ITTRA ENĊIKLIKA

 

SLAVORUM  APOSTOLI

 

tal-Papa Ġwanni Pawlu II

 

lill-isqfijiet, saċerdoti, familji reliġjużi u l-insara kollha

b’tifkira tal-ħdax-il mitt sena tal-ħidma għax-xandir tal-Evanġelju

minn San Ċirillu u San Metodju

 

 

 

DAĦLA

1.  It-tifkira tal-Appostli tas-Slavi, San Ċirillu u San Metodju fil-Knisja hi marbuta mal-ħidma li għamlu għax-xandir tal-Evanġelju.  Nistgħu ngħidu wkoll li t-tifkira ħajja u ta’ siwi kbir llum ukoll.

Bl-ittra Appostolika Tiegħi, Egregiae Virtutis [1] tal-31 ta’ Diċembru 1980, jien ipproklamajt lil San Ċirillu u lil San Metodju, patruni tal-Ewropa flimkien ma’ San Benedittu, għax qist x’qima u ħajr kien hemm tul il-mijiet tas-snin, l-aktar fost il-ġnus Slavi lejn dawn iż-żewġ Aħwa minn Salonika (li fl-antik kienet magħrufa bħala Tessalonika) u kkonsidrajt x’sehem kellhom fix-xandir tal-Evanġelju fost dawk il-ġnus; meta għamilt dan kelli fi ħsiebi wkoll li dan seta’ jgħin għar-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonijiet, ħa jgħixu flimkien bħala ħbieb u għall-mixi ’l quddiem fil-progress u r-rispett għad-dinjità li tixraq lil kull nazzjon.  Meta għamilt dan jien imxejt fuq il-pass tal-Papiet li ġew qabli, u b’mod speċjali, tal-Papa Ljun XIII, li aktar minn mitt sena ilu, fit-30 ta’ Settembru 1880, bl-Enċiklika Grande Munus [2] ried li dawn iż-żewġ Qaddisin ikunu miqjuma mill-Knisja kollha, u mill-Papa Pawlu VI li bl-Ittra Appostolika Pacis Nuntius [3] tal-24 ta’ Ottubru 1964, ipproklama lil San Benedittu Patrun tal-Ewropa.

2.  L-għan tad-dokument ta’ ħames snin ilu kien li jfakkar lin-nies dawn l-atti solenni tal-Knisja u jwassal l-insara u lin-nies kollha ta’ rieda tajba li għandhom għal qalbhom il-ġid, l-armonija u l-għaqda tal-Ewropa, biex jintebħu x’importanza għandhom San Benedittu, San Ċirillu u San Metodju, bħala eżempji ħajjin ta’ għajnuna spiritwali għall-insara tal-lum, l-aktar għall-ġnus tal-Ewropa; l-aktar bit-talb u bil-ħidma ta’ dawn il-Qaddisin, l-Ewropa, minn żmien ilu, għarfet tniżżel l-egħruq tagħha fil-Knisja u fit-tradizzjoni nisranija.

L-Ittra Appostolika tiegħi tal-1980, inkitbet b’tama qawwija li, bil-mod il-mod, fl-Ewropa u fid-dinja, jintrebaħ kull ma qiegħed jifred Knejjes, nazzjonijiet u popli, u kienet marbuta ma’ tliet ċirkostanzi li dwarhom kont naħseb u nitlob ħafna.  L-ewwel ċirkostanza kienet il-ħdax-il mitt sena tal-Ittra Pontifiċja Industriae Tuae [4] li biha l-Papa Ġwanni VIII fis-sena 880 ta l-approvazzjoni tiegħu għall-użu tal-ilsien Slavoniku antik fil-Liturġija, ilsien li fih iż-żewġ Qaddisin Aħwa kienu qalbu l-kotba liturġiċi li ħadu magħhom.  It-tieni ċirkostanza kienet l-ewwel mitt sena tal-Enċiklika Grande Munus li semmejt aktar ’il fuq.  It-tielet ċirkostanza kien il-bidu, proprju fl-1980, ta’ djalogu teoloġiku hieni u mimli tamiet bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi, fil-gżira ta’ Patmos.

3.  F’din l-enċiklika tal-lum nixtieq nagħmel riferenza speċjali għall-Enċiklika Grande Munus li biha l-Papa Ljun XIII ried ifakkar lill-Knisja u d-dinja x’merti appostoliċi kellhom dawn iż-żewġt aħwa — mhux biss San Metodju, li skont it-tradizzjoni, temm ħajtu f’Velehrad, fil-Moravja l-Kbira, fis-sena 885, imma wkoll San Ċirillu li l-mewt firditu minn ħuh fis-sena 869, waqt li kienu Ruma fil-belt li għadha sal-lum tgħożż il-fdalijiet tiegħu b’qima kbira fil-Bażilika ta’ San Klement.  

Il-Papa Ljun XIII, wara li fakkar il-ħajja qaddisa u l-merti appostoliċi kbar taż-żewġ Aħwa minn Salonika, iffissa l-festa tagħhom fis-7 ta’ Lulju.  Wara l-Konċilju Vatikan II, minħabba t-tiġdid liturġiku li sar, il-festa tagħhom ġiet trasferita għall-14 ta’ Frar, jum li fih storikament, San Ċirillu twieled għas-sema [5].

Wara li għaddew aktar minn mitt sena mill-pubblikazzjoni tal-ittra tal-Papa Ljun XIII iċ-ċirkostanzi ġodda ta’ dan iż-żmien li fih qiegħda taħbat il-ħdax-il mitt sena mill-mewt ta’ San Metodju, iħeġġuni biex inġedded it-tifkira li tagħmel il-Knisja ta’ dan l-anniversarju hekk importanti.  U din il-ħaġa nħossha li hi dmir speċjali tiegħi, l-ewwel Papa li ġie msejjaħ biex joqgħod fuq il-Kattedra ta’ San Pietru mill-art tal-Polonja, jiġifieri minn fost il-ġnus slavi.

Il-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar mitt sena u speċjalment il-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin għenu ħafna mhux biss biex tiġġedded it-tifkira reliġjuża ta’ dawn iż-żewġ Qaddisin, imma wkoll biex iqajmu interess storiku u kulturali dwarhom.  Fid-dawl taċ-ċirkostanzi u tal-esperjenzi ta’ żminijietna l-kariżmi speċjali li kellhom ġew aktar magħrufin.  Għenu ħafna bħala sinjali taż-żminijiet li-ġrajjiet tas-seklu għoxrin; u l-aqwa ġrajja kienet ġrajja kbira fil-ħajja tal-Knisja:  il-Konċilju Vatikan II.  Fid-dawl tal-maġisteru u fil-għan pastorali ta’ dan il-Konċilju, nistgħu nħarsu b’mod ġdid — b’mod aktar fil-fond u aktar sħiħ — lejn dawn iż-żewġ qaddisin, li ħdax-il mitt sena jifirduhom minna.  Fil-ħajja u l-ħidma appostolika tagħhom għandna naraw dawk l-elementi li l-Provvidenza ta’ Alla riedet fihom biex fi żminijietna jidhru b’milja ġdida u hekk jagħtu frott ġdid.   

 

II

BJOGRAFIJA FIL-QOSOR

4.  Kif għamilt fl-Enċiklika Grande Munus, nixtieq infakkar il-ħajja ta’ San Metodju, iżda mingħajr ma nħalli fil-ġenb dik ta’ San Ċirillu, tant huma marbutin ma’ xulxin il-ħajjiet ta’ dawn iż-żewġ aħwa.  Dan se nagħmlu b’mod ġenerali u nħalli diskussjoni fit-tul dwar punti partikulari għar-riċerka storika.

Il-belt fejn twieldu dawn iż-żewġ Aħwa Qaddisin, hija l-belt moderna ta’ Salonika, li fis-seklu IX kienet ċentru importanti ħafna tal-ħajja kummerċjali u kulturali tal-Imperu Biżantin, u kellha importanza kbira fil-ħajja intellettwali u soċjali ta’ dawk in-naħiet tal-Balkani.  Għax kienet tinsab qrib l-artijiet tas-Slavi, kellha wkoll isem Slav: Solun.

Metodju kien il-kbir, u fil-Magħmudija tawh l-isem ta’ Mikiel.  Twieled bejn is-snin 815 u 820.  Ħuh iż-żgħir Kostantinu, li hu aktar magħruf bħala Ċirillu, l-isem li ħa bħala reliġjuż, twieled bejn is-snin 827 u 828.  Missierhom kien uffiċjal għoli fl-amministrazzjoni imperjali.  Minħabba l-qagħda soċjali tal-familja ż-żewġ aħwa seta’ kellhom l-istess karriera ta’ missierhom, u fil-fatt Metodju beda din il-karriera u laħaq Archon jew prefett ta’ waħda mill-provinċji tal-frontiera tal-imperu, provinċja fejn kienu jgħammru ħafna nies Slavi.  Iżda mbagħad ħalla l-karriera u nġabar f’wieħed mill-monasteri taħt il-muntanja Olympus fil-Bitinja, li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-Muntanja mqaddsa.

Ħuh Ċirillu studja f’Bisanzju u rnexxa ħafna fl-istudju; ġie ordnat  saċerdot wara li ċċaħħad minn karriera politika mill-aqwa.  Minħabba l-kapaċitajiet intellettwali u reliġjużi kbar tiegħu u minħabba l-għerf li kellu, meta kien għadu żgħir fil-għomor ġew fdati lilu uffiċċji delikati ħafna fil-Knisja, bħal dik ta’ Arkivista tal-Bażilika ta’ Santa Sofija f’Kostantinopli u fl-istess ħin ukoll, il-kariga tassew ta’ ġieħ ta’ Segretarju tal-Patrijarka ta’ dik il-belt.  Iżda ma damx wisq ma wera x-xewqa li jħalli dawn iż-żewġ karigi biex jiddedika ħatju għall-istudju u għall-kontemplazzjoni ’l bogħod minn kull xewqa ta’ ambizzjoni.  U għalhekk inġabar, bla ma ħadd kien jaf, f’monasteru f’xatt il-Baħar Iswed.  Sabuh sitt xhur wara, u renexxielhom iġagħluh jaċċetta li jgħallem il-filosofija fl-iskola superjuri ta’ Kostantinopli fejn, minħabba l-għerf għoli tiegħu, kiseb l-isem ta’ il-Filosofu, isem li bih għadu magħruf sal-lum.  Aktar tard il-Patrijarka u l-Imperatur bagħtuh b’missjoni għand is-Saraċini.  Meta temm din il-ħidma reġa’ ħalla d-dinja u nġabar ma’ ħuh, Metodju, biex miegħu jgħix il-ħajja monastika.  Iżda mill-ġdid, flimkien ma’ ħuh Metodju, kellu jagħmel sehem, bħala espert reliġjuż u kulturali, minn delegazzjoni Biżantina għand il-Kazari.  Waqt li kienu fil-Krimea, f’Kherson, sabu l-knisja fejn ħasbu li kien midfun San Klement, il-Papa ta’ Ruma u martri, li kien ġie eżiljat f’dak il-post imbiegħed.  Ħadu r-relikwi tiegħu u ġarruhom magħhom [6] u, aktar tard ħaduhom ukoll magħhom fil-vjaġġ missjunarju li għamlu lejn il-punent, u setgħu jwassluhom bis-solennità kollha Ruma u jagħtuhom lill-Papa Adrijan II.

