L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Redemptionis Donum tal-Papa Ġwanni Pawlu II

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

REDEMPTIONIS DONUM

TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

LIR-RELIĠJUŻI KOLLHA

DWAR IL-KONSAGRAZZJONI TAGĦHOM

FID-DAWL TAL-MISTERU TAL-FIDWA

 

25 ta' Marzu 1984

 

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

REDEMPTIONIS DONUM

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

ĠWANNI PAWLU II

LIR-RELIĠJUŻI KOLLHA

DWAR IL-KONSAGRAZZJONI TAGĦHOM

FID-DAWL TAL-MISTERU TAL-FIDWA

 

 

WERREJ

 

 

I.   Tislima                

II.   Il-Vokazzjoni      

III.   Konsagrazzjoni     

IV.  Il-Kunsilli Evanġeliċi       

V.   Safa, faqar u ubbidjenza  

VI.  Imħabba għall-Knisja     

VII.   Konklużjoni     

 

 


Għeżież ħuti fi Kristu!

I   -   TISLIMA

1.  Fid-don tal-Fidwa, li deher f’dawl speċjali f’dis-sena tal-Ġublew straordinarju, hemm stedina speċjali għall-konverżjoni u għar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla fi Kristu Ġesù.  Iċċelebrajna dan il-Ġublew minħabba fatt storiku: ridna nfakkru l-elf disa’ mija u ħamsin sena tal-ġrajja tas-Salib u tal-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.  Imma hemm raġuni oħra li ma tidhirx iżda li hi marbuta sewwa mal-kobor tal-misteru tal-Fidwa: minn dan il-misteru twieldet il-Knisja, u minnu tikseb il-ħajja tul ġrajjietha kollha.  Iż-żmien tal-Ġublew straordinarju għandu karattru speċjali.  L-istedina għall-konverżjoni u għar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla tfisser li għandna naħsbu u nimmeditaw aktar fil-fond u b’aktar għaqal fuq ħajjitna u fuq is-sejħa tagħna bħala nsara, fid-dawl tal-misteru tal-Fidwa, biex il-ħajja u s-sejħa tagħna dejjem aktar, minn jum għall-ieħor, iniżżlu l-egħruq tagħhom f’dan il-misteru.

Din l-istedina li tolqot lil kull min hu fil-Knisja, b’mod speċjali tolqot lilkom ir-reliġjużi, irġiel u nisa, għaliex intom ikkonsagrajtu ruħkom lil Alla permezz tal-voti tal-kunsill evanġeliċi, u għalhekk qegħdin tħabirku biex tgħixu l-ħajja nisranija f’milja speċjali tagħha.  Is-sejħa speċjali tagħkom u l-ħajja kollha tagħkom fil-Knisja u fid-dinja jiksbu sura tagħhom u l-qawwa spiritwali tagħhom mill-kobor tal-misteru tal-Fidwa.  Intom u mexjin wara Kristu mit-triq “id-dejqa”,[1] tħossu b’mod tassew speċjali kemm tassew il-Mulej “il-fidwa għandu bil-kotra”.[2]

2.  Għalhekk, issa li s-Sena Mqaddsa qiegħda toqrob lejn it-tmiem tagħha, nixtieq inkellem lilkom ir-reliġjużi kollha, nisa u rġiel, sew jekk intom mogħtijin għall-ħajja kollha kemm hi ta’ kontemplazzjoni u sew jekk intom medhijin b’ħafna ħidmiet tal-appostolat.  Dan ġa għamiltu f’ħafna postijiet u f’ħafna okkażjonijiet, jiena u nwettaq u nkompli nsaħħah it-tagħlim tal-Evanġelju li nsibu fit-tradizzjoni kollha tal-Knisja, u l-aktar fil-Maġisteru tal-aħħar Konċilju, mill-kostituzzjoni dommatika “Lumen gentium” sad-digriet “Perfectae charitatis”, fid-dawl ta’ dak li hemm fl-eżortazzjoni appostolika tal-Papa Pawlu VI, li tibda bil-kelmiet “Evangelica testificatio”.  Il-Kodiċi tal-liġi tal-Knisja li għadu kemm beda jorbot, u li b’xi mod nistgħu nqisuh bħala l-aħħar dokument tal-Konċilju, jagħti lilkom ilkoll għajnuna mill-aħjar u jmexxikom b’mod żgur, għax jurikom liema huma verament dawk il-mezzi li teħtieġu biex taqdu bir-reqqa kollha u bil-qalb kollha s-sejħa tagħkom fi ħdan il-Knisja.

Insellem, bl-imħabba ta’ isqof ta’ Ruma u ta’ suċċessur ta’ San Pietru għall-ħidma tagħkom, lilkom li għandkom il-komunitajiet tagħkom marbutin b’mod hekk singulari miegħi bħala isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’ San Pietru.  Minn din il-knisja ta’ Ruma jasal għandkom, dejjem jidwi, leħen San Pawl: “għarrastkom lil għarus wieħed, bħallikieku kontu xebba safja biex inressaqkom quddiem Kristu”.[3]  Il-Knisja, li, wara l-Appostli, irċeviet it-teżor tal-egħrusija mal-Għarus divin, tħares b’imħabba liema bħalha lejn dawk l-ulied kollha tagħha, irġiel u nisa, li, bil-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, permezz tal-medjazzjoni tagħha, daħlu f’patt mill-aqwa mal-Feddej tad-dinja.  Ilqgħu mela din il-kelma tas-Sena tal-Ġublew tal-Fidwa, bħala kelma ta’ mħabba li l-Knisja qiegħda tgħidilkom.  Ilqgħuha, tinsabu fejn tinsabu; fil-klawsura tal-komunitajiet kontemplattivi jew fil-ħidmiet ta’ kull sura li għalihom tidħlu fil-qadi tal-appostolat tagħkom: fil-missjonijiet, fil-ħidma pastorali, fl-isptarijiet u f’postijiet oħra, fejn taqdu bl-imħabba li min qiegħed ibati, fl-istituti tal-edukazzjoni, fl-iskejjel u fl-universitajiet u fl-aħħarnett fid-djar kollha tagħkom fejn “tinsabu miġburin” u tħossu li “l-Mulej jinsab f’nofskom”.[4]

Il-kliem kollu mħabba tal-Knisja li qiegħed inwasslilkom f’dan il-Ġublew tal-Fidwa, ħa jtennilkom dak il-kliem kollu mħabba li Kristu stess qal lil kull wieħed u waħda minnkom meta, b’mod misterjuż, qalilkom: “Ejja, imxi warajja”,[5] kliem li kien il-bidu tas-sejħa tagħkom fil-Knisja.

 

II   -   IL-VOKAZZJONI

“Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba”

3.  “Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba”,[6] u qallu: “Jekk trid tkun perfett, mur biegħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra u jkollok teżor fis-sema, imbagħad ejja u imxi warajja”.[7]  Għalkemm nafu li dan il-kliem li Ġesù qal lil wieħed żagħżugħ għani ma ġiex milqugħ, madankollu dak li fih dan il-kliem jistħoqqlu li naħsbu fuqu bil-għaqal kollu; dan għaliex dan il-kliem ta’ Ġesù jurina x’inhi l-vokazzjoni fiha nfisha.  “Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba...”  Din hi l-imħabba tal-Feddej, ħierġa mill-kobor kollu tal-Fidwa tal-Bniedem-Alla.  Fiha tidher l-imħabba ta’ dejjem ta’ Alla l-Missier li “hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem”.[8]  L-Iben, imqanqal minn din l-imħabba, aċċetta l-missjoni li fdalu l-Missier fl-Ispirtu s-Santu, u sar il-Feddej tad-dinja.  L-Appostli ta’ Kristu jitkellmu fuq dan il-prezz tal-Fidwa b’ħeġġa ta’ qalb liema bħala: “...kontu mifdija...mhux b’xi ħaġa li tintemm bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla ħtija u bla tebgħa...”, kif kiteb San Pietru.[9]  U San Pawl igħid: “Bil-għoli kontu mixtrija!”[10]

Is-sejħa għall-mixi fit-triq tal-kunsilli evanġeliċi għandha l-bidu tagħha meta r-ruħ tiltaqa’ mal-imħabba ta’ Kristu, li hi mħabba li tifdi.  Kristu jsejjaħ permezz ta’ din l-imħabba li tifdi.  Fil-vokazzjoni din il-laqgħa mal-imħabba ta’ Kristu hi ħaġa kollha kemm hi personali.  Meta Kristu “xeħet fuqkom ħarsa ta’ mħabba” u sejħilkom, għeżież reliġjużi, irġiel u nisa, l-imħabba tiegħu ta’ fidwa kienet għal persuna determinata u kellha sura ta’ mħabba ta’ egħrusija, jiġifieri kienet imħabba ta’ għażla.  Imħabba bħal din tħaddan il-persuna li tkun kollha kemm hi, fir-ruħ u l-ġisem, hi x’inhi, raġel jew mara, u tħaddanha fil-“jien” tagħha, il-“jien” li ma hu ta’ ħadd aktar ħlief tagħha.  Kristu li minn dejjem ta lilu nnifsu lill-Missier, “jagħti” lilu nnifsu lilna fil-misteru tal-Fidwa, u hu stess isejjaħ lill-bniedem biex hu wkoll jagħti lilu nnifsu għal xi ministeru speċjali fl-opra tal-Fidwa, billi jingħaqad ma’ xi komunità, magħrufa u approvata mill-Knisja.  U ma’ din is-sejħa żgur jaqbel kliem San Pawl li jgħid: “Ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu...ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom?  Bil-għoli kontu mixtrija!”[11]

Hekk hu.  L-imħabba ta’ Kristu laħqet lil kull wieħed u waħda minnkom, egħżież ħuti, bl-istess “prezz” tal-Fidwa.  U hekk għaraftu li mintomx aktar “tagħkom infuskom” imma tiegħu, ta’ Kristu.  Dan l-għarfien ġdid ġej mill-“ħarsa ta’ mħabba” li Kristu xeħet fuqhom, fil-fond ta’ qalbhom.  U intom mortu wara Dak li xeħet ħarstu fuqkom, u għażiltu lil Dak li għażilkom minn qabel u sejħilkom bil-qawwa bla qies tal-imħabba tiegħu li tifdi.  Meta sejħilkom “b’isimkom” is-sejħa tagħkom kienet stedina magħmula lil bniedem ħieles, stedina lil-libertà tal-bniedem.  Kristu qal:  “Jekk trid...”  Dan juri li t-tweġiba għal din is-sejħa kienet tiddependi mill-għażla ħielsa tagħkom.  Meta qbadtu t-triq li hu wriekom, għażiltu lil Ġesù Nazzarenu, il-Feddej tad-dinja.

