|
|
Mill-Papa Ġwanni Pawlu II |
IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II
ENĊIKLIKA REDEMPTORIS MATER
dwar
IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA
FIL-ĦAJJA TAL-KNISJA PELLEGRINA
FID-DINJA
25 Marzu 1987
DAĦLA
1. Omm il-Feddej għandha post
preċiż fil-pjan tas-salvazzjoni,
għaliex “meta waslet il-milja
taż-żminijiet, Alla bagħat ‘il
Ibnu, imwieled minn mara,
imwieled taħt il-liġi, biex
jifdi lil dawk li kienu taħt
il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni
ta’ wlied. U għax intom ulied,
Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu
f’qalbna jgħajjat ‘Abba Missier!’”
(Gal 4,4-6).
B’dan il-kliem ta’ l-Appostlu
San Pawl, li bih il-Konċilju
Vatikan II beda jitkellem dwar
il-Verġni Marija, jiena wkoll
irrid nibda r-riflessjoni tiegħi
dwar is-sehem tal-Verġni Marija
fil-misteru ta’ Kristu u dwar
il-preżenza ħajja tagħha, ta’
eżempju mill-aqwa, fil-ħajja
tal-Knisja. Għaliex dan il-kliem
fl-istess waqt ifakkar l-imħabba
tal-Missier, il-missjoni ta’ l-Iben,
id-don tal-Ispirtu s-Santu,
il-mara li minnha twieled
il-Feddej, u l-adozzjoni tagħna
bħalha wlied Alla fil-misteru
tal-“milja taż-żmien” .
Din il-“milja” turi l-waqt,
magħżul sa minn dejjem, li fih
il-Missier bagħat lil Ibnu biex
“kull min jemmen fih ma
jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’
dejjem” (Ġw 3,16); turi l-mument
qaddis li fih “il-Verb li kien
ma’ Alla … sar bniedem u għammar
fostna “ (Ġw 1,1.14) u sar ħuna;
turi l-mument li fih l-Ispirtu
s-Santu, li ġa kien sawwab
il-milja tal-grazzja f’Marija,
ix-xebba ta’ Nażaret, sawwar
fil-ġuf safi tagħha n-natura ta’
Kristu bħala bniedem. Din
il-“milja” turi l-waqt li fih
Dak li hu minn dejjem daħal
fiż-żmien, u ż-żmien innifsu ġie
mifdi, u, mimli bil-misteru ta’
Kristu, sar darba għal
dejjem”żmien ta’ salvazzjoni”. U
fl-aħħarnett, din il-“milja”
turi l-bidu misterjuż tal-mixja
tal-Knisja. Fil-Liturġija l-Knisja
ssellem lill-Verġni Marija ta’
Nażaret bħala l-bidu stess
tal-Knisja , għaliex fit-tnissil
bla tebgħa tal-Verġni Marija
tara mfissra, u mħabbra minn
qabel fil-membru l-aktar għoli
tagħha, il-grazzja
tas-salvazzjoni ta’ l-Għid, u
għaliex, fuq kollox, il-Knisja
fl-Inkarnazzjoni tiltaqa’ ma’
Kristu u ma’ Marija marbutin
flimkien b’rabta li ma tinħall
qatt: ma’ Dak li hu s-Sid u r-Ras
tal-Knisja, ma’ Dik li meta
qalet l-ewwel fiat tal-Patt
il-Ġdid ħabbret il-qagħda
tal-Knisja bħala Għarusa u Omm.
2. Imqawwija bil-preżenza ta’
Kristu (ara Mt 28,20), il-Knisja
timxi ‘l quddiem matul
iż-żminijiet sat-tmiem ta’
kollox ħa tiltaqa’ mal-Muilej
huwa u ġej. Iżda f’dan il-mixi
tagħha minnufih – “il-Knisja
tgħaddi mill-istess triq li
minnha għaddiet il-Verġni Marija,
li mxiet dejjem ‘il quddiem
fil-mixja tagħha tal-fidi u
baqgħet iżżomm sħiħa,
bil-fedeltà kollha, ir-rabta
tagħha ma’ Binha sa fuq is-salib.”
Qiegħed nieħu dan il-kliem hekk
għoli u li jfakkarna f’ħafna
veritajiet, mill-Kostituzzjoni
Lumen gentium, li fl-għeluq
tagħha tagħtina fil-qasir, iżda
b’mod l-aktar ċar, it-tagħlim
tal-Knisja dwar l-Omm ta’ Kristu,
miqjuma mill-Knisja bħala l-Omm
l-aktar għażiża tagħha u b]ala
xbieha tagħha fil-fidi, tama u
mħabba.
Ftit wara l-Konċilju, il-Papa
Pawlu VI, ried jitkellem aktar
fit-tul dwar il-Verġni Marija,
Fl-enċiklika Christi Matri u
mbagħad fiż-żewġ
esortazzjonijiet appostoliċi
Signum magnum u Marialis cultus
fisser liema huma l-pedamenti u
liema l-kriterji tal-qima
speċjali li l-Knisja tagħti
lill-Verġni Marija; tkellem
ukoll dwar il-ħafna suriet ta’
devozzjoni lejn il-Verġni Marija
– devozzjonijiet liturġici,
popolari u private li jaqblu
mal-ispirtu tal-fidi.
3. Ir-raġuni li wasslitni biex
nitkellem jiena wkoll dwar
il-Verġni Marija hu l-fatt li
qiegħda toqrob is-sena 2000,
meta l-ġublew tat-tieni elf sena
wara t-twelid ta’ Kristu għandu
jwassalna biex nitfgħu wkoll
ħarsitna lejn Ommu. F’dawn l-aħħar
snin, ħafna semmew leħenhom biex
jgħidu lit kun ħaġa xierqa jekk,
bi tħejjija
għaċ-ċelebrazzjonijiet
tal-elfejn sena wara t-twelid ta’
Kristu, ikun hemm ġublew ieħor
ħa jfakkar it-twelid tal- Verġni
Marija.
Għalkemm ma jistax ikun li
wieħed jgħid b’mod eżatt
twieldet il-Verġni Marija,
il-Knisja dejjem għarfet li l-Verġni
Marija dehret fuq ix-xefaq
tal-ġrajja tas-salvazzjoni qabel
Kristu . Hu minnu li meta
“l-milja taż-żminijiet” kienet
tassew fil-qrib – il-miġja
tal-Għimmanu-el għas-salvazzjoni-
Dik li sa minn dejjem kienet
intgħażlet biex tkun Ommu, ġa
kienet tgħix fid-dinja. Il-fatt
li l-Verġni Marija kienet fid-dinja
“qabel” Kristu turihulna kull
sena l-Liturġija tal-Avvent.
Għalhekk jekk inqabblu dawn is-snin
li fihom qegħdin nersqu lejn
tmiem l-elfejn sena wara Kristu
u lejn il-bidu tat-tielet elf
sena, maż-żmien tal-imgħoddi li
fih kien mistenni l-Feddej,
nifhmu sewwa għaliex f’dan
iż-żmien ta’ issa nixtiequ
naħsbu b’mod speċjali f’dik li
bħala “Kewkba ta’ filgħodu”
(Stella Matutina) bidet tiddi
fil-“lejl” taż-żmien li fih
kienet mistennija l-miġja – l-“Avvent”-
tal-Feddej. Għaliex kif din
il-kewkba, flimkien mas-“sebħ”
tiġi qabel it-tlugħ tax-xemx,
hekk il-Verġni Marija, mill-mument
tat-tnissil tagħha bla tebgħa
ġiet qabel il-miġja tal-Feddej,
ix-“Xemx tielgħa tal-ġustizzja”
fil-ġrajja tal-bniedem fid-dinja
.
Il-preżenza tagħha f’nofs Israel
– preżenza hekk siekta tant li
tista’ tgħid li ħadd ma ntebaħ
biha min-nies ta’ żmienha –
kienet tiddi b’qawwa kbira
quddiem Dak li hum inn dejjem,
li ried isieħeb din “il-bint ta’
Sijon” (ara Sof 3,4; Żak 2, 10),
moħbija għal għajnejn il-bnedmin,
fil-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni
li kien iħaddan il-ġrajja kollha
tal-bniedem. Bir-raġun kollu,
mela, fi tmiem dawn l-elfejn
sena, aħna l-insara, li nafu li
l-pjan provvidenzjali tat-Trinità
Qaddisa huwa l-qofol tal-verità
tar-rivelazzjoni u tal-fidi,
inħossu l-ħtieġa li nuru
bil-qawwa kollha kif Omm Kristu,
b’mod ma hemmx ieħor bħalu, hi
preżenti fil-ġrajja tad-dinja, u
l-aktar f’dawn l-aħħar snin
qabel is-sena 2000.
4. Il-Konċilju Vatikan II
iħejjijna għal dan billi, bit-tagħlim
tiegħu, jurina lil Omm Alla
fil-misteru ta’ Kristu u
tal-Knisja. Jekk hu minnu, kif
jgħallem l-istess Konċilju , li
“biss fil-misteru tal-Verb
magħmul bniedem jiddawwal
il-misteru tal-bniedem”, dan
il-prinċipju għandna napplikawh
b’mod speċjali lil dik “il-bint
tal-bniedem” eċċezzjonali, lil
dik il-“mara” straordinarja li
saret Omm Kristu. Biss
fil-misteru ta’ Kristu jidher
b’mod l-aktar ċar il-misteru
tagħha. Il-Knisja sa mill-bidufittxet
li tfissru b’dan il-mod:
il-misteru tal-Inkarnazzjoni
kien ta’ għajnuna għall-Knisja
biex tidHol aktar fil-fond u
tara b’mod aktar ċar il-misteru
ta’ Omm il-Verb magħmul bniedem.
Il-Konċilju ta’ Efesu (431)
kellu importanza deċisiva f’din
il-ħaġa, għaliex ma’ tulu,
b’ferħ kbir tal-insara,
il-verità li l-Verġni Marija hi
Omm Alla ġiet imwettqa b’mod l-aktar
solenni, bħala verità tal-fidi
tal-Knisja. Marija hi Omm Alla (Theotokos)
għaliex bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu nisslet fil-ġuf tagħha
ta’ verġni u tat lid-dinja lil
Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla li
hu ħaġa waħda mal-Missier .
“L-Iben ta’ Alla… imwieled minn
Marija Verġni… sar tassew wieħed
minna”, bniedem bħalna. Hekk,
permezz tal-misteru ta’ Kristu,
fuq ix-xefaq tal-fidi tal-Knisja,
jiddi fil-mija kollha tiegħ l-misteru
ta’ Ommu. Min-naħa l-oħra, id-domma
li l-Verġni Marija hi Omm Alla,
għall-Konċilju ta’ Efesu u
għall-Knisja, kienet qisha
tissiġilla d-domma
tal-Inkarnazzjoni, li biha
l-Verb sar tassew bniedem bħalna,
fl-għaqda tal-persuna divina
tigħu, mingħajr ma ħassar fih
in-natura ta’ bniedem.
5. Il-Konċilju Vatikan II, huwa
u jurina lill-Verġni Marija
fil-misteru ta’ Kristu, isib
ukoll it-triq biex nifhmu aktar
fil-fond il-misteru tal-Knisja.
Marija, bħalha Omm Kristu, hi
b’mod speċjali marbuta mal-Knisja,
li “l-Mulej għamilha Ġisem
tiegħu” . Il-kliem tal-Konċilju
dwar il-verità li l-Knisja hi l-Ġisem
ta’ Kristu (skont it-tagħlim
tal-ittri ta’ San Pawl), iressaq
b’mod li jfisser ħafna din
il-verità lejn il-verità li l-Iben
ta’ Alla “bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu twieled minn Marija
Verġni”. Il-verità
tal-Inkarnazzjoni b’xi mod
titkompla fil-misteru tal-Knisja
– il-Ġisem ta’ Kristù. U wieħed
ma jistax jaħseb dwar il-verità
tal-Inkarnazzjoni mingħajr ma
jaħseb ukoll f’Marija, Omm il-Vern
magħmul bniedem.
Iżda jien, f’dawn
ir-riflessjonijiet tiegħi, irrid
l-ewwelnett nikkontempla l-“mixja
tal-fidi” li fiha “mxiet ħafna
‘l quddiem il-Verġni Marija”
waqt li żammet dejjem u
bil-fedeltà kollha r-rabta
tagħha ma’ Kristu . B’dan il-mod
ir-rabta doppja li torbot lil
Omm ta’ Alla ma Kristu u mal-Knisja
tikseb tifsir storiku. U din
m’hijiex biss xi ħaġa li għandha
x’taqsam mal-ħajja
tal-Verġni-Omm, mal-mixja
personali tagħha fit-triq
tal-fidi, u mas-“sehem aħjar
tagħha fil-misteru
tas-salvazzjoni, imma hi wkoll
ħaġa li għandha x’taqsam mal-ġrajja
tal-oplu kollu ta’ Alla, ta’
dawk kollha li qegħdin jieħdu
sehem f’din il-mixja tla-fidi.
Dan jgħidu l-Konċilju meta
x’imkien ieħor jgħid li l-Verġni
Marija “marret l-ewwel” u hekk
saret “xbieha tal-Knisja f’dak
li għandu x’jaqsam mal-fidi,
mal-imħabba u mal-għaqda
perfetta ma’ Kristu” . Meta l-Konċilju
jgħid li Marija marret l-ewwel
bħala xbieha jew eżempju,
il-Konċilju dan jgħidu
b’riferenza għall-misteru
tal-Knisja fiha nfisha, hija u
tagħmel u tttemm il-missjoni
tagħha ta’ salvazzjoni, billi
tgħaqqad fiha nfisha – kif
għamlet Marija – il-kwalitajiet
ta’ ommu verġni. Il-Knisja hija
dik il-verġni li “żżomm sħiħa u
safja l-kelma li tat lill-Għarus
tagħha”, u “ssir hi wkoll omm”
għaliex “tagħti twelid ġdid
għall-ħajja ta’ dejjem l-ulied
li jitnisslu bis-setgħa
tal-Ispirtu s-Santu u jitwieldu
minn Alla” .
6. Dan kollu jseħħ tul proċess
storiku kbir, li hu mxebbaħ ma’
“mixja”. Il-mixja tal-fidi turi
mixja fir-ruħ, jiġifieri hi
ġrajja tar-ruħ. Iżda hi wkoll
ġrajja tal-bnedmin kollha, li
f’din id-dinja jridu jgħixu
ħajja li fiha kollox jgħaddi,
ħajja li hi parti mid-dimensjoni
storika tagħhom. Fir-riflessjonijiet
li ġejjin, irrid niġbor
ħsibijieti l-ewwelnett fuq dak
li hu ta’ issa, li fih innifsu
għadu mhux storja, iżda qiegħed
ukoll isawwar bla heda l-istorja,
ukoll bħala storja ta’
salvazzjoni. Hawn quddiemna
għandna dehra tassew wiesgħa li
fiha l-Verġni Marija tibqa’
dejjem timxi l-ewwel quddiem
il-Poplu ta’ Alla. Il-mixja
tal-fidi tagħha, mixja tassew
eċċezzjonali, hi mixja li lejha
jridu dejjem iħarsu biex ikunu
jafu humiex mexjin sewwa, kemm
il-Knisja, u kemm l-individwi u
l-komunitajiet, u kemm il-ġnus u
n-nazzjonijiet, u b’xi mod,
il-bnedmin kollha wkoll. Hi ħaġa
tassew iebsa tħaddan u tqies
il-wiesgħa kollu ta’ din
il-mixja.
Il-Konċilju jinsisti li fl-Omm
ta’ Alla ġa seħħet il-milja
eskatoloġika tal-Knisja:
“Fil-Verġni Marija, il-Knisja ġà
laħqet il-perfezzjoni li biha hi
bla tebgħa u bla tikmixa (ara Ef
5,27)”; fl-istess waqt
il-Konċilju jgħid ukoll li
“id-dixxipli ta’ Kristu għandhom
iħabirku biex jikbru fil-qdusija
billi jegħelbu d-dnub; għalhekk
jgħolluħarsithom lejn Marija li
tiddi għax-xirka kollha
tal-magħżulin bħala eżempju ta’
kull virtù.” Il-mixja tal-fidi
ntemmet għall-Omm l-Iben ta’
Alla; fil-glorja ma’ ġenb Binha
fis-sema, Marija ġà qasmet l-għatba
bejn il-fidi u d-dehra “wiċċ
imb’wiċċ (I Kor 13, 12). Iżda,
fl-istess ħin, għalkemm laħqet
il-milja eskatoloġika tagħha,
Marija tibqa’ l-“Kewkba
tal-baħar” (Maris stella) għal
dawk kollha li għadhom mexjin
il-mixja tal-fidi. Jekk jerfgħu
għajnejhom lejha minn din id-dinja
fejn qegħdin jgħixu, dan
jagħmluh għaliex “hi tat lid-dinja
l-Iben li Alla qiegħdu bħala
“l-ewwel imwieled fost ħafna
aħwa” (Rum 8,29) , għaliex
“fit-tnissil u l-kobor” ta’ dawn
il-ħafna aħwa hi “tagħti sehemha
b’imħabba ta’ omm” .