5.  Il-ġrajja li ddeterminat x’kellha tkun il-bqija ta’ ħajjithom kienet it-talba li l-Prinċep Rastislav tal-Moravja l-Kbira għamel lill-Imperatur Mikiel III biex jibgħatlu isqof u mgħallem ħa jfisser lill-ġnus tiegħu l-fidi nisranija vera f’ilsienhom stess [7]

Intgħażlu l-Qaddisin Ċirillu u Metodju, li aċċettaw minnufih u telqu lejn il-Moravja fejn aktarx waslu fis-sena 863: il-Moravja l-Kbira dak iż-żmien kien pajjiż li fih kienu jgħammru ħafna ġnus Slavi tal-Ewropa tan-nofs, pajjiż fejn kienu jiltaqgħu u jitħalltu flimkien l-influwenzi tal-Lvant u tal-Punent.  Ċirillu u Metodju bdew il-missjoni tagħhom fost dawk il-ġnus, missjoni li għaliha ddedikaw il-bqija ta’ ħajjithom, ġejjin u sejrin minn post għall-ieħor, fost ħafna ċaħdiet, tbatijiet, egħdewwa u persekuzzjonijiet; u barra dan kollu San Metodju kellu wkoll igħaddi żmien f’ħabs kiefer u iebes.  Ġarrbu dan kollu b’fidi qawwija u tama kbira f’Alla.  Kienu ħejjew ruħhom sewwa għal din il-ħidma li ġiet fdata lilhom:  ħadu magħhom il-kotba tal-Iskrittura li kienu jeħtieġu ħa jiċċelebraw il-Liturgija Mqaddsa, li ħejjew u qalbu fl-ilsien Slavoniku, u kitbu b’alfabet ġdid, imħejji minn Kostantinu l-Filosofu, u għal kollox adatt biex ifisser il-ħoss tal-kliem Slav.  Il-ħidma missjunarja taż-żewġt aħwa kellha suċċess kbir, iżda ltaqgħet ukoll ma’ diffikultajiet li wieħed jifhimhom, diffikultajiet imqanqla mill-Knejjes Latini tal-qrib, li qabel San Ċirillu u San Metodju, kienu ġà bdew iħabbru l-Evanġelju f’dak il-pajjiż.

Xi tliet snin wara, huma u sejrin Ruma, Ċirillu u Metodju waqfu fil-Pannonja, fejn laqagħhom bil-qalb il-Prinċep Slav Kocel li kien ħarab hemm miċ-ċentru politiku u reliġjuż ta’ Nitra, ċentru li dak iż-żmien kien importanti ħafna.  Mill-Pannonja, wara xi xhur, reġgħu telqu lejn Ruma flimkien mad-dixxipli tagħhom li xtaqu jaraw ordnati saċerdoti.  Fi triqthom għaddew minn Veneżja, fejn is-sura ġdid tal-missjoni tagħhom ġiet diskussa pubblikament.  F’Ruma l-Papa Adrijan II, li kien laħaq wara l-Papa Nikol I, laqagħhom b’qalbu kollha.  Ta l-approvazzjoni tiegħu għall-kotba liturġiċi Slavoniċi, u ordna li jitqiegħdu bis-solennità kollha fuq l-artal ta’ Santa Marija in praesepe, illum magħrufa bħala Santa Maria Maggiore, u ried li d-dixxipli tagħhom jiġu ordnati saċerdoti.  Din l-ewwel parti tal-ħidma tagħhom intemmet b’riżq mill-aħjar; iżda Metodju kellu mbagħad ikompli l-ħidma waħdu, għaliex ħuh marad ħafna u bil-kemm kellu ż-żmien jieħu l-voti reliġjużi u jilbes iċ-ċokka ta’ raħeb qabel miet ftit wara, fl-14 ta’ Frar 869 f’Ruma.

6.  San Metodju żamm b’għożża l-kliem li Ċirillu qallu huwa u jmut: “Ara, ħi, kellna l-istess xorti, ħratna l-istess għalqa;  issa jien waqajt fi-tarf tal-għalqa għax temmejt il-jum tiegħi.  Jien naf kemm tħobb il-Muntanja tiegħek;  iżda tħallix fil-ġenb il-ħidma tiegħek li tgħallem minħabba din il-Muntanja.  Għaliex, fejn aħjar se ssib is-salvazzjoni tiegħek?” [8]

Ikkonsagrat arċisqof għat-territorju tad-djoċesi antika tal-Pannonja, u nominat Legat tal-Papa “ad gentes” (għall-ġnus Slavi), ħa t-titolu ekklesjastiku ta’ Arċisqof tad-djoċesi ta’ Sirmium, li twaqqfet mill-ġdid.  Iżda l-ħidma appostolika ta’ Metodju, intemmet ħesrem minħabba kwistjonijiet politiċi u reliġjużi li wasslu biex S. Metodju jiġi mitfugħ il-ħabs għal sentejn mixli li ndaħal fil-ġurisdizzjoni ta’ isqof ieħor.  Ħeles mill-ħabs għax qabeż għalih direttament il-Papa Ġwanni VIII.  Is-sultan il-ġdid tal-Moravja l-Kbira, il-Prinċep Svatoplok, aktar tard wera ruħu kuntrarju għall-ħidma evanġelika ta’ San Metodju.  Il-Prinċep kien kuntrarju għal-liturġija Slavonika u wasal biex f’Ruma xerred ħafna dubbji dwar l-ortodossija tal-Arċisqof.  Fis-sena 880, l-Arċisqof ġie msejjaħ ad limina Apostolorum, biex mill-ġdid jippreżenta l-każ tiegħu personalment quddiem il-Papa Ġwanni VIII.  F’Ruma ħareġ ħieles minn kull ma xlewh biħ, u kiseb mingħand il-Papa l-pubblikazzjoni tal-Bolla Industriae Tuae [9] li tat mill-ġdid, almenu fil-qofol tagħhom, il-privileġġi li l-Papa ta’ qabel, Adrijan II, kien ta lil-liturġija bl-ilsien Slavoniku.  Meta, fis-sena 881 jew 882, Metodju mar Kostantinopli, l-Imperatur Biżantin u l-Patrijarka Fozju, li dak iż-żmien kien f’għaqda sħiħa ma’ Ruma, huma wkoll għarfu l-ortodossija u l-leġittimità sħiħa tiegħu.  Għadda l-aħħar snin ta’ ħajtu jkompli jaqleb fl-ilsien Slavoniku l-Kotba Mqaddsa, il-kotba liturġiċi u l-kitba ta’ Missirijiet il-Knisja, u l-ġabra wkoll tal-liġijiet ekklesjastiċi u tal-liġijiet ċivili Biżantini magħrufa bħala Nomocanon.  Biex ikompli sejjer ix-xogħol li kien beda, għażel bħala suċċessur id-dixxiplu tiegħu Gorazd.  Miet fis-6 ta’ April 885 huwa u jaqdi l-Knisja mwaqqfa fost il-ġnus Slavi.

7.  Il-ħidma tiegħu li kienet tħares ’il bogħod ħafna, it-tagħlim għoli u ortodoss tiegħu, il-ħila tiegħu li jżomm il-qjies f’kollox, il-lealtà tiegħu, il-ħeġġa appostolika li biha kien imżejjen, il-qalb kbira tiegħu li qatt ma nħakmet mill-biża’, kisbulu l-għarfien u l-fiduċja tal-Papiet ta’ Ruma, tal-Patrijarki ta’ Kostantinopli, tal-Imperaturi Biżantini, u tal-ħafna prinċipijiet tal-popli Slavi ġodda.  B’dan il-mod sar il-mexxej u r-ragħaj leġittimu ta’ dik il-Knisja li dak iż-żmien twaqqfet fost dawk il-ġnus.  Hu miqjum minn kulħadd, flimkien ma’ ħuh Kostantinu, bħala l-ħabbar tal-Evanġelju u l-imgħallem “mibgħut minn Alla u mill-Appostlu San Pietru” [10] u bħala l-pedament tal-għaqda sħiħa bejn il-Knejjes li kienu għadhom kemm twaqqfu u l-knejjes l-aktar antiki.

Minħabba f’dan, “irġiel u nisa, ċkejknin u setgħanin, għonja u fqar, ilsiera u ħielsa, romol u ltiema, barranin u nies tal-pajjiż, nies morda u nies b’saħħithom” [11] kienu l-folla ta’ nies jibku u jkantaw li wasslu sal-post tad-dfin tiegħu dan l-Imgħallem u r-Ragħaj it-tajjeb li “sar kollox għal kulħadd biex isalva lil xi whud” [12].

Biex ngħidu s-sewwa, wara l-mewt ta’ Metodju, il-ħidma taż-żewġt Aħwa għaddiet minn kriżi kbira, u tant ħraxet il-persekuzzjoni kontra d-dixxipli tagħhom li kellhom jieqfu mill-ħidma missjunarja tagħhom.  Iżda ż-żerriegħa tal-Evanġelju li żergħu, baqgħet tagħti frott, u l-ħerqa pastorali tagħhom li jwasslu l-verità rivelata lil ġnus ġodda — waqt li jirrispettaw il-kultura oriġinali tagħhom — hi eżempju ħaj għall-Knisja u għall-missjunarji tul iż-żminijiet kollha.  

 

 

III

ĦABBARA TAL-EVANĠELJU

8.  Bnedmin ta’ kultura Biżantina, l-aħwa Ċirillu u Metodju rnexxilhom ikunu appostli tas-Slavi fil-veru sens tal-kelma.  Il-firda minn art twelidek, li Alla xi kultant jitlob minn għand dawk li jagħżel, meta tiġi milqugħa b’fidi sħiħa fil-wegħdiet ta’ Alla, hi l-kondizzjoni misterjuża meħtieġa minn qabel għal mixi ’l quddiem  u l-kobor tal-Poplu ta’ Alla fuq l-art.  Il-Mulej qal lil Abraham:  “Qum u itlaq minn art twelidek u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik.  U jien nagħmlek ġens kbir; imbierkek u nkattarlek ismek, u int tkun barka” [13].

Fil-ħolma li San Pawl kellu fi Troas, fl-Asja Minuri, raġel mill-Maċedonja, għalhekk bniedem li kien igħammar fl-Ewropa, deherlu quddiemu jitolbu jmur f’pajjiżu jxandar il-Kelma ta’ Alla:  “Ejja l-Maċedonja u għinna!” [14]

Il-Provvidenza ta’ Alla, li fil-każ ta’ dawn iż-zewġ Aħwa Qaddisin uriet ruħha fil-kliem u l-awtorità tal-Imperatur ta’ Bisanzju u tal-Patrijarka tal-Knisja ta’ Kostantinopli, ħeġġithom bl-istess kliem meta talbithom imorru missjunarji fost is-Slavi.  Din il-ħidma kienet tfisser għalihom mhux biss li jiċċaħħdu minn pożizzjoni ta’ ġieħ imma wkoll li jiċċaħħdu minn ħajja ta’ kontemplazzjoni; kienet tfisser li kellhom iħallu l-Imperu Biżantin u jibdew pellegrinaġġ fit-tul għall-qadi tal-Evanġelju fost ġnus li, b’ħafna suriet, kienu ’l bogħod ħafna minn sura ta’ ħajja ċivili mibnija fuq organizzazzjoni mill-aqwa tal-Istat u fuq il-kultura mill-ifjen ta’ Bisanzju, kollha kemm hi ispirata minn prinċipji nsara.  L-istess talba saret għal tliet darbiet mill-Papa lil Metodju meta bagħtu bħala isqof fost is-Slavi tal-Moravja l-Kbira fil-provinċja ekklesjastika tal-djoċesi antika tal-Pannonja.