“Jekk trid tkun perfett...”

4.  Din it-triq tissejjaħ it-triq tal-perfezzjoni.  Kristu, hu u jitkellem maż-żagħżugħ, qallu:  “Jekk trid tkun perfett...”; mela l-ideja ta’ “triq tal-perfezzjoni” hija ideja biblika, tinsab fl-Iskrittura.  Imbagħad, ma nisimgħux fid-diskors li l-Mulej għamel fuq il-għolja: “Kunu mela perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”?[12]

Is-sejħa tal-bniedem għall-perfezzjoni, b’xi mod għarfuha n-nies tal-qedem li kienu medhijin jaħsbu fuq id-dinja madwarhom jew igħallmu kif wieħed għandu jgħix sewwa; u għarfuha mbagħad ukoll nies oħra tul iż-żminijiet kollha tal-ġrajja tal-bniedem.  Iżda fis-sejħa li nsibu fl-Iskrittura hemm nota tassew singulari: din is-sejħa għall-perfezzjoni mill-bniedem titlob ħaġa tassew kbira; titolbu li jkun jixbah lil Alla.[13]  Minħabba dan, din is-sejħa taqbel għal kollox ma’ dak li hi fiha nfisha r-Rivelazzjoni, li tgħidilna li l-bniedem kien maħluq sura xbieha ta’ Alla.   Mela wieħed għandu jfittex dik il-perfezzjoni li tkun taqbel ma’ din is-sura xbieha ta’ Alla.  Hu għalhekk li San Pawl fl-ittra lill-Efesin kiteb: “Kunu mela tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba u imxu fl-imħabba bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla”.[14]

Mela l-istedina għall-perfezzjoni hi parti essenzjali tal-vokazzjoni nisranija.  Fid-dawl ta’ din il-vokazzjoni nisranija għandna nifhmu l-kliem li Ġesù qal liż-żagħżugħ tal-Evanġelju: dan il-kliem hu marbut b’mod speċjali mal-misteru tal-Fidwa tal-bniedem fid-dinja.  Il-Fidwa tagħti lura lil Alla ħolqien imħassar mid-dnub, hi u turi x’inhi l-perfezzjoni li, skont il-ħsieb u l-fehma t’Alla, għandu jkollu l-ħolqien kollu u, b’mod speċjali, il-bniedem.  Jeħtieġ li fuq kollox il-bniedem jagħti lilu nnifsu u jerġa’ jingħata lil Alla jekk irid jerġa’ jingħata lilu nnifsu kollu kemm hu.  Għalhekk l-istedina ta’ dejjem: “Erġa lura lejja, għax jiena fdejtek”.[15]  Kliem Kristu: “Jekk trid tkun perfett, mur bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra” żgur iwassalna fil-qasam tal-faqar tal-kunsilli evanġeliċi, li hu parti essenzjali tas-sejħa u tal-professjoni reliġjuża.

Fl-istess ħin, dan il-kliem wieħed jista’ jifhmu b’mod aktar wiesgħa u, b’xi mod, essenzjali wkoll.  L-Imgħallem ta’ Nazaret, huwa u jkellem liż-żagħżugħ, stiednu jiċħad is-sura ta’ ħajja li kien qiegħed igħix, sura ta’ ħajja li fiha l-aqwa hu li hi wieħed ikollu xi ħaġa; stiednu biex flok din is-sura ta’ ħajja jaċċetta sura oħra ta’ ħajja li tqis bħala l-qofol tagħha s-siwi tal-persuna tal-bniedem: jiġifieri li persuna kif inhi fiha nfisha, bit-“traxxendenza” li hi proprja tagħha.

Jekk nifhmu kliem Kristu b’dan il-mod, ikun għalina qisu sfond tassew wiesgħa li fuqu jiddi l-ideal tal-faqar evanġeliku, u l-aktar ta’ dak il-faqar li, bħala kunsill evanġeliku, hu ħaġa essenzjali għaż-żwieġ mistiku tagħkom mal-Għarus divin tal-Knisja.  Jekk nifhmu kliem Kristu fid-dawl tal-prinċipju li jiswa aktar li “tkun” minn li “jkollok” l-aktar meta dan nifhmuh f’sens materjali u utilitarju, naslu għall-pedament fil-bniedem tal-vokazzjoni skont l-Evanġelju.  Meta nqisu l-progress taċ-ċiviltà llum, u nagħarfu dan, dan ikun jiswa ħafna għal żminijietna.  Għalhekk l-istess sejħa għat-“triq tal-perfezzjoni” kif jagħmilha Kristu, tiswa ħafna għal żminijietna.  Il-bniedem li jgħix fiċ-ċivilità tal-infiq bla razan, fiċ-ċiviltà konsumistika, meta b’sogħba jintebaħ kemm qiegħed jonqoslu l-“jien” tiegħu – u dan minħabba l-kotra ta’ kull sura li “għandu” – lest li jaċċetta aktar malajr il-verità ta’ din is-sejħa li tul iż-żminijiet kollha tħabbret fl-Evanġelju.  Iva, il-vokazzjoni li intom, ħuti egħżież, ilqajtu meta qbadtu t-triq tal-perfezzjoni reliġjuża, tasal sal-egħruq tan-natura tal-bniedem, sal-fond tad-destin tiegħu f’din id-dinja.  L-istat ta’ perfezzjoni evanġelika lilkom ma jqaċċatkomx minn dawn l-egħruq.  Anzi permezz ta’ dan l-istat ta’  perfezzjoni tissaħħu aktar f’dak li bih il-bniedem hu bniedem, tissaħħu aktar fin-natura tagħkom ta’ bnedmin, għaliex f’din in-natura, li hi b’tant suriet imtaqqla mid-dnub, intom titfgħu l-ħmira tal-misteru tal-Fidwa tal-Bniedem-Alla.

“Ikollok teżor fis-sema”

5.  Il-vokazzjoni għandha magħha tweġiba għall-mistoqsija: Għalfejn tkun bniedem?  Kif tkun bniedem?  Din it-tweġiba tagħti sura ġdida lill-ħajja u turi t-tifsir sħiħ tagħha.  U dan it-tifsir joħroġ minn dak il-ħsieb li nsibu fl-Evanġelju u li jmur kontra l-fehma tal-kotra tan-nies, li min irid isalva ħajtu jitlifha, u min jitlef ħajtu għal Kristu u għall-Evanġelju jsalvaha, kif insibu miktub fl-Evanġelju ta’ S. Mark.[16]

Meta nqisu dan il-kliem, jidher tassew ċar kliem Kristu: “Mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra u jkollok teżor fis-sema, u mbagħad ejja, imxi warajja”.[17]  Hemm rabta liema bħalha bejn il-kelma “Mur” u l-kliem ta’ wara: “Ejja, imxi warajja”.  Nistgħu ngħidu li dawn l-aħħar kelmiet juru x’inhu l-qofol tal-vokazzjoni:  għax il-vokazzjoni hi li timxi wara Kristu (sequere me bil-Latin, u minn hawn il-frażi sequela Christi).  Il-kliem: “Mur... bigħ... agħti...”, li jiġu qabel is-sejħa: “Ejja, imxi warajja”, juru x’inhu meħtieġ li jsir biex isseħħ il-vokazzjoni.  Madankolluu dawn il-kondizzjonijiet mhumiex xi ħaġa li “ma għandhomx x’jaqsmu” mal-vokazzjoni, imma huma “parti minnha”.  Dan għaliex il-bniedem jikseb fehma ġdida tan-natura tiegħu ta’ bniedem li hu, mhux biss biex “imur” wara Ġesù, imma wkoll “għaliex” imur wara Ġesù.  Meta “jbigħ dak li għandu” u “jagħtih lill-foqra”, ikun qiegħed juri li dik il-kotra ta’ ġid li kellu ma kienx xi teżor li jorbot qalbu miegħu; it-teżor tiegħu hu f’qalbu, hu li mingħand Kristu kiseb is-setgħa li “jingħata” lill-oħrajn billi jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu.  Għani hu mhux min “għandu” imma min “jagħti”, min għandu l-ħila li jagħti.

U hawn il-paradoss tal-Evanġelju jikseb tifsir speċjali.  Isir programm ta’ kif “jien”: “jien” fqir, skont it-tifsira mogħtija mill-Imgħallem ta’ Nazaret lill-“jien”, ifisser l-istess bħallikieku jien il-ġid inqassmu ta’ bniedem li jien; ifisser daqs  li kieku sibt “it-teżor”.  U dan it-teżor ma jintemm qatt, għax igħaddi mal-bniedem fil-ħajja ta’ dejjem; hu parti mill-“eskatoloġija divina” tal-bniedem, jiġifieri b’dan it-teżor il-bniedem jikseb f’Alla xorti li ma tintemm qatt, u ma tinbidel qatt.  Kristu qal: “Ikollok teżor fis-sema”.  Dan it-teżor hu mhux biss “premju”, wara l-mewt, ta’ kull ma wieħed ikun għamel fuq l-eżempju tal-Imgħallem divin, imma hu fuq kollox it-tmiem eskatoloġiku, jiġifieri fl-aħħar taż-żminijiet int ittemm il-ġid kollu ta’ egħmilek fuq din l-art, ġid li kien moħbi fit-“teżor” tal-fond ta’ qalbek.  Kristu stess, fid-diskors tiegħu fuq il-muntanja,[18] kien ħeġġeġ li naħżnu teżori fis-sema, u żied igħid li “fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek”.[19]  Dan il-kliem ifisser in-natura eskatoloġika tal-vokazzjoni nisranija, u aktar u aktar ifisser in-natura eskatoloġika tal-vokazzjoni għall-egħrusija spiritwali ma’ Kristu permezz tal-ħarsien tal-kunsilli evanġeliċi.

L-istruttura ta’ din il-vokazzjoni, kif narawha fil-kliem li ntqal liż-żagħżugħ skont l-Evanġelji sinottiċi,[20] tidher bil-mod il-mod dejjem aktar ċara għalina, aktar ma nagħarfu x’inhu t-teżor li għandna aħna l-bnedmin bħala bnedmin fid-dawl ta’ dak it-“teżor” li l-bniedem “għandu fis-sema”.  F’dan id-dawl it-teżor li għandi bħala bniedem li jien, hu l-istess bħallikieku jiena “jien”, jiena u nagħti lili nnifsi.  F’vokazzjoni bħal din, il-persuna li għaliha wieħed jagħti lilu nnifsu hi l-persuna ħajja ta’ Ġesù Kristu.  Is-sejħa biex wieħed jibda miexi fit-triq tal-perfezzjoni tieħu s-sura tagħha minn Kristu u għal Kristu fl-Ispirtu s-Santu, u, lil nies dejjem ġodda, irġiel u nisa, f’kull żmien ta’ ħajjithom, imma l-aktar f’żogħżithom, “tgħallimhom” kull ma Kristu  “qal”,[21] u b’mod speċjali kull ma Kristu “qal” liż-żagħżugħ li staqsih: “Mgħallem x’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”[22]  Permezz tat-tweġiba li Kristu jagħti lil min fuqu “xeħet ħarsa ta’ mħabba”, il-ħmira qawwija tal-misteru tal-Fidwa tidħol fil-qalb, fil-kuxjenza u fir-rieda ta’ dak li jkun u li qiegħed ifittex bis-sinċerità u l-verità.