L-EWWEL TAQSIMA
MARIJA FIL-MISTERU TA’ KRISTU
1. Mimlija bil-grazzja
7. “Imbierek Alla u Missier
Sidna Ġesù Kristu li mliena
b’kull xorta ta’ barka
spiritwali fis-smewwiet fi
Kristu” (Ef 1,3). Dan il-kliem
tal-Ittra lill-Efesin jurina l-pjan
li kellu minn dejjem Alla l-Missier,
il-pjan tas-salvazzjoni
tal-bniedmin fi Kristu. Huwa
pjan universali li jolqot
il-bnedmin kollha maħluqin fuq
is-sura u xbieha ta’ Alla (ara
Ġen 1,26). Kif kulħadd kien
imdaħħal fil-ħidma ta’ Alla
fil-ħolqien “fil-bidu”, hekk
kulħadd hu mdaħħal minn dejjem
fil-pjan ta’ Alla
għas-salvazzjoni, li għandu jiġi
rivelat kollu kemm hu fil-“milja
taż-żminijiet” bil-miġja
tal-aħħar ta’ Kristu. Alla, li
hu l-“Missier ta’ Sidna Ġesù
Kristu” – dan hu kliem li jiġi
wara fl-istess Ittra lill-Efesin
– għażilna fih sa minn qabel
il-ħolqien tad-dinja, biex
inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba. Iddestinana
li nkunu għalih ulied adottivi
permezz ta’ Ġesù Kristu; hekk
għoġob lir-rieda tegħu, li biha
mliena fil-Maħbub tiegħu. Fih
għandna l-fidwa bid-demm tiegħu,
il-maħfra tad-dnubiet, skont
il-għana tal-grazzja tiegħu” (Ef
1, 4-7).
Il-pjan ta’ Alla
għas-salvazzjoni – li ntwera
lilna fis-sħuħija kollha tiegħu
bil-miġja ta’ Kristu – hu pjan
li jibqa’ għal dejjem. U skont
it-tagħlim li nsibu fl-Ittra li
għadna kemm semmejna u f’ittri
oħra ta’ San Pawl (ara Kol
1,12-14; Rum 3,24; Gal 3,13; Kor
5,18-29), hu pjan marbut għal
dejjem ma’ Kristu. Iħaddan lil
kulħadd, imma għandu post
speċjali għal dik il-“mara” li
hi Omm Dak li lilu l-Missier
fdalu l-opra tas-salvazzjoni. U
l-Konċilju Vatikan II jgħallem
li din il-“mara” ġiet imħabbra
minn qabel fil-wegħda li saret
lill-ewwel bniedem wara l-waqgħa
tiegħu fid-dnub – skont il-Ktieb
tal-Ġenesi (ara 3,15) – “Hi
wkoll dik ix-xebba li kellha
ssir omm u tnissel iben u
ssemmih Għimmanu-el” skont
il-kliem tal-profeta Isaija (ara
7,14) . B’dan il-mod it-Testment
il-Qadim iħejji dik “il-milja
taż-żminijiet” meta Alla “bagħat
‘il Ibnu, imwieled minn mara…
biex ikollna l-adozzjoni ta’
wlied”. Il-miġja fid-dinja
tal-Iben ta’ Alla hi ġrajja li
nsibu mniżżla fl-ewwel kapitli
tal-Evanġelji ta’ San Luqa u ta’
San Mattew.
8. Il-Verġni Marija tidħol
definitivament fil-misteru ta’
Kristu permezz tal-ġrajja tat-Tħabbira
tal-Anġlu. Din ġrat f’Nażaret,
f’ċirkostanzi preċiżi tal-ġrajja
tal-poplu ta’ Israel, il-poplu
li kien l-ewwel wieħed li rċieva
l-wegħdiet ta’ Alla. L-Anġlu li
niżel mis-sema jgħid lill-Verġni
Marija: ”Sliem għalik, mimlija
bil-grazzja. Il-Mulej miegħek” (Lq
1,28). Marija “tħawdet ħafna
għal dan il-kliem u bdiet taħseb
bejnha u bejn ruħha x’setgħet
tfisser dik it-tislima” (Lq
1,29), x’setgħu ifissru dawk
il-kelmiet tal-għaġeb, u l-aktar
il-kliem ”mimlija bil-grazzja” (kecharitoméne)
.
Jekk irridu, flimkien ma’ Marija,
naħsbu fuq dan il-kliem, u b’mod
speċjali fuq il-kliem “mimlija
bil-grazzja”, għandna nsibu
kliem li jwieġeb għalih b’mod li
jfisser ħafna, fl-Ittra
lill-Efesin li semmejna aktar
‘il fuq. U jekk wara t-tħabbira
tal-Anġlu tas-sema, ix-Xebba ta’
Nażaret issejħet “imbierka fost
in-nisa” (ara Lq 1,42) dan ġara
minħabba l-barka li “Alla l-Missier”
imliena “fis-smewwiet fi Kristu”.
Hija barka spiritwali li hi
għall-popli kollha, li fiha
nfisha għandha l-milja kollha u
hi għal kulħadd (“kull barka”),
u ġejja minn dik l-imħabba li,
fl-Ispirtu s-Santu, tgħaqqad
flimkien il-Missier u l-Iben, li
hu tal-istess natura tal-Missier.
Hi wkoll, fl-istess waqt, barka
msawba, permezz ta’ Gesù Kristu,
fuq il-grajja kollha tal-bniedem
sal-aħħar taż-zmien: fuq
il-bnedmin kollha. Izda din
il-barka b’mod speċjali u
eċcezzjonali tolqot lill-Verġni
Marija, għaliex Elisabetta
sellmitilha bħala “l-imbierka
fost in-nisa.”
Dawn iż-żewġ tislimiet juru li
f’ruħ il-“Bint ta’ Sijon” dehret
b’xi mod, “il-glorja tal-grazzja”,
ta’ dik il-grazzja li l-“Missier
… ta lill-Ibnu l-maħbub”. L-Anġlu
sellem lill-Verġni Marija
“mimlija bil-grazzja”, qisu dan
kien l-isem veru tagħha. Ma
sejħilhiex bl-isem li bih kienet
magħrufa fid-dinja: Miryam (Marija),
imma b’dan l-isem il-ġdid:
mimlija bil-grazzja. X’ifisser
dan l-isem? Għaliex l-Anġlu
sellem b’dan il-mod lil Marija?
Fi kliem il-Kotba Mqaddsa,
il-kelma “grazzja” tfisser don
speċjali li, skont it-Testment
il-Ġdid, għandu l-bidu tiegħu
proprju fil-ħajja intima ta’
Alla wieħed fi Tliet Persuni,
Alla li hu Mħabba (ara 1 Ġw
4,8). Frott ta’ din l-imħabba
hija l-“għażla” li dwarha
titkellem l-Ittra lill-Efesin.
Min-naħa ta’ Alla, din l-għażla
hi r-rieda ta’ dejjem ta’ Alla
li jsalva l-bniedem billi
jagħtih sehem mill-istess ħajja
tiegħu (ara 2 Piet 1,4) fi
Kristu: hi salvazzjoni permezz
ta’ tisħib fil-ħajja
soprannaturali. L-effett ta’ dan
id-don ta’ dejjem, ta’ din
il-grazzja tal-għażla
tal-bniedem minn Alla, hu qisu
żerriegħa ta’ qdusija, jew għajn
li tfawwar fir-ruħ bħala don ta’
Alla nnifsu, li permezz
tal-grazzja jagħti ħajja u
qdusija lil dawk li jagħżel.
B’dan il-mod isseħħ dik
il-“barka” tal-bniedem “b’kull
xorta ta’ barka spiritwali”, li
biha kull bniedem ikun “iben
adottiv ta’ Alla … fi Kristu”,
f’Dak li minn dejjem hu l-“Iben
il-Maħbub” tal-Missier.
Meta naqraw li l-Anġlu sellem
lil Marija “mimlija bil-grazzja”,
l-Evanġelju, fejn jinġabru
flimkien rivelazzjonijiet u
wegħdiet tal-imgħoddi, jgħinna
nifhmu li fost “kull xorta ta’
barkiet spiritwali … fi Kristu”,
din kienet “barka” speċjali.
Fil-misteru ta’ Kristu, Marija
tinsab sa “minn qabel il-ħolqien
tad-dinja” bħala dik li l-Missier
“għażel” bħala Omm Ibnu bħala
bniedem. U – u din hi xi ħaġa
aqwa – flimkien mal-Missier, l-Iben
għażilha, u fdaha għal dejjem
lill-Ispirtu tal-qdusija. B’mod
tassew speċjali u eċċezzjonali,
Marija hi marbuta ma’ Kristu, u
bl-istess mod hi maħbuba dejjem
f’dan l-Iben il-Maħbub, l-Iben
li hu tal-istess natura
tal-Missier, u li fih tinġabar
il-milja kollha tal-“glorja
tal-grazzja”. Fl-istess waqt
Marija tibqa’ għal kollox
miftuħa għad-“don li jiġi
mis-sema (ara Ġak 1,17). Kif
jgħallem il-Konċilju, Marija “hi
l-ewwel fost il-fqar u ċ-ċkejknin
tal-Mulej, li bil-fiduċja kollha
jistennew u jirċievu mingħandu
s-salvazzjoni” .
9. Jekk it-tislima u l-isem
“mimlija bil-grazzja” jfissru
dan kollu, meta nqisu t-tislima
tal-Anġlu, naraw li jfissru
qabel xejn l-għażla ta’ Marija
bħala Omm l-Iben t’ Alla. Iżda
fl-istess ħin, il-kliem “mimlija
bil-grazzja” jfissru wkoll
il-kobor bla qjies
tal-ġenerożità soprannaturali ta’
Alla li minnha gawdiet Marija
għax intgħażlet u ġiet destinata
biex tkun Omm Kristu. Jekk din
l-għażla kienet fondamentali ħa
jseħħ il-pjan ta’ Alla
għas-salvazzjoni tal-bnedmin, u
jekk l-għażla minn dejjem fi
Kristu u s-sejħa għad-dinjità ta’
wlied adottivi ta’ Alla huma
għal kulħadd, l-għażla
tal-Verġni Marija hi kollha kemm
hi eċċezzjonali u ma kienx hemm
oħra bħalha. Għalhekk Marija
għandha post tassew singulari
fil-misteru ta’ Kristu, post li
ma hemmx ieħor bħalu.
L-Anġlu tas-sema qalilha:
”Tibżax, Marija, għax int sibt
grazzja quddiem Alla. Ara se
tnissel fil-ġuf u jkollok iben u
ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u
jkun jissejjaħ Bin l-Għoli” (Lq
1,30-32). U meta l-Verġni Marija,
kollha mħawda minħabba din it-tislima
tal-għaġeb, tistaqsi: “Kif jista’
jkun dan, ladarba jiena verġni?”,
l-Anġlu jwettqilha kliemu u
jfissirhomlha. Gabrijel qalilha:
“L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u
l-qawwa ta’ Alla tixħet id-dell
tagħha fuqek u għalhekk dak li
jitwieled minnek ikun qaddis u
jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1,35).
It-tħabbira tal-Anġlu hi
għalhekk ir-rivelazzjoni
tal-misteru tal-Inkarnazzjoni
proprju kif beda jseħħ fid-dinja.
Id-don ta’ Alla nnifsu u
tal-ħajja intima tiegħu
għas-salvazzjoni, mogħti
direttament lill-bniedem imma
b’xi mod ukoll lill-ħolqien
kollu, fil-misteru
tal-Inkarnazzjoni hu don mill-iktar
għoli. Dan tassew hu don għoli
ħafna fost id-doni tal-grazzja
li ngħataw tul il-ġrajja
tal-bniedem u tal-ħolqien kollu:
Marija, hi “mimlija bil-grazzja”
proprju għaliex fiha seħħet u
ntemmet l-Inkarnazzjoni tal-Verb,
l-għaqda f’persuna waħda
tal-Iben ta’ Alla man-natura
tagħna l-bnedmin. Bħalma jgħid
il-Konċilju, Marija hi: “l-Omm
tal-Iben ta’ Alla, u għalhekk hi
l-bint għażiża tal-Missier u
tempju tal-Ispirtu s-Santu.
Minħabba dan id-don ta’ grazzja
hekk għolja hi bil-wisq aqwa
mill-ħlejjaq kollha, fis-sema u
fl-art” .
10. L-Ittra lill-Efesin, meta
titkellem dwar il-“glorja
tal-grazzja” li biha “Alla l-Missier”
..... imliena f’Ibnu l-Maħbub”,
iżżid: “Fih għandna l-fidwa fid-demm
tiegħu” (Ef 1,7). Skont it-twemmin
imfisser f’dokumenti solenni
tal-Knisja, din “il-ġrajja
tal-grazzja” tidher f’Omm Alla
mill-fatt li “ġiet mifdija b’mod
mill-iktar għoli” . Minħabba l-għana
ta’ grazzja tal-Iben il-Maħbub u
għall-merti ta’ Dak li ried ikun
Binha, Marija ġiet meħlusa mill-wirt
tad-dnub tan-nisel . B’hekk, sa
mill-ewwel mument tat-tnissil
tagħha – jiġifieri sa minn meta
bdiet teżisti – kienet ta’
Kristu, imsieħba fil-grazzja
tiegħu ta’ salvazzjoni u ta’
qdusija, u f’dik l-imħabba li
għandha l-bidu tagħha fil-Maħbub,
f’Iben il-Missier Etern, li
bl-inkarnazzjoni sar Binha wkoll.
Għalhekk, bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu, fl-ordni tal-grazzja,
li hi tisħiħ fin-natura ta’ Alla,
Marija tirċievi l-ħajja mingħand
Dak li lilu hi stess, fl-ordni
tat-tnissil tad-dinja, tatu l-ħajja
bħala ommu. Il-Liturġija ma
tibżax issejħilha “Omm dak li
ħalaqha” . U sellmilha b’dak
il-kliem li Dante Alighieri
jqiegħed f’fomm San Bernard:
“bint Ibnek” . U għax Marija
tirċievi din “il-ħajja ġdida”
b’milja li taqbel mal-Imħabba
tal-Iben għal Ommu, u għalhekk
taqbel ukoll mad-dinjità tagħha
ta’ Omm Alla, l-Anglu fit-tħabbira
tiegħu, sejħilha”mimlija
bil-grazzja”.
11. Fil-pjan tat-Trinità Qaddisa
għas-salvazzjoni, bil-misteru
tal-Inkarnazzjoni seħhet fuq li
sehħet il-wegħda li Alla għamel
lill-bniedem wara l-ewwel dnub,
wara dak id-dnub li bl-effetti
tiegħu hi mgħobbija l-ġrajja
kollha tal-bniedem fid-dinja (ara
Ġen 3,15). Imma, ara, jiġi fid-dinja
Iben, “nisel ta’ mara” li
jgħaffeġ il-ħażen tad-dnub fl-istess
bidu tiegħu: “hu jgħaffeġ ras
is-serp”. Kif naraw minn kliem
il-protoevanġelju, ir-rebħ ta’
“nisel il-mara” mhux se sseħh
mingħajr taqbida qalila, taqbida
li trid tibqa’ sejra tul
il-grajja kollha tal-bniedem.
Il-“mibgħeda’, imħabbra fil-bidu
, hi mwettqa fl-Apokalissi (il-ktieb
dwar l-aħħar ġrajjiet tal-Knisja
u tad-dinja) fejn jerġa’ jidher
is-sinjal tal-“mara”, din id-darba
“liebsa x-xemx” (Apok 12,2).
Marija, Omm il-Verb magħmul
bniedem tinsab f’nofs din
il-mibgħeda, f’nofs din it-taqbida,
li hi msieħba mal-ġrajja kollha
tal-bniedem fid-dinja u mal-istess
ġrajja tas-salvazzjoni. F’nofs
din it-taqbida, Marija li hija
waħda “mill-fqar u ċ-ċkejknin
tal-Mulej,” għandha fiha nfisha,
b’mod li ebda membru ieħor
tal-familja tal-bnedmin ma
għandu, il-“glorja tal-grazzja”
li l-Missier “tana f’Ibnu l-maħbub,”
u minn din il-grazzja jiġu l-kobor
u l-ġmiel tal-għaġeb kollu
tagħha. B’hekk il-Verġni Marija
tibqa’ quddiem Alla, u quddiem
il-familja kollha tal-bnedmin
ukoll, bħala sinjal li ma
jitbiddel u lanqas jitħassar
qatt tal-għażla li dwarha
titkellem l-Ittra ta’ San Pawl:
“fi Kristu ... għażilna... sa
minn qabel il-ħolqien tad-dinja”
(Ef 1, 4.5.). din l-għażla hi
aqwa minn kull tiġrib tal-ħażen
u tad-dnub, mill-“mibgħeda
kollha li tidher fil-ġrajja
kollha tal-bniedem. F’din
il-ġrajja l-Verġni Marija tibqa’
dejjem sinjal ta’ tama żgura.