9.  Il-Ħajja Slavonica ta’ Metodju tgħidilna bil-kliem li ġej x’kienet it-talba li l-Prinċep Rastislav għamel lill-Imperatur Mikiel III:  “Ħafna għalliema nsara mill-Italja, mill-Greċja u mill-Ġermanja ġew fostna jgħallmuna b’suriet differenti.  Iżda aħna s-Slavi, ma għandna l-ħadd li jmexxina lejn il-verità u jgħallimna b’mod li nifhmu” [15].  Kien wara dan li Kostantinu u Metodju ġew mistiedna jmorru fil-Moravja.  It-tweġiba tassew nisranija li huma taw għal din l-istedina f’din l-okkażjoni u f’okkażjonijiet oħra bħalha, hi mfissra b’mod tal-għaġeb mill-kliem ta’ Kostantinu lill-Imperatur:  “Għajjien kemm jien għajjien u bla saħħa f’ġismi, immur ferħan f’dik l-art” [16]; “nitlaq ferħan għall-imħabba tal-fidi nisranija” [17].

Il-verità u l-qawwa tal-mandat missjunarju tagħhom joħorġu mill-fond tal-misteru tal-Fidwa, u l-ħidma tagħhom għax-xandir tal-Evanġelju fost il-ġnus Slavi kellha ssir ħolqa importanti ħafna fil-missjoni li l-Feddej ried jafda lill-Knisja tiegħu tul iż-żminijiet.  Bil-ħidma taż-żewġt Aħwa qaddisin seħħet — f’ċirkostanzi u żmien partikulari — il-kelma ta’ Kristu li, bil-qawwa tas-Salib u tal-Qawmien mill-imwiet qal lill-Appostli: “Xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” [18].  “Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” [19].  Huma u jagħmlu dan il-ħabbara tal-Evanġelju lill-ġnus Slavi u l-għalliema tagħhom riedu jkunu mmexxija mill-ħeġġa appostolika ta’ San Pawl:  “Intom ulied Alla lkoll kemm intom permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.  Intom li intom mgħammdin fi Kristu, ilbistu ’l Kristu.  Issa ma hemmx iżjed Lhud u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara, għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” [20].

Iż-żewġt Aħwa flimkien mar-rispett li dejjem urew lejn kulħadd, ħsiebhom dejjem li, bla ebda interess, ifittxulhom biss il-veru ġid tagħhom, kellhom ukoll dik l-enerġija, dak l-għaqal, dik il-ħeġġa u dik l-imħabba li kienu jeħtieġu biex iwasslu għad-dawl tal-fidi dawk li kellhom jemmnu, u fl-istess ħin juruhom x’inhu l-veru ġid u jgħinuhom bil-fatti biex jiksbuh.  Biex jilħqu dan il-għan fittxew li jkunu jixbhu f’kollox lil dawk li kienu jħabbrulhom l-Evanġelju, xtaqu jkunu parti minn dawk il-ġnus u jaqsmu magħhom xortihom f’kollox.

10.  Hu proprju għalhekk li kienet ħaġa naturali għalihom li juru b’mod ċar x’kienet il-qagħda tagħhom f’kull kwistjoni li kienet tinqala’ u tinkwieta lil dawk is-soċjetajiet Slavi li kienu qegħdin jorganizzaw ruħhom.  Għamlu tagħhom id-diffikultajiet u l-problemi li bilfors sabu quddiemhom dawk il-ġnus li kienu qed jiddefendu l-identità tagħhom mill-pressjoni militari u kulturali tal-Imperu Romano-Ġermaniku l-ġdid, u kienu qed jippruvaw jirreżistu għad-dħul ta’ sura ta’ ħajja li kienet barranija għalihom.  Kien iż-żmien ukoll meta bdew jikbru d-differenza — u disgrazzjatament kellhom ikomplu jikbru ħafna — bejn il-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent, u dawn iż-żewġt Aħwa missjunarji sabu ruħhom indaħħlin personalment fihom.  Iżda dejjem irnexxilhom iżommu bla mittiefsa l-ortodossija tal-fidi u attenzjoni sħiħa kemm lejn id-depositu tat-tradizzjoni u kemm lejn l-elementi ġodda fil-ħajja tal-ġnus li lilhom kienu qed ixandruhom l-Evanġelju.  Kemm-il darba sabu ruħhom imħabbtin b’qagħdiet kontra xulxin, bl-inċertezzi kollha u l-uġigħ ta’ ras u ta’ qalb li jġibu magħhom qagħdiet bħal dawn:  iżda dan kollu qatt ma wassal lil Kostantinu u lill-Metodju biex jaħarbu minn provi bħal dawn.  La l-fatt li kien hemm min fehemhom ħażin, la l-qerq ta’ oħrajn, u, fil-każ ta’ San Metodju, la l-ħabs aċċettat għall-imħabba ta’ Kristu, ma rnexxilhom iwasslu lil dawn iż-żewġ Qaddisin li jbiddlu l-fehma soda li kellhom li jgħinu u jħabirku għall-ġid tal-ġnus Slavi u għall-għaqda tal-Knisja universali.  Dan hu l-prezz li kellhom iħallsu għax-xandir tal-Evanġelju, għall-ħidma missjunarja, għat-tfittxija ta’ suriet ġodda ta’ ħajja u ta’ mezzi tajba biex iwasslu l-Evanġelju lill-ġnus Slavi, lin-nazzjonijiet Slavi li dak iż-żmien kienu qed jissawru.

Iż-żewġt Aħwa — kif igħidulna dawk li kitbu ħajjithom — biex ixandru l-Evanġelju, indaħħlu għax-xogħol iebes li jaqilbu l-kotba tal-Iskrittura, li huma kienu jafu bil-Grieg, fl-ilsien tal-popolazzjonijiet Slavi li bdew jgħammru qrib il-fruntiera tal-provinċja u l-belt tagħhom.  Huma għamlu użu mill-ilsien u l-kultura Griega f’din il-ħidma iebsa u mhux tas-soltu tagħhom, biex jifhmu u jidħlu fil-fond tal-ilsien, tad-drawwiet u t-tradizzjonijiet tal-ġnus Slavi, u rnexxilhom ifissru sewwa t-tamiet u l-valuri li kienu jinsabu u jidhru fihom.

11.  Iż-żewġt Aħwa, biex jaqilbu fl-ilsien ġdid il-veritajiet tal-Evanġelju, kellhom jagħmlu sforz kbir biex jifhmu sewwa r-ruħ ta’ dawk li lilhom riedu jxandru l-Kelma ta’ Alla bi xbihat u fehmiet familjari għalihom.  Huma fehmu li biex il-ħidma missjunarja tagħhom tirnexxi sewwa, kien jeħtieġ li l-ideat bibliċi u l-fehmiet teoloġiċi Griegi jiġu mfissra b’mod korrett lil nies li kienu jaħsbu mod ieħor u kellhom esperjenza storika oħra.  Kien problema ta’ metodu ġdid ta’ katekeżi.  San Metodju, l-ewwel ma’ ħuh, u mbagħad waħdu, biex juri kemm kien xieraq u kemm kien jiswa dan il-metodu, ma ħasibhiex darbtejn li jwieġeb bil-ħlewwa kollha kull darba li ġie mistieden imur Ruma; l-ewwel stedina ġietu mill-Papa Nikol I fl-867, u mbagħad mill-Papa Ġwann VIII fl-879.  Iż-żewġ Papiet riedu jqabblu d-duttrina li ż-żewġt aħwa kienu jgħallmu fil-Moravja l-Kbira ma’ dik li l-Appostli San Pietru u San Pawl kienu ħallew lid-djoċesi ewlenija tal-Knisja, flimkien mat-trofei glorjużi tal-fdalijiet tagħhom.

Qabel dan, Kostantinu u sħabu kien ħsiebhom joħolqu alfabet ġdid, biex il-veritajiet li kellhom jiġu mħabbra u mfissra lill-ġnus Slavi jkunu jistgħu jinkitbu wkoll fl-ilsien Slavoniku Antik u hekk dawk li jisimgħuhom ikunu jistgħu jifhmuhom aħjar u jħaddnuhom.   L-isforz li għamlu biex jitgħallmu l-ilsien u jifhmu l-mentalità tal-ġnus ġodda li lilhom riedu jwasslulhom il-fidi, kien sforz tassew jixraq l-ispirtu missjunarju.  Kienet ukoll eżempju mill-isbaħ il-fehma li jkunu jafu x’inhuma u jagħmlu tagħhom il-ħtiġijiet u t-tamiet tal-ġnus Slavi.  Din il-fehma, ħierġa mill-qalb kbira tagħhom, li jagħmlu tagħhom il-ħajja u t-tradizzjonijiet ta’ dawn il-ġnus, imsoffija u mdawla mir-Rivelazzjoni, għamlet lil San Metodju u lil San Ċirillu eżempji veri għall-missjunarji kollha li f’kull żmien laqgħu l-istedina ta’ San Pawl li jkunu kollox għal kulħadd biex isalvaw lil kulħadd.  U b’mod speċjali huma ta’ eżempju għall-missjunarji li, mill-ewwel żminijiet sal-lum mill-Ewropa sa l-Asja, u llum f’kull kontinent, ħabirku biex jaqilbu fl-ilsna ħajja ta’ tant ġnus l-Iskrittura u t-testi tal-Liturġija, ħa jwasslulhom il-kelma waħdanija ta’ Alla, u hekk twasslet bil-mod kif kull kultura tesprimi ruħha.

Ix-xirka sħiħa fl-imħabba tħares lill-Knisja minn kull sura ta’ partiġġjaniżmu, ta’ esklusiviżmu etniku, ta’ preġudizzji razzjali, u minn nazzjonaliżmu esaġerat.  Din ix-xirka għandha terfa ’l fuq u tgħolli kull sentiment naturali tajjeb li jinsab fil-qalb tal-bniedem.

 

IV

ĦAWLU L-KNISJA TA’ ALLA

12.  Iżda l-karatteristika tal-metodu li l-Appostli tas-Slavi San Ċirillu u San Metodju wżaw fil-ħidma tagħhom, li jien irrid l-aktar ninsisti fuqha, hi l-mod paċifiku li bih bnew il-Knisja, immexxijin kif kienu mid-dehra tal-Knisja waħda, qaddisa u universali.

Għalkemm l-insara Slavi, aktar minn insara oħra, iqisu lil dawn l-aħwa qaddisin bħala “Slavi f’qalbhom”, huma jibqgħu dejjem nies ta’ kultura Ellenika u ta’ edukazzjoni Biżantina, jiġifieri nies li huma kollhom kemm huma nies tat-tradizzjoni ċivili u ekklesjastika tal-Lvant nisrani.

Fi żmienhom ġà bdew jidhru xi differenzi bejn Kostantinoplu u Ruma, differenzi li servew bħala skuża għan-nuqqas ta’ għaqda bejniethom, għalkemm il-firda ta’ biki li mbagħad seħħet kienet għadha ’l bogħod ħafna fiż-żmien.  Il-ħabbara tal-Evanġelju u l-għalliema tas-Slavi telqu lejn il-Moravja l-Kbira mimlijin bil-għana tat-tradizzjoni u tal-esperjenza reliġjuża tal-Lvant Nisrani, tradizzjoni u esperjenza li jidhru l-aktar fit-tagħlim teoloġiku u fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija.