B’dan il-mod is-sejħa biex wieħed jibda miexi fit-triq tal-kunsilli evanġeliċi, dejjem tiġi mingħand Alla: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru u tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’.”[23]  Il-vokazzjoni li biha l-bniedem jagħraf x’inhi fil-milja tagħha l-liġi evangelika li twasslek biex tagħti lilek innifsek u li tinsab minquxa fl-istess natura tal-bniedem, hija fiha nfisha don!  Hija don li fih innifsu hu mimli b’dak kollu li hu l-aktar għoli fl-Evanġelju, don li fih jiddi l-kobor tal-misteru tal-Fidwa tad-dinja mill-Bniedem-Alla:  “Hawn qiegħdha l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna lil Alla, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija ghal dnubietna”.[24]

 

III   -   KONSAGRAZZJONI

Il-professjoni reliġjuża hi “espressjoni aktar perfetta” tal-konsagrazzjoni lil Alla li sseħħ fil-Magħmudija.

7.  Il-vokazzjoni wasslitkom għall-perfezzjoni reliġjuża, li biha intom ġejtu konsagrati lil Alla permezz tal-ministeru tal-Knisja u hekk sirtu membri tal-familja reliġjuża tagħkom.  Hu għalhekk li l-Knisja qabel kollox tqiskom nies “ikkonsagrati”: konsagrati lil Alla f’Ġesù Kristu biex tkun tiegħu biss.  Din il-konsagrazzjoni turi x’inhu l-post tagħkom fil-komunità kollha tal-Knisja, tal-Poplu ta’ Alla.  Fl-istess ħin din il-konsagrazzjoni tagħkom hi għajn speċjali ta’ qawwa spiritwali  u sopranaturali għall-missjoni universali tal-Poplu ta’ Alla: hi sura speċjali ta’ ħajja ta’ xhieda u ta’ appostolat, fil-ħarsien bil-fedeltà kollha, tal-missjoni speċjali, ta’ l-identità u tal-wirt spiritwali tal-Istituti partikulari tagħkom.  Il-missjoni universali tal-Poplu ta’ Alla għandha l-egħruq tagħha fil-missjoni messjanika ta’ Kristu stess, il-Profeta, il-Qassis, u s-Sultan; missjoni li fiha kulħadd, b’mod jew ieħor, għandu sehem.  Il-mod kif jissieħbu f’din il-missjoni dawk li huma “ikkonsagrati” lil Alla, hu l-mod kif huma jagħmlu l-egħruq tagħhom fi Kristu.  Kemm huma qawwija u kemm huma fil-fond l-egħruq tagħkom fi Kristu turih il-professjoni reliġjuża tagħkom.

Il-professjoni reliġjuża toħloq rabta ġdida tal-bniedem ma’ Alla Wieħed fi tliet Persuni, fi Kristu.  Din ir-rabta timbena fuq il-pedament ta’ dik ir-rabta ma’ Alla li seħħet fina fil-bidu bis-Sagrament tal-Magħmudija.  Il-professjoni reliġjuża “għandha l-egħruq tagħha fil-konsagrazzjoni li sseħħ fil-Magħmudija, u tfissirha aħjar”.[25]  B’dan il-mod, il-professjoni reliġjuża, meta ssir, tkun konsagrazzjoni ġdida: hi konsagrazzjoni u offerta tal-bniedem lil Alla, maħbub ’il fuq minn kollox.  L-impenn li tidħlu għalih bil-voti tagħkom, li tħarsu l-kunsilli evanġeliċi tas-safa, tal-faqar u tal-obbedjenza skont ir-regolamenti proprji tal-familja reliġjuża ta’ kull wieħed u waħda minnkom, kif huma mfissrin fil-kostituzzjonijiet tagħkom, ifisser li intom ikkonsagrajtu ruħkom lil Alla kollkom kemm intom.  Fl-istess ħin dan l-impennn huwa l-mezz li bih twettqu din il-konsagrazzjoni tagħkom.  Minn din il-konsagrazzjoni tieħu s-sura proprja tagħha x-xhieda li jagħtu dawk li huma ikkonsagrati lil Alla u jieħu s-sura wkoll l-appostolat li jagħmlu.  Iżda l-bidu ta’ din il-konsagrazzjoni li intom tagħmlu minn rajkom u b’fehma sħiħa, u l-offerta tagħkom infuskom lil Alla biex tkunu tiegħu biss, li tiġi minnha, għandna nfittxuh fil-Magħmudija, li hi s-sagrament li jdaħħalna fil-misteru tal-Għid, u li hi l-qofol u ċ-ċentru tal-Fidwa li kisbilna Kristu.

Għalhekk, jekk irridu naraw fid-dawl kollu tagħha skont il-verità x’inhi l-professjoni reliġjuża, tajjeb li niftakru fil-kliem kollu ħeġġa li kiteb San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Ma tafux li aħna li tgħammidna fi Kristu, tgħammidna fil-mewt tiegħu?  Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-Magħmudija sabiex kif Kristu... hekk aħna ngħixu ħajja ġdida”;[26] “il-bniedem qadim tagħna ssallab ... sabiex ma nkunux aktar ilsiera tad-dnub”;[27] “hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajja għal Alla fi Kristu Ġesù”.[28]

Il-professjoni reliġjuża – bil-qawwa tas-sagrament tal-Magħmudija li fih għandha l-egħruq tagħha – hija “dfin mill-ġdid fil-mewt ta’ Kristu” hija dfin ġdid għaliex hi għażla magħmula b’fehma sħiħa, għaliex ġejja mill-imħabba u l-vokazzjoni, għaliex hija “konverzjoni” dejjem sejra.  Dan “id-dfin fil-mewt” iwassal biex il-bniedem “midfun ma’ Kristu”, bħal Kristu, igħix ħajja ġdida.  Fi Kristu msallab għandhom fl-aħħar mill-aħħar is-sisien tagħhom kemm il-konsagrazzjoni li sseħħ fil-Magħmudija u kemm il-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, li skont il-Konċilju Vatikan II, “hi konsagrazzjoni speċjali”.  Hi mewt u ħelsien.  Igħid San Pawl: “Qiesu lilkom infuskom mejtin għad-dnub”; iżda fl-istess ħin din il-mewt isejħilha “ħelsien mill-jasar tad-dnub”.  Iżda l-konsagrazzjoni reliġjuża, mibnija fuq il-pedament tas-sagrament tal-Magħmudija, hi fuq kollox ħajja ġdida “għal Alla fi Kristu Ġesù”.

U hekk, flimkien mal-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, b’mod aktar matur u b’fehma aktar sħiħa, ninżgħu l-bniedem il-qadim u bl-istess mod nilbsu l-bniedem il-ġdid “maħluq skont Alla fil-ġustizzja u l-qdusija ġejja mill-verità”, biex mill-ġdid nużaw il-kliem tal-ittra lill-Efesin.[29]    

Il-patt tal-imħabba tal-egħrusija

8.  Għalhekk, egħżież ħuti, intom ilkoll li fil-Knisja kollha qegħdin tgħixu l-patt li seħħ bil-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, f’din is-Sena Mqaddsa tal-Fidwa, għarfu mill-ġdid li intom imseħbin bil-mod speċjali tagħkom fil-mewt tal-Feddej fuq is-Salib; bil-qawwa ta’ dan it-tisħib intom qomtu ma’ Kristu u bla heda miegħu tqumu biex tgħixu ħajja ġdida.  Il-Mulej ikellem lil kull wieħed u waħda minnkom, kif darba tkellem permezz tal-profeta Isaija:  

            “La tibżax, għax jiena fdejtek,

            sejjaħtlek b’ismek:

            inti tiegħi”.[30]

 

L-istedina tal-Evanġelju: “Jekk trid tkun pefett... ejja imxi warajja”[31] tmexxina bid-dawl tal-kliem tal-Imgħallem divin.  Mill-milja tal-Fidwa tiġi s-sejħa ta’ Kristu u minn din il-milja tasal fil-qalb tal-bniedem; bil-qawwa tal-grazzja tal-Fidwa din is-sejħa ta’ salvazzjoni, fil-qalb dak li jkun imsejjaħ, tilbes is-sura tal-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi.  Hi f’din is-sura ta’ professjoni li tinsab it-tweġiba li intom tagħtu għas-sejħa tal-imħabba li tifdi – tweġiba kollha mħabba: imħabba ta’ offerta tiegħek innifsek, li hi l-qofol tal-konsagrazzjoni, jiġifieri tal-konsagrazzjoni tiegħek innifsek.

Kliem il-profesta Isaija: “Jiena fdejtik... inti tiegħi”, jidher li jwettaq din l-imħabba, li hi mħabba ta’ konsagrazzjoni sħiħa lil Alla u lil Alla biss.

B’dan il-mod isseħħ rabta speċjali ta’ mħabba ta’ egħrusija li bla heda fiha jinstema’ mtenni l-kliem tal-profeta Isaija għal Israel, li Alla għażel biex “ikun il-poplu tiegħu”.[32]  Dan għaliex f’kull persuna ikkonsagrata lil Alla issir l-għażla ta’ “Israel” tal-Patt il-ġdid u għal dejjem.  Il-poplu Messjaniku kollu, jiġifieri l-Knisja universali tingħażel f’kull bniedem li Alla jagħżel għalih minn ħdan dan il-poplu, f’kull bniedem – u nerġa’ ntennih – li jikkonsagra lilu nnifsu għal kulħadd lil Alla biex ikun ta Alla biss.  Ħadd, l-anqas il-bniedem l-aktar qaddis, ma jista’ jgħid għalih kliem Kristu: “Jien minħabba fihom nikkonsagra lili nnifsi”,[33] meta nqisu l-qawwa li għandu dan il-kliem għall-Fidwa; iżda, kull bniedem bil-fidi tiegħu, jista’ jqis dan il-kliem igħodd għalih, jekk joffri lilu nnifsu lil Alla biex ikun ta’ Alla biss.