2. Mbierka dik li emmnet
12. Minnufih wara l-ġrajja tat-tħabbira
tal-Anġlu, l-evanġelista San
Luqa jmexxina wara l-passi
tal-Verġni ta’ Nażaret lejn
“belt tal-Lhudija” (Lq 1,39).
Skont l-għorrief din il-belt hi
l-belt moderna ta’ Għajn Karim,
fil-għoljiet, ftit ‘il bogħod
minn Ġerusalemm. Il-Verġni
Marija marret hemm “tħaffef”,
biex iżżur lill-qariba tagħha
Elisabetta. Ir-raġuni għaliex
marret iżżurha nsibuha wkoll
fil-fatt li l-Arkanġlu Gabrjel,
meta ħabbar lil Marija,
semmielha wkoll b’mod speċjali
lil Elisabetta, li fi xjuħitha
kellha iben minn żewġha
Żakkarija, bil-qawwa ta’ Alla:
“il-qariba tiegħek Elisabetta,
fi xjuħitha, hi wkoll nisslet
iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt
xhur dik li għaliha kienu jgħidu
li ma jistax ikollha tfal għax
għal Alla ma hemm xejn li ma
jistax isir” (Lq 1,36-37) L-Anġlu
mis-sema tkellem dwar dak li
kien seħħ f’Elisabetta biex
iwieġeb għall-mistoqsija ta’
Marija: “Kif ikun dan ladarba
jiena verġni?” (Lq 1,34). Dan se
jiġi proprju bil-“Qawwa
tal-Għoli”, l-istess kif ġara
f’Elisabetta, anzi wisq aktar
minn hekk.
Imqanqla mill-imħabba, Marija,
għalhekk, marret f’dar il-qariba
tagħha. Kif daħlet Marija
għandha, Elisabetta wieġbet
għat-tislija tagħha u ħasset it-tarbija
taqbeż fil-ġuf u “mtliet
bl-Ispirtu s-Santu” u nfexxet
f’għajta kbira u qalet:
“Imbierka inti fost in-nisa u
mbierek il-frott tal-Guf tiegħek”;
(ara Lq 1, 40-42). L-għajta jew
tislima ta’ Elisabetta ’l
quddiem saret parti mis-Sliema,
u kompliet it-tislima tal-Anġlu,
u hekk saret waħda mit-talbiet
li l-aktar jingħadu fil-Knisja.
Iżda wisq aktar ifisser il-kliem
ta’ Elisabetta fil-mistoqsija li
għamlet wara: “U minn fejn ġieni
dan li Omm il-Mulej tiġi għandi?”
(Lq 1, 43). It-tarbija hu Ġwanni
l-Battista li ħdejn ix-xmara
Ġordan kellu juri lin-nies lil
Ġesù bħala l-Messija.
Il-kliem kollu tat-tislima ta’
Elisabetta jfisser ħafna, iżda
jidher l-aħħar kelmiet tagħha
għandhom importanza fondamentali.
“Hienja dik li emmnet li se
jseħħ kull ma bagħat jgħidilha
l-Mulej” (Lq 1, 45) . Dan
il-kliem jista’ jintrabat mal-kliem
tat-tislima tal-Anġlu “mimlija
bil-grazzja”. Dawn iż-żewġ testi
huma essenzjalment marjoloġiċi,
jiġifieri juru verità dwar
Marija li verament daħlet
fil-misteru ta’ Kristu proprju
għaliex “emmnet”. Il-milja
tal-grazzja mħabbra mill-Anġlu
tfisser id-don ta’ Alla nnifsu,
Il-fidi ta’ Marija, imħabbra
minn Elisabetta fiż-żjara lilha
ta’ Marija, turi kif il-Verġni
ta’ Nażaret wieġbet għal dan
id-don.
13. Kif jgħallem il-Konċilju,
“l-ubbidjenza tal-fidi” (Rum
16,26: ara Rum 1,5; Kor 10, 5-6)
hi ubbidjenza lejn Alla li
jirrivela l-misteri tal-fidi,
ubbidjenza li biha l-bniedem
minn rajh jafda lilu nnifsu
kollu kemm hu lil Alla . Din l-ubbidjenza
tal-fidi seħħet b’mod l-aktar
perfett f’Marija. Il-mument
“deċisiv” kien it-tħabbira
tal-Anġlu, u kliem Elisabetta hu
proprju dwar dan il-mument:
“hienja dik li emmnet” .
Fit-tħabbira tal-Anġlu Marija
rħiet lilha nfisha kollha kemm
hi f’idejn Alla, qagħdet għalih
“bil-qawwa kollha tal-fehma u r-rieda
tagħha,” u wriet “l-ubbidjenza
tal-fidi” tagħha lejn Dak li
kellimha permezz tal-Anġlu
tiegħu . Wieġbet għalhekk
bil-“jien” kollu tagħha ta’
bniedma u ta’ mara, u din it-tweġiba
tal-fidi tagħha kienet tħaddan
kemm kooperazzjoni sħiħa
“mal-grazzja ta’ Alla li
tingħata qabel u tkompli tgħin”,
u kemm ftuħ sħiħ għall-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu, “li bla
heda jwassal għall-perfezzjoni
l-fidi bid-doni tiegħu” .
Il-kelma ta’ Alla l-ħaj,
imħabbra mill-Anġlu lil Marija,
kienet dwarha: “Ara inti se
tnissel fil-ġuf u jkollok iben (Lq
1,31). Għax laqgħet din it-tħabbira,
Marija saret “Omm il-Mulej”,
il-misteru tal-Inkarnazzjoni
seħħ fiha. “Il-Missier ta’ kull
ħniena ried li qabel isseħħ l-Inkarnazzjoni
dik li kellha tkun Omm l-Iben ta’
Alla magħmul bniedem tagħti l-kunsens
tagħha” . Marija tagħtu dan
il-kunsens, wara li semgħet kull
ma kellu jgħidilha l-Anġlu.
Qalet: “Ara, jien il-qaddejja
tal-Mulej, ħa jsir minni skont
kelmtek: (Lq 1, 38). Il-fiat ta’
Marija – “ħa jkun minni” – kien
deċisiv min-naħa tal-bniedem,
biex iseħħ il-misteru ta’ Alla.
Hemm qbil sħiħ ma’ kliem l-Iben
li, skont il-kittieb tal-Ittra
lil-Lhud, qal lill-Missier huwa
u dieħel fid-dinja: “Sagrifiċċju
u offerta int ma ridtx, imma
ġisem int ħejjejt għalija...Hawn
jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda
tiegħek, O Alla” (Lh 10, 5-7).
Il-misteru tal-Inkarnazzjoni
seħħ meta Marija qalet il-fiat
tagħha: “ħa jkun minni skont
kelmtek”, il-fiat li bih, sakemm
kien jiddependi minnha skont
il-pjan ta’ Alla, ix-xewqa ta’
Binha setgħet isseħħ.
Marija qalet il-fiat tagħha
bil-fidi. Bil-fidi ntelqet
f’idejn Alla bla ebda
kondizzjoni u “tat ruħha kollha
kemm hi bħala qaddejja tal-Mulej
għall-qadi tal-persuna u l-ħidma
ta’ Binha” . U dan l-Iben – kif
jgħallmu Missirijiet il-Knisja –
nisslitu fil-fehma tagħha qabel
nisslitu fil-ġuf tagħha, u dan
proprju bil-fidi. Bir-raġun
kollu għalhekk Elisabetta
tfaħħar lil Marija: “Hienja dik
li emmnet li jseħħ kull ma
bagħat jgħidilha l-Mulej”. Dan
il-kliem kien ġà sseħħ. Il-Verġni
Marija ta’ Nażaret tfaċċat fuq
l-għatba tad-dar ta’ Elisabetta
u Żakkarija bħall-Omm l-Iben ta’
Alla. “Omm il-Mulej tiġi għandi!”
14. Il-fidi ta’ Marija nistgħu
nqabbluha mal-fidi ta’ Abraham
li San Pawl isejjaħlu “missierna
fil-fidi” (ara Rum 4,12).
Fil-pjan tas-salvazzjoni, kif
irrivelat minn Alla, il-fidi ta’
Abraham hi l-bidu tal-Patt
il-Qadim; il-fidi ta’ Marija
fit-tħabbira tal-Anġlu, wara li
stqarret il-verġinità tagħha (“kif
ikun dan ladarba jiena verġni?”)
emmnet li bil-qawwa tal-Għoli,
bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu,
kellha tkun Omm l-Iben ta’ Alla,
skont ma ħabbrilha l-Anġlu: “Dak
li jitwieled minnek ikun qaddis
u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1,35).
Iżda kliem Elisabetta: “Hienja
dik li emmnet” ma jgħoddx biss
għall-waqt tat-tħabbira
tal-Anġlu. Veru li t-tħabbira
tal-Anġlu kienet il-mument li
fih il-fidi ta’ Marija laħqet
il-qofol tagħha hija u tistenna
‘l Kristu, iżda t-tħabbira
tal-Anġlu hija wkoll il-mument
tal-bidu tal-mixja tagħha lejn
Alla, il-mixja sħiħa tagħha
tal-fidi. U f’din il-mixja b’mod
tassew għoli u ta’ qlubija liema
bħalha – anzi bi qlubija aqwa ta’
fidi – isseħħ l-“ubbidjenza”
tagħha għall-kelma li Alla
irrivelalha. “L-ubbidjenza
tal-fidi” ta’ Marija, tul din
il-mixja tagħha, turi xebh
tassew tal-għaġeb mal-fidi ta’
Abraham. Bħall-patrijarka
tal-Poplu ta’ Alla, Marija, tul
il-mixja tal-fiat tagħha bħala
bint u omm, “ittamat u emmnet
ukoll meta ma kienx hemm ebda
tama”. Speċjalment f’ċertu
mumenti ta’ din il-mixja tagħha,
l-hena mogħti lilha “għax emmnet”
jidher b’mod tassew ħaj. Temmen
jiġifieri “titlaq lilek innifsek”
għall-verità tal-kelma ta’ Alla
l-ħaj, għax taf u, bl-umiltà
kollha, tagħraf kemm ħadd ma
jista’ jgħarbel il-ġudizzji ta’
Alla u jifhem it-triqat tiegħu
(Rum 11,33) Il-Verġni Marija, li,
għax din kienet ir-rieda ta’
dejjem ta’ Alla l-Għoli, sabet
ruħha f’nofs it-triqat ta’ Alla
li ma nifhmuhomx u f’nofs
il-ġudizzji tiegħu li ħadd ma
jista’ jgħarbilhom, qagħdet
għalihom fid-dawl dgħajjef
tal-fidi, u, b’mod sħiħ u
minnufih, laqgħet bil-qalb kull
ma kien hemm fil-pjan ta’ Alla.
15. Meta fit-tħabbira tal-Anġlu
Marija semgħet dwar l-Iben li
tiegħu kellha tkun l-Omm u li
kellha ssemmih Ġesù (jiġifieri
Feddej), saret taf ukoll li
“l-Mulej Alla se jagħtih it-tron
ta’ David missieru,” u li “se
jsaltan għal dejjem fuq dar
Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem
għas-saltna tiegħu.” (Lq
1,32-33). F’dan kienet it-tama
kollha ta’ Israel. Il-Messija
mwiegħed għandu jkun “kbir” u l-Anġlu
jħabbar li “Hu jkun kbir” – kbir
kemm għax jissejjah Bin il-Għoli
u kemm għaliex se jieħu l-wirt
ta’ David. Kellu mela jkun
sultan, kellu jsaltan “fuq dar
Ġakobb”. Marija kienet kibret
fost dawn it-tamiet tal-poplu
tagħha: setgħet tobsor, waqt it-tħabbira
tal-Anġlu, x’tifsir essenzjali
kellu l-kliem tal-Anġlu? U kif
kellu jiftiehem il-kliem li
“s-saltna tiegħu ma kienx se
jkun hemm tmiem għaliha?
Għalkemm bil-fidi Marija setgħet
dak il-ħin tagħraf li hi l-Omm
il-Messija-sultan, madankollu
wieġbet: Hawn jien il-qaddejja
tal-Mulej, ħa jkun minni skont
kelmtek” (Lq 1,38). Sa mill-ewwel
mument, Marija stqarret
“l-ubbidjenza tal-fidi” għax
qagħdet għal kollox għat-tifsir
li ngħata lill-kliem tat-Tħabbira
minn Dak li minnu kienu ġejjin:
minn Alla stess.
16. Aktar tard, ftit aktar ’il
quddiem fit-triq tal-“ubbidjenza
tal-fidi”, Marija semgħet kliem
ieħor: il-kliem li qalilha x-xwejjaħ
Xmun fit-tempju ta’ Ġerusalemm.
Għaddew erbgħin jum mit-twelid
ta’ Ġesù, meta, skont
il-preċetti tal-liġi ta’ Mosè,
Marija u Ġużeppi “ħadu ‘l Ġesù
Ġerusalemm biex jippreżentawh
lill-Mulej” (Lq 2,22). It-twelid
ta’ Ġesù ġara f’qagħda ta’ faqar
mill-akbar. Nafu minn San Luqa
li, minħabba ċ-ċensiment li
kienu ordnaw l-awtoritajiet ta’
Ruma, Marija marret Betlehem ma’
Ġużeppi u, għax ma kienx hemm
post għalihom fil-lukanda, tat
it-twelid lil Binha fi stalla u
qegħditu f’maxtura (Lq 2,7).
Bniedem ġust, li kellu l-biża’
ta’ Alla, jismu Xmun, jidher
fil-bidu tal-“mixja” tal-fidi ta’
Marija. Kliemu, imnebbaħ mill-Ispirtu
s-Santu (ara Lq 2,25-27) iwettaq
il-verità tat-tħabbira tal-Anġlu.
Naqraw li laqa’ fuq dirgħajh it-tarbija
li lilha – skont l-ordni
tal-Anġlu – kien ingħatalha l-isem
ta’ Ġesù (ara Lq 2,21). Kliem
Xmun jaqbel mat-tifsira ta’ dan
l-isem li jfisser Salvatur:
“Alla hu salvazzjoni”. Xmun, dar
lejn Alla u qal: “Ghaliex
għajnejja raw is-salvazzjoni
tiegħek li int ħejjejt
għall-popli kollha, dawl biex
idawwal il-ġnus u l-glorja
tal-poplu tiegħek Israel” (Lq 2,
30-32). Iżda fl-istess waqt Xmun
ikellem lil Marija b’dan
il-kliem: “Ara din it-tarbija se
ġġib il-waqgħa u l-qawmien ta’
ħafna f’Israel, għax se jkun
sinjal li jmeruh biex jinkixfu
l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’
ħafna” u żied jgħid direttament
lil Marija: “u inti sejf
jinfidlek ruħek!” (ara Lq
2,34-35) Kliem Xmun jagħtu dawl
ġdid lit-tħabbira li Marija
semgħet mingħand l-Anġlu: Ġesù
hu s-Salvatur, hu dawl li
jdawwal il-bnedmin kollha. Mhux
dan li ntwera b’xi mod fil-lejl
tal-Milied meta r-rgħajja marru
l-istalla (ara Lq 2, 8-20)? U
dan ma deherx b’mod aktar ċar
bil-miġja tal-Magi mil-Lvant (ara
Mt 2, 1-2)? Iżda fl-istess waqt,
sa mill-bidu tal-ħajja tiegħu,
Iben Marija, u Ommu miegħu, raw
bl-esperjenza tagħhom stess,
kemm kien veru l-kliem l-ieħor
ta’ Xmun: “se jkun sinjal li
jmeruh” (Lq 2,34). Kliem Xmun
qiesu tieni tħabbira lil Marija,
għax qed iħabbrilha l-qagħda
storika li fiha Binha kellu
jtemm il-missjoni tiegħu
jiġifieri mġarrab bin-niket u
mhux mifhmum. Jekk din it-tħabbira
min-naħa wettqet il-fidi ta’
Marija fil-wegħdiet ta’ Alla
għas-salvazzjoni, min-naħa l-oħra
wrietha li kellha tgħix l-ubbidjenza
tal-fidi tagħha fit-tbatija, ma’
ġenb Salvatur li kellu jbati, u
li maternità tagħha kellha tkun
misterjuża u kollha niket. U
għalhekk, ara, wara ż-żjara tal-Magi
li ġew mil-Lvant u wara li taw
qima lil Ġesù (inxteħtu fl-art
jadurawh”), Marija flimkien mat-tarbija
Ġesù, kellha taħrab lejn l-Eġittu,
imħarsa minn Ġużeppi, għaliex
“Erodi se jfittex it-tifel biex
joqtlu” (ara Mt 2,13). U sa ma
miet Erodi kellhom jibqgħu fl-Eġittu
(ara Mt 2,15).
