turina l-esperjenza, din il-ħaġa tista’ tkun tassew iebsa u tqila. Iżda meta dan iseħħ u jdawwal il-ħajja tal-bniedem, jagħmilha tassew hienja: “Bi Kristu u fi Kristu jiddawwal il-misteru tat-tbatija u tal-mewt”[101].

Qegħdin intemmu dawn il-ħsibijiet fuq it-tbatija f’din is-sena li fiha l-Knisja b’Ġublew Straordinarju qiegħda tfakkar l-anniversarju tal-Fidwa tagħna.

Il-misteru tal-fidwa tal-bniedem għandu l-egħruq tiegħu b’mod speċjali fit-tbatija, u t-tbatija min-naħa l-oħra għandha relazzjoni tassew kbira ma’ dan il-misteru.

Nittamaw li din is-sena tal-fidwa ngħixuha f’rabta liema bħalha ma’ dawk kollha li qegħdin ibatu. Jeħtieġ għalhekk li jinġabru taħt is-Salib ta’ Kristu, bil-ħsieb u bix-xewqa tagħhom, dawk kollha li qegħdin ibatu u jemmnu fi Kristu, u l-aktar dawk li qegħdin ibatu minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu msallab u rxoxt, biex l-offerta tat-tbatijiet tagħhom tħaffef il-jum li fih isseħħ dak li talab is-Salvatur stess li lkoll ikunu ħaġa waħda fih[102]. Jinġabru taħt is-Salib ukoll il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba għax fuq is-Salib hemm “il-Feddej tal-bniedem”, il-bniedem tat-tbatija li tgħabba bit-tbatijiet tar-ruħ u tal-ġisem tal-bnedmin kollha ta’ kull żmien biex fl-imħabba jsibu t-tifsira li ssalva ta’ tbatijiethom u tweġiba żgura għall-mistoqsijiet kollha li jagħmlu.

Flimkien ma’ Marija Omm Kristu li kienet ħdejn is-Salib[103], nieqfu aħna wkoll ħdejn is-salib tan-nies kollha ta’ żminijietna. Nitolbu lill-qaddisin kollha li tul iż-żminijiet b’mod speċjali ssieħbu fit-tbatija ta’ Kristu. Nitolbuhom jieqfu magħna.

U intom ilkoll li intom imġarrbin bit-tbatijiet kbar, nitolbukom tieqfu magħna. Nitolbu lilkom, li intom morda, biex tkunu sura ta’ għajn ta’ qawwa għall-Knisja u għall-bnedmin kollha. Fil-ġlieda tal-biża’ bejn it-tajjeb u l-ħażin, li qiegħda sseħħ fi żmienna, jalla t-tbatija tagħkom, marbuta mas-Salib ta’ Kristu, tikseb ir-rebħa.

Lilkom ilkoll, ħuti u wliedi maħbuba, nagħtikom il-barka appostolika tiegħi.

Ruma, minn San Pietru, illum 11 ta’ Frar, nhar it-tifkira tal-Verġni Marija ta’ Lourdes, tas-sena 1984, fis-sitt sena tal-Pontifikat

 

JOANNES PAULUS PP. II

 


[1] Kol 1,24.

[2] Ibid.

[3] Rum 8,22.

[4] Ara nn. 14,18,21,22 AAS 71 (1979), 284s,304,320,323.

[5]Kif ġarrab Ħeżekija (ara Is 38,1-3).

[6] Dak li beża minnu Haġar (Ġen 15-16), dak li Ġakob ħaseb li se jiġrilu (ara Ġen37,33-35), dak li ġarrab David (ara 2 Sam 19,1).

[7] Dak li beżgħet minnu Anna, omm Tobija (ara Tob 10,1-7); ara wkoll Ġer 6,26; Għam 8,10; Żak 12,10.

[8] Il-prova ta’ Abraham (ara Ġen 15,2), ta’ Rakel (ara Ġen 30,1), jew ta’ Anna, omm Samwel (ara I Sam 1,6-10).

[9] Hekk kien in-niket tat-turufnati f’Babel (ara Salm 137(136).

[10] Ġarrbu v.g. is-salmista (ara Salm 22(21),17,21) u Ġeremija (ara Ġer 18,18).

[11] Din kienet il-prova ta’ Ġob (ara Ġob 19,18; 30, 1,9), ta’ xi kittieba tas-salmi (ara Salm 22(21), 7-9; m42(41,12; 44(43),16-17;
 ta’Ġeremija (ara Ġer 20,7), tal-Qaddej ta’ Jahweh (ara Is 53,3).

[12] Kellhom iġarrbuh mill-ġgid xi kitieba tas-salmi (ara Salm 22(21), 2-3; 31(30),13; 38(37),12; 88(87), 9,19; Ġeremija (ara Ġer
 15,17) u l-Qaddej ta’ jahweh (ara Is 53,3).

[13] Tas-Salmista (ara Salm 51(50),), tax-xhieda tat-tbatijiet tal-Qaddej ta’ Jahweh (ara Is 53,3-6, tal-profeta Żakkarija (ara Żak
 12,20,14).