Mhux għal dan iħeġġiġna kliem l-Appostlu San Pawl li nsibu fl-ittra tiegħu lir-Rumani, li spiss intennu u spiss nimmeditaw fuqhom: “Nitlobkom, ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla: il-kult spirtwali tagħkom”?[34]  F’dan il-kliem qisu jinstema’ mtenni mill-bogħod il-kliem li Dak li huwa u dieħel fid-dinja ħa jkun bniedem bħalna, qal lill-Missier: “Ġisem int ħejjejt għalija... Hawn jien ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla”.[35]  F’dan iż-żmien speċjali tas-Sena Mqaddsa tal-Fidwa, tajjeb li niftakru fil-misteru tal-ġisem u r-ruħ ta’ Kristu bħala dak li minnu ġejja kollha kemm hi l-imħabba tal-egħrusija u tal-fidwa: mħabba ta’ egħrusija għax imħabba ta’ fidwa.  Imqanqal mill-imħabba Kristu offra lilu nnifsu, u mmexxi mill-imħabba ta ġismu “għad-dnub tad-dinja”.  Intom u tidħlu fil-fond tal-misteru tal-fidwa permezz tal-konsagrazzjoni tagħkom bil-voti reliġjużi, intom bl-imħabba li waslitkom li tagħtu lilkom infuskom kollkom kemm intom, tridu timtlew f’ruħkom u ġisimkom b’dak l-ispirtu ta’ sagrifiċċju li għalih iħeġġiġkom l-Appostlu San Pawl bil-kliem li għadna kemm semmejna: “Offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj”.[36]  B’dan il-mod fil-professjoni reliġjuża naraw xebħ ma’ dik l-imħabba li fil-Qalb ta’ Kristu hi mħabba li fl-istess ħin tifdi u tgħarras ukoll.  Din l-imħabba, f’kull wieħed u waħda minnkom, għeżież ħuti, jeħtieġ tiġi mill-bidu stess ta’ dik il-konsagrazzjoni speċjali tagħkom li għandha l-pedament tagħha fis-sagrament tal-Magħmudija u li hi l-bidu tal-ħajja ġdida tagħkom fi Kristu u fil-Knisja: hi l-bidu ta’ ħolqien ġdid.

Jalla kull wieħed u waħda minnkom jagħraf dejjem aktar, flimkien ma’ din l-imħabba, il-ferħ li jiġi milli tkunu ta’ Alla biss, milli tkunu l-wirt speċjali tat-Trinità qaddisa, il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  Tennu xi kultant il-kliem ispirat minn Alla tas-salmista:

Lil min għandi fis-sema ħliefek?

            Bik miegħi fuq l-art xejn ma jonqosni.

            Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi:

Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem”.[37]

 

Jew dan il-kliem:

“Jien għidt lill-Mulej: Int Sidi;

            M’għandix ġid ieħor ħliefek...

            Mulej, int is-sehem tal-wirt u tar-riżq tiegħi:

int iżżomm f’idejk xortija”.[38]

Jalla dejjem tagħarfu li intom ta’ Alla f’Ġesù Kristu, Feddej tad-dinja u Għarus tal-Knisja, u dan ikun siġill f’qalbkom,[39] fi ħsibijietkom, fi kliemkom u f’egħmilkom, jiġifieri s-siġill li bih tingħaraf l-għarus tal-Bibbja.  Dan l-għarfien għoli u sħiħ ta’ Kristu, kollu ħeġġa, iseħħ, kif tafu, u dejjem aktar iseħħ, minn jum għall-ieħor, permezz ta’ ħajja ta’ talb personali, komunitarju u liturġiku, li hi l-ħajja proprja tal-familji reliġjużi tagħkom.  B’dan il-mod ukoll, u l-aktar dawk ir-reliġjużi, irġiel u nisa, li huma mogħtijin għall-ħajja kontemplattiva, igħinu u jħeġġu lil ħuthom l-oħra lii huma mogħtijin għall-ħidma tal-appostolat.  Jalla tagħarfu li intom ta’ Kristu biex qlubkom, ħsibijietkom, u l-egħmil kollu tagħkom, tiftħuhom bil-muftieħ tal-misteru tal-Fidwa, għat-tbatijiet kollha, għall-ħtiġijiet kollha, għal kull tama tal-bnedmin u tad-dinja, fejn il-konsagrazzjoni tagħkom hi sinjal tal-preżenza ta’ Alla “li għalih kulħadd igħix”[40] u li intom tħaddnu fid-dimensjoni tas-Saltna tiegħu li ma tidhirx.

Il-kliem: “Ejja, imxi warajja”, li Kristu qal li kull wieħed u waħda minnkom, egħżież ħuti, meta “xeħet fuqkom ħarsa ta’ mħabba”, għandu wkoll din it-tifsira: ħa jkollkom sehem sħiħ u qawwi fit-tiswir tal-“ħolqien ġdid[41] li jeħtieġlu joħroġ mill-fidwa tad-dinja bil-qawwa tal-Ispirtu tal-verità, qawwa li tiġi mill-milja tal-misteru tal-Għid ta’ Kristu.

 

IV   -   IL-KUNSILLI EVANĠELIĊI

Il-pjan tas-salvazzjoni

9.  Bil-professjoni reliġjuża t-triq tal-kunsilli evanġeliċi tinfetaħ għal kull wieħed u waħda minnkom.  Fl-Evanġelju nsibu ħafna eżortazzjonijiet li huma xi ħaġa aktar minn kmandament, eżortazzjonijiet li jgħidulna mhux biss dak li hu “meħtieġ”, imma wkoll dak li hu “l-aħjar”.  Ta’ din is-sura huma l-eżortazzjonijiet biex ma niġġudikawx,[42] biex ma “nistennewx xi ħaġa lura” meta nisilfu,[43] biex nilqgħu x-xewqat u t-talbiet kollha ta’ għajrna,[44] biex nistiednu għall-ikel lill-fqar,[45] biex naħfru dejjem,[46] u eżortazzjonijiet oħra bħal dawn.  Iżda, jekk skont it-tradizzjoni, il-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi tinġabar fil-ħarsien ta’ tliet ħwejjeġ, tas-safa, tal-faqar, u tal-ubbidjenza, dan juri biżżejjed ċar kemm dawn it-tliet ħwejjeġ huma elementi importanti li, b’xi mod, hemm miġbur fihom il-pjan kollu tas-salvazzjoni.  Kull ħaġa li fl-Evanġelju tidher bħala kunsill, indirettament tidħol f’dik is-sura ta’ ħajja li Kristu jsejjaħ għaliha meta jgħid: “Ejja, imxi warajja”.  Is-safa, il-faqar u l-ubbidjenza, jagħtu lil din is-sura ta’ ħajja sura “kristoċentrika”, u jħallu fiha sinjal speċjali tal-pjan kollu tas-salvazzjoni.

Biex iseħħ dan il-pjan ta’ salvazzjoni hu meħtieġ li l-ħolqien kollu jinbidel fih innifsu permezz tal-qalb tal-bniedem: “Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla...bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla”.[47]  Din il-bidla timxi pass pass ma’ dik l-imħabba, li s-sejħa ta’ Kristu ssawwab fil-qalb tal-bniedem – dik l-imħabba li hi l-qofol tal-istess konsagrazzjoni li biha raġel jew mara jikkonsagraw ruħhom lil Alla permezz tal-professjoni reliġjuża, konsagrazzjoni mibnija fuq is-sisien tal-konsagrazzjoni li sseħħ bis-sagrament tal-Magħmudija.  Nistgħu naraw x’inhuma s-sisien tal-pjan tas-salvazzjoni jekk naqraw il-kliem tal-ewwel ittra tal-Appostlu San Ġwann: “Tħobbux id-dinja u lanqas dak li hemm fiha.  Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih.  Kull ma fiha d-dinja jiġifieri l-ġibda tal-ġisem, u l-ġibda tal-għajnejn u l-kburija tal-ħajja, dan mhuwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja.  U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Alla jibqa’ għal dejjem”.[48]

Fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom, egħżież ħuti, il-professjoni reliġjuħa poġġiet l-imħabba tal-Missier, dik l-imħabba li hi fil-Qalb ta’ Ġesù Kristu, il-Feddej tad-dinja.  Din l-imħabba tħaddan id-dinja u kull ma hemm fid-dinja li ġej mingħand il-Missier, u, fl-istess ħin, tfittex li tirbaħ dak kollu li “mhuwiex mingħand il-Missier”.  Tfittex għalhekk tirbaħ it-tliet ġibdiet, “il-ġibda tal-ġisem”, “il-ġibda tal-għajnejn”, u “l-kburija tal-ħajja” li jinsabu fil-qalb tal-bniedem, bħala l-wirt tad-dnub tan-nisel, li minħabba fih, fil-qalb tal-bniedem, tħassret b’kemm-il sura r-relazzjoni tiegħu mad-dinja maħluqa minn Alla u mogħtija lilu biex jaħkem fuqha.[49]  Skont il-pjan tas-salvazzjoni, il-kunsilli evanġeliċi tas-safa, tal-faqar u tal-ubbidjenza huma strumenti mill-aqwa biex ibiddlu f’qalb il-bniedem ir-relazzjoni tiegħu “mad-dinja”, mad-dinja li naraw b’għajnejna, u mad-dinja tal-“jien” tagħna li, b’xi mod, hi parti mid-“dinja” fit-tifsira li għandha fl-Iskrittura, jekk fiha għandu dak li “mhuwiex mingħand il-Missier”.

Fi kliem l-ittra ta’ San Ġwann, li għadna kemm semmejna, naraw malajr l-importanza kbira li għandhom fil-pjan kollu tal-Fidwa, it-tliet kunsilli evanġeliċi.  Dan għaliex is-safa evanġeliku jgħinna biex fil-ħajja ta’ ruħna nbiddlu dak kollu li ġej mill-ġibda tal-ġisem, il-faqar evanġeliku dan kollu li joħroġ mill-ġibda tal-għajnejn waqt li l-ubbidjenza evanġelika, fl-aħħarnett, twassalna biex nikkorreġu għal kollox kull ma jissawwab fil-qalb tal-bniedem mill-kburija tal-ħajja.  Qegħdin nitkellmu hawn apposta fuq rebħa bħala bidla, għaliex il-pjan kollu tas-salvazzjoni jinsab kollu kemm hu miġbur fit-talba saċerdotali li Kristu għamel lill-Missier: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-ħażin”.[50]  Il-kunsilli evanġeliċi, fil-għan ewlieni tagħhom, iridu jwasslu “għat-tiġdid tal-ħolqien kollu”: “id-dinja” trid tiġi maħkuma mill-bniedem biex dan jagħti lilu nnifsu perfettament lil Alla.