17. Meta l-familja mqaddsa
reġgħet lura Nażaret, wara l-mewt
ta’ Erodi, beda żmien twil ta’
ħajja moħbija. Hi li “emmnet li
jseħħ kull ma bagħat jgħidilha
l-Mulej” (Lq 1,45) kienet tgħix
il-verità ta’ dan il-kliem minn
jum għall-ieħor. U kuljum ma’
ġenbha kellha l-Iben li tagħtu
l-isem ta’ Ġesù; bih ħdejha żgur
sejħitlu b’dan l-isem, ħaġa li
ma kellhiex tgħagġeb lil ħadd,
għax dan l-isem kien ilu
jingħata f’Israel. Madankollu,
Marija kienet taf li Dak li
kellu l-isem ta’ Ġesù ġie
msejjaħ mill-Anġlu, Bin i-Għoli
(ara Lq 1,32). Marija kienet taf
li nisslitu u tagħtu t-twelid
“mingħajr ma kienet tagħraf
raġel,” bis-setgha tal-Ispirtu
s-Santu, bil-qawwa tal-Għoli li
xeħtet id-dell tagħha fuqha (ara
Lq 1,35), l-istess kif bħal fi
żmien Mosè u l-patrijarki sħabha
kienet tgħatti l-preżenza ta’
Alla (ara Es 24,16;40,34-35; I
Slat 8,10-12) Għalhekk Marija
kienet taf li l-Iben li taghtu
t-twelid bla ma ttiefset
xbubitha kien tassew “il-Qaddis”,
“Bin Alla”, li dwaru kellimha l-Anġlu.
Tul is-snin tal-ħajja moħbija ta’
Ġesù fid-dar ta’ Nażaret,
il-ħajja ta’ Marija wkoll kienet
moħbija ma’ Kristu f’Alla (ara
Kol3,3) permezz tal-fidi.
Għaliex il-fidi hi kuntatt mal-misteru
ta’ Alla. Kuljum il-Verġni
Marija kienet kontinwament
f’kuntatt mal-misteru għoli ta’
Alla magħmul bniedem, misteru li
jisboq kull ma ġie rivelat
fil-Patt il-Qadim. Mill-mument
tat-tħabbira tal-Anġlu l-Omm
Verġni kienet daħlet fit-“tiġdid”
radikali tar-rivelazzjoni ta’
Alla minnu nnifsu u saret taf
bil-misteru. Hi l-ewwel waħda
fost “dawk iċ-ċkejknin” li
dwarhom Gesù kellu darba jgħid:
“Missier ... int dawn il-ħwejjeġ
ħbejthom lil min għandu l-għerf
u d-dehen u wrejthom
liċ-ċkejknin” (Mt 11,28) Għaliex
“ħadd ma jagħraf l-Iben jekk
mhux il-Missier” (Mt 11, 27).
Kif setgħet mela Marija “tagħraf
l-Iben”? Żgur ma tagħrfux kif
jagħrfu l-Missier, iżda hi l-ewwel
waħda fost dawk li lilhom
il-Missier ried jgħarraf l-Iben
(ara Mt 11,26-27; I Kor 2,11).
Sa mill-mument tat-tħabbira
tal-Anġlu ġie mgħarraf lilha l-Iben,
li l-Missier biss kien jafu għal
kollox, għax nisslu sa “mil-lum”
(ara Salm 2, 7) ta’ dejjem.
Marija, Ommu, hi f’kuntatt mal-verità
ta’ Binha bil-fidi u permezz
tal-fidi biss. Hi hienja għax
“emmnet” u baqgħet temmen jum
wara l-ieħor fost it-tiġrib u d-diffikultajiet
tat-tfulija ta’ Ġesù, u mbagħad
ukoll tul is-snin tal-ħajja
moħbija f’Nażaret, meta “kien
jobdihom” (Lq 2,51), jibdi lil
Marija u lil Ġużeppi wkoll, għax
dan kien jaqdi d-dmir ta’
missier għalih quddiem
il-bnedmin, tant li iben Marija
kien magħruf bħala “bin
il-mastrudaxxa” (Mt 13,55).
Omm dak l-Iben, għalhekk, hija u
tiftakar f’kull ma ntqalilha
fit-tħabbira tal-Anġlu u f’kull
ma seħħ wara, iġġorr fiha t-“tiġdid”
radikali tal-fidi: il-bidu
tal-Patt il-Gdid. Dan hu l-bidu
tal-Evanġelju, jiġifieri
tal-Bxara t-tajba ta’ ferħ. Iżda
mhux ħaġa iebsa f’dan il-bidu
tara toqol u għeja partikulari
tal-qalb, flimkien ma’ sura ta’
“lejl tal-fidi” – biex nuża
frażi ta’ San Ġwann tas-Salib –
qisu xi “velu” li minnu trid
tgħaddi biex tersaq lejn Dak li
ma jidhirx u tgħix f’ħajja
intima mal-misteru. U proprju
b’dan il-mod li Marija, għal
ħafna snin, għexet ħajja intima
mal-misteru ta’ Binha, u mxiet
il-mixja tagħha tal-fidi, waqt
li Ġesù kien “jikber fil-għerf
... u fil-grazzja quddiem Alla u
quddiem il-bnedmin” (Lq 2, 52)
L-imħabba ta’ Alla għalih kienet
dejjem aktar tidher
għall-għajnejn il-bnedmin. U l-ewwel
waħda fost il-bnedmin maħluqa li
ngħata lilha li tagħraf ‘il
Kristu kienet proprju Marija li,
ma’ Ġużeppi, kienet tgħix ma’
Kristu fid-dar ta’ Nażaret.
Iżda, imbagħad, wara li Ġesù
nstab fit-tempju,
għall-mistoqsija ta’ ommu:
“Għaliex għamiltilna hekk?” Ġesù,
it-tfajjel ta’ tnax-il sena,
wieġeb: “Ma tafux li jien għandi
nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”
u l-evanġelista jżid jgħid:
“Huma (Marija u Ġużeppi) dan
kliemu ma fehmuhx” (Lq 2,
48-50). Mela Ġesù kien jaf li
“ħadd ma jagħraf l-Iben jekk
mhux il-Missier” (Mt 11,27),
tant li dik ukoll, li lilha ġie
rivelat il-misteru sħiħ tiegħu
bħala Bin Alla kienet tgħix fl-intimità
ta’ dan il-misteru bil-fidi biss!
Hija u tgħix qrib Binha taħt
saqaf wieħed, u tħares
bil-fedeltà kollha “r-rabta
tagħha ma’ Binha”, kienet timxi
‘l quddiem fil-mixja tagħha
tal-fidi, kif jgħallem
il-Konċilju bil-qawwa kollha .
Hekk ukoll, tul il-ħajja
pubblika ta’ Kristu (ara Mk 3,
21-35), minn jum għall-ieħor
kienet isseħħ fiha t-tislima ta’
Elisabetta nhar iż-żjara tagħha:
“Hienja dik li emmnet”.
18. Din it-tislima tilħaq
il-qofol tagħha meta Marija
kienet ħdejn is-salib ta’ Binha
(ara Ġw 19,25). Il-Konċilju
jgħidilna li dan ma seħħx
“mingħajr il-ħsieb ta’ Alla”:
“ingħaqdet sal-qiegħ ma’ Binha
l-waħdani fit-tbatijiet tiegħu u
ssieħbet fis-sagrifiċċju tiegħu
bil-qalb tagħha ta’ omm, hija u
tilqa’, bl-imħabba kollha, li
jkun offert bħala vittma dak li
lilu tat it-twelid”; b’dan il-mod
il-Verġni Marija żammet sħiħa r-rabta
tagħha ma’ Binha sa fuq is-salib
. Kienet rabta permezz tal-fidi
– ta’ dik l-istess fidi li biha
laqgħet kliem l-Anġlu fil-mument
tat-tħabbira tiegħu. Dak il-ħin
kienet semgħet ukoll il-kliem:
“Hu jkun kbir... u l-Mulej Alla
jagħtih it-tron ta’ David
missieru u jsaltan għal dejjem
fuq dar Ġakobb u ma jkunx hemm
tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq
1,32-33).
U issa, wieqfa ħdejn is-salib,
Marija hija x-xhud, biex
nitkellmu ta’ bnedmin li aħna,
taċ-ċaħda sħiha ta’ dan il-kliem.
Fuq l-għuda tas-salib Binha kien
qiegħed imdendel f’agunija,
bħala wieħed ikkundannat. “Kien
imżeblah u mwarrab mill-bnedmin,
bniedem li bata,,, bniedem
imżeblah u aħna xejn ma qisnieh”:
bniedem meqrud (ara Is 53,3-5).
Kemm mela kienet kbira, kemm
qalbiena l-ubbidjenza tal-fidi
li wriet Marija quddiem
il-ġudizzji ta’ Alla li qatt ma
nistgħu ngħarbluhom! Kif
“intelqet għal kollox f’idejn
Alla” u offrietlu l-qima sħiħa
tal-fehma u tar-rieda tagħha lil
Dak li triqatu ħadd ma jifhimhom!
(ar Rum 11, 33) u kemm ukoll
kienet qawwija l-ħidma
tal-grazzja fir-ruħ tagħha, kif
xterdet għal kollox fiha l-qawwa
tal-Ispirtu s-Santu u d-dawl u
s-setgħa tiegħu!
Permezz ta’ din il-fidi
ingħaqdet b’mod l-aktar perfett
ma’ Kristu meta hu tneżża minn
kollox. Għaliex Kristu Ġesù
“għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu
daqs Alla, imma xejjen lilu
nnifsu billi ħa n-natura ta’
lsir, u deher minn barra bħala
bniedem”, u proprju fuq
il-Golgota “ ċekken lilu nnifsu
billi obda sal-mewt anzi
sal-mewt tas-salib” (ara Fil
2,5-8) Ħdejn is-salib Marija
permezz tal-fidi ssieħbet ma’
Binha fil-misteru tal-biża’ ta’
meta ċekken lilu nnifsu. Din hi
forsi l-ikbar kenosis tal-fidi
fil-ġrajja tal-bniedem. Permezz
tal-fidi l-Omm tissieħeb
fil-mewt ta’ Binha, fil-mewt li
biha fdiena; iżda b’kuntrast
mal-fidi tad-dixxipli li ħarbu,
il-fidi ta’ Marija kienet iktar
imdawla. Fuq il-Golgota, Ġesù
permezz tas-salib wera darba
għal dejjem li hu kien sinjal li
jmeruh, “is-sinjal li jmeruh”
imħabbar minn Xmun. Fl-istess
waqt fuq il-Golgota seħħ ukoll
il-kliem li Xmun kien qal lil
Marija: “int ukoll sejf
jinfidlek ruħek” .
19. Iva, veru “hienja dik li
emmnet”. Dan il-kliem li ntqal
minn Elisabetta wara t-tħabbira
tal-Anġlu, hawn ħdejn is-salib
qisu qed jiġi mtenni b’qawwa
aktar kbira, u l-qawwa li tinsab
fih issir xi ħaġa li tidħol ‘il
ġewwa sewwa. Mis-salib,
jiġifieri mill-qalba tal-misteru
tal-fidwa, toħroġ u tinxtered
il-barka tal-fidi. Tmur sa “l-bidu”,
u bħala tisħib fis-sagrifiċċju
ta’ Kristu – l-Adam il-ġdid-
issir b’xi mod kuntrast mad-diżubbidjenza
u man-nuqqas ta’ fidi, li dehru
fid-dnub ta’ Adam. Hekk jgħallmu
Missirijiet il-Knisja u b’mod
speċjali San Irinew, li hu ċitat
fil-Kostituzzjoni Lumen gentium:
“L-għoqda li ġabet id-diżubbidjenza
ta’ Eva nħallet mill-ubbidjenza
ta’ Marija: dak li l-verġni Eva
rabtet bin-nuqqas ta’ fidi
tagħha, Marija ħallietu bil-fidi
tagħha” . Fid-dawl ta’ dan
il-paragun bejn Eva u Marija,
Missirijiet il-Knisja – kif
jgħid il-Konċilju – isejħu lil
Marija “Omm il-ħajjin’ u spiss
jitkellmu dwar “il-mewt li ġiet
permezz ta’ Eva u l-ħajja li
ġiet permezz ta’ Marija” .
Fil-kliem:”hienja dik li emmnet”,
nistgħu għalhekk naraw qisu
muftieħ li jiftħilna l-verità l-aktar
għolja dwar Marija, dwar dik li
l-Anġlu sellmilha “mimlija
bil-grazzja”. Għax “mimlija
bil-grazzja”, Marija hi minn
dejjem ta’ dejjem preżenti
fil-misteru ta’ Kristu, u,
permezz tal-fidi, hi ssieħbet
f’dan il-msiteru tul iż-żmien
kollu ta’ ħajjitha fid-dinja. Hi
mxiet ‘il quddiem fil-mixja
tagħha tal-fidi, u fl-istess ħin,
b’mod sieket, imma dirett u
effettiv, ġabet fost il-bnedmin
il-misteru ta Kristu. U dan
għandha tagħmlu. Permezz
tal-misteru ta’ Kristu, hi wkoll
tinsab fi ħdan il-familja
tal-bnedmin. Hekk permezz
tal-misteru ta’ Binha,
il-misteru tal-Omm jidher ċar.
3. Hemm hi ommok
20. L-Evanġelju ta’ San Luqa
jsemmi l-mument li fih waħda
mara għolliet leħenha minn qalb
il-folla u qalet lil Ġesù:
“Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider
li rdajt” (Lq 11.27) Dan
il-kliem hu kliem ta’ tifħir
għal Marija bħala Omm Ġesù skont
il-ġisem. Aktarx li dik il-mara
lil Marija ma kinitx tafha; għax
meta Ġesù beda l-ħidma
messjanika tiegħu, Marija ma
marritx miegħu, imma baqgħet
f’Nażaret. Wieħed jista’ jgħid
li l-kliem ta’ dik il-mara mhux
magħrufa ħareġ b’xi mod lil
Marija mill-moħba tagħha.
B’dak il-kliem, f’nofs il-folla,
idda għal xi mument, l-Evanġelju
tat-tfulija ta’ Ġesù. Dan hu l-Evanġelju
li fih Marija tidher bħala l-omm
li tnissel fi ħdanha lil Ġesù,
tagħtih it-twelid u treddgħu; l-omm
li tredda’ li dwarha tkellmet
il-mara minn fost il-folla.
Minħabba din il-maternità, Ġesù,
l-Iben ta’ Alla l-Għoli, (ara Lq
1,32) hu wkoll veru bin
il-bniedem. Hu “bniedem” bħal
kull bniedem ieħor, hu l-Verb li
sar bniedem (ara Ġw 1,14). Hu
ġisem u demm Marija.
Iżda għall-hena, imxandar minn
dik il-mara għal omm Gesù bħala
bniedem, Gesù wieġeb b’mod li
jfisser ħafna: “Imma tassew
ngħidlek wisq aktar hienja dawk
li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u
jħarsuha!”. (Lq 11,28). Gesù
ried iwarrab l-attenzjoni
tal-folla minn maternità li
tiftiehem biss mir-rabta
tal-ġisem, biex iwassalha
għar-rabtiet misterjużi
tal-ispirtu li joħorġu mis-smigħ
u l-ħarsien tal-kelma ta’ Alla.
Dan il-moviment lejn il-qasam
tal-valuri spiritwali jidher
aktar ċar fi tweġiba oħra ta’
Ġesù li naqraw fl-Evanġelji
sinottiċi kollha. Meta lil Ġesù
qalulu li ommu u ħutu kienu
barra u riedu jarawh, hu wieġeb:
“Ommi u ħuti huma dawk li
jisimgħu l-kelma ta’ Alla u
jagħmlu dak li jgħid hu” (Lq 8,
20-21). Dan qalu “huwa u jdawwar
ħarstu fuq dawk li kien hemm
madwaru bilqiegħda”, kif naqraw
f’San Mark (Mk 3,34), jew, kif
jgħidilna San Mattew (12,49),
“huwa u jmidd idu lejn id-dixxipli
tiegħu.”