Ir-riti liturġiċi fil-Knejjes kollha tal-Imperu Biżantin kienu ilhom jiġu ċelebrati bil-Grieg.  Iżda t-tradizzjonijiet ta’ ħafna Knejjes tal-Lvant, bħalma huma l-Knejjes tal-Ġjorġja u tas-Sirja, li fil-Liturġija tagħhom kienu jużaw ilsien il-poplu, kienu magħrufin sewwa fl-ambjent kulturali għoli ta’ Kostantinopli.  Dan kien magħruf b’mod speċjali minn Kostantinu l-Filosofu, bl-istudji tiegħu u bil-kuntatti li kellu mal-insara ta’ dawn il-knejjes, sew f’Kostantinopli u sew tul il-vjaġġi tiegħu.

Iż-żewġ Aħwa kienu jafu sewwa kemm kienu antiki u kemm kienu skont is-sewwa dawn iż-żewġ tradizzjonijiet, u għalhekk ma beżgħux jagħmlu użu mill-ilsien Slavoniku fil-Liturġija, ħa tkun għodda tajba f’idejhom biex iwasslu l-veritajiet ta’ Alla lil dawk li kienu jitkellmu dan l-ilsien.  Dan għamluh bla ebda ħsieb li jidhru aqwa minnhom u jaħkmu fuqhom, imma biss għall-imħabba li kellhom għas-sewwa u b’ħeġġa appostolika ċara għal dawk il-ġnus li kienu qed jiffurmaw ruħhom.

Il-Kristjaneżimu tal-Punent, meta dawn il-ġnus ġodda għamlu l-għamara tagħhom fil-Punent, għaqqad lil dawn il-ġnus ġodda mal-popolazzjoni tal-post li kienet tikellem il-Latin billi tahom l-ilsien Latin, il-Liturġija u l-kultura tal-Knisja ta’ Ruma.  Din l-għaqda lil dawn is-soċjetajiet ġodda li kienu għadhom jiżviluppaw ruħhom u jikbru, tathom sens ta’ saħħa u ta’ qawwa, li għen ħafna biex tikber l-għaqda bejniethom u jiksbu post aqwa fl-Ewropa.  Wieħed jifhem li f’qagħda bħal din, kull differenza li jkun hemm, tista’ titqies bħala theddida għall-għaqda li tkun għad ma seħħitx għal kollox.  Wieħed jifhem ukoll x’tentazzjonijiet li jkun hemm, biex jitneħħew dawn id-differenzi, xi kultant ukoll bil-forza.

13.  F’dawn iċ-ċirkostanzi hi ħaġa mhux tas-soltu, ħaġa tal-għaġeb li dawn iż-żewġt Aħwa Qaddisin, fil-ħidma tagħhom f’qagħda hekk iebsa u hekk imħawda, ma fittxewx li jimponu fuq il-ġnus li fosthom intbagħtu ħa jxandru l-Evanġelju, l-ilsien Grieg u l-kultura Biżantina (li kienu żgur wisq aqwa mill-ilsien u l-kultura tas-Slavi), jew idaħħlu fosthom id-drawwiet u s-sura ta’ ħajja tas-soċjetà aktar progredita li fiha trabbew u baqgħu jafu u jgħożżu.  Imqanqlin mill-ideal li jgħaqdu flimkien fi Kristu dawn l-insara ġodda, adattaw għall-ilsien Slavoniku t-testi għonja u sbieħ ta’ liturġija Biżantina u adattaw wkoll għall-mentalità u d-drawwiet ta’ dawk il-ġnus ġodda l-ħsieb fin u kompless tal-liġi Griega u Rumana.  Huma u jaqdu l-missjoni tagħhom ta’ għaqda u sliem, San Ċirillu u San Metodju qatt ma warrbu d-dmirijiet li din il-missjoni kienet titlob minnhom.  Huma għarfu sewwa x’kienu l-prerogattivi tradizzjonali u d-drittijiet tal-knejjes kif ġew imfassla fid-digirieti tal-Konċilji; għalhekk, għalkemm sudditi tal-Imperu tal-Lvant, u bħala nsara sudditi tal-Patrijarka ta’ Kostantinopli, ħassew li kien dmir tagħhom jagħtu kont tal-ħidma missjunarja tagħhom lill-Papa.  Riedu li l-Papa jagħti ġudizzju fuq it-tagħlim li kienu jħaddnu u jgħallmu, biex japprovahulhom fuq il-kotba liturġiċi li kienu kitbu bl-ilsien Slavoniku, u fuq il-metodi li kienu qed jużaw biex ixandru l-Evanġelju fost dawk il-ġnus.

Huma kienu bdew il-missjoni tagħhom b-ordni minn Kostantinopli, iżda riedu li din tkun imwettqa mis-Sede Appostolika ta’ Ruma, iċ-ċentru viżibbli tal-għaqda fil-Knisja [21], u għalhekk marru hemm.  Huma waqqfu l-Knisja, għax għarfu sewwa l-universalità tagħha bħala Knisja, waħda, qaddisa, kattolika u appostolika.  Dan narawh b’mod ċar u miftuħ fl-imġiba kollha tagħhom.  Nistgħu ngħidu li l-kliem tat-talba saċerdotali ta’ Kristu — ut umum sint [22] — kien il-ħsieb li mexxihom fil-ħidma missjunarja tagħhom, skont il-kliem tas-Salmista:  “Faħħru l-Mulej, ġnus kollha, sebbħuh popli kollha” [23].  Għalina llum dan l-appostolat tagħhom għandu l-qawwa ta’ sejħa ekumenika:  hu stedina biex mill-ġdid titwaqqaf, fis-sliem u r-rikonċiljazzjoni, dik l-għaqda li b’mod hekk ikrah iddgħajfet wara żmien San Ċirillu u San Metodju, u, l-ewwel u qabel kollox, l-għaqda bejn il-Lvant u l-Punent.

Il-konvinzjoni ta’ dawn l-Aħwa Qaddisin minn Salonika, jiġifieri li kull Knisja tal-post hi msejħa biex bil-ġid tagħha tagħni l-“pleroma” kattoliku, kienet taqbel perfettament mal-fehma evanġelika li kellhom li s-suriet differenti ta’ ħajja ta’ kull knisja tal-post qatt ma għandhom ikunu skuża għall-ġlied, għan-nuqqas ta’ fiduċja, u għall-firdiet fl-istqarrija ta’ fidi waħda u fl-egħmil tal-imħabba.

14.  Kif kulhadd jaf, skont it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, meta nitkellmu dwar il-“moviment ekumeniku” nkunu rridu nitkellmu dwar dawk l-attivitajiet u dwar dawk l-inizjattivi li, skont il-ħtiġijiet tal-Knisja u skont l-okkażjonijiet li jkun hemm, isiru biex tiġi ’l quddiem l-għaqda bejn l-insara [24].  Għalhekk ma għandniex narawha ħaġa barra minn żmienha li nqisu lil San Ċirillu u lil San Metodju bħala veri prekursuri tal-ekumeniżmu għaliex riedu jneħħu għal kollox jew inaqqsu kull firda li kien hemm jew jidher li kien hemm bejn komunitajiet differenti tal-istess Knisja.  Għaliex il-firda li disgrazzjatament seħħet tul il-ġrajja tal-Knisja, u li għadha hemm “mhux biss tmur għal kollox kontra r-rieda ta’ Kristu (imma) hi ta’ tfixkil għad-dinja u tagħmel ħsara kbira għall-missjoni qaddisa tax-xandir tal-Evanġelju lill-ħolqien kollu” [25].

Il-ħerqa kollha ħeġġa li wrew dawn iż-żewġ Aħwa, u l-aktar San Metodju, minħabba r-responsabbiltà tiegħu ta’ isqof li kien, biex tinżamm sħiħa, l-għaqda fil-fidi u fl-imħabba bejn il-Knejjes li tagħhom huma kienu membri, jiġifieri bejn il-Knisja ta’ Kostantinopli u l-Knisja ta’ Ruma, min-naħa, u l-Knejjes li twaqqfu fl-artijiet Slavi min-naħa l-oħra, tibqa’ dejjem l-akbar mertu tagħhom.  U dan il-mertu jikber jekk inqisu l-fatt li l-missjoni tagħhom seħħet tul is-snin 863 u 885, jiġifieri tul dak iż-żmien kritiku meta nibtet u bdiet tikber il-ġlieda kerha u l-kontroversja ħarxa bejn il-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent.  U l-firda kibret minħabba l-kwistjoni dwar minn liema Knisja kienet tiddependi kanonikament il-Bulgarija li kienet għadha kemm ħaddnet it-twemmin nisrani.

F’dan iż-żmien ta’ tempesti kbar, żmien illi fih kien hemm ukoll gwerer bejn ġnus Insara ġirien ta’ xulxin, iż-żewġt Aħwa Qaddisin minn Salonika baqgħu jżommu fedeltà sħiħa lejn it-tagħlim veru u t-tradizzjoni tal-Knisja magħquda f’għaqda sħiħa u b’mod speċjali lejn “it-tagħlim ta’ Alla” u t-tagħlim tal-Knisja” [26] li fuqu, skont id-digrieti tal-Konċilji tal-ewwel żminijiet, hi mibnija u titmexxa l-Knisja u dejjem għassuh sewwa.  Minħabba din il-fedeltà tagħhom setgħu jtemmu l-ħidma missjunarja kbira tagħhom u jibqgħu magħqudin, spiritwalment u kanonikament, mal-Knisja ta’ Ruma, mal- Knisja ta’ Kostantinopli u mal-Knejjes ġodda li kienu waqqfu fost il-ġnus Slavi.

15.  Metodju ma beżax iħabbat wiċċu ma’ nuqqas ta’ ftehim, ma’ ġlied, ma’ kalunnji u ma’ persekuzzjonijiet korporali, biex ma jonqosx mill-fedeltà eżemplari tiegħu lejn il-Knisja u biex jibqa’ jħares id-dmirijiet tiegħu ta’ nisrani u ta’ Isqof u l-obbligazzjonijiet li kellu lejn il-Knisja ta’ Biżanżju li willditu u bagħtitu bħala missjunarju flimkien ma’ Ċirillu.  Imbagħad kien hemm l-obbligazzjonijiet li kellu lejn il-Knisja ta’ Ruma, li minn għandha kien ħa l-uffiċċju ta’ Arċisqof għax-xandir tal-fidi “fit-territorju ta’ San Pietru” [27], u d-dmirijiet tiegħu wkoll lejn il-Knisja li kienet qiegħda tikber fl-artijiet Slavi, li għamilha tiegħu u ddefendiha — żgur li kien qiegħed jagħmel ħaġa sewwa — quddiem awtoritajiet ċivili u ekklesjastiċi, l-aktar biex iħares l-ilsien Slavoniku fil-liturġija u d-drittijiet ekklesjastiċi fondamentali tal-Knejjes imqawwfin fost ġnus differenti.

Din kienet dejjem l-imġiba tiegħu, u ta’ Kostantinu l-Filosofu wkoll, kull meta kien jitkellem ma’ dawk li ma kinux jaqblu mal-fehmiet tiegħu u mal-inizjattivi pastorali tiegħu u kienu jiddubitaw kienx qed jagħmel sewwa.  B’hekk hu jibqa’ dejjem għalliem għal dawk kollha li f’kull żmien iridu jnaqqsu l-ġlied billi jirrispettaw il-milja tal-Knisja, ta’ ħafna suriet, li, skont ir-rieda ta’ Ġesù Kristu li waqqafha, trid tkun dejjem waħda, qaddisa, kattolika u appostolika.  Din ir-rieda ta’ Kristu tidher sewwa fil-Kredu tal-150 Isqof li ħadu sehem fit-II Konċilju Ekumeniku ta’ Kostantinopli, li hu l-istqarrija ma tinbidel qatt tal-fidi tal-insara kollha.