Inkunu xejn ma’ Kristu

10.  L-għan fih innifsu tal-kunsilli evanġeliċi jwassalna biex naraw ċar sewwa aspetti oħra tar-rabta kbira li għandhom mal-pjan tas-salvazzjoni.  Nafu li dan il-pjan jilħaq il-milja tiegħu fil-misteru tal-Għid tal-Mulej, li fih hemm magħqudin flimkien il-mewt li biha Kristu ċekken lilu nnifsu u l-qawmien tiegħu mill-imwiet li bih beda ħajja ġdida.  Dawn iż-żewġ aspetti tal-misteru tal-Għid[51] jidhru sewwa fil-ħarsien tal-kunsilli evanġeliċi għaliex bil-ħarsien tal-kunsilli evanġeliċi jinqered f’kull wieħed u waħda minna d-dnub u kull ma jiġi minnu, u kuljum nitwieldu mill-ġdid għal dak li-ġid aqwa li jinsab moħbi fil-qalb tal-bniedem.  Dan il-ġid juri ruħu bil-ħidma tal-grazzja u, biex ir-ruħ twieġeb għaliha b’ħeġġa akbar, igħin ħafna l-ħarsien tas-safa, tal-faqar u tal-ubbidjenza.  Il-pjan kollu tal-Fidwa jseħħ malli r-ruħ tinġibed u titmexxa mill-ħidma moħbija tal-Ispirtu s-Santu li minnu tiġi kull qdusija.  F’din it-triq, egħżież ħuti, il-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi tiftaħ f’kull wieħed u waħda minnkom qasam kbir għall-“ħolqien ġdid”;[52] dan iseħħ, f’dak li intom bħala bnedmin, mill-istess pjan tal-Fidwa, u, permezz ta’ dak li intom bħala bnedmin, dan “il-ħolqien ġdid” iseħħ ukoll fir-relazzjonijiet ta’ bejnietkom u fir-relazzjonijiet tagħkom fis-soċjetà.  Hekk, fl-istess waqt ukoll, dan “il-ħolqien ġdid” iseħħ fil-familja kollha tal-bniedem, li hi parti mid-dinja maħluqa minn Alla, dik id-dinja li l-Missier ħabb mill-ġdid f’Ibnu, l-Feddej tad-dinja.

Dwar dan l-Iben, San Pawl igħid li “għad li kellu n-natura ta’ Alla...xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbaħ lill-bniedem”.[53]  Issa meta wieħed iħares il-kunsilli evanġeliċi jkun ixejjen lilu nnifsu, u din hi ħaġa kollha kemm hi “kristoċentrika” jiġifieri għandha lil Kristu bħala l-qofol tagħha.  Hu għalhekk li l-Imgħallem ta’ Nazaret igħid ċar u tond li s-Salib hu kondizzjoni meħtieġa biex wieħed jimxi warah: Dak li darba qal lil kull wieħed u waħda minnkom: “Ejja imxi warajja”, qal ukoll: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”.[54]  U dan qalu lil kull min kien qiegħed jisimgħu, u mhux lid-dixxipli biss.  Għalhekk il-liġi taċ-ċaħda tiegħek innifsek hi liġi li għandha x’taqsam mal-istess natura tas-sejħa nisranija.  Iżda mbagħad għandha x’taqsam ukoll, b’mod wisq aktar għoli, mas-sejħa li hi marbuta mal-ħarsien tal-kunsilli evanġeliċi.  Għal dawk li jimxu mit-triq ta’ din il-vokazzjoni, il-kliem tqil li naqraw fl-Ittra lill-Filippin jiftiehem aħjar: “Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi”.[55]

Iċ-ċaħda tiegħek innifsek – li fiha jidher il-misteru tal-Kalvarju – titlob li int “tkun” aktar fi Kristu, imsallab u rxoxt; din iċ-ċaħda tiegħek innifsek tgħinek biex tifhem sal-qiegħ nett il-misteru tiegħek bħala bniedem, u twettqek inti u miexi ’l quddiem f’dik li fuqha jikteb l-Appostlu San Pawl: “imqar jekk il-bniedem ta’ barra jitħassar, il-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum”.[56]  B’dan il-mod il-pjan tas-salvazzjoni jwassal il-qawwa tal-misteru tal-Għid tal-Mulej għal-livell tal-bniedem, li jwieġeb għall-istedina ta’ Kristu biex igħix ħajja ta’ safa, faqar u ubbidjenza, skont il-kunsilli evanġeliċi.

 

V   -   SAFA, FAQAR U UBBIDJENZA

Is-safa

11.  Is-sura li l-misteru tal-Għid jagħti lil stedina bħal din, narawha, mill-aspetti kollha tagħha, meta nqisu wieħed wieħed il-kunsilli evanġeliċi.

Jeħtieg li nqisu skont il-qies tal-pjan tas-salvazzjoni, is-safa li kull wieħed u waħda minnkom wegħdtu li tħarsu flimkien mal-faqar u l-ubbidjenza: F’dan insibu t-tweġiba għall-kliem Kristu, li hu, fl-istess ħin, stedina wkoll: “Hemm ewnuki... li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet”.[57]  Iżda qabel, Kristu qal ċar u tond: “Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha”.[58]  Dwar dan San Pawl ħaseb ukoll, u dan għamlu fl-Ittra lill-Korintin:[59]  Dan il-kunsill igħodd b’mod speċjali għall-imħabba tal-qalb tal-bniedem.  Waqt li l-faqar u wisq aktar l-ubbidjenza qishom jitfgħu dawl akbar fuq l-imħabba li tifdi li hemm fil-konsagrazzjoni reliġjuża, is-safa aktar igħolli ’l fuq l-imħabba tal-egħrusija.  Jidher ċar li hawn qegħdin nitkellmu fuq is-safa ta’ dawk li saru ewnuki “minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet”, jiġifieri qegħdin nitkellmu fuq il-verġinità bħala xhieda tal-imħabba tal-egħrusija mal-Feddej innifsu.  Dan kien qiegħed jaħseb San Pawl meta kiteb: “Min jiżżewweġ ix-xebba li għandu miegħu jagħmel tajjeb; min ma jiżżewwiġhiex jagħmel aħjar”[60]...”Ir-raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri kif jogħġob lill-Mulej”,[61] “...il-mara mhix miżżewġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri biex ikunu qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom”.[62]

Fi kliem Kristu u fi kliem San Pawl ma nsibu ebda stmerrija taż-żwieġ.  Il-kunsill evanġeliku tas-safa juri biss x’qawwa speċjali tikseb qalb il-bniedem (kemm jekk raġel u kemm jekk mara) mill-imħabba tal-egħrusija ta’ Kristu stess, ta’ Ġesù “il-Mulej”.  Min jagħmel lilu nnifsu ewnuku “minħabba s-Saltna tas-Smewwiet” mhux biss minn rajh jiċħad għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja, imma jagħmel għażla karismatika: jagħżel lil Kristu bħala l-Għarus tiegħu biss.  Din l-għażla ma twassalx biss biex wieħed b’mod speċjali, ikun “ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej”, iżda, għaliex l-għażla tkun saret “minħabba s-Saltna tas-Smewwiet”, din l-għażla tqarreb is-Saltna ta’ Alla tal-aħħar taż-żmien – is-Saltna eskatoloġika ta’ Alla – lejn il-ħajja ta’ kull bniedem skont il-qagħda tiegħu fiż-żmien li jkun u b’xi mod iġġib fid-dinja din is-Saltan eskatoloġika ta’ Alla.

Bil-vot tas-safa, dawk li huma ikkonsagrati lil Alla għandhom sehem fil-pjan tas-salvazzjoni għaliex minn rajhom iċċaħħdu mill-hena taż-żwieġ u tal-familja; min-naħa l-oħra, għaliex għamlu lilhom infushom ewnuki “minħabba s-Saltna tas-Smewwiet”, f’din id-dinja li tgħaddi, iwasslu l-Aħbar tal-qawmien mill-imwiet, li għad iseħħ, u tal-ħajja ta’ dejjem;[63] ħajja ta’ għaqda ma’ Alla stess permezz tal-viżjoni beatifika u ta’ dik l-imħabba, li fiha nfisha għandha s-suriet kollha ta’ mħabba li jinsabu f’qalb il-bniedem u tħaddanhom magħha.

 Il-faqar

12.  Dwar il-faqar, x’tifsir qawwi għandu l-kliem tat-Tieni Ittra lill-Korintin, li jiġbor fih, b’mod l-aktar eżatt, kull ma nisimgħu fuq il-faqar fl-Evanġelju!  “Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu  li għad li kien għani ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu”.[64]  Skont dan il-kliem, il-faqar huwa parti intima tal-istruttura tal-grazzja tas-salvazzjoni ta’ Ġesù Kristu.  Mingħajr il-faqar ma nistgħux nifhmu l-misteru tad-don ta’ Alla lill-bniedem:  don li laħaq il-qofol tiegħu fi Kristu.  Minħabba dan ukoll, il-faqar hu fiċ-ċentru tal-Evanġelju u fil-bidu tat-tħabbira tat-tmien beatitudni: “Henjin il-foqra fl-ispirtu”.[65]  Il-faqar evanġeliku jqiegħed quddiem għajnejn ir-ruħ tal-bniedem, id-dehra sħiħa tal-misteru “moħbi sa minn mijiet ta’ snin f’Alla”.[66]  Dawk biss li huma “fqar” b’dan il-mod jaslu biex jifhmu f’ruħhom il-faqar kbir ta’ min hu għani fuq li għani.  Il-faqar kbir ta’ Kristu għandu moħbi fih dan l-għana bla qies ta’ Alla, anzi hu xhieda li ma tqarraqx ta’ dan il-għana.  Il-għana bħalma hi n-natura ta’ Alla stess, ma jistax jiġi mfisser sewwa u b’mod xieraq minn ebda ġid maħluq.  Il-faqar biss seta’ jfisser dan il-għana, u għalhekk il-fqar biss jistgħu jifhmuh sewwa, jiġifieri l-fqar fl-Ispirtu.  Fosthom l-ewwel wieħed hu Kristu, il-Bniedem-Alla: dak li “għad li kien għani, ftaqar”, huwa mhux biss għalliem, imma wkoll ħabbâr u garanti ta’ dak il-faqar għas-salvazzjoni, li jaqbel ħafna mal-għana bla qies ta’ Alla u mal-qawwa li qatt ma tiġi nieqsa tal-grazzja tiegħu.