Dan il-kliem qisu jaqbel mat-tweġiba
li Ġesù, ta’ tnax-il sena, ta
lil Marija u lil Ġużeppi meta
sabuh wara tlett ijiem fit-tempju
ta’ Ġesuralemm.
Issa wara li Ġesù ħalla Nażaret
u beda l-ħajja pubblika tiegħu
fil-Palestina kollha, kien kollu
kemm hu u kien biss f’dak li hu
ta’ Missieru (ara Lq 2,49). Kien
jidher iħabbar is-Saltna: is-“Saltna
ta’ Alla” u “dak li hu ta’
Missieru”, li jżidu dimensjoni
ġdida u tifsir ġdid lil kull ma
hu tal-bniedem, u għalhekk lil
kull rabta tal-bniedem, f’dak li
għandu x’jaqsam mal-għanijiet u
d-dmirijiet li għandu kull
bniedem. F’din id-dimensjoni
ġdida, rabta bħal dik ta’
“l-aħwa” tfisser xi ħaġa aktar
mir-“rabta tal-aħwa skont
il-ġisem”, li tiġi mill-fatt li
dawn l-aħwa ġejjin kollha mill-istess
ġenituri. Il-maternità wkoll
fid-dimensjoni tas-saltna ta’
Alla u fid-dawl tal-paternità ta’
Alla nnifsu tieħu tifsir ieħor.
Fil-kliem li jsemmilna San Luqa,
Ġesù jgħallimna proprju din it-tifsira
ġdida tal-maternità.
B’dan Ġesù qiegħed jitbiegħed
minn Ommu skont il-ġisem? Tgħid
irid iħalliha moħbija u mhux
magħrufa kif hi għażlet li tkun?
Jekk dan jidher li kien it-ton
tal-vuċi ta’ Gesù, b’dan kollu
wieħed għandu jinnota li meta
kellem lid-dixxipli dwar
maternità oħra ġdida, hu kien
qiegħed jitkellem proprju dwar
Marija b’mod tassew speċjali.
Mhijiex forsi Marija l-ewwel
waħda fost dawk li jisimgħu l-kelma
ta’ Alla u jagħmlu dak li jgħid
hu? U għalhekk l-hena li Gesù
semma bħala tweġiba għall-kliem
il-mara li tkellmet minn fost
il-folla, ma għandux jitqies li
ntqal l-ewwelnett għal Marija?
Żgur li Marija jistħoqqilha kull
hena għax saret Omm Gesù skont
il-ġisem (“Hieni l-ġuf li ġabek
u s-sider li rdajt”), iżda
Marija jistħoqqilha kull hena
wkoll u b’mod speċjali għaliex
ġa sa mit-tħabbira tal-Anġlu
semgħet il-kelma ta’ Alla u
laqgħetha, għax emmnitha,
għaliex obdiet lil Alla, u
għaliex għożżet il-kelma ta’
Alla f’qalbha u kienet taħseb
fuqha bejnha u bejn ruħha (ara
Lq 1,38.45; 2,19.51) u għamlitha
bil-ħajja kollha tagħha.
Għalhekk nistgħu ngħidu l-hena
li bih Gesù wieġeb għall-hena li
xtaqet minn fost il-folla mara
mhux magħrufa, m’huwiex kontra
dan il-hena, għalkemm hekk qisu
jidher, imma, fil-persuna
tal-Verġni Marija, li sejħet
lilha nfisha “l-qaddejja
tal-Mulej” (Lq 1,38) hu hena
wieħed. Jekk hu minnu li kull
nisel isejjaħli hienja (ara Lq
1,48), nistgħu ngħidu li dik
il-mara mhux magħrufa kienet l-ewwel
waħda li mingħajr ma kienet taf
tenniet il-kliem profetiku
tal-Magnificat ta’ Marija biex
tagħti bidu għall- Magnificat ta’
matul iż-żminijiet.
Jekk, permezz tal-fidi, Marija
ġabet l-Iben li taha l-Missier
bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu,
bla ma ttiefset xbubitha, b’dik
l-istess fidi sabet u laqgħet
dik id-dimensjoni l-oħra
tal-maternità li Gesù wera tul
il-missjoni messjanika tiegħu.
Nistgħu ngħidu li din id-dimensjoni
tal-maternità kienet għand
Marija sa mill-bidu, jiġifieri
sa mill-mument tat-tnissil u
tat-twelid ta’ Binha. Sa minn
dak il-mument kienet “dik li
emmnet”. Iżda meta l-missjoni
messjanika ta’ Binha dehret
aktar ċara għall-għajnejha u
għall-ispirtu tagħha hi stess,
bħala omm, infetħet aktar għal
din id-dimensjoni ġdida
tal-maternità, li kellha tkun
is-“sehem” tagħha ma’ Binha. Ma
qalitx hi sa mill-bidu:”Ara,
jiena l-qaddejja tal-Mulej ħa
jsir minni skont kelmtek” (Lq
1,38)? Permezz tal-fidi Marija
kompliet tisma’ l-kelma u taħseb
fuqha, u f’din il-kelma dejjem
dehret aktar ċara, b’mod li
jisboq kull għerf (Ef 3,19),
ir-rivelazzjoni li Alla l-ħaj
għamel tiegħu nnifsu. Għalhekk
Marija bħala Omm, b’xi mod,
saret l-ewwel “dixxiplu”, l-ewwel
waħda li qisu qalilha:”Imxi
warajja”, qabel stess ma għamel
din l-istedina lill-Appostli jew
lil xi oħrajn (ara Ġw 1,43).
21. F’din il-ħaġa għandha qawwa
kbira dik is-silta mill-Evanġelju
ta’ San Ġwann li jurina lil
Marija fil-festa tat-tieġ ta’
Kana. Hemm Marija tidher bħala
Omm Gesù fil-bidu tal-ħajja
pubblika tiegħu: “Sar tieġ
f’Kana tal-Galilija u omm Gesù
kienet hemm. Gesù kien mistieden
għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli
tiegħu” (Ġw 2,1-2). Mis-silta
jidher li Gesù u d-dixxipli
tiegħu ġew mistiedna flimkien
ma’ Marija, bħallikieku ġew
mistiedna minħabba fiha; l-Iben
milli jidher ġie mistieden
minħabba f’Ommu. Nafu sewwa
x’ġara minħabba din l-istedina,
jiġifieri sar “l-ewwel wieħed
fost is-sinjali” li għamel Gesù
– l-ilma mibdul fi nbid – sinjal
li ġagħal lill-evanġelista jgħid
li Gesù “bih wera l-glorja
tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu
fih” (Ġw 2,11).
Marija marret għat-tieġ ta’ Kana
bħala Omm Gesù, u b’mod li
jfisser ħafna tat sehemha biex
iseħħ l-ewwel wieħed fost is-sinjali
ta’ Gesù li juru s-setgħa
messjanika ta’ Binha. Naqraw:
“Billi ma kienx fadal iżjed
inbid, omm Gesù qaltlu: ‘Ma
għandhomx inbid’. U Gesù qalilha:
‘Aħna x’għandna x’naqsmu, mara.
Is-siegħa tiegħi għadha ma
waslitx’ (Ġw 2,3-4). Fl-Evanġelju
ta’ San Ġwann “is-siegħa”
tfisser il-waqt magħżul mill-Missier
li fih l-Iben itemm il-ħidma
tiegħu u jiġi glorifikat (ara Ġw
7,30; 8,20; 12, 23.27; 13,1;
17,1; 19,27). Ukoll jekk it-tweġiba
ta’ Gesù tinħass bħala ċaħda (aktar
u aktar jekk inqisu l-mod kif
wieġeb Gesù: “Is-siegħa tiegħi
għadha ma waslitx”, aktar milli
nqisu t-talba ta’ ommu), b’dan
kollu Marija resqet lejn
il-qaddejja u qaltilhom: “Agħmlu
kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2,5).
Imbagħad Gesù qal lill-qaddejja
biex jimlew bl-ilma l-ġarar
tal-ħaġar, u l-ilma sar inbid,
aħjar mill-inbid li sserva l-ewwel
lill-mistednin.
Xi ftehim fil-fond kien hemm
bejn Gesù u ommu? Kif nistgħu
ngħarblu l-misteru tal-għaqda
spiritwali intima li kien hemm
bejniethom? Imma l-fatti
jitkellmu ċar. Hi ħaġa żgura li
din il-ġrajja ġa tfisser b’mod
l-aktar ċar id-dimensjoni ġdida,
it-tifsira ġdida, tal-maternità
ta’ Marija. Il-maternità tagħha
għandha tifsir li ma jinsabx
biss fil-kliem ta’ Gesù u fl-episodji
li jsemmu l-Evanġelji sinottiċi
(Lq 11, 27-28 u Lq 8,19-21; Mt
12, 46-50; Mk 3, 31-35). F’dawn
is-siltiet Gesù jrid jagħmel
kuntrast bejn il-maternità li
tiġi mill-fatt tat-twelid, u l-maternità
( u l-fraternità wkoll) li hi
fid-dimesjoni tas-Saltna ta’
Alla, fil-ħidma ta’ salvazzjoni
tal-paternità ta’ Alla. Iżda
f’San Ġwann id-deskrizzjoni
tal-ġrajja ta’ Kana turina dak
li tassew deher bħala sura ġdida
ta’ maternità, skont l-ispirtu u
mhux skont il-ġisem, jiġifieri
l-ħerqa tal-Verġni Marija
għall-bnedmin, li twassal biex
tersaq lejhom b’ħafna suriet
skont il-ħtiġijiet u n-nuqqasijiet
tagħhom. F’Kana tal-Galilija
ntwera aspett wieħed biss
tal-ħtiġiet veri tal-bnedmin,
aspett li jidher żgħir u ftit
importanti (“Ma għandhomx inbid”).
Imma għandu tifsir simboliku
kbir: l-għajnuna li tingħata
lill-bnedmin fi ħtiġijiethom
tfisser ukoll li dawk
il-ħtiġijiet daħlu fi ħdan
il-missjoni messjanika u l-qawwa
salvifika ta’ Kristu. U għalhekk
għandna medjazzjoni: Marija
tidħol bejn Binha u bejn
il-bnedmin fil-verità
tal-ħtiġijiet, tan-nuqqasijiet u
tat-tbatijiet tagħhom. Tidħol
”fin-nofs” jiġifieri tagħmilha
ta’ medjatriċi mhux bħala xi
waħda barranija imma bħala omm,
għax taf li bħala omm tista’
turi lil Binha ħtiġijiet
tal-bnedmin, u “għandha d-dritt”
tagħmel dan. Il-medjazzjoni
tagħha għalhekk għandha sura ta’
talba: Marija “titlob”
għall-bnedmin. U dan mhux kollox.
Bħalha omm tixtieq ukoll li s-setgħa
messjanika ta’ Binha tidher, dik
il-qawwa salvifika tiegħu biex
tgħin il-bnedmin fid-disgrazzji
tagħhom, biex teħlishom mid-deni
li b’ħafna suriet, żgħar u kbar,
itaqqlulhom ħafna ħajjithom.
Proprju kif il-profeta Isaija
ħabbar dwar il-Messija b’dik is-silta
magħrufa li Kristu qara lin-nies
ta’ beltu f’Nażaret: “biex
inwassal il-bxara t-tajba
lill-fqajrin... inħabbar
il-ħelsien lill-imjassrin u d-dawl
mill-ġdid lill-għomja.....” (ara
Lq 4, 18)
Element ieħor importanti
fil-ħidma ta’ Marija bħala omm
narawh fil-kliem li qalet
lill-qaddejja:”Agħmlu kull ma
jgħidilkom hu”. Omm Kristu turi
ruħha bħala dik li tgħid x’inhi
r-rieda ta’ Binha billi tgħid
x’għandu jsir ħalli tidher
il-qawwa salvifika tal-Messija.
F’Kana, minħabba t-talba ta’
Marija u l-ubbidjenza
tal-qaddejja, Gesù ta bidu
għas-“siegħa tiegħu”. F’Kana
Marija dehret bħala dik li
emmnet f’Gesù. Il-fidi tagħha
wasslet għall-ewwel “sinjal”
tiegħu biex tkebbes il-fidi fid-dixxipli
tiegħu.
22. Nistgħu ngħidu li f’din is-silta
tal-Evanġelju ta’ San Ġwann
għandna l-ewwel dehra tal-verità
dwar il-ħerqa ta’ omm tal-Verġni
Marija. Din il-verità sabet
postha wkoll fit-tagħlim
tal-Konċilju Vatikan II. Hija
ħaġa importanti naraw kif
il-Konċilju jfisser is-sehem ta’
Marija bħala omm f’rabta mal-medjazzjoni
ta’ Kristu. Għalhekk naqraw:
“Il-ħidma ta’ Marija bħala omm
favur il-bnedmin bl-ebda mod ma
ddallam jew tnaqqas
il-medjazzjoni ta’ Kristu, imma
għall-kuntrarju turi l-qawwa
tagħha,” għaliex “wieħed hu l-medjatur
bejn Alla u l-bniedem,
il-Bniedem Kristu Gesù” (I Tim
2,5). Din il-ħidma ta’ omm
tal-Verġni Marija tiġi, skont ma
jogħġob lil Alla, “mill-għana
bla qjies tal-merti ta’ Kristu:
hi mibnija fuq il-medjazzjoni
tiegħu, tiddependi għal kollox
minnha, u tikseb minnha l-qawwa
kollha tagħha” . Hu proprju
f’dan is-sens li l-ġrajja ta’
Kana tal-Galilija tagħtina qisu
tħabbira tal-medjazzjoni ta’
Marija, li hija kollha kemm hi
orjentata lejn Kristu u li
twassal għar-rivelazzjoni
tal-qawwa salvifika tiegħu.
Mill-kliem tal-Evanġelju ta’ San
Ġwann jidher ċar li hija
medjazzjoni ta’ omm. Kif ixandar
il-Konċilju, Marija saret “Ommna
fl-ordni tal-grazzja”, Din
il-maternità fl-ordni
tal-grazzja tiġi mill-maternità
tagħha bħala Omm Alla, għaliex,
skont il-pjan tal-provvidenza ta’
Alla, l-omm li rabbiet il-Feddej
divin, Marija, saret “sieħba ta’
ġieh m’hemmx ieħor bħalu u l-qaddejja
l-aktar umli tal-Mulej”, li “tat
sehemha fil-ħidma tal-Feddej
biex jagħti mill-ġdid il-ħajja
soprannaturali lill-erwieħ
bl-ubbidjenza, il-fidi, it-tama
u l-imħabba mħeġġa tagħha” . U
“din il-maternità ta’ Marija fl-ordni
tal-grazzja....tibqa’ għal
dejjem sa ma jseħħ it-tmiem ta’
dejjem tal-magħżulin kollha”
23. Jekk id-deskrizzjoni li
jagħmel San Ġwann tal-ġrajja ta’
Kana turi l- maternità ħerqana
ta’ Marija fil-bidu tal-ħidma
messjanika ta’ Kristu, silta
oħra mill-istess Evanġelju
twettaw din il-maternità
fil-pjan salvifiku tal-grazzja
fil-mument meta dan il-pjan
laħaq il-qofol tiegħu, jiġifieri
meta seħħ is-sagrifiċċju
tas-salib ta’ Kristu, il-misteru
tal-Għid tiegħu. Id-deskrizzjoni
li jagħmel San Ġwann hi qasira
ħafna: Kien hemm wieqfa ħdejn
is-salib ta’ Ġesù ommu u oħt
ommu, Marija ta’ Kleofa, u
Marija ta’ Magdala. Mela kif
Gesù lemaħlil ommu u lid-dixxiplu
li kien tant iħobb wieqaf ħdejha,
qal lil ommu: “Mara, hemm hu
ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu
‘Hemm hi ommok’. U minn dak
il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu”
(Ġw 19,25-27).
Hawn żgur naraw dehra
tat0tħassib speċjali tal-Iben
għal Ommu, li qiegħed iħalli
f’niket kbir. Iżda “t-testment
tas-salib ta’ Kristu” jgħid
aktar minn hekk. Ġesù qiegħed
juri rabta ġdida bejn l-Omm u l-Iben,
huwa u jwettaq bis-solennita’
kollha l-verità u r-realtà sħiħa
tagħha. Nistgħu ngħidu li
għalkemm ġa ntwera li Marija
kienet omm il-bnedmin kollha,
issa dan qiegħed jingħad b’mod
aktar ċar u qiegħed iseħħ.
Jidher mis-sħuħija tal-misteru
tal-Għid tal-Mulej. Omm Kristu
li tinsab proprju fil-qofol ta’
dan il-misteru – misteru li
jħaddan kull individwu u l-familja
kollha tal-bnedmin – tingħata
bħala omm lil kull individwu u
lill-familja kollha tal-bnedmin.