[14] Dan ħassu sewwa s-salmista (ara Salm 73(72),3-14) u Qoħelet (ara Qoħ 4,1-3)

[15] Dan ġarrbu Ġob (ara Ġob 10,19), xi kittieba tas-salmi (ara Salm 41(40),10; 55(54),13-15; Ġeremija (ara Ġer 2010), u fan dan it-
 tiġrib ħaseb Bin Sirak (ara Sir 37,1-6).

[16] Barra l-ħafna siltiet tal-Lamentazzjonijiet, ara t-tnehid tal-kittieba tas-salmi (ara Salm 44(43),10-17;77(76)3,11; 89(88)51) u
 tal-profeti (ara Is 22,4; Ġer 4,8; 13,17; 14,17-18; Eżek 9,8; 212,11-12; ara wkoll it-talbiet ta’ Ażarija (ara Dan 3,31-40) u ta’
 Danjel (Dan 9,16-19).

[17] Ara Is 38,13; Ġer 23,9; Salm 31(30), 10-11; Salm 42(41),10-11.

[18] Ara Salm 73(72),21; Ġob 16,13; Lam. 3,13.

[19] Ara Lam 2,11

[20] Ara Is 16,11; Ġer 4,19; Ġob 30,27; Lam 1,20.

[21] Ara I Sam 1,6; Ġer 4,19; 8,18; Lam 1,20.22; Salm 38(37), 9.11.

[22] Dwar dan, tajjeb niftakru li l-għerq r” tal-Ebrajk ifisser il-ħażen kollu kemm hu u kull fejn hu, kull ma hu kontra t-tajjeb (tob), deni fiżiku, psikoloġiku u morali. L-għerq insibuh fin-nom ra’ u f’ra’a li jfissru kemm id-deni fih innifsu, kemm egħmil hażin, u kemm il-bniedem li jagħmlu. Bħala verb, barra l-ewwel forma (qal) li tfisser ”tkun hażin” b’mod jew ieħor, hemm il-forma passiva-riflessiva (niphal) li tfisser “iġġarrab id-deni”, “tkun milqut mid-deni”, u l-forma kawsativa (hiphil) “tagħmel il-hażin”, “tagħmel id-deni” lil xi ħadd. Billi l-ebrajk ma għandux kelma li taqbel mal-Grieg pascho = tbati, dan il-verb ftit niltaqgħu miegħu fil-verzjoni tas-LXX.

[23] Dan 3,27-288ss; ara Salm 17(18),10; 36(37),7; 48 (47),12; 51(50),6; 99(98),4; 119(118),75; Mal 3,16-21; Mt 20,16; Mk 10,31;
 Lq 17,34; Ġw 5,30; Rum 2,2.

[24] Ġob 4,8.

[25] Ġob 1,9-11.

[26] 2 Mak 6,12

[27] Ġw 3,16

[28] Ġob 19,25-26

[29] Ġw 1,29

[30] Ġen 3,19

[31] Ġw 3,16

[32] Atti 10,38.

[33] Ara Mt 5,3-11.

[34] Ara Lq 6,21.

[35] Mk 10,33-34

[36] Ara Mt 16,23.

[37] Mt 26,52,54

[38] Ġw 18,11.

[39] Ġw 3,16.

[40] Gal 2,20.

[41] Is 53,2-6.

[42] Ara Ġw 1,29

[43] Is 53,7-9

[44] Ara IKor 1,18.

[45] M 26,39.

[46] Mt 26,42.

[47] Salm 22(21),2.

[48] Is 53,6.

[49] 2 Kor 5,21.

[50] Ġw 19,30.

[51] Ts 53,10.

[52] Ara Ġw 7,37-38.

[53] Is 53,10-12.

[54] Ġob 19,25.

[55] I Pietr 1,18-19.

[56] Gal 1,4.

[57] I Kor 6,20.

[58] 2 Kor 4,8-11,14.

[59] 2 Kor 1,5.

[60] 2 Tes 3,5.

[61] Rum 12,1

[62] Gal 2,19-20

[63] Gal 6,14.

[64] Fil 3,10-11.

[65] Att 14,22.

[66] 2 Tes 1,4-5.

[67] Rum 8,17-18.

[68] 2 Kor 4,17-18.

[69] I Piet 4,13.

[70] Lq 23,34.

[71] Mt 10,28.

[72] 2 Kor 12,9.

[73] 2 Tim 1,12.

[74] Fil 4,13.

[75] I Piet 4,16.

[76] Rum 5,3-5.

[77] Ara Mk 8,35; Lq 9,24; Ġw 12,25.

[78] Kol 1,24.

[79] I Kor 6,15.

[80] Ġw 3,16.

[81] Lq 9,23.

[82] Ara Lq 9,23.

[83] Ara Mt 7,13-14.

[84] Lq 21,12-19.

[85] Ġw 15,18-21.

[86] Ġw 16,33.

[87] 2 Tim 3,12.

[88] Kol 1,24.

[89] Ara Ef 6,12.

[90] Lq 10,29.

[91] Lq 10,33-34.

[92] Gaudium et Spes, 24.

[93] Lq 4,18-19; ara Is 61,1-2.

[94] Atti 10,38.

[95] Mt 25,34-36.

[96] Mt 25,40.

[97] Mt 24,45.

[98] I Piet 4,13.

[99] Kol 1,24.

[100] Gaudium et Spes, 22.

[101] ibid

[102] Ara Ġw 17,11,21-22

[103] Ara Ġw 19,25