U għalhekk hu veru wkoll, kif igħid l-Appostlu, li aħna “nistagħnu permezz tal-faqar tiegħu”.  Hu għalliem u ħabbâr ta’ dak il-faqar li bih nistagħnu.  Għalhekk ukoll Hu jgħid liż-żagħżugħ tal-Evanġelji   sinottiċi: “Bigħ il-ġid li għandek...u jkollok teżor fis-sema”.[67]  F’dan il-kliem hemm stedina biex nagħmu lill-oħrajn permezz tal-faqar tagħna; iżda fil-qofol ta’ din l-istedina hemm moħbija x-xhieda tal-għana bla qies ta’ Alla, li jiġi fir-ruħ tal-bniedem, fil-misteru tal-grazzja, u, proprju permezz tal-faqar, ikun fil-bniedem għajn li minnha jistagħnu l-oħrajn; għajn li ma tistax tqabbilha ma’ ebda għajn, oħra ta’ ġid materjali; għajn li tagħmel il-ġid kif jagħmlu Alla stess.  L-għoti ta’ dan il-għana jseħħ permezz tal-istess misteru ta’ Kristu, li “bil-faqar tiegħu nistagħnu aħna”.  Naraw mill-paġni tal-Evanġelju kif din il-ħidma, li biha nistagħnu, timxi ’l quddiem u tilħaq il-milja tagħha fil-misteru tal-Għid: Kristu li kien fqir fuq li fqir fil-mewt tiegħu fuq is-salib, dak il-ħin stess, għaniena fuq li għaniena bil-milja ta’ ħajja ġdida, bil-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Ħuti egħżież, fqar fl-ispirtu minħabba l-professjoni evanġelika tagħkom, għixu fil-ħajja tagħkom kollha din is-sura ta’ faqar ta’ Kristu li ssalva.  Minn jum għall-ieħor wasslu dan il-faqar għall-kobor sħiħ tiegħu!  “Fittxu l-ewwel is-Saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu...” u l-bqija “jingħatalkom ukoll”.[68]  Jalla fikom u bikom iseħħ dak il-hena mwiegħed lill-foqra,[69] lill-foqra fl-ispirtu.[70]    

L-ubbidjenza

13.  Kristu “għad li kellu n-natura ta’ Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbaħ lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib”.[71]

F’dan il-kliem tal-Ittra lill-Filippin għandna l-qofol stess tal-Fidwa.  L-ubbidjenza ta’ Kristu nsibuha kollha kemm hi, fin-natura sħiħa tagħha, f’din il-verità.  U dan iwettqu kliem ieħor tal-Appostlu li nsibu fl-Ittra lir-Rumani: “Kif bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti”.[72]

Il-parir evanġeliku tal-ubbidjenza huwa s-sejħa li toħroġ mill-ubbidjenza “sal-mewt” ta’ Kristu.  Dawk li jilqgħu din is-sejħa, espressa bil-kliem “Ejja warajja”, jagħżlu – kif jgħid il-Konċilju – li jimxu wara Kristu, “li feda u qaddes il-bnedmin bl-ubiddjenza tiegħu sal-mewt fuq is-salib”.[73]  Meta jwettqu l-parir evanġeliku tal-ubbidjenza, dawn jilħqu l-qofol profond tal-ekonomija sħiħa tal-Fidwa.  Meta jgħixu dan il-parir, huma juru x-xewqa għall-parteċipazzjoni unika fl-ubbidjenza ta’ dak il-“wieħed” li permezz tal-ubbidjenza tiegħu ħafna “isiru ġusti”.

Nistgħu ngħidu li dawk li jagħżlu li jgħixu skont dan il-kunsill tal-ubbidjenza, ikunu jqegħdu ruħhom bejn “il-misteru tal-ħażen[74] u l-misteru tal-ġustifikazzjoni u tal-grazzja tas-salvazzjoni.  F’din il-“qagħda” jkunu bl-egħruq kollha tal-ħażen li hemm fin-natura tal-bniedem, bl-effetti kollha tal-“kburija tal-ħajja”, bil-ġibda kollha, ġejja mill-imħabba żejda tiegħek innifsek, li ġġiegħelek taħkem u ma sservix, iżda mbagħad, bil-vot tagħhom tal-ubbidjenza, jiddeċiedu li jinbidlu ħa jkunu jixbhu ’l Kristu li “bl-ubbidjenza tiegħu feda u qaddes lil-bnedmin”.  Fil-kunsill tal-ubbidjenza huma juru li jixtiequ jkunu jafu x’inhu sehemhom fil-Fidwa ta’ Kristu u liema hi t-triq li twassalhom għall-qdusija.

Din hi t-triq li Kristu wriena fl-Evanġelju meta tkellem – u tkellem spiss – fuq il-ħtieġa li nagħmlu rieda ta’ Alla u nfittxu bla heda li nkunu nafuha.  “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu”.[75]  “Jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni”.[76]  “Min bagħatni huwa miegħi, ma telaqnix waħdi, għax jien dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu”.[77]  “Jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma r-rieda ta’ min bagħatni”.[78]  Dan l-egħmil bla heda tar-rieda tal-Missier ifakkarna fl-istqarrija messjanika tas-salmista tal-patt il-Qadim:  “Fil-bidu tal-ktieb hemm mktub fuqi li nagħmel ir-rieda tiegħek.  Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”.[79]  Din l-ubbidjenza tal-Iben ta’ Alla kollha hena, tilħaq il-qofol tagħha fil-Passjoni u s-Salib: “Missier, jekk int trid, warrab minni dan il-kalċi!  Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi”.[80]  Sa mill-bidu tat-talba fil-ġnien tal-Ġetsemani, il-ħeġġa ta’ Kristu li jagħmel ir-rieda tal-Missier tilħaq sal-qofol tat-tbatija u ssir dik l-ubbidjenza “sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib”, li fuqha jitkellem San Pawl.

Dawk li huma ikkonsagrati lil Alla bil-vot tal-ubbidjenza jkollhom il-fehma li, bl-umiltà kollha, isiru jixbhu lil Kristu l-aktar fl-ubbidjenza tiegħu.  Għalkemm il-qagħda għar-rieda ta’ Alla u l-ubbidjenza għal-liġijiet tiegħu hi kondizzjoni meħtieġa għall-ħajja nisranija f’kull sura ta’ ħajja li wieħed jista’ jgħix fid-dinja, iżda fis-“sura ta’ ħhajja reliġjuża”, fis-“sura ta’ ħajja ta’ perfezzjoni”, il-vot tal-ubbidjenza jġgib f’kull wieħed u waħda minnkom, egħżież ħuti, dmir ta’ rabta speċjali ma’ Kristu “li obda sal-mewt”.  U għax din l-ubbidjenza ta’ Kristu hi parti essenzjali u intima tal-opra tal-Fidwa, kif naraw mill-kliem tal-Appostlu li semmejna aktar ’il fuq, fil-ħarsien tal-kunsill evanġeliku tal-ubbidjenza, għandkom taraw mument speċjali f’dak il-“pjan tas-salvazzjoni” li jħaddan is-sejħa kollha tagħkom fil-Knisja.

Minn din tiġi dik id-dispożizzjoni sħiħa tagħkom għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li jaħdem l-aktar fil-Knisja, kif kiteb[81] il-Papa Pawlu VI fl-eżortazzjoni appostolika li tibda bil-kliem: “Evangelica testificatio”, u li wkoll tidher fil-kostituzzjonijiet tal-Istituti tagġkom.  Minn hawn tiġi dik is-sottomissjoni reliġjuża li min hu ikkonsagrat lil Alla, bi spirtu ta’ fidi, juri lis-superjuri leġittimi tiegħu, li huma minflok Alla.[82]  Fl-Ittra lil-Lhud insibu din it-twissija li għandha tifsira kbira: “Oqogħdu għal dawk li jmexxukom u obduhom, għax huma jgħassu fuqkom għall-ġid tagħkom, bhala nies li għad iridu jagħtu kont tagħkom”.  U l-kittieb tal-Ittra jkompli jżid: “...hekk huma jaqdu dan id-dmir bil-ferħ u mhux bi swied il-qalb, għax dan ma jkun jiswielkom ta’ ebda ġid.”[83]

Is-Superjuri mbagħad, għandhom jiftakru li jridu jużaw, bi spirtu ta’ qadi, is-setgħa mogħtija lilhom mill-ministeru tal-Knisja, u jeħtieġ li jkunu dejjem lesti jisimgħu lil ħuthom, biex ikunu jafu aħjar x’irid Alla minn kull wieħed minnhom; iżda jibqgħu huma dejjem dawk li jiddeċiedu x’għandu jsir u x’jordnaw, skont ma jidhrilhom li jkun jaqbel.

Flimkien ma’ din id-disponibilità u din l-ubbidjenza, kif ġew imfissrin hawn fuq, għandu jkun hemm ukoll qagħda ta’ servizz, li biha ħajjitkom kollha tkun taqbel mal-eżempju ta’ Bin il-bniedem li ġie fid-dinja “mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħtu ħajtu b’fidwa għall-kotra”.[84]  U Ommu Marija, fil-mument deċisiv tat-Tħabbira tal-Anġlu, sa mill-bidu daħlet fil-pjan sħiħ tas-salvazzjoni meta qalet:  “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek”.[85]  Ftakru wkoll, ħuti egħżież, li l-ubbidjenza li biha ntrabattu ma’ Alla bla ebda kundizzjoni, meta intom ikkonsagrajtu ruħkom lilu permezz tal-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, hi xhieda speċjali tal-libertà tar-ruħ mhux inqas mix-xhieda li Kristu ta tal-libertà tiegħu meta “obda sal-mewt”: “jiena nagħti ħajti biex nerġa’ neħodha.  Ħadd ma jeħodhieli, imma jiena nagħtiha minn rajja”.[86] 

 

        VI   -   IMĦABBA GĦALL-KNISJA

Xhieda

14.  Tul is-sena tal-Ġublew tal-Fidwa l-Knisja kollha tixtieq iġġedded l-imħabba tagħha għal-Kristu, il-Feddej tal-bniedem u tad-dinja, Sidha u l-Għarus divin tagħha.  Għalhekk f’dis-Sena Mqaddsa l-Knisja tħares lejkom b’mod speċjali, egħżież ħuti, li bħala persuni konsagrati lil Alla għandkom post speċjali kemm fi ħdan il-komunità kollha tal-Poplu ta’ Alla u kemm f’kull komunità lokali.  Il-Knisja, hija u tixtieq li l-imħabba tagħkom għal Kristu tiġġedded bil-grazzja tal-Ġublew straordinarju, tħoss ukoll li din l-imħabba hi ġid speċjali għall-poplu kollu ta’ Alla.  Il-Knisja taf sewwa li permezz tal-imħabba li Kristu jirċievi minn persuni ikkonsagrati, l-imħabba tal-Ġisem kollu ta’ Kristu, li hu l-Knisja, tiġi indirizzata, b’mod speċjali u eċċezzjonali, lejn l-Għarus divin tagħha, li hu fl-istess ħin ir-Ras ta’ dan il-Ġisem li hu l-Knisja.  Egħżież ħuti, il-Knisja troddilkom ħajr għall-konsagrazzjoni tagħkom u għall-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, li huma xhieda speċjali ta’ mħabba.  Fl-istess ħin twettaq il-fiduċja li għandha fikom, li għażiltu sura ta’ ħajja, li hi don mhemmx bħalu, mogħti minn Alla lill-Knisja.  Minn għandkom tistenna ħidma ta’ għajnuna, sħiħa u bil-qalb kollha, biex, bħala amministraturi fidili ta’ dan id-don hekk għażiż, intom “tħossu mal-Knisja”, u tħabirku flimkien magħha skont it-tagħlim u r-regolamenti tal-Maġisteru ta’ San Pietru u tar-ragħajja li huma marbutin miegħu, ħa ġġibu ’l quddiem, kemm bħala individwi u kemm bħala komunitajiet, kuxjenza ekklesjali mġedda.  Hi titlob għalikom biex ix-xhieda tal-imħabba tagħkom qatt ma tiġi nieqsa,[87] u titlobkom biex tilqgħu b’dan l-ispirtu dan il-messaġġ tas-Sena Mqaddsa straordinarja.