Il-bnedmin ħdejn is-salib huma
Ġwanni, “id-dixxiplu li kien
iħobb” . Iżda m’huwiex waħdu.
Il-Konċilju, jimxi skont it-tradizzjoni
u ma jaħsibhiex darbtejn biex
isejjaħ lil Marija Omm Kristu u
omm il-familja kollha
tal-bnedmin: għaliex hi
“min-nisel ta’ Adam hi ħaġa
waħda mal-bnedmin kollha....
anzi, hi tassew omm il-membri
kollha ta’ Kristu...għax hi tat
sehemha b’imħabba ħalli
fil-Knisja jitnisslu l-insara”
Għalhekk din il-“maternità ġdida”
ta’ Marija, li tnisslet mill-fidi,
hija l-frott tal-“imħabba ġdida”
li wasslet għall-kobor sħiħ
tagħha ħdejn is-salib, bit-tisħiħ
tagħha fl-imħabba salvifika ta’
Binha.
24 Hekk insibu ruħna fil-waqt li
qed isseħħ il-wegħda li hemm
fil-protoevanġelju: “nisel
il-mara jisħaq ras is-serp” (ara
Ġen 3,15). Bil-mewt tiegħu
għas-salvazzjoni tagħna Ġesù
Kristu rebaħ id-deni tad-dnub u
l-mewt fl-għeruq tiegħu. Ifisser
ħafna li Ġesù huwa u jkellem lil
ommu minn fuq is-salib,
isejħilha “mara” u jgħidilha:
“Mara, hemm hu ibnek”. Hekk
ukoll sejħilha fit-tieġ ta’ Kana
(ara Ġw 2,4). Kif nistgħu
niddubitaw li proprju issa, fuq
il-Golgotha, din il-kelma ma
tidħolx fil-qalba tal-misteru ta’
Marija, u tilħaq il-post m’hemmx
ieħor bħalu, li Marija għandha
fil-pjan kollu tas-salvazzjoni?
Kif jgħallem il-Konċilju,
f’Marija l-bint glorjuża ta’
Sijon, “wara tul twil ta’ żmien
li fih kienet mistennija li
sseħħ il-wegħda, iż-żmien intemm
u seħħ patt ġdid, meta l-Iben ta’
Alla sar minnha bniedem bħalna
fil-misteru tal-ġisem tiegħu
bies jista’ jeħles il-bniedem
mid-dnub” .
Il-kliem li qal Ġesù minn fuq
is-salib ifissru li l-maternità
ta’ dik li tat it-twelid lil
Kristu, tkompli “b’mod ġdid”
fil-Knisja u permezz tal-Knisja,
li tagħha San Ġwann kien is-simbolu
u kien jirrapreżentaha. B’dan il-mod,
dik li bħala l-“mara” li dwarha
jitkellem il-Ktieb tal-Ġenesi
(3,15) fil-bidu u l-Apokalissi
(12,1) fi tmiem il-ġrajja
tas-salvazzjoni. Skont il-pjan
ta’ dejjem tal-Provvidenza ta’
Alla, il- maternità divina ta’
Marija trid tissawwab fuq
il-Knisja kif turi t-Tradizzjoni
li tgħid il-maternità ta’ Marija
bħala omm il-Knisja tirrifletti
u twessa’ l-maternità tagħha
bħla Omm l-Iben ta’ Alla .
Skont il-Konċilju, il-mument
stess tat-twelid tal-Knisja u
tad-dehra sħiħa tagħha quddiem
id-dinja jagħtina ħjiel ta’ kif
twessat il-maternità ta’ Marija:
“Għaliex għoġob lil Alla li ma
jurix bis-solennità kollha l-misteru
tas-salvazzjoni tal-bnedmin
kollha qabel ma bagħat l-Ispirtu
mwiegħed minn Kristu, naraw
lill-Appostli, qrib nhar Għid
il-Ħamsin, qalb waħda flimkien
jitolbu ma’ xi nisa u ma’ Marija
Omm Ġesu u ma’ qrabatu” (Atti
1,14). Naraw ukoll lil Marija
titlob id-don tal-Ispirtu, li
kien ġa tefa’ d-dell tiegħu
fuqha nhar it-tħabbira tal-Anġlu”
.
Għalhekk fil-pjan salvifiku
tal-grazzja li seħħ bil-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu, hemm qbil
singulari bejn il-mument
tal-Inkarnazzjoni tal-Verb u l-mument
tat-twelid tal-Knisja. Dik li
tgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ
mumenti hi Marija, Marija ta’
Nażaret u Marija fil-kamra ta’
fuq f’Ġerusalemm. F’dawn iż-żewġ
mumenti, il-preżenza ta’ Marija,
siekta imma essenzjali, juru t-triq
tat-“twelid mill-Ispirtu s-Santu”.
Hekk dik li tinsab fil-misteru
ta’ Kristu bħala omm, tinsab
ukoll, bir-rieda tal-Iben u
bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu,
fil-misteru tal-Knisja.
Fil-Knisja wkoll Marija tkompli
tinsab bħala omm kif jidher
mill-kliem li ntqal fuq is-salib:
“Mara hemm hu ibnek!” “Hemm hi
ommok!”
IT-TIENI TAQSIMA
L-OMM TA’ ALLA F’NOFS IL-KNISJA
FIL-MIXI TAGĦHA FID-DINJA
1. Il-Knisja, il-Poplu ta’ Alla,
tinsab f’nofs il-ġnus kollha tal-art
25, Il-Knisja timxi ‘l quddiem
qisha f’art barranija, fost
il-persekuzzjonijiet tad-dinja u
l-faraġ ta’ Alla, tħabbar is-Salib
u l-Mewt tal-Mulej sa ma jiġi (ara
I Kor 11, 26) . « Israel skont
il-ġisem, li kien jiġġerra bħala
wieħed eżiljat fid-deżert, kien
ġa l-Knisja ta’ Alla (ara 2 Esd
13,1; Num 20, 4 ; Dewt 23, 1ss)
: hekk ukoll Israel il-ġdid ...
hu msejjaħ il-Knisja ta’ Kristu
(ara Mt 16,18) għax xtraha
għalih b’demmu (Atti 20,28),
imlieha bl-Ispirtu tiegħu, u
taha dawk il-mezzi li jgħoddu
għaliha bħala għaqda soċjali li
tidher. Alla ġabar flimkien
qishom ħaġa waħda lil dawk
kollha li jħarsu bil-fidi lejn
Kristu bħala l-awtur
tas-salvazzjoni u l-bidu
tal-għaqda u s-sliem, u
għamilhom il-Knisja, biex għal
kull wieħed u għal kulħadd tkun
is-sinjal li jidher tal-għaqda
salvifika ».
Il-Konċilju Vatikan II jitkellem
dwar il-Knisja fil-mixi tagħha
fid-dinja u jara f’dan il-mixi
analoġija mal-mixi ta’ Israel
fid-deżert fi żmien il-Patt
il-Qadim. Dan il-mixi għandu
wkoll sura li tidher għax iseħħ
bħala ġrajja fiż-żmien u
flimkien fejn ikun. Dan għaliex
il-Knisja « hi msejħa biex
tinxtered sat-truf kollha tal-art
u tidħol fil-ġrajja tal-bnedmin,
iżda fl-istess ħin hi ‘l fuq
minn kull żmien u ‘l fuq
mit-truf kollha tal-popli».
B’dan kollu s-sura essenzjali ta’
dan il-mixi tal-Knisja hi sura
spiritwali hu mixi permezz
tal-fidi, bil-qawwa ta’ Kristu
rxoxt , mixi fl-Ispirtu s-Santu
mogħti lill-Knisja bħala Dak li
jagħti faraġ bla ma jidher (parakletos)
(ara Ġw 14,26 ; 15,26 ;16,7).
Il-Knisja « timxi ‘l quddiem,
fost tiġrib u niket, imsaħħa
bil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla,
imwegħda lilha mill-Mulej, biex
... immexxija mill-Ispirtu s-Santu,
qatt ma tieqaf tiġġedded sakemm,
permezz tas-salib, tasal għal
dak id-dawl li ma jgħib qatt » .
Hu proprju f’dan il-mixi jew
pellegrinaġġ tal-Knisja tul
iż-żmien u kullimkien, u aktar u
aktar fil-ġrajja ta’ kull ruħ,
Marija tinsab bħala dik li hi «
hienja għax emmnet », bħala dik
li mxiet ‘il quddiem fil-mixja
tal-fidi, imsieħba fil-misteru
ta’ Kristu, b’mod li ebda ħadd
ieħor ma kien imsieħeb fih. Il-Konċilju
jżid jgħid li « Marija daħlet
fil-fond sewwa tal-ġrajja
tas-salvazzjoni u biex ngħidu
hekk, ġabret fiha nfisha u
rriflettiet il-veritajiet l-aktar
għoljin tal-fidi. » Fost dawk
kollha li jemmnu hi qisha « mera
» li tirrifletti b’mod l-aktar
għoli u safi « l-għemejjel kbar
ta’ Alla » (Atti 2,11)
26. Mibnija minn Kristu fuq is-sisien
tal-Appostli, il-Knisja għarfet
b’mod sħiħ dan l-għemejjel kbar
ta’ Alla nhar Għid il-Ħamsin
meta dawk li kienu miġburin
fil-kamra ta’ fuq « imtlew
ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew
jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma
l-Ispirtu kien jagħtihom li
jitkellmu » (Atti 2,4). Minn dak
il-waqt ukoll tibda l-mixja
tal-fidi, il-mixi tal-Knisja
fil-ġrajja tal-individwi u
tal-ġnus. Nafu li fil-bidu ta’
dan il-mixi kien hemm Marija.
Narawha fost l-Appostli
fil-kamra ta’ fuq, « titlob
id-don tal-Ispirtu s-Santu » .
B’xi mod il-mixja tagħha
tal-fidi hi aktar fit-tul. L-Ispirtu
s-Santu kien ġà niżel fuqha u
saret l-għarusa għażiża tiegħu
fit-tħabbira tal-Anġlu għax
laqgħet il-Verb ta’ Alla veru, u
« offrietlu l-qima sħiħa
tal-fehma u r-rieda tagħha, hija
u tilqa’ minn rajha l-verità li
hu rrivelalha » ; anzi ntelqet
kollha kemm hi f’idejn Alla
permezz tal-« ubbidjenza
tal-fidi » , li biha wieġbet
lill-Anġlu : « Ara, jiena l-qaddejja
tal-Mulej, ħa jsir minni skont
kelmtek ». Il-mixja li għamlet
Marija, li narawha titlob
fil-kamra ta’ fuq, kienet
għalhekk aktar fit-tul minn dik
ta’ dawk li kienu miġburin
magħha : Marija « mxiet l-ewwel
», « marret qabilhom » . Il-Mument
ta’ Għid il-Ħamsin f’Ġerusalemm,
kien tħejja kemm bil-mument tat-tħabbira
f’Nażaret, u kemm bis-salib.
Fil-kamra ta’ fuq il-mixja ta’
Marija tiltaqa’ mal-mixja
tal-Knisja fil-fidi. Kif ?
Fost dawk li kienu jitolbu
fil-kamra ta’ fuq, iħejju ruħhom
biex imorru fid-dinja kollha
wara li jirċievu l-Ispirtu, kien
hemm xi wħud li kien sejħilhom
Ġesù ftit ftit mill-bidu
tal-missjoni tiegħu f’Israel.
Ħdax minnhom għamilhom Appostli
u lilhom Ġesù għadda l-missjoni
li kien fdalu l-Missier. « Kif
il-Missier bagħat lili hekk jien
nibgħat lilkom » (Ġw 20,21), qal
lill-Appostli wara li qam mill-imwiet.
U erbgħin jum wara, qabel reġa’
lura għand il-Missier, żied
jgħidilhom : « Meta jiġi fuqkom
l-Ispirtu s-Santu ... tkunu
xhieda tiegħi... sa truf l-art »
(Atti 1,8). Din il-missjoni
tal-Appostli bdiet malli ħallew
il-kamra ta’ fuq f’Ġerusalemm.
Il-Knisja titwieled u tikber
bix-xhieda li Pietru u l-Appostli
l-oħra jagħtu ta’ Kristu msallab
u rxoxt (ara Atti 2,313-34 ;
34,15-18 ; 4,10-12 ; 5, 30-32).
Marija ma rċevietx direttament
din il-missjoni appostolika. Ma
kinitx fost dawk li Ġesù bagħat
« fid-dinja kollha jgħammdu l-ġnus
kollha (ara Mt 28,19) meta tahom
din il-missjoni. Imma Marija
kienet fil-kamra ta’ fuq fejn l-Appostli
kienu qed iħejju ruħhom għal din
il-missjoni bil-miġja
tal-Ispirtu tal-verità : kienet
magħhom. Fosthom Marija kienet «
titlob » bħala « omm Ġesù » (ara
Atti 1,13-14) omm Kristu msallab
u rxoxt. U dak l-ewwel grupp ta’
dawk li bil-fidi kienu jħarsu «
lejn Ġesù bħala l-awtur
tas-salvazzjoni », kienu jafu li
Ġesù kien Bin Marija, u li hi
kienet Ommu, u li bħala ommu, sa
mill-mument tat-tnissil u t-twelid
tiegħu kienet ix-xhud waħdanija
tal-misteru ta’ Ġesù, dak
il-misteru li quddiemhom deher u
ġie mwettaq bis-salib u l-qawmien
mill-imwiet. Hekk sa mill-bidu
nett il-Knisja « ħarset » lejn
Marija permezz ta’ Ġesù, l-istess
kif « ħarset » lejn Ġesù permezz
ta’ Marija. Għaliex għall-Knisja
ta’ dak iż-żmien u ta’ kull
żmien, Marija hi x-xhud
waħdanija taż-żmien tat-tfulija
ta’ Ġesù u tal-ħajja moħbija
f’Nażaret, meta « kienet tgħożż
f’qalbha dawn il-ħwejjeġ, u
taħseb fuqhom bejnha u bejn
ruħha » (Lk 2,19 ; ara Lq 2,51).
Iżda fuq kollox, fil-Knisja ta’
dak iż-żmien u ta’ kull żmien,
Marija kienet u hi dik li hi «
hienja għax emmnet, » hi kienet
l-ewwel waħda li emmnet. Mill-mument
tat-tħabbira tal-Anġlu u tat-tnissil
tal-Iben t’Alla fil-ġuf tagħha,
mill-mument tat-twelid fl-għar
ta’ Betlehem, Marija mxiet pass
pass wara Ġesù fil-mixi tagħha
tal-fidi bħala omm. Imxiet
warajh tul is-snin tal-ħajja
moħbija f’Nażaret, imxiet warajh
ukoll tul iż-żmien wara li ħalla
daru, meta beda « jagħmel u
jgħallem » (ara Atti 1,1) f’nofs
Israel, u, fuq kollox, marret
warajh fl-esperjenza traġika
tal-Golgota. U issa, waqt li
Marija kienet mal-Appostli
fil-kamra ta’ fuq, f’Ġerusalemm,
fil-bidu tal-Knisja, il-fidi
tagħha, li twieldet mill-kliem
tat-tħabbira tal-Anġlu, ġiet
imwettqa.
Dak in-nhar l-Anġlu kien qalilha
: « Int se tnissel fil-ġuf u
jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu
jkun kbir ... u jsaltan għal
dejjem fuq dar Ġakobb, u ma
jknunx hemm tmiem għas-saltna
tiegħu. » Dak li ġara fuq
il-Kalvarju dallam din il-wegħda,
iżda l-anqas ħdejn is-salib ma
naqset il-fidi ta’ Marija.
Baqgħet dik li kienet, li, bħal
Abraham, « meta ma kellha ebda
tama, ittamat » (ara Rum 4,18).
Iżda biss wara l-qawmien mill-imwiet
deher x’kienet tassew it-tama u
bdiet isseħħ il-wegħda. Għaliex
Ġesù qabel reġa’ lura għand
il-Missier, kien qal
lill-Appostli : « Morru, mela,
agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha
... Ara jien magħkom dejjem
sal-aħħar taż-żmien » (Mt 28,
19-20). Hekk tkellem dak li
deher bħala rebbieħ fuq il-mewt,
bħala dak li kellu s-saltna li,
kif qal l-Anġlu, « ma jkunx hemm
tmiem għaliha ».
27. Issa mal-ewwel bidu
tal-Knisja, fil-bidu tal-mixja
twila bil-fidi li bdiet nhar l-Għid
il-Ħamsin f’Ġerusalemm, Marija
kienet ma’ dawk kollha li kienu
ż-żerriegħa ta’ « Israel il-ġdid
». Kienet fosthom bħala xhud
ewlieni tal-misteru ta’ Kristu.