 

V

IT-TIFSIR KATTOLIKU TAL-KNISJA

16.  Iżda mhux biss ta’ min isemmi t-tagħlim, mibni fuq l-Evanġelju li xandru San Ċirillu u San Metodju.  Ifisser ħafna u jiswa ħafna għat-tagħlim fil-Knisja ta’ żminijietna l-metodu kateketiku u pastorali li huma użaw fil-ħidma appostolika tagħhom fost il-ġnus li kienu għadhom ma rawx il-misteri qaddisa ċelebrati f’ilsienhom u lanqas semgħu l-Iskrittura mħabbra b’mod li jaqbel għal kollox mal-mentalità tagħhom u mal-kondizzjoni tal-ħajja tagħhom.

Għoxrin sena ilu, il-Konċilju Vatikan II, kif nafu, kellu bħala wieħed mill-aqwa ħidmiet tiegħu li jqanqal il-Knisja biex tagħraf sewwa x’inhi fiha nfisha u, permezz ta’ tiġdid fiha nfisha jagħtiha ħeġġa missjunarja ġdida għax-xandir tal-bxara t-tajba tas-salvazzjoni ta’ dejjem, sliem u ftehim sħiħ bejn ġnus u nazzjonijiet, ’l hemm mill-fruntieri li sal-lum għadhom jaqsmu d-dinja, li fil-ħsieb ta’ Alla li ħalaqna u fdiena, għandha tkun l-għamara ta’ kulħadd, tal-bnedmin kollha tad-dinja.  Il-perikoli li fi żmienna qed jiżdiedu dejjem aktar għad-dinja, ma għandhomx iġagħluna ninsew il-ħsieb profetiku tal-Papa ta’ qabli, Ġwanni XXIII li sejjaħ il-Konċilju bil-għan u bil-konvinzjoni li jkun jista’ jhejji u jagħti bidu għal żmien ta’ rebbiegħa u ta’ tiġdid fil-ħajja tal-Knisja.

Il-Konċilju, meta tkellem fuq l-universalità, fost ħwejjeġ oħra, qal li l-bnedmin kollha huma msejħin biex ikunu l-poplu ġdid ta’ Alla.  “Għalhekk dan il-poplu, li għandu jibqa’ dejjem u waħdieni, għandu jinxtered mad-dinja kollha u għaż-żmien kollu sabiex iseħħ l-għan tar-rieda ta’ Alla li fil-bidu ħalaq in-natura umana waħda u ried li fl-aħħar ilaqqa’ flimkien lil uliedu li kienu mxerrdin (ara Ġw 11,52)...  Il-Knisja jew il-Poplu ta’ Alla, li thejji din is-saltna, ma tnaqqas xejn mill-ġid temporali ta’ ebda poplu; għall-kuntrarju hija tmexxi ’l quddiem, sakemm huma tajbin, l-għana, ir-riżorsi u d-drawwiet tal-popli; waqt li tassimillahom hija tippurifikahom, issaħħaħhom u tgħollihom...  Dan il-karattru ta’ universalità li jżejjen il-Poplu ta’ Alla huwa don tal-istess Mulej...  Bis-saħħa ta’ din il-kattoliċità kull parti twassal id-doni tagħha lill-partijiet l-oħra u lill-Knisja kollha. B’hekk il-partijiet waħda waħda u l-ġisem kollu jissaħħu u jikbru billi jaqsmu ma’ xulxin id-doni u jaħdmu lkoll għall-milja tal-unità” [28].

17.  Nistgħu ngħidu bla biża’ ta’ xejn li din id-dehra tal-universalità tal-Knisja, dehra tradizzjonali u fl-istess ħin dehra li taqbel ħafna maż-żminijiet tal-lum — qisha sinfonija magħmula mil-liturġiji bl-ilsna kollha tad-dinja, magħqudin flimkien f’liturġija waħda, jew kor mill-aqwa jfaħħar ’l Alla bil-ħafna vuċijiet ta’ kotra bla għadd ta’ nies minn kullimkien fid-dinja u minn kull żmien tal-ġrajja tal-bnedmin — dehra li taqbel b’mod speċjali mal-fehma teoloġika u pastorali li mexxiet il-ħidma appostolika u missjunarja ta’ Kostantinu l-Filosofu u ta’ Metodju, u qawwiet il-missjoni tagħhom fost il-ġnus Slavi.

F’Venezja, quddiem rappreżentanti tal-kultura ekklesjastika ta’ dak iż-żmien, nies li kellhom fehma magħluqa ta’ dak li hi l-komunità tal-Knisja u kienu kuntrarji għall-fehma mfissra hawn fuq, Ċirillu bil-qawwa kollha ddefenda l-fehma tiegħu, li dawn in-nies kienu kuntrarji għaliha, u wriehom li fl-imgħoddi ħafna ġnus daħħlu u għad għandhom sal-lum liturġija miktuba u ċelebrata fl-ilsien tagħhom; fost dawn il-ġnus hemm l-Armeni, il-Persjani, l-Abasgi, il-Ġjorġjani, is-Sugdi, il-Goti, l-Avari, it-Tirzi, il-Kazari, l-Għarab, l-Eġizzjani, is-Siri u ħafna oħrajn [29].

Huwa u jfakkarhom li Alla jtella’ x-xemx u jibgħat ix-xita lill-ġnus kollha bla ebda għażla [30], qalilhom: “Mhux ilkoll tieħdu n-nifs l-istess?  U ma tistħux tistabilixxu tliet ilsna biss (l-Ebrajk, il-Grieg u l-Latin) u tiddeċiedu li l-ġnus u r-razez l-oħra kollha jibqgħu għomja u torox?  Għiduli:  intom taħsbu dan għax tqisu ’l Alla hekk dgħajjef li ħaġa bħal din ma jistax jagħtiha, jew hekk għajjur li ma jixtiqhiex” [31].  Għall-argumenti mill-istorja u mil-loġika li semmgħulu, Ċirillu wieġeb bi kliem ispirat tal-Iskrittura:  “Kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu hu l-Mulej, għall-glorja ta’ Alla l-Missier” [32].  “L-art kollha tagħtik qima, tgħannilek u tgħanni lil ismek” [33].    “Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, sebħuħ popli kollha” [34].

18.  Il-Knisja hi kattolika wkoll għax taf turi l-verità rivelata fiċ-ċirkostanzi kollha tal-ħajja tal-bniedem, verità li hi żammet sħiħa f’dak kollu li fiha ġej minn Alla, b’mod li twassalha biex tiltaqa’ mal-ħsibijiet l-aktar għoljin u mat-tamiet xierqa kollha ta’ kull bniedem u ta’ kull poplu.  Barra dan, il-ġid kollu li kull ġenerazzjoni tgħaddi lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajha, flimkien mad-don tal-ħajja (don li ma għandux prezz) qisu ġabra kbira ta’ ħafna biċċiet ta’ kull lewn li magħqudin flimkien jagħmlu l-mużajk ħaj tal-Pantocrator, jiġifieri l-Mulej Ġesù li juri ruħu fis-sebħ kollu tiegħu biss fil-parousia, fit-tmiem ta’ kollox.

L-Evanġelju ma jwassalx biex ifaqqar jew jeqred dawk l-affarijiet li kull bniedem, kull poplu u kull nazzjon u kull kultura, tul il-ġrajja kollha tad-dinja, jagħarfu u jwettqu bħala tajjeb, veru u sabiħ.  Għall-kuntrarju l-Evanġelju jfittex jagħmel tiegħu dan il-ġid kollu u jġibu ’l quddiem, biex il-bniedem igħixu, b’qalb kbira u bil-ferħ, u jipperfezzjonah fid-dawl misterjuż tar-Rivelazzjoni li jkabbru bil-ġieh li jagħtih.

Il-kattoliċità li l-Mulej Ġesù ried li jkollha l-Knisja fin-natura tagħha stess, fil-fatt mhijiex xi ħaġa statika, dejjem l-istess, u miftuma mill-ġrajja tal-bniedem.  Il-kattoliċità tal-Knisja kuljum toħroġ u tiżviluppa mill-fidi waħda ta’ dawk kollha li jemmnu f’Alla wieħed fi Tliet Persuni, li Ġesù Kristu wriena u li l-Knisja xxandar fil-priedki tagħha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  Dan joħroġ waħdu mir-rispett — li hu proprju tal-imħabba bejn l-aħwa — li jintwera lil kull bniedem u lil nazzjon, kbira jew żgħira, u mill-għarfien onest tal-kwalitajiet tajba u tad-drittijiet tal-aħwa kollha fil-fidi.

19.  Il-kattoliċità tal-Knisja tidher mir-responsabbilità li bil-fatti l-insara kollha jaqsmu bejniethom u mill-kooperazzjoni ġeneruża ta’ kullħadd għall-ġid tal-komunità kollha.  Il-Knisja kullimkien tħaddem din l-universalità tagħha billi tilqa’, tgħaqqad u tgħolli, b’imħabba ta’ omm, bil-mod proprju tagħha, kull valur veru tal-bniedem.  Fl-istess ħin tħabrek biex, f’kullimkien fid-dinja u f’kull qagħda storika, tirbaħ għal Alla l-bnedmin kollha u kull bniedem ħa tgħaqqadhom bejniethom u ma’ Alla fil-verità u l-imħabba tiegħu.

Kull bniedem, kull nazzjon, kull kultura u kull ċiviltà għandhom sehemhom u posthom fil-pjan moħbi ta’ Alla u fil-ġrajja universali tas-salvazzjoni.  Din kienet il-fehma taż-żewġt Aħwa:  Alla “ħanin u twajjeb” [35] “dejjem jistenna li l-bnedmin kollha jindmu biex isalvaw u jaslu ħa jagħarfu l-verita” [36], mhux se jħalli l-familja kollha tal-bnedmin tiddgħajjef u tiġi fix-xejn, u tintrebaħ mit-tiġrib tal-għadu, “Iżda minn sena għall-oħra, u minn dejjem, Alla ma jieqaf qatt ixerred il-grazzji tiegħu ta’ kull xorta, mill-bidunett sal-lum, bl-istess mod: l-ewwel permezz tal-Patrijarki u l-Missirijiet tagħna, imbagħad permezz tal-Proferi, u tal-Appostli u l-Martri, tan-nies tajba u tad-Dutturi li hu jibgħat fost it-tempesti ta’ din il-ħajja” [37].