Dan talab l-Appostlu fl-Ittra lill-Filippin: “Jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem izjed...b’kull dehen, biex tistgħu tagħarfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja...[88]     

Bil-ħidma ta’ Kristu l-Feddej “l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li ġie mogħti lilna.[89]  Nitolbu bla heda lill-Ispirtu s-Santu biex lil kull wieħed u waħda minnkom, skont “id-don tieghu”,[90] jagħtikom li tagħtu xhieda speċjali ta’ din l-imħabba.  Ħa tirbaħ fikom, b’sura li tixraq il-vokazzjoni tagħkom, “il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu”, għax din il-liġi “teħlisna...mil-liġi tal-mewt”.[91]  Għixu din il-ħajja ġdida skont is-sura tal-konsagrazzjoni tagħkom u skont il-qies tal-ħafna doni ta’ Alla li jaqblu mal-vokazzjoni ta’ kull familja reliġjuża.  Il-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, lil kull wieħed u waħda minnkom, turikom kif, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, tistgħu tmewtu[92] kull ma hu kontra l-ħajja u jwassal għad-dnub u l-mewt, kull ma huwa kontra l-vera mħabba ta’ Alla u tal-bnedmin.  Id-dinja teħtieġ din il-“kontradizzjoni” li tinsab fil-konsagrazzjoni reliġjuża, bħala ħmira dejjem taħdem għat-tiġdid u għas-salvazzjoni.  “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, imma nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, sabiex isseħħilkom tagħarfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu li jogħġbu, x’inhu perfett”.[93]  Issa li għadda ż-żmien speċjali ta’ esperiment u ta’ aġġornament, kif kien ġie ffissat mill-ittra appostolika “Ecclesiae sanctae”, l-Istituti tagħkom talbu jew waslu biex dalwaqt  jitolbu l-approvazzjoni tal-Knisja għall-kostituzzjonijiet ġodda tagħkom.  Jalla dan id-don li qiegħda tagħtikom il-Knisja jħeġġiġkom biex dawn il-kostituzzjonijiet tkunu tafuhom u tħobbuhom l-aktar billi tgħixuhom intom u tħarsuhom b’qalbkom kollha u b’fedeltà sħiħa, waqt li tiftakru li l-ubbidjenza hi sinjal ta’ mħabba, li ma tistax tmeriħ.

Din ix-xhieda ta’ mħabba jeħtiġuha d-dinja tal-lum u l-ġens kollu tal-bnedmin.  Jeħtieġu dik ix-xhieda tal-Fidwa li tinsab fil-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi.  Dawn il-kunsilli, kull wieħed fis-sura tiegħu proprja, u kollha flimkien, f’rabta sħiħa bejniethom, “jixhdu” li l-Fidwa, bil-qawwa tas-Salib u l-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, twassal id-dinja u l-bnedmin kollha fl-Ispirtu s-Santu għal dak it-tmiem li bih il-bniedem – u permezz tal-bniedem, il-ħlejjaq kollha – isibu ruħhom f’Alla u fih biss.  Għalhekk ix-xhieda tagħkom hi ta’ siwi bla qies.  Għalhekk tridu tħabirku bla ma qatt tieqfu biex dan jidher sewwa u jħalli kotra ta’ frott, fost il-bnedmin.  Għal dan igħin ukoll il-ħarsien eżatt tar-regolamenti tal-Knisja li għandhom x’jaqsmu mal-wiri minn barra tal-konsagrazzjoni tagħkom u tal-impenn tagħkom li tgħixu ħajja ta’ faqar.[94]

Appostolat

15.  Minn din ix-xhieda ta’ mħabba ta’ egħrusija ma’ Kristu, li permezz tagħha tidher fil-kobor kollu tagħha l-verità sħiħa tas-salvazzjoni evanġelika, jiġi wkoll, bħala ħaġa proprja tal-vokazzjoni tagħkom, egħżież ħuti, is-sehem tagħkom fl-appostolat tal-Knisja, fil-missjoni universali tagħha, li sseħħ fl-istess waqt fost il-ġnus kollha tal-art b’ħafna kariżmi.  Il-missjoni proprja tagħkom timxi pass pass mal-missjoni tal-Appostli li lilhom il-Mulej bagħat “fost il-ġnus kollha” biex “igħallmuhom”,[95] u hi marbuta wkoll mal-missjoni tal-ġerarkija tal-Knisja.  Fl-appostolat li tagħmlu bħala persuni konsagrati, l-imħabba tagħkom ta’ egħrusija ma’ Kristu issir, qiesha b’mod “organiku”, imħabba għall-Knisja bħala l-ġisem ta’ Kristu, għall-Knisja bħala l-Poplu ta’ Alla, għall-Knisja li hi fl-istess ħin Għarusa u Omm.

Mhijiex ħaġa ħafifa tgħid kif u b’kemm-il sura l-persuni ikkonsagrati lil Alla, bl-appostolat tagħhom juru l-imħabba tagħhom għall-Knisja.  Din l-imħabba dejjem ġiet mid-don speċjali tal-Fundaturi tagħkom, li, mogħti minn Alla u approvat mill-Knisja, sar il-kariżma tal-komunità kollha.  Dan id-don jaqbel mal-ħafna ħtiġijiet tad-dinja u tal-Knisja skont iż-żmien li jkun tal-istorja u mbagħad jikber u jissaħħaħ fil-ħajja tal-komunitajiet reliġjużi bħala wieħed mill-elementi, li jibqgħu, tal-ħajja u tal-appostolat tal-Knisja.  F’kull wieħed minn dawn l-elementi, f’kull qasam – kemm f’dak tal-ħajja kontemplattiva li tagħti l-qawwa lill-appostolat u kemm f’dak tal-ħajja ta’ ħidma fl-appostolat – magħkom dejjem hemm il-barka tal-Knisja u l-ħerqa pastorali tagħha ta’ omm.  Din il-ħerqa tal-Knisja tħares l-identità spiritwali tal-ħajja tagħkom u tagħmel tajba l-ħidma tagħkom fi ħdan il-komunità universali tal-vokazzjonijiet u l-kariżmi tal-Poplu ta’ Alla.  Kemm permezz ta’ kull istitut partikulari u kemm permezz tal-inseriment organiku tal-istituti kollha fil-missjoni universali tal-Knisja, jidher fil-kobor tiegħu kollu l-pjan tas-salvazzjoni, li kull wieħed u waħda minnkom, għeżież ħuti, iġġibu fikom stess is-sinjali tiegħu permezz tal-konsagrazzjoni tagħkom u tal-professjoni tal-kunsill evanġeliċi.

Għalhekk, għalkemm għandhom importanza kbira l-ħafna ħidmiet tal-appostolat li tagħmlu, l-aqwa ħidma ta’ appostolat hija dejjem dak li intom fil-Knisja u, fl-istess ħin wkoll, il-fatt li intom fil-Knisja.  Għal kull wieħed u waħda minnkom jista’ jerġa’ jingħad il-kliem tal-Appostlu: “Intom mittu imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma Kristu f’Alla”.[96]  U fl-istess ħin, dan li ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla, iwassal biex kliem l-Imgħallem Divin jista’ jingħad għalikom ukoll: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin biex jaraw l-egħmejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.[97]   

Għal dan id-dawl, li bih tirdu “tiddu quddiem il-bnedmin”, għandu jkollha importanza kbira fostkom ix-xhieda ta’ mħabba li turu għal xulxin, xiehda li hi marbuta mal-ispirtu tal-fratellanza li għandu jkun hemm f’kull komunità, għax il-Mulej qal: “Min dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.[98]

In-natura komunitarja intima tal-ħajja reliġjuża tagħkom, imsaħħa mit-tagħlim speċjali, twassalkom biex tiksbu din ir-rabta bejnietkom u fil-komunitajiet tagħkom; intom u tgħinu ’l xulxin fid-dmirijiet tagħkom, intom u terfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, intom  u turu li taqblu bejnietkom, b’din ir-rabta bejnietkom tkunu turu li qegħdin tgawdu l-hena għax Kristu jinsab fostkom.[99]  Jiswa ħafna għall-appostolat tagħkom fil-Knisja, li bla heda tħossu għall-ħtiġitiet u t-tbatijiet tal-bnedmin, li tant jidhru u huma hekk kiefra fid-dinja tal-lum.  Igħallimna l-Apposltu: “Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta’ Kristu”[100] u jżid igħid: l-imħabba hi l-milja tal-liġi.”[101]

Il-missjoni tagħkom trid tidher: ir-rabta li torbotha mal-Knisja trid tkun qawwija, anzi qawwija ħafna.[102]  Biha, kull ma tagħmlu u, aktar u aktar, b’dak kollu li intom, jalla tixxandar u titwettaq din il-verità: “Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha”;[103] din il-verità hi l-pedament tal-pjan kollu tas-salvazzjoni.  Jalla minn Kristu l-Feddej tad-dinja, tfawwar dejjem u ma tintemm qatt l-imħabba tagħkom għall-Knisja!