U l-Knisja kienet titlob magħha,
u fl-istess waqt kienet tħares
lejha fid-dawl tal-Verb magħmul
bniedem. Kellu jkun dejjem hekk.
Għaliex meta l-Knisja tidħol
aktar fil-fond tal-misteru għoli
tal-inkarnazzjoni, taħseb b’qima
u devozzjoni kbira f’Omm Kristu
. Marija hi marbuta mal-misteru
ta’ Kristu b’rabta li ma tistax
tinħall, u hi marbuta mal-misteru
tal-Knisja sa mill-bidu tagħha,
mill-jum li fih twieldet
il-Knisja. Fid-dawl ta’ dak li
l-Knisja hi sa mill-bidu, ta’
dak li għandha dejjem aktar tkun
f’kull żmien, f’nofs il-ġnus
kollha tal-art, hemm Dik li «
emmnet li jseħħ kull ma bagħat
jgħidilha l-Mulej » (Lq 1,45).
Hi proprju l-fidi ta’ Marija li
turi l-bidu tal-Patt il-Ġdid u
għal dejjem ta’ Alla mal-bniedem
f’Ġesù Kristu : il-fidi qalbiena
tagħha, tiġi qabel ix-xhieda
appostolika tal-Knisja u tibqa’
dejjem fil-qalba tal-Knisja,
moħbija bħala wirt speċjali tar-rivelazzjoni
ta’ Alla. Dawk kollha li minn
żmien għal żmien jilqgħu x-xhieda
appostolika tal-Knisja għandhom
sehem minn dan il-wirt moħbi u
b’xi mod għandhom sehem mill-fidi
ta’ Marija.
Kliem Elisabetta : « Hienja dik
li emmnet » ikompli jissieħbu
ma’ Marija wara Għid il-Ħamsin;
jissieħbu magħha f’kull żmien,
fejn kull għarfien tal-misteru
ta’ Kristu għas-salvazzjoni
jinxtered, permezz tax-xhieda
appostolika u tal-qadi
tal-Knisja. U hekk isseħħ
il-profezija tal-Magnificat :
Kull nisel jibda jsejjaħli
hienja għax is-Setgħani għamel
miegħi ħwejjeġ kbar, qaddis hu
l-isem tiegħu » (Lq 1, 48-49).
Għaliex l-għarfien tal-misteru
ta’ Kristu jwassalna biex
imbierku ‘l Ommu, bis-sura ta’
qima speċjali għat-Theotokos. U
f’din il-qima hemm dejjem barka
għall-fidi ta’ Marija, għaliex
il-Verġni ta’ Nazaret kienet
imbierka l-aktar minħabba din
il-fidi, skont ma qalet
Elisabetta. Dawk li, f’kull
żmien, fost il-ħafna ġnus u
nazzjonijiet tad-dinja, jilqgħu
bil-fidi l-misteru ta’ Kristu,
il-Verb magħmul bniedem u l-Feddej
tad-dinja, mhux biss iduru
bil-qima lejn il-Verġni Marija u
kollhom fiduċja jirrikorru
għandha bħala Omm, imma wkoll
ifittxu fil-fidi tagħha għajnuna
għall-fidi tagħhom. U huwa
proprju dan it-tisħib kollu
mħabba fil-fidi ta’ Marija li
jagħtiha post speċjali fil-misja
tal-nisja bħala Poplu ġdid ta’
Alla fid-dinja kollha.
28. Kif jgħid il-Konċilju : «
Marija, kellha sehem intimu
fil-ġrajja tas-salvazzjoni ....,
għalhekk meta jipprietkaw dwarha
u jqimuha, hi ssejjaħ
lill-insara lejn Binha u s-sagrifiċċju
tiegħu, u lejn l-imħabba
tal-Missier. » Għalhekk il-fidi
ta’ Marija, skont ix-xhieda
appostolika tal-Knisja, b’xi mod
tkompli ssir il-fidi tal-Poplu
ta’ Alla fil-mixi tiegħu:
il-fidi tal-individwi u
tal-komunitajiet, tal-ambjenti u
tal-ġemgħat, tal-gruppi kollha
li hemm fil-Knisja. Hi fidi li
titwassal kemm bil-fehma u kemm
bil-qalb, u tinkiseb u terġa’
tinkiseb bit-talb. Għalhekk «
il-Knisja hija u taqdi l-ħidma
appostolika tagħha bir-raġun
kollu tħares lejn dik li nisslet
lil Kristu, ikkonċeput mill-Ispirtu
s-Santu u mwieled minn Marija
Verġni, biex bil-Knisja Kristu
jkun jista’ jitwieled u jikber
fi qlub l-insara wkoll. »
Illum, aħna u resqin f’din
il-mixja tal-fidi lejn it-tmiem
tat-tieni elfejn sena wara
Kristu, il-Knisja, permezz tat-tagħlim
tal-Konċilju Vatikan II,
tistedinna nħarsu lejn dak li
tara fiha stess, bħala «
il-Poplu wieħed ta’ Alla ...
miġbur minn fost il-ġnus kollha
tal-art », u tfakkarna
fil-verità li l-insara kollha, «
għalkemm imxerrdin mad-dinja
kollha huma xirka waħda flimkien,
fl-Ispirtu s-Santu. » Nistgħu
għalhekk ngħidu li f’din ix-xirka,
il-misteru ta’ Għid il-Ħamsin
iseħħ bla heda. Fl-istess ħin,
l-Appostli u d-dixxipli
tal-Mulej, fost il-ġnus kollha
tal-art, qegħdin « jitolbu
flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù (Atti
1,14). Għaliex huma f’kull żmien
« sinjal tas-saltna » li mhijiex
ta’ din id-dinja , u jafu wkoll
li f’din id-dinja jridu jinġabru
madwar is-Sultan li lilu l-ġnus
kollha ngħataw b’wirt (ara Salm
2,8), li lilu l-Missier tah «
it-tron ta’ David missieru »,
biex « isaltan għal dejjem fuq
dar Ġakobb u ma jkunx hemm tmiem
għas-saltna tiegħu. »
Tul dan iż-żmien ta’ sahra,
il-Verġni Marija, bl-istess fidi,
li għamlitha hienja, speċjalment
mill-mument tat-tħabbira
tal-Anġlu, hi fil-missjoni
tal-Knisja hi mal-Knisja
fil-ħidma tagħha biex twaqqaf
is-saltna ta’ Binha fid-dinja.
Din il-preżenza ta’ Marija
tidher illum f’ħafna suriet, kif
dehret f’ħafna suriet tul
il-ġrajja kollha tal-Knisja. U
l-ħidma tagħha tidher f’ħafna
oqsma: fil-fidi u t-tjieba ta’
kull nisrani; fit-tradizzjonijiet
tal-familji nsara jew « knejjes
tad-dar », fil-komunitajiet
parrokkjali u missjunarji, fl-istituti
reliġjużi u fid-djoċesijiet,
fis-santwarji kbar li bid-dija
tagħhom jiġbdu mhux biss
individwi u gruppi mill-pajjiżi
fejn jinsabu, imma wkoll xi kull
tant nazzjonijiet sħaħ, u wkoll
kontinenti sħaħ, ħerqana li
jiltaqgħu ma’ Omm il-Mulej, ma’
dik li hienja għax emmnet, li hi
l-ewwel fost dawk kollha li
jemmnu u għalhekk hi Omm l-Għimmanu-el.
Din is-sejħa tal-art
tal-Palestinsa, il-pajjiż
spiritwali tal-insara kollha,
għaliex hi l-pajjiż tas-Salvatur
tad-dinja u ta’ Ommu Marija. Din
hi s-sejħa ġejja minn ħafna
knejjes f’Ruma u mad-dinja
kollha li nbnew tul iż-żminijiet
mill-fidi tal-insara. Din hi s-sejħa
ġejja minn ċentri bħala
Guadalupe, Lourdes, Fatima u
oħrajn li jinsabu f’ħafna pajjii.
U fost dawn kif ma nsemmix dak
dak li jinsab f’pajjiżi, Jasna
Gora ? Wieħed jista’ jitkellem
dwar « ġeografija » speċifika
tal-fidi u d-devozzjoni Marjan,
li tiġbor fiha dawk iċ-ċentri
kollha ta’ pellegrinaġġi fejn
il-Poplu ta’ Alla jmur biex
jiltaqa’ ma’ Omm Alla biex,
fil-preżenza ta’ dik l-Omm li hi
« hienja għax emmnet », ifittex
li jsaħħaħ il-fidi tiegħu.
Għaliex fil-fidi ta’ Marija, l-ewwel
fit-tħabbira tal-Anġlu u mbagħad
għal kollox ħdejn is-salib,
infetaħ mill-ġdid fi ħdan
il-familja kollha tal-bnedmin
qasam fir-ruħ, li l-Missier ta’
dejjem jimla « b’kull barka
spiritwali », il-qasam tal-«
Patt il-Ġdid u għal dejjem. »
Dan il-qasam hu fil-Knisja, li,
fi Kristu, hi « sagrament jew
sinjal tal-għaqda intima ma’
Alla, u tal-għaqda tal-bnedmin
kollha flimkien. »
Fil-fidi li Marija stqarret
bħala « qaddejja tal-Mulej »
fit-tħabbira tal-Anġlu u li fiha
dejjem « marret l-ewwel »
quddiem il-Poplu ta’ Alla
fil-mixi tiegħu f’din id-dinja,
il-Knisja tħabrek bil-qawwa
kollha u bla heda biex twassal
il-bnedmin kollha għall-bidu
ġdid fi Kristu r-Ras, fl-għaqda
tal-Ispirtu tiegħu.
2. Il-mixja tal-Knisja u l-għaqda
tal-Insara
29. Fid-dixxipli kollha
tal-Mulej, l-Ispirtu jqanqal ix-xewqa
li jkunu magħqudin flimkien
fis-sliem, kif irid Kristu,
bħala merħla waħda taħt ragħaj
wieħed. Il-mixi tal-Knisja, l-aktar
fi żmienna, hu mmarkat
bis-sinjal tal-ekumeniżmu: l-insara
qed ifittxu biex jaraw kif tista’
terġa’ seħħ l-għaqda, li Kristu
talab mingħand il-Missier
għad-dixxipli tiegħu jum qabel
il-Passjoni: Ħa jkunu huma wkoll
ħaġa waħda fina. “Kif inti fija,
Missier u jiena fik, ħa jkunu
ħaġa waħda fina biex hekk id-dinja
temmen li inti bgħattni” (Ġw
17,21). L-għaqda bejn id-dixxipli
ta’ Kristu hi, mela, sinjal kbir
mogħti biex ikebbes il-fidi fid-dinja,
waqt li l-firdiet huma ta’
skandlu.
Għaliex issa qed tidher aktar
ċara u ma’ kullimkien il-ħtieġa
li sseħħ kemm jista’ jkun malajr
l-għaqda tal-insara kollha,
il-moviment ekumeniku,
fil-Knisja Kattolka, laħaq l-aqwa
espressjoni tiegħu fil-ħidma
tal-Konċilju Vatikan II. Jeħtieġ
li l-insara, fihom infushom u
fil-komunitajiet tagħhom, jidħlu
aktar fil-fond f’din l-“ubbidjenza
tal-fidi” li tagħha Marija hi l-ewwel
u l-aqwa eżempju. U għaliex
Marija “tiddi fid-dinja ...
bħala sinjal ta’ tama żgura u ta’
faraġ għall-Poplu ta’ Alla
fil-mixi tiegħu”, “jimla b’ferħ
u faraġ kbir lill-Konċilju,
il-fatt li fost l-aħwa mhux
magħqudin ukoll, b’mod speċjali
fost l-insara tal-lvant, hemm
min jagħti ġieh xieraq lil Omm
il-Mulej u s-Salvatur.
30. L-insara jafu li l-għaqda
bejniethom isseħħ verament jekk
timbena fuq l-għaqda tal-fidi.
Iridu jsibu soluzzjoni għal
ħafna nuqqas ta’ ftehim fit-tagħlim
dwar il-misteru tal-Knisja u l-ministeri
tagħha, u, xi kultant ukoll,
dwar is-sehem ta’ Marija fl-opra
tas-salvazzjoni. Id-djalogu li
nbeda bejn il-Knisja Kattolka u
l-komunitajiet ekklesjali
tal-punent qiegħed bil-mod il-mod
jasal biex jikkonċentra fuq dawn
iż-żewġ aspetti tal-misteru
tas-salvazzjoni li ma jistgħux
jinfirdu minn xulxin. Jekk
il-misteru tal-Verb magħmul
bniedem jgħinna biex ikollna
ħjiel żgħir tal-misteru
tal-maternità divina, u jekk,
imbagħad, il-kontemplazzjoni ta’
Omm Alla twassalna biex nifhmu
aktar fil-fond il-misteru
tal-Inkarnazzjoni, għandna
ngħidu l-istess ħaġa dwar
il-misteru tal-Knisja u s-sehem
ta’ Marija fl-opra
tas-salvazzjoni. Studju aktar
fil-fond ta’ Marija u tal-Knisja,
għax idawlu ‘l xulxin, għandu
jwassal lill-insara li jridu
jagħmlu dak li Kristu jgħidilhom
– kif tgħidilhom jagħmlu Ommhom
(ara Ġw 2,5) – biex jimxu ‘l
quddiem flimkien f’din “il-mixja
tal-fidi”, Marija, li ħadha
xbieha ta’ din il-mixja, trid
twassalhom għal dik l-għaqda li
jrid il-Mulej wieħed tagħhom u
li tant jixtiequ dawk kollha li
qed jagħtu widen sewwa għal dak
li illum “l-Ispirtu qiegħed
jgħid lill-knejjes” (ara Apok
2,7; 11,17)
Sadattant, hu sinjal sabiħ ta’
tama l-fatt li dawn il-knejjes u
komunitajiet ekklesjali qed
jaqblu mal-Knisja Kattolka dwar
punti fondamentali tat-twemmin
nisrani, ukoll dwar dak li
għandu x’jaqsam mal-Verġni
Marija. Għaliex huma jagħrfuha
bħala Omm il-Mulej u jqisu li
din hi parti mill-fidi tagħna fi
Kristu, veru Alla u veru bniedem.
Inħarsu lejha bħala dik li ħdejn
is-salib laqgħet bħala binha lil
dixxiplu l-maħbub tal-Mulej, dak
li min-naħa tiegħu laqagħha
bħala ommu.
Mela għaliex m’għandniex aħna
lkoll inħarsu lejha bħala l-Omm
tagħna lkoll, li titlob
għall-għaqda tal-familja kollha
ta’ Alla u li “timxi l-ewwel”
qabilna lkoll fil-fila twila ta’
daawk kollha li jagħtu xhieda
tal-fidi tagħhom f’Mulej wieħed,
l-iben ta’ Alla, li tnissel
fil-ġuf safi tagħha bis-setgħa
tal-Ispirtu s-Santu?
31. Min-naħa l-oħra nixtieq
nagħmel enfasi fuq kemm huma
magħqudin flimkien fl-imħabba u
t-tifħir tat-Theotokos il-Knisja
Kattolka, il-Knisja Ortodossa, u
l-Knejjes antiki tal-Lvant. Mhux
biss li “d-dommi fondamentali
tal-fidi nisranija dwar it-Trinità
u l-Verb t’Alla magħmul bniedem
mill-Verġni Marija ġew definiti
f’Konċilji ekumeniċi li saru
fil-Lvant”, imma wkoll fil-kult
liturġiku tagħhom “il-Knejjes
tal-Lvant jagħtu l-akbar ġieh,
b’innijiet mill-isbaħ, lil
Marija, dejjem Verġni ... l-Omm
l-aktarqaddisa ta’ Alla” .
Ħutna ta’ dawn il-knejjes
għaddew minn ġrajjiet komplessi
ħafna imma kienu dejjem ġrajjiet
li fihom urew xewqa mħeġġa ta’
impenn nisrani u ta’ ħidma
appostolika, minkejja l-ħafna
persekuzzjonijiet li waslu wkoll
sat-tixrid tad-demm. Huma
ġrajjiet ta’ fedeltà lejn
il-Mulej, vera “mixja tal-fidi”
f’kull post u f’kull żmien, li
ma’ tulu l-insara tal-lvant
dejjem ħarsu b’fiduċja liema
bħalha lejn Omm il-Mulej, u
qimuha bit-tifħir tagħhom, u
talbuha bla heda. Fil-mumenti
diffiċli tal-ħajja nisranija
mġarrba tagħhom, “sabu kenn taħt
il-ħarsien tagħha”, u kienu
jħossu li kellhom l-għajnuna
qawwija tagħha. Il-Knejjes li
jħaddnu t-tagħlim tal-Konċilju
ta’ Efesu jxandru lil Marija
bħala l-Omm tassew ta’ Alla
għaliex Sidna Ġesù Kristu,
imnissel mill-Missier qabel kull
żmien bħala Alla, fl-aħħar
taż-żminijiet, għlina u
għas-salvazzjoni tagħna, ried
bħala bniedem jitwieled minn
Marija, il-Verġni Omm Alla” .