20.  Il-Bxara tal-Evanġelju li San Ċirillu u San Metodju fissru lill-ġnus Slavi, huma u joħorġu “ħwejjeġ ġodda u ħwejjeg qodma” [38] bl-għerf kollu tagħhom mit-teżor tal-Knisja, twasslitilhom, permezz tal-priedki u tal-katekiżmu, bi qbil sħiħ mal-veritajiet ta’ dejjem u fl-istess ħin adattat għall-qagħda storika tagħhom.  Bil-ħidma missjunarja ta’ dawn iż-żewġ Qaddisin, il-ġnus Slavi setgħu għall-ewwel darba jagħarfu s-sejħa tagħhom li jkollhom sehem fil-pjan ta’ dejjem tat-Trinità Qaddisa, u fil-pjan għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha.  Fl-istess ħin għarfu x’sehem kellhom fil-qadi tal-ġrajja kollha tal-bniedem, maħluq minn Alla l-Missier, mifdi mill-Iben is-Salvatur tagħna, u mdawwal mill-Ispirtu s-Santu.  Permezz ta’ dawn il-priedki, approvati mill-awtoritajiet tal-Knisja —il-Papiet ta’ Ruma u l-Patrijarki ta’ Kostantinopli — il-ġnus Slavi setgħu jħossu li huma wkoll, flimkien man-nazzjonijiet l-oħra tad-dinja, kienu mnisslin u werrieta tal-wegħda magħmula minn Alla lil Abraham [39].  B’dan il-mod, minħabba l-organizzazzjoni ekklesjastika li ħoloq San Metodju, u għaliex għarfu l-identità nisranija tagħhom il-ġnus Slavi sabu posthom fil-Knisja li kienet issa twaqqfet ukoll f’dik in-naħa tal-Ewropa.  Għalhekk il-ġnus Slavi tal-lum jiftakru dejjem, u bil-ħajr kollu, dan il-bniedem li bih ingħaqdu mal-katina tal-ħabbara kbar tal-Kelma ta’ Alla tal-Patt il-Qadim u tal-Patt il-Ġdid:  “Wara dawn kollha, Alla ħanin, fi żmienna, sejjaħ għal din il-ħidma ta’ fejda, għall-ġid tal-poplu tagħna li ħadd qatt ma ta’ każ tiegħu, l-Imgħallem tagħna, lil San Metodju:  il-virtujiet u t-taħbit tiegħu, aħna, bla mistħija, inqabbluhom wieħed wieħed mal-virtujiet u t-taħbit ta’ dawn il-bnedmin li Alla fihom sab l-għaxqa tiegħu” [40].    

 

VI

L-EVANĠELJU U L-KULTURA

21.  Iż-żewġt Aħwa minn Salonika ma kinux biss werrieta tal-fidi, imma kienu wkoll werrieta tal-kultura tal-Greċja tal-qedem, li kompliet tikber f’Bisanzju.  Kulħadd jaf kemm hu importanti dan il-wirt għal kultura kollha tal-Ewropa, u, direttament jew indirettament, għall-kultura tad-dinja kollha.  Il-ħidma għax-xandir tal-Evanġelju li dawn iż-żewġt Aħwa wettqu — bħala l-ewwel nies li għamlu dan fl-artijiet ta’ ġnus Slavi — hu kemm mudell ta’ dak li llum insejħu “inkulturazzjoni”, jiġifieri l-inkarnazzjoni tal-Evanġelju fil-kultura tal-post li jkun, u kemm tad-dħul ta’ dawn il-kulturi fil-ħajja tal-Knisja.

Meta huma nkarnaw l-Evanġelju  fil-kultura tal-ġnus li lilhom kienu jħabbrulhom l-Evanġelju, San Ċirillu u San Metodju kisbu mertu kbir, l-aktar għax sawru u żviluppaw dik il-kultura, jew aħjar, dawk il-kulturi.  Fil-fatt il-kulturi kollha tal-ġnus Slavi kellhom il-“bidu” u l-iżvilupp tagħhom bil-ħidma taż-żewġt Aħwa ta’ Salonika.  It-tfassil orġinali u inġenjuż tal-alfabet Slavoniku li għamlu dawn iż-żewġt Aħwa kien kontribut mill-aqwa għall-kultura u l-letteratura tal-ġnus Slavi.

Barra dan, it-traduzzjoni tal-kotba tal-Iskrittura, li San Ċirillu u San Metodju għamlu flimkien mad-dixxipli tagħhom, tat ġieh u ħila lill-ilsien liturġiku Slav, li għal mijiet ta’ snin mhux biss kien l-ilsien tal-Knsija imma wkoll l-ilsien uffiċjali u letterarju tal-pajjiżi Slavi u l-ilsien ukoll mitkellem min-nies l-aktar kolti tal-kotra l-kbira tal-ġnus Slavi, u b’mod speċjali tas-Slavi kollha tar-Rit Orjentali.  L-ilsien Slav huwa wżat ukoll fil-Knisja tas-Salib Imqaddes f’Krakow, fejn marru joqogħdu l-Benedittini Slavi.  Hawn ġew ipubblikati l-ewwel kotba liturgiċi stampati bl-ilsien Slav.  Dan huwa sal-lum l-ilsien użat fil-liturġija Biżantina tal-Knejjes Slavi tar-Rit ta’ Kostantinopli, kemm Kattoliċi u kemm Ortodossi, fil-Lvant u x-Xlokk tal-Ewropa u f’ħafna pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent.  Huwa wżat ukoll fil-liturġija Latina tal-Kattoliċi tal-Kroazja.

22.  Dan l-ilsien, fl-iżvilupp storiku tas-Slavi tar-Rit Orjentali kellu l-istess importanza li kellu l-Latin fil-Punent.  Barra minn hekk, l-ilsien Slav dam jintuża aktar mil-Latin — xi ftit sas-seklu XIX — u kellu influwenza aktar diretta mil-Latin għat-tiswir tal-ilsien letterarju tal-pajjizi Slavi kollha minħabba r-rabta sħiħa tagħhom miegħu.

Is-siwi li dan l-ilsien liturġiku kellu għall-kultura tal-ġnus Slavi kollha iwassal biex il-ħidma għax-xandir tal-Evanġelju magħmula minn San Ċirillu u San Metodju, f’ċertu sens, hi dejjem preżenti fil-ġrajja u l-ħajja ta’ dawn il-ġnus u nazzjonijiet.

 

VII

XI JFISSRU U X’INFLUWENZA GĦANDHOM L-ELF SENA TA’ ĠAJJA NISRANIJA FID-DINJA TAL-ĠNUS SLAVI

23.  Il-ħidma appostolika u missjunarja tal-qaddisin Ċirillu u Metodju li seħħet fl-aħħar ħamsin sena tas-seklu IX, nistgħu nqisuha bħala l-ewwel vera ħidma għax-xandir tal-Evanġelju fost il-ġnus Slavi.

Din il-ħidma ma seħħitx bl-istess qawwa fl-artijiet kollha tas-Slavi, imma kienet konċentrata l-aktar f’dawk l-artijiet li dak iż-żmien kienu jiffurmaw il-Moravja l-Kbira.  Din il-ħidma seħħet l-aktar f’dawk l-artijiet li kienu jiddependu mill-metropoli li tagħha San Metodju kien l-Arċisqof, jiġifieri l-Moravja, is-Slovakkja u l-Pannonja, li kienet parti minn dik li hi l-Ungerija tal-lum.  Din il-ħidma appostolika, speċjalment dik tal-missjunarji mrawmin minn San Metodju nħasset wkoll f’dawk l-artijiet tas-Slavi tal-Punent, speċjalment dawk tal-Boemja.  L-ewwel Prinċep storiku tal-Boemja, Bozivoy, tar-razza tal-Pfemsylids, aktarx ġie mgħammed bir-Rit Slavoniku.  Aktar  tard din il-ħidma laħqet lis-Serbo-Lusati u n-nofs in-nhar tal-Polonja.  Iżda meta mbagħad il-Moravja l-Kbira fis-snin 905-906 spiċċat minn stat, ir-Rit Latin ħa l-post tar-Rit Slav, u l-Boemja ġiet tiddependi mill-Isqof ta’ Regensberg u mill-metropoli ta’ Salzburg.  Iżda ta’ min isemmi li sa xi n-nofs tas-seklu X, fi żmien San Wenċeslaw, kien hemm taħlit kbir ta’ elementi miż-żewġ riti, u ż-żewġ ilsna liturġiċi, il-Latin u s-Slavoniku, kienu ilhom jintużaw sewwa flimkien.  Imbagħad ma setax ikun li l-Evanġelju jitħabbar lill-poplu ħalli dan iħaddan il-fidi nisranija mingħajr l-użu tal-ilsien tiegħu.  Biss fuq pedament bħal dan seta’ jiżviluppa l-kliem nisrani tal-Boemja, u minn hawn imbagħad żviluppa u ssaħħaħ il-kliem nisrani tal-Polonja.  It-tagħrif li nsibu fil-ħajja ta’ San Metodju dwar il-Prinċep tal-Vislits huwa t-tagħrif storiku l-aktar antik li għandna dwar it-tribujiet tal-Polonja [41].  Iżda dan it-tagħrif mhux biżżejjed biex miegħu torbot il-fatt tat-twaqqif ta’ organizzazzjoni ekklesjastika ta’ Rit Slav fl-artijiet tal-Polonja.

24.   Il-Magħmudija tal-Polonja li fis-sena 966 seħħet bil-magħmudija tal-ewwel sultan storiku Mieszko, li żżewweġ lill-prinċipessa Boema Dubravka seħħet l-aktar permezz tal-Knisja tal-Boemja, u kien mill-Boemja li għaddiet il-fidi nisranija minn Ruma għall-Polonja bir-Rit Latin.  Iżda hu veru wkoll li l-bidu tal-fidi nisranija fil-Polonja hu b’xi mod marbut mal-ħidma taż-żewġt aħwa li kienu telqu minn Salonika.

Fost is-Slavi tal-penisula Balkanika l-frott tal-ħidma taż-żewġt Aħwa qaddisin jidher aktar.  It-twemmin nisrani li kien ilu xi ftit li nxtered fil-Kroazja, bil-ħidma appostolika tagħhom issaħħaħ sewwa.  L-aktar permezz tad-dixxipli li ġew imkeċċija mill-artijiet li fihom bdew jaħdmu fil-bidu, il-missjoni tal-qaddisin Ċirillu u Metodju twettqet u żviluppat sewwa fil-Bulgarija.  F’dan il-pajjiż, permezz ta’ San Klement ta’ Okrida, twaqqfu ħafna ċentri attivi ta’ ħajja monastika, u hawn ukoll l-alfabet ċirilliku żviluppa sewwa.  Mill-Bulgarija t-twemmin nisrani xtered f’pajjiżi oħra, sa kemm għadda mir-Rumanija u wasal sar-Rus’ antika ta’ Kiev, u mbagħad minn Moska xtered lejn il-Lvant.  Minn hawn u ftit snin oħra, fl-1988, biex inkunu eżatti, se niċċelebraw l-elf sena tal-magħmudija ta’ San Vladimir, Granduka ta’ Kiev.

25.  Bir-raġun kollu għalhekk San Ċirillu u San Metodju minn kimieni ġew magħrufin mis-Slavi bħala missirijiethom kemm fit-twemmin u kemm fil-kultura tagħhom.  F’ħafna mill-artijiet imsemmija hawn fuq, għalkemm kienu marru ħafna missjunarji, il-kotra l-kbira tal-ġnus Slavi fis-seklu IX kienu għadhom iħaddnu drawwiet u twemmin pagan.  Fl-artijiet biss li ħadu ħsiebhom iż-żewġ Qaddisin tagħna, jew ħejjew it-triq biex jieħu ħsiebhom ħaddieħor, it-twemmin nisrani beda jagħmel parti sħiħa mill-ġrajja tal-ġnus Slavi fis-seklu ta’ wara.

Il-ħidma ta’ dawn iż-żewġ Qaddisin kienet ta’ għajnuna kbira għall-formazzjoni ta’ egħruq insara fl-Ewropa kollha, egħruq li, għax ħajjin u qawwija, huma wieħed mill-fatti li wieħed irid iqis bilfors, jekk tassew għandu jsir sforz serju biex timbena mill-ġdid u tassew l-għaqda tal-Ewropa kollha.