  

               VII   -   KONKLUŻJONI

Bl-għajnejn ta’ ruħna mdawlin

16.  Din l-eżortazzjoni, li qed nibgħatilkom fis-solennità tat-Tħabbira tal-Mulej f’din is-sena mqaddsa tal-Ġublew tal-Fidwa, trid turikom dik l-imħabba li għandha għalikom il-Knisja.  Intom, ħuti egħżież, intom ġid tal-Knisja.  Dan il-ġid jiftiehem aktar jekk nimmeditaw dik il-verità li hi l-fidwa; għal din il-meditazzjoni tagħtina l-okkażjoni u tħeġġiġna bla heda din is-Sena Mqaddsa.  F’dan id-dawl, mela, għarfu l-identità u d-dinjità tagħkom.  Jalla l-Ispirtu s-Santu, bil-qawwa tas-Salib u l-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, “idawlikom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħarfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom, x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu.”[104]

Il-Knisja bla heda titlob biex, lil kull wieħed u waħda minnkom li ġa bdejtu mexjin fit-triq tal-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, “jiddawlulkom l-għajnejn ta’ qalbkom”.  Il-Knisja titlob ukoll magħkom li jkunu mdawlin l-għajnejn ta’ tant u tant insara u l-aktar l-għajnejn ta’ tant żgħażagħ, ġuvintur u xebbiet, biex isibu din it-triq u ma jibżgħux jimxu minnha ħalli – ukoll fiż-żminijiet imwiegħra tal-lum – ikunu jistgħu jisimgħu lil Kristu jgħidilhom: “Ejja, imxi warajja”.[105]  Jeħtieġ li intom ukoll tħabirku biex dan il-għan jintlaħaq bit-talb tagħkom u b’dik ix-xhieda ta’ mħabba li biha “Alla jgħammar fina u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina”.[106]  Jalla f’din ix-xhieda tingħata u tingħaraf kullimkien.  Jalla f’din ix-xhieda lin-nies ta’ żmienna, fl-għejja ta’ ruħhom, twettaqhom u timliehom tama.  Mela aqdu bil-ferħ lil aħwa, ferħ ħiereġ minn qalb li fiha jgħammar Kristu.  “Jalla d-dinja ta’ żmienna tilqa’ l-Evanġelju, mhux mingħand ħabbara mġarrbin u bla tama...imma mingħand ministri tal-Evanġelju li ħajjithom hi kollha ħeġġa, jiġifieri mingħand dawk li l-ewwel laqgħu fihom infushom il-ferħ ta’ Kristu”.[107]

Il-Knisja, għall-imħabba li għandha għalikom, ma tieqafx “tinżel għarkobbtejha quddiem il-Missier”[108] biex “jagħtikom li ... tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa”,[109] u, kif jagħti lilkom, jagħti wkoll lill-ħafna oħrajn fost ħutna l-imgħammdin, l-aktar żgħażagħ, il-grazzja li jsibu din it-triq tal-qdusija li minnha għaddew tul iż-żminijiet tant nies flimkien ma’ Kristu, il-Feddej tad-dinja u l-Għarus tar-ruħ, u ħallew warajhom id-dawl ta’ Alla jiddi f’nofs is-sħab u d-dlamijiet tal-ħajja tal-bniedem.

Lilkom ilkoll li f’dan iż-żmien tal-ġrajja tal-Knisja u tad-dinja, mexjin minn din it-triq, jaslu dawn ix-xewqat imħeġġa tas-sena tal-Ġublew tal-Fidwa, “biex tniżżlu l-egħruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom; b’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisa u t-tul, il-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu, tagħarfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tiżboq kull għerf biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla”.[110]

Il-messaġġ tat-Tħabbira tal-Mulej

17.  F’dal-jum tal-festa tat-Tħabbira tal-Mulej fis-Sena Mqaddsa tal-Fidwa nafda dil-eżortazzjoni lill-Qalb ta’ Marija Vergni mnissla mingħajr tebgħa ta’ dnub.  Fost dawk kollha li ikkonsagraw ruħhom lil Alla bla ebda kondizzjoni, Marija hi l-ewwel waħda.  Hi, ix-Xebba ta’ Nażaret, ikkonsagrat lilha nfisha kollha kemm hi lil Alla u dan għamiltu b’mod l-aktar perfett.  L-imħabba tagħha ta’ egħrusija ma’ Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu Santu, laħqet il-milja tagħha meta saret Omm Alla.  Hi li, bħala Omm, terfa’ ’l Kristu fuq dirgħajha, fl-istess ħin, b’mod l-aktar perfett, twieġeb għall-istedina tiegħu: “Ejja, imxi warajja”.  Hi, Ommu, timxi warajh bħala l-Imgħallem tagħha tas-safa, tal-faqar u tal-ubbidjenza.

Kemm kienet fqira f’dak il-lejl ta’ Betlehem, u kemm fqira fuq il-Kalvarju!  Kemm kienet ubbidjenti fit-tħabbira tal-Anġlu u mbagħad, taħt is-Salib, kemm kienet ubbidjenti tant li aċċettat il-mewt ta’ Binha, li obda “sal-mewt!”  Kemm tat ruħha għas-Saltna tas-Sema, tul il-ħajja kollha tagħha fuq l-art, b’imħabba l-aktar safja.

Jekk il-Knisja kollha għandha f’Marija l-ewwel eżempju, wisq u wisq aktar għandkom lilha bħala eżempju intom li intom persuni u komunitajiet ikkonsagrati lil Alla fi ħdan il-Knisja.  F’dan l-istess jum, li jfakkarna fil-ftuħ tas-Sena Mqaddsa s-sena l-oħra, indur lejkom b’din it-tħabbira u nistedinkom biex iġġeddu l-konsagrazzjoni tagħkom fuq l-eżempju tal-konsagrazzjoni tal-istess Omm Alla.

Egħżież ħuti!  Alla jżomm kelmtu! Minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta’ Ibnu Sidna Ġesù Kristu”.[111]  Intom u żżommu kelmtkom ma’ Dak li jżomm kelmtu, fittxu li jkollkom l-għajnuna kollha ta’ Marija.  Hi ġiet imsejħa minn Alla għal xirka mill-aktar perfetta ma’ Binha.  Hi, il-Verġni li żammet kelmtha, tkun għalikom ukoll bħala Omm fil-mixi tagħkom fit-triq tal-Evanġelju: ħa tgħinkom biex taraw u turu lid-dinja f’kemm suriet Alla wkoll iżomm kelmtu.

B’dawn ix-xewqat tajba, minn qalbi nagħtikom il-barka appostolika tiegħi.

Ruma, minn San Pietru, fil-25 ta’ Marzu, fis-sena tal-Ġublew tal-Fidwa 1984, is-sitt sena tal-Pontifikat.

 

 Joannes Paulus PP. II


[1] Ara Mt 7,14.

[2] Salm 130(120), 7.

[3] Ara 2 Kor 11,2.

[4] Ara Mt 18,20.

[5] Ara Mt 19,21; Mk 10,21; Lq 18,22.

[6] Mk 10,21.

[7] Mt 19,21.

[8] Ġw 3,16.

[9] I Piet 1,18.

[10] I Kor 6,20.

[11] I Kor 6,19-20.

[12] Mt 5,48.

[13] Ara Lev 19,2; 11,44.

[14] Ef 5,1-3.

[15] Is 44,22.

[16] Mk 8,35; ara Mt 10,39; Lq 9,24.

[17] Mt 19,21.

[18] Ara Mt 6,19-20.

[19] Mt 6,21.

[20] Ara Mt 19,21; Mk 10,21; Lq 18,22.

[21] Ara Ġw 14,26.

[22] Mt 19,16.

[23] Ġw 15,16.

[24] I Ġw 4,10.

[25] “Perfectae caritatis”, n. 5; ara wkoll id-dokument tal-Kongregazzjoni tar-Reliġjużi u l-Istituti Sekulari: “Elementi essenziali dell’insegnamento della Chiesa sulla vita religiosa”, 21 Mejju 1983, nn. 5.

[26] Rum 6,3-4.

[27] Rum 6,6.

[28] Rum 6,11.

[29] Ara Ef 4,22-24.

[30] Is 43,1.

[31] Mt 19,21.

[32] Salm 135 (134),4.

[33] Gw 17,19.

[34] Rum 12,1.

[35] Lh 10,5-7.

[36] Rum 12,1.

[37] Salm 73(72), 25-26.

[38] Salm 16(15), 2-5.

[39] Tra Għan 8,5.

[40] Ara Lq 20,38.

[41] 2 Kor 5,17.

[42] Ara Mt 7,1.

[43] Ara Lq 6,35.

[44] Ara Mt 5,40-42.

[45] Ara Lq 14,13-14.

[46] Ara Mt 6,14-15.

[47] Rum 8,19-21.

[48] I Ġw 2,15-17.

[49] Ara Ġen 1,28.

[50] Ġw 17,15.

[51] Ara “Perfectae caritatis”, n.5

[52] Ara 2 Kor 5,17.

[53] Fil 2,6-7.

[54] Mk 8,34; Mt 16,24.

[55] Fil 3,8-9.

[56] 2 Kor 4,16.

[57] Mt 19,12.

[58] Mt 19,11.

[59] Ara I Kor 7,28-40.

[60] I Kor 7,38.

[61] I Kor 7,32.

[62] I Kor 7,34.

[63] Ara Lq 20,34-36; Mt 22,30; Mk 12,25.

[64] 2 Kor 8,9.

[65] Mt 5,3.

[66] Ef 3,9.

[67] Mt 19,21; ara Mk 10,21; Lq 18,22.

[68] Mt 6,33.

[69] Ara Lq 6,20.

[70] Ara Mt 5,3.

[71] Fil 2,6-8.

[72] Rum 5.19.

[73] “Perfectae caritatis” n.1.

[74] “Mysterium iniquitatis”; ara 2 Tes 2,7.

[75] Ġw 4,34.

[76] Ġw 5,30.

[77] Ġw 8,29.

[78] Ġw 6,38.

[79] Salm 40(39), 8-9; ara Lh 10,7.

[80] Lq 22,42; ara Mk 14,36; Mt 26,42.

[81] “Evangelica testificatio”, n.6.

[82] “Perfectae caritatis”, n.14.

[83] Lh 13,17.

[84] Mk 10,45.

[85] Lq 1,38.

[86] Ġw 10,17-18.

[87] Ara Lq 22,32.

[88] Fil 1,9-11.

[89] Rum 5,5.

[90] Ara I Kor 7,7.

[91] Rum 8,2.

[92] Ara Rum 8,13.

[93] Rum 12,2.

[94] Ara Kan. 669 tal-Kodiċi.

[95] Ara Mt 28,19.

[96] Kol 3,3.

[97] Mt 5,16.

[98] Ġw 13,35.

[99] Ara “Perfectae caritatis” np.15.

[100] Gal 6,2.

[101] Rum 13,10.

[102] Dan igħidu ċar il-Kodiċi fejn isemmi l-ħidma tal-appostolat; ara kan. 675 par.3.

[103] Ef 5,25.

[104] Ef 1,18.

[105] Lq 5,27.

[106] I Ġw 4,12.

[107] “Evangelii nuntiandi”, n.80.

[108] Ara Ef 3,14.

[109] Ara Ef 3,16.

[110] Ef 3, 17-19.

[111] I Kor 1,9.

 

Ħajr lil Myriam Buttigieg għat-typing