Il-Missirijiet riei u t-tradizzjoni
biżantina huma u jikkontemplaw
lill-Verġni Marija fid-dawl tal-Verb
maħmul bniedem, fittxew li
jidħlu fil-fond ta’ dik ir-rabta
li tgħaqqad lil Marija, bħala
Omm Alla, ma’ Kristu u l-Knisja:
il-Verġni Marija hi dejjem
preżenti fil-verità kollha
tal-misteru tas-salvazzjoni.
It-tradizzjonijiet kopti u
eġizzjani twasslu
għall-kontemplazzjoni
tal-misteru ta’ Marija minn San
Ċirillu ta’ Lixandra, u mbagħad
huma wkoll iċċelebraw dan
il-misteru b’ġħadd mill-isbaħ ta’
innijiet. Il-ġenju poetiku ta’
San Efrem tas-Sirja, li
jissejjaħ “iċ-ċetra tal-Ispirtu
sSantu”, lissen bla ma qatt
għejja, innijiet f’ġieħ Marija,
u ħalla sinjal ħaj ta’ dan fit-tradizzjoni
kollha tal-Knisja tas-Sirja.
Fil-paneġeriku tiegħu dwar it-Theotokos,
San Girgor ta’ Narek wieħed
mill-aqwa glorji tal-Armenja,
b’ispirazzjoni poetika mill-aqwa,
daħal fil-fond tal-aspetti
kollha tal-misteru
tal-Inkarnazzjoni u kull aspett
kien għalih okkażjoni biex
jgħanni u jgħolli d-dinjità
straordinarja u l-ġmiel mill-aqwa
tal-Verġni Marija, Omm il-Verb
magħmul bniedem.
Ma nistagħġbux għalhekk li
Marija għandha post privileġġjat
fil-qima tal-Knejjes antiki
tal-lvant permezz ta’ kotra ta’
festi u innijiet li ma hemmx
aqwa minnhom.
32. Fil-Liturġija biżantina,
fis-sigħat kollha tal-Uffiċċju
divin, it-tifħir tal-Omm hu
marbut mat-tifħir tal-Iben u
mat-tifħir li, permezz tal-Iben
jingħata lill-Missier fl-Ispirtu
s-Santu. Fl-Anafora jew talba
ewkaristika ta’ San Ġwann
Griżostmu minnufij wara l-epiklesi,
il-ġemgħa tlissen innu ta’ ġieh
Omm Alla:”Hi ħaġa xierqa li
nxandru li inti hienja, Omm Alla,
int li int l-aktar ta’ ġieh
mill-Kerubini u wisq aktar
glorjuża mis-Serafini. Int, li
mingħajr ma ttiefset xbubitek,
tajt it-twelid lill-Verb ta’
Alla. Int tassew Omm Alla”
Dan it-tifħir li jingħata lil
Marija f’kull ċelebrazzjoni
tal-Liturġija tal-Ewkaristij,
sawwar il-fidi, it-tjieba u t-talb
tal-insara. Tul iż-żminijiet dan
it-tifħir intiseġ mal-ħajja
spiritwali tagħhom kollha, u ġab
ħafna ‘l quddiem fosthom id-devozzjoni
lejn “Omm Alla, Qaddisa kollha
kemm hi.”
33. Din is-sena hi t-tnax-il
mitt sena wara t-tieni Konċilju
ta’ Nicea (787). Dan il-Konċilju,
li temm il-kontroversja li kien
hemm dwar il-qima tax-xbihat
imqaddsa, iddefinixxa li, skont
it-tagħlim tal-Missirijiet
qaddisa tal-Knisja, kienu
jistgħu jiġu esposti għall-qima
tal-insara, flimkien mas-salib,
ix-xbihat ta’ Omm Alla,
tal-Anġli u tal-Qaddisin,
fil-knejjes, fid-djar u fit-triqat.
Din id-drawwa baqgħet imħarsa
fil-lvant kollu u fil-punent
ukoll. Xbihat tal-Verġni Marija
jinżammu bl-ikbar ġieh fid-djar
u fil-knejjes. F’dawn ix-xbihat
Marija tidher f’ħafna suriet:
bħala tron ta’ Alla li terfa’
lill-Mulej u tagħtih
lill-bnedmin (Theotokos); bħala
t-triq li twassal għand Kristu u
turih (Hodegetria); bħala dik li
qiegħda titlob f’qagħda ta’ talb
u bħala sinjal tal-preżenza ta’
Alla fil-mixi tal-insara sa ma
jasal jum il-Mulej (Deisis);
bħala dik li titfa l-ħarsien
tagħha fuq il-ġnus kollha (Pokrov);
bħala Verġni kollha ħniena u
ħlewwa (Elousa). Ġeneralment hi
mpinġija b’Binha, it-tfajjel
Ġesù, fuq dirgħajha; din
ir-relazzjoni tal-Iben ma’ Ommu
li ssebbaħ lil Marija. Xi
kultant tgħannqu magħha bi
ħlewwa liema bħalha (Glykophilousa);
drabi o]ra hi figura jeratika,
mitlufa kollha kemm hi
fil-kontemplazzjoni ta’ dak li
hu Sid il-ġrajjiet ( Ara Apok4,
9-14).
Ta’ min isemmi hawn ix-xbiha tal-Madonna
ta’ Vladimir, li kienet imsieħba
mal-mixja tal-fidi tal-ġnus
tal-pajjiż antik tar-Rus. Qed
toqrob l-ewwel elf sena
tal-konversjoni għat-twemmin
nisrani ta’ dawn l-artijiet hekk
nobbli: huma artijiet ta’ nies
umli, ta’ għorrief u ta’
qaddissin. Ix-xbihat (l-ikoni)
għadhom miqjuma fl-Ukranja,
fil-Bjelorussja u fir-Russja
taħt għadd ta’ titoli. Huma
xbihat li jixhdu l-fidi u l-ispirtu
ta’ talb ta’ dawk il-ġnus, li
jħossu l-presenza u l-ħarsien ta’
Omm Alla. F’dawn l-ikoni l-Verġni
Marija tiddi bħala xbieha
tal-ġmiel liema bħalu ta’ Alla,
l-għamara tal-Għerf ta’ dejjem,
il-figura ta’ waħda li titlob,
eżempju ewlieni ta’
kontemplazzjoni, xbieha ta’
glorja; hi li wkoll tul ħajjitha
fid-dinja kellha għerf
spiritwali li jisboq ir-raġuni
tal-bniedem u li bil-fidi tagħha
kisbet l-għerf l-aktar għoli.
Niftakar ukoll fl-ikone
tal-Verġni Marija fiċ-Ċenaklu
titlob mal-Appostli huma u
jistennew il-miġja tal-Ispirtu
s-Santu: ma tistax din l-ikone
tkun sinjal ta’ tama għal dawk
kollha li fi djalogu baħwa,
jixtiequ jidħlu aktar fil-fond
tal-ubbidjenza tal-fidi tagħhom?
34. Dan l-għana kollu ta’ tifħir,
li nbena mill-ħafna suriet tat-tradizzjoniji
kbira tal-Knisja, jista’ jgħinna
biex inħaffu l-jum li fih
il-Knisja tista’ tibda mill-ġdid
tieħu nifs sħiħ miż-“żewġ
pulmuni” tagħha. Il-lvant u l-punent.
Kif għidt ta’ spiss, dan hu
meħtieġ wisq aktar illum. Ikun
ta’ għajnuna effettiva biex jiġi
aktar ‘l quddiem id-djalogu li
ġà qed iseħħ bejn il-Knisja
Kattolka u l-knejjes u l-komunitajiet
ekklesjali tal-punent. Ikun
ukoll mezz biex il-Knisja
fil-mixi tagħha tkanta u tgħix
aktar perfett il-Magnificat
tagħha.
3. Il-Magnificat tal-Knisja
fil-mixi tagħha
35. F’dan il-mument tal-mixi
tagħha, il-Knisja, għalhekk, qed
tfittex biex mill-ġdid issib dik
l-għaqda ta’ dawk kollha li
jistqarru l-fidi fi Kristu, biex
turi l-ubbidjenza tagħha għal
Sidha, li talab gdin l-għaqda
qabel bata. “Il-Knisja timxi ‘l
quddiem qisha f’art barrnija
..., fis-Salib u l-Mewt
tal-Mulej sa ma jiġi” Il-Knisja
timxi ‘l quddiem fost tiġrib u
niket, imsaħħa bil-qawwa
tal-grazzja ta’ Alla, imwegħda
lilha mill-Mulej, biex, minkejja
li l-ġisem dgħajjef, hi qatt ma
tonqos minn fedeltà sħiħa imma
tibqa’ l-Għarusa xierqa ta’
Sidha u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu
qatt ma tieqaf tiġġedded, sakemm,
permezz tas-salib, tasal għal
dak id-dawl li ma jgħib qatt”.
L-Omm Verġni hi dejjem mal-Poplu
ta’ Alla fil-mixi tiegħu lejn
id-dawl. Dan jidher b’mod
speċjali fil-kantiku
tal-Magnificat, li ħareġ
mill-fond tal-fidi ta’ Marija
fiż-Żjara lil Elisabetta,
kantiku li ma jieqaf qatt li
jiġi mtenni fil-qalb tal-Knisja
tul iż-żminijiet. Dan narawh
mill-fatt li kuljum dan
il-kantiku jingħad fil-Liturġija
tal-Għasar u f’ħafna
okkażjonijiet oħr ta’ devozzjoni
sew ta’ individwi u sew ta’
komunitajiet
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla
s-Salvatur tiegħi,
għax hu xe għajnejh fuq iċ-ċokon
tal-qaddejja tiegħu,
Iva, minn issa ‘l quddiem
Kull nisel jibda jsejjaħli
hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi
ħwejjeġ kbar,
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull
żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra
f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron
tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu
bil-ġuħ,
u l-għonja baghathom ‘il barra
b’xejn.
Ħa ħsieb Israel, qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
bħalma wiegħed lil missirijietna
–
b’riżq Abaraham u nislu għal
dejjem” (Lq 1, 46-55)
36. Meta Elisabetta sellmet
lill-qariba żagħżugħa tagħha
minn Nażaret, Marija wieġbet
bil-Magnificat. Fit-tislima
tagħha, elisabetta l-ewwel
sejħet lil Marija “hienja”
minħabba l-“frott tal-ġuf tagħha”,
u mbagħad sejħitilha hienja
minħabba l-fidi tagħha (ara Lq
1, 42,45). Dawn iż-żewġ
tislijiet huma marbutin
direttament mat-tħabbira
tal-Anġlu. Issa, fiż-żjara, meta
t-tislima ta’ Elisabetta tagħti
xhieda għal dak il-waqt
importanti, il-fidi ta’ Marija
tinħass u tintwera b’mod ġdid.
Dak li kien baqa’ moħbi fil-fond
tal-“ubbidjenza tal-fidi” fit-tħabbira
tal-Anġlu, issa joħroġ barra
qisu fjamma ċara u ħajja
tal-ispirtu. Il-kliem li qalet
Marija fuq il-g]atba tad-dar ta’
Elisabetta huwa stqarrija
ispirta ta’ din il-fidi tagħha,
li biha, it-tweġiba tagħha
għall-kelma li ġiet rivelata
lilha, hi elevazzjoni, b’ferħ
reliġjuż u poetiku, tagħha
nfisha kollha kemm hi lejn Alla.
F’dan il-kliem għoli, li fl-istess
ħin hu sempliċi ħafna u kollu
kemm hu ispirat mill-Kotba
mqaddsa tal-poplu ta’ Israel ,
tidher tiddi l-esperjenza
personali ta’ marija u l-estasi
tal-qalb tagħha. Fih jiddi raġġ
tal-misteru ta’ Alla, is-sebħ
tal-Qdusija tiegħu bla qjies, l-imħabba
tiegħu ta’ dejjem, li bħala don
li ma jitreġġa qatt lura, jidħol
fil-ġrajja tal-bniedem.
Marija hija l-ewwel waħda li
għanda sehem f’din
ir-rivelazzjoni ġdida ta’ Alla u
f’dan l-għoti ġdid ta’ Alla
f’din l-istess rivelazzjoni.
Għalhekk hi xxandar: “Għax is-Setgħani
għamel miegħi ħwejjeġ kbar
qaddis hu l-isem tiegħu”.
Kliemhajuri ferħ fl-ispirtu li
mhux ħafif li tfisser:
“L-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla
s-salvatur tiegħi”. Dan
għaliexl-ogħla verità sew dwar
Alla u sew dwar is-salvazzjoni
tal-bniedem rajniha ċar fi
Kristu li hu fl-istes ħin
medjatur u l-milja tar-rivelazzjoni
. Fil-ferħ kollu tagħha Marija
ssib ruħha fil-qalba ta’ din
il-milja ta’ Kristu. Hi taf li
l-wegħda magħmula lil
missirijiet, u l-ewwel “lil
Abraham u lil nislu għal dejjem”,
qed isseħħ fiha stess. Għalhekk
qed tagħraf li fiha stess bħala
Omm Kristu jinsab miġbur il-pjan
kollu tas-salvazzjoni, li fih,
f’kull żmien jidher dak li,
bħala Alla tal-patt, “jiftakar
fil-ħniena tiegħu.”
37. Il-Knisja li sa mill-bidu
sawret il-mixi tagħa fid-dinja
fuq il-mixja tal-Omm ta’ Alla,
bla heda ttenni warajha l-Magnificat.
Mill-fond tal-fidi tal-Verġni
Marija fit-tħabbira tal-Anġlu u
fiż-żjara lil elisabetta,
il-Knisja tikseb il-verità Alla
tal-Patt: Alla li jista’ kollox
u għamel “ħwejjeġ kbar”
għall-bniedem: “Qaddis hu l-isem
tiegħu”. Fil-Magnificat
il-Knisja tara mqaċċat mill-għeruq
dak id-dnub li naraw fil-bidu
tal-ġrajja tar-raġel u l-mara
fid-dinja, id-dnub tan-nuqqas ta’
fidi u ta’ “ftit fidi” f’Alla.
B’kuntrast mas-“suspetti” li
“,issier il-gideb” żara’ f’qalb
Eva, l-ewwel mara, Marija, li t-tradizzjoni
s-soltu ssejjaħ “Eva l-ġdida,” u
l-vera “Omm il-ħajjin”,
bil-qawwa kollha xxandar
il-verità dwar Alla fid-dawl
kollu tagħha: Alla qaddis li
jista’ kollox, li sa mill-bidu
hu l-għajn ta’ kull don, dak li
“għamel ħwejjeġ kbar” fiha u
fil-ħolqien kollu wkoll.
Fil-ħolqien Alla ta l-eżistenza
lil kull ma hu. Meta ħalaq
il-bniedem, tah id-dinjità li
jkun sura u xbieha tiegħu, b’mod
speċjali, fost il-ħlejjaq kollha
tal-art. Barra dan, fix-xewqa
tiegħu li jagħti, Alla ta lilu
nnifsu f’Ibnu stess, minkejja d-dnub
tal-bniedem: “Alla hekk ħabb id-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw
3,16). Marija hi l-ewwel xhuid
ta’ din il-verità tal-għaġeb, li
sseħħ għal kollox b’kull ma
għamel u qal (ara Atti 1,1).
Binha u, b’mod definitiv,
bis-salib u l-qawmien teigħu
mill-imwiet.
Il-Knisja, li wkoll ”fost tiġrib
u niket qatt ma tieqaf ittenni
ma’ Marija kliem il-Magnificat
“hi mwettqa” bil-verità ta’ Alla,
imħabbra dak in-nhar
b’sempliċità tassew tal-għaġeb.
Fl-istess ħin, permezz ta’ din
il-verità dwar Alla, il-Knisja
tistieq iddawwal it-triqat iebsa
u spiss imħawda tal-ħajja
tal-bniedem fid-dinja. Il-mixi
tal-Knisja, għalhekk, qrib it-tmiem
tat-tieni elf sena wara Kristu,
jitlob impenn ġdid
għall-missjoni tagħha. Mixja
wara Dak li qal għalih
innifsu”(Alla) ikkonsagrani biex
inwassal il-Bxara t-tajba
lill-fqajrin” (ara Lq 4, 18),
il-Knisja fittxet minn dejjem u
għada tfittex illum li taqdi din
l-istess missjoni