Wara ħdax-il mitt sena ta’ twemmin nisrani fost il-ġnus Slavi, jidher ċar li l-wirt li ħallew l-Aħwa minn Salonika hu u jibqa’ aqwa u aktar fil-fond minn kull firda li jista’ jkun hemm bejniethom.  Iż-żewġ tradizzjonijiet insara — dik tal-Lvant ħierġa minn Kostantinopli, u dik tal-Punent ħierġa minn Ruma — nibtu fi ħdan il-Knisja waħda, għalkemm żviluppaw f’kulturi mhux l-istess u ma ħarsux bl-istess mod lejn l-istess problemi.  B’din id-diversità, jekk nifhmu sewwa minn fejn ġejja u nqisu sewwa x’tiswa u xi tfisser, tistagħna l-kultura kollha u t-tradizzjoni reliġjuża tal-Ewropa; fl-istess ħin din id-diversità ssir pedament adatt għal dak it-tiġdid spiritwali li tant nixtiequ.

26.  Sa mis-seklu IX, meta fl-Ewropa nisranija bdiet tidher organizzazzjoni ġdida, il-Qaddisin Ċirillu u Metodju ħallewlna messaġġ ċar ta’ siwi kbir għal żmienna wkoll, li minħabba l-ħafna problemi komplessi ta’ natura reliġjuza, kulturali, ċivili u internazzjonali, qed ifittex għaqda ħajja f’rabta sħiħa bejn dawn l-elementi kollha tiegħu.  Nistgħu ngħidu għal dawn iż-żewġ ħabbara tal-Evanġelju, li l-aqwa karatteristika tagħhom kienet l-imħabba li kellhom għall-għaqda sħiħa f’xirka waħda tal-Knisja universali sew fil-Lvant u sew fil-Punent, u, fi ħdan il-Knisja universali, imħabba għal din il-Knisja li kienet qiegħda titwieled fost il-ġnus Slavi.  Minn għandhom tiġi wkoll l-istedina lin-nies ta’ żmienna biex jibnu xirka waħda bejnietna.

Iżda l-eżempju ta’ San Ċirillu u San Metodju għandu siwi aqwa proprju fil-ħidma missjunarja proprja tagħhom.  Dik il-ħidma missjunarja hija ħidma essenzjali għall-Knisja, u ma tistax tistenna aktar dwar dak li sejjaħnilu l-“inkulturazzjoni”.  Iż-żewġt Aħwa mhux biss qdew il-missjoni tagħhom b’rispett sħiħ għall-kultura li ġà kellhom il-ġnus Slavi, iżda huma ġabu ’l quddiem bla heda u mill-aħjar li setgħu din il-kultura flimkien mar-reliġjon.  Bl-istess mod illum il-Knejjes li kellhom il-bidu tagħhom fil-qedem jistgħu u għandhom igħinu l-knejjes u l-ġnus ġodda biex jilħqu l-kobor sħiħ tagħhom huma u jħarsu l-identità tagħhom u jġibuha ’l quddiem [42].

27.  San Ċirillu u San Metodju qishom il-katina li torbot jew il-pont spiritwali li jgħaqqad iż-żewġ tradizzjonijiet tal-Lvant u tal-Punent, it-tnejn ħerġin mit-Tradizzjoni kbira waħdanija tal-Knisja universali.  Għalina huma l-aqwa eżempju u l-protetturi tal-ħidma ekumenika taż-żewġ Knejjes aħwa tal-Lvant u tal-Punent biex, bit-talb u d-djalogu, jerġgħu jsibu dik l-għaqda bejniethom li tidher f’xirka sħiħa u perfetta, dik l-għaqda li, kif għidt fiż-żjara tiegħi lill-belt ta’ Bari, ma tfissirx li Knisja tibla lil oħra u lanqas tagħmilha ħaġa waħda magħha u bħalha [43].  L-għaqda hi laqgħa fil-verità u l-imħabba, u tingħatalna mill-Ispirtu s-Santu.  San Ċirillu u San Metodju huma żewġ qaddisin li jqanqlu fl-Insara kollha xewqa kbira għall-għaqda u għall-għaqda bejn iż-żewġ Knejjes aħwa tal-Lvant u tal-Puntent [44].  Biex ikun hemm kattoliċità sħiħa, kull nazzjon, kull kultura għandha s-sehem tagħha fil-pjan tas-salvazzjoni ta’ kulħadd.  Kull tradizzjoni partikulari, kull knisja lokali trid tkun miftuħa u attenta għall-knejjes u t-tradizzjonijiet l-oħra, u fl-istess ħin, tkun miftuħa wkoll għax-xirka universali u kattolika; jekk tibqa’ magħluqa fiha nfisha, tissogra li tiftaqar.

Meta ħaddmu l-kariżmi tagħhom, San Ċirillu u San Metodju taw sehem sewwa għall-bini tal-Ewropa mhux biss fix-xirka reliġuża nisranija, imma wkoll ħa sseħħ għaqda ċivili u kulturali.  Illum ukoll ma hemmx mod ieħor biex jintrebħu t-tensjonijiet u l-firdiet u l-piki li hawn kemm fl-Ewropa u kemm fid-dinja, firdiet u piki li qed jheddu b’qerda sħiħa, l-ħajja u l-valuri veri kollha.  Tkun nisrani llum ifisser tkun bennej ta’ għaqda fil-Knisja u fis-soċjetà.  Dan jitlob li wieħed ikun miftuħ għall-oħrajn, li lkoll nifhmu lil xulxin, u nkunu lesti naħdmu flimkien billi nwasslu lil xulxin b’qalb kbira l-ġid kulturali u spiritwali kollu tagħna.  Waħda mill-aqwa xewqat tal-bnedmin tal-lum hi x-xewqa li jerġa’ jkun hemm għaqda u xirka flimkien għal ħajja li tixraq lill-bniedem hu fejn  hu fid-dinja.  Il-Knisja, għax tagħraf li hi sinjal universali u sagrament ta’ salvazzjoni u ta’ għaqda għall-bnedmin kollha, tiddikjara li hi lesta li dejjem taqdi dan id-dmir tagħha, qadi li l-qagħda tal-lum titlob li jsir bla telf ta’ żmien, biex il-bnedmin kollha, magħqudin aktar flimkien illum b’tant rabtiet soċjali, tekniċi u kulturali, jilħqu wkoll l-għaqda sħiħa fi Kristu [45].

 

EGĦLUQ

28.  Jixraq għalhekk li l-Knisja tiċċelebra b’solennità u ferħ kbir il-ħdax-il mitt sena li għaddew mit-tmiem tal-ħidma appostolika tal-ewwel Arċisqof ordant f’Ruma għall-gnus Slavi, Metodju, u ta’ ħuh Ċirillu, u b’hekk tfakkar wkoll id-dħul ta’ dawn il-ġnus fil-ġrajja tas-salvazzjoni u fost in-nazzjonijiet tal-Ewropa li fis-sekoli ta’ qabel kienu ġà aċċettaw il-bxara t-tajba tal-Evanġelju.  Kulħadd jifhem x’ferħ inħoss jien b’din iċ-ċelebrazzjoni, jien l-ewwel wieħed minn ulied il-ġnus Salvi, li wara kważi elfejn sena, ġejt imsejjaħ biex inkun isqof ta’ dik id-djoċesi li kienet ta’ San Pietru, fil-belt ta’ Ruma.

29.  “F’idejk Mulej jien nerħi ruħi”:  insellmu l-ħdax-il mitt sena mill-mewt ta’ San Metodju bil-kliem li, skont il-ħajja tiegħu fl-ilsien Slavoniku [46], hu tenna qabel miet, meta kien sejjer biex jingħaqad ma’ missirijietu fil-fidi, it-tama u l-imħabba:  il-Patrijarki, il-Profeti, l-Appostli, id-Dutturi u l-Martri.  Bix-xhieda ta’ kliemu u ta’ ħajtu, imwettqa bil-kariżmi tal-Ispirtu, kien eżempju ta’ vokazzjoni li tat frott mhux biss fiż-żmien li fih għex, imma wkoll fiż-żminijiet li ġew wara, u b’mod speċjali fi żminijietna wkoll.

Il-mewt qaddisa tiegħu, fir-rebbiegħa tas-sena 885, mill-Inkarnazzjoni tal-Mulej, u, skont il-mod kif il-Biżantini jikkalkulaw iż-żmien, fis-sena 6393 mill-ħolqien tad-dinja, ġrat fi żmien meta kien qed jinġema’ sħab ikrah fuq Kostantinopli u tensjonijiet ta’ ġlied dejjem aktar kienu qed jheddu l-paċi u l-ħajja tan-nazzjonijiet, u kienu qed jheddu wkoll ir-rabtiet qaddisa tal-għaqda bejn l-aħwa u ta’ xirka flimkien tal-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent.

Fil-Katidral tiegħu, mimli b’insara minn ħafna ġnus, id-dixxipli ta’ San Metodju taw gieħ solenni lir-ragħaj mejjet tagħhom, għall-bxara t-tajba ta’ salvazzjoni, ta’ sliem u ta’ rikonċiljazzjoni li waslilhom u li għaliha ta ħajtu kollha:  “Iċċelebraw l-Uffiċċju divin bil-Latin, il-Grieg u s-Slavoniku” [47] huma u jaduraw lil Alla u jagħtu ġieħ lill-ewwel Arċisqof tal-Knisja li waqqaf fost is-Slavi, u li lilhom hu u ħuh kienu xandru l-Evanġelju b’ilsienhom stess.  Din il-Knisja ssaħħet iżjed meta bil-kunsens ċar tal-Papa ngħatatilha ġerarkija indiġena, bl-egħruq tagħha fis-suċċessjoni appostolika u magħquda fil-fidi u l-imħabba kemm mal-Knisja ta’ Ruma u kemm ma’ dik ta’ Kostantinopli, minn fejn bdiet il-missjoni fost is-Slavi.

Issa li għaddew ħdax-il mitt sena mill-mewt tiegħu, nixtieq inkun almenu bl-ispirtu f’Velehrad fejn, milli jidher, Alla fil-Provvidenza tiegħu ried li San Metodju jtemm ħajtu:

— nixtieq nieqaf xi ftit ukoll fil-Bażilika ta’ San Klement f’Ruma fil-post fejn San Ċirillu jinsab midfun;

— fuq l-Oqbra ta’ dawn iż-żewġ Aħwa, Appostli tal-ġnus Slavi, nixtieq nafda f’idejn it-Trinità Qaddisa l-wirt spiritwali tagħhom b’din it-talba.  

30.  “F’idejk jien nerħi ruħi...”.

O kbir Alla, Wiehed fi Tliet Persuni, nafdalek il-wirt tal-fidi tal-ġnus Slavi; żomm sħiħa u bierek din il-ħidma tiegħek.

Ftakar, Missier li tista’ kollox, fil-mument li, skont ir-rieda tiegħek, waslet il-milja taż-żmien għal dawk il-ġnus u nazzjonijiet, u l-Missjunarji qaddisin minn Salonika qdew bil-fedeltà kollha l-missjoni li Ibnek Ġesù Kristu ried jafda lill-Appostli; fuq il-passi tagħhom u ta’ dawk li ġew warajhom, wasslu fl-artijiet tal-ġnus Slavi d-dawl tal-Evanġelju, il-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni, u quddiemhom taw xhieda:

— li Int ħlaqt il-bniedem u int Missierna u fik aħna lkoll aħwa;

—li b’Ibnek, il-Verb etern tiegħek, Int ħlaqt kollox u sejjaħt il-bnedmin kollha biex ikollhom sehem mill-ħajja tiegħek għal dejjem ta’ dejjem;

—li int hekk ħabbejt id-dinja li tajtna lill Iben il-waħdieni tiegħek li għalina l-bnedmin u għas-salvazzjoni tagħna niżel mis-sema u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu sar bniedem bħalna fil-ġuf safi tal-Verġni Marija;

—u li fl-aħħarnett bgħatt l-Ispirtu tal-qawwa u tal-faraġ biex kull bniedem, mifdi minn Kristu, fik ikun jista’ jikseb id-dinjità ta’ iben ta’ Alla u werriet ma’ Kristu tal-wegħdiet li int għamilt lill-bnedmin kollha u li minnhom mhux se tonqos qatt.

Il-pjan tiegħek tal-ħolqien li laħaq il-milja tiegħu fil-fidwa, Missier, jolqot il-bniedem ħaj u jħadddan il-ħajja kollha tiegħu u l-ġrajja kollha tal-ġnus.

Agħtina, Missier dak li qed titolbok illum il-Knisja kollha u agħtina wkoll lil-ġnus u n-nazzjonijiet li, bil-missjoni appostolika tal-Aħwa qaddisin minn Salonika, għarfuk u aċċettawk bħala l-veru Alla u bil-Magħmudija daħlu fix-xirka qaddisa ta’ wliedek, ikomplu jilqgħu bla tfixkil u b’ħeġġa u fiduċja kbira t-tagħlim tal-Evanġelju u jkomplu jagħmlu kull ma jistgħu skont dan it-tagħlim.

—Ħalli jilqgħu, skont ma tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, is-sejħa li tagħmlilhom biex jimxu fit-triq li ntweriet lilhom ħdax-il mitt sena ilu!

—jalla qatt ma jiġri li l-fatt li jkunu membri tas-Saltna ta’ Ibnek jitqies minn xi ħadd bħala ħaġa li tmur kontra l-ġid ta’ pajjiżhom f’din id-dinja!

—jalla jagħtuk it-tifħir li jistħoqqlok fil-ħajja pubblika u privata tagħhom!

—jalla jgħixu fil-verità, fl-imħabba, fil-ġustizzja u fit-tgawdija tas-sliem ta’ Kristu, li jħaddan qlub il-bnedmin, il-komunitajiet, l-art u l-unvers kollu!

—jalla huma u jagħarfu d-dinjità tagħhom bħala bnedmin u bħala wlied Alla, ikollhom il-ħila jegħelbu kull mibgħeda u jirbħu d-deni bil-ġid.

Iżda agħti wkoll lill-Ewropa kollha, o Trinità Qaddisa, li, bl-interċessjoni ta’ dawn iż-żewġ Aħwa qaddisin, tħoss b’qawwa dejjem akbar il-ħtieġa tal-għaqda reliġjuża nisranija, u ta’ xirka ta’ aħwa bejn il-ġnus kollha tagħha, ħalli wara li jiġu megħluba n-nuqqas ta’ ftehim bejniethom u s-suspetti f’xulxin u jintrebaħ il-ġlied ideoloġiku billi lkoll jagħarfu x’inhi l-verità, l-Ewropa tkun għad-dinja kollha ta’ eżempju kif ħafna ġnus jistgħu jgħixu flimkien fil-ġustizzja u l-paċi, huma u jirrispettaw lil xulxin u jħarsu bla mittiefsa l-libertà tagħhom.

31.  Lilek, għalhekk, Missier Alla li tista’ kollox, lilek Iben Alla li fdejt id-dinja, lilek Spirtu s-Santu Alla li twettaq u tgħallem il-qdusija kollha, nafdalkom il-Knisja kollha tal-bieraħ, tal-lum u ta’ għada, il-Knisja fl-Ewropa u l-Knisja fid-dinja kollha.  F’idejk inħalli dan il-għana singulari magħmul minn kull xorta ta’ ġid, qadim u ġdid, miġbur fit-teżor ta’ kulħadd minn tant ulied differenti.

 Il-Knisja kollha troddlok ħajr lilek li sejjaħt il-ġnus Slavi għax-xirka tal-fidi, għall-wirt u għas-sehem li huma taw għall-ġid tad-dinja kollha.  Il-Papa li ġej minn fost il-ġnus Slavi jroddlok ħajr ta’ dan b’mod speċjali.  Jalla dan il-kontribut ma jieqaf qatt jagħni l-Knisja, l-Ewropa u d-dinja kollha.  Jalla qatt ma jonqos fl-Ewropa u fid-dinja tal-lum.  Jalla ma jintesa qatt min-nies ta’ żmienna.  Nixtiequ nilqgħu kollox u kull ħaġa tajba li l-ġnus Slavi ġabu u qed iġibu, taw u qed jagħtu lill-patrimonju spiritwali tal-Knisja u tal-familja kollha tal-bnedmin.  Il-Knisja kollha, hija u tagħraf x’inhu dan it-teżor ta’ kulħadd, tistqarr li hi spiritwalment ħaġa waħda magħhom u ttenni mill-ġdid ir-responsabbiltà tagħha għax-xandir tal-Evanġelju, għall-ħidma tas-salvazzjoni li hi msejħa biex tagħmel illum ukoll fid-dinja kollha sa truf l-art.  Irridu bilfors immorru għall-imgħoddi biex nifhmu fid-dawl tal-imgħoddi, dak li qed jiġri llum, ħa nagħarfu x’jista’ jiġri għada.  Għaliex il-missjoni tal-Knisja tħares dejjem, b’tama li qatt ma tiġi nieqsa, lejn il-ġejjieni.

32.  Il-ġejjieni!  Għalkemm jidher mimli theddid u biża’ f’għajnejn il-bnedmin, nafdawh lilek, o Missier tas-sema, aħna u nitolbu għalih l-interċessjoni ta’ Omm Ibnek u Omm il-Knisja, l-interċessjoni tal-Appostli San Pietru u San Pawl, ta’ San Benedittu, San Ċirillu u San Metodju, ta’ Santu Wistin u San Bonifazju u tal-qaddisin l-oħra kollha li xandru l-Evanġelju fl-Ewropa li, sħaħ fil-fidi, it-tama u l-imħabba, ħabbru lil missirijietna s-salvazzjoni u s-sliem tiegħek, u, fost il-ħafna taħbit tal-ħidma spiritwali tagħhom, bnew iċ-ċivilità tal-imħabba u ordni ġdid fuq il-liġi mqaddsa tiegħek u bl-għajnuna tal-grazzja tiegħek, li, fit-tmien taż-żminijiet, tagħti l-ħajja lil kollox u lill-ġnus kollha f’Ġerusalemm tas-sema.

Lilkom ħuti nagħti l-Barka Appostolika tiegħi.

Mogħtija Ruma f’San Pietru, fit-2 ta’ Ġunju Solennità tat-Trinità Qaddisa, fis-sena 1985, is-seba’ sena tal-Pontifikat.

 

Joannes Paulus PP. II

 

Ħajr lil Mryriam Buttigieg

 

         

        

 

 

 

 

 

 


 

 [1] Ġwann Pawlu II, Ittra Appostolika Egregiae virtutis tal-31 ta’ Diċembru 1980.

 [2] Ljun XIII, Enċiklika Grande Munus tat-30 ta’ Settembru 1880; ara wkoll Piju XI, l-Ittra Quod S. Cyrillum tat-13 ta’ Frar 1927, li bagħat lill-Arċisqfijiet u lill-Isqfijiet tas-Saltna tas-Serbi, Kroati u Sloveni u tar-Repubblika taċ-Ċekoslovakkja; Ġwann Pawlu XXIII l-Ittra Appostolika Magnifici Eventus li bagħat lill-Isqfijiet tal-Ġnus Slavi fil-11 ta’ Mejju 1963; l-Ittra Appostolika Antiquae Nobilitatis tat-2 ta’ Frar 1969 u l-ħdax-il mitt sena tal-mewt ta’ San Ċirillu.

 [3] Pawlu VI, Ittra Appostolika Pacis Nuntius tal-24 ta’ Ottubru 1974.

 [4] Ara Magnae Moraviae Fontes Historici, tom. III, Brno 1969, pp. 197-208.

 [5] Fost xi ġnus Slavi l-festa għadha ssir fis-7 ta’ Lulju.

 [6] Ara Vita Constantini VIII, 16-18; Fontes pp. 184.

 [7] Ara Vita Constantini XIV, 2-4; Fontes pp. 199.

 [8] Vita Methodii VI, 2-3; Fontes p.225.

 [9] Ara Magnae Moraviae Fontes Historici t. III, p. 197-208.

 [10] Ara Vita Methodii VIII, 1-2; Fontes p.225.

 [11] Ara Vita Methodii XVII, 13: Fontes p.237.

 [12] ibid;  ara I Kor 9,22.

 [13] Gen 12, 1-2.

 [14] Atti 16, 9.

 [15] Vita Methodii V, 2;  Fontes p.223.

 [16] Vita Constantini XIV, 9; Fontes p.200.

 [17] Vita Constantini VI, 7; Fontes p.179.

 [18] Mk 16, 15.

 [19] Mt 28, 19.

 [20] Gal 3, 26-28.

 [21] Il-Papiet li ġew wara l-Papa Nikol I, għalkemm imħassbin minħabba t-tagħrif kontradittorju li kien qed jaslilhom dwar it-tagħlim u l-ħidma ta’ Ċirillu u Metodju, kull darba li ltaqgħu magħhom, taw dejjem raġun liż-żewġ qaddisin.  Il-projbizzjonijiet u l-limitazzjonijiet dwar l-użu tal-ilsien Slav aktar kienu ġejjin miċ-ċirkostanzi ta’ dak iż-żmien, mit-tibdil politiku li kien hemm u mill-ħtieġa li tinżamm il-għaqda.

 [22] Ġw 17, 21 ss.

 [23] Salm 117 (116), 1.

 [24] Unitatis Redintegratio 4.

 [25] ibia 1.

 [26] Ara Vita Methodii  IX, 3; VIII, 10; Fontes p.229, 228.

 [27] Ara Vita Methodii  IX, 2; Fontes p.229.

 [28] Lumen Gentium, 13.

 [29] Vita Constantini XVI, 8: Fontes p.205.

 [30] Ara Mt 5, 45.

 [31] Vita Constantini XVI, 4-6; Fontes p.205.

 [32] ibid. XVI, 58; Fontes p. 208; Fil 2,11.

 [33] Vita Constantini XVI, 12; Fontes p.206; Salm 66(65) 4.

 [34] Vita Constantini XVI, 13; Fontes p.206; Salm 117(116) 1.

 [35] Ara Salm 112, (111), 4.

 [36] Ara I Tim 2,4.

 [37] Vita Constantini I, 1; Fontes p. 169.

 [38] Ara Mt 13, 52.

 [39] Ara Mt 15, 1-21.

 [40] Vita Methodii II, 1; Fontes p. 220s.

 [41] Ara Vita Methodii XI, 2-3; Fontes p.231.

 [42] Ara Ad Gentes, 38.

 [43] Diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II fil-Bażlika ta’ San Nikola, Bari fis-26 ta’ Frar 1984, 2.

 [44] ibid 1.

 [45] Lumen Gentium, 1.

 [46] Ara Vita Methodii XVII, 9-10; Fontes p. 237; Lq 23, 46; Salm 31 (30,6).

 [47] Vita Methodii XVII, 11; Fontes p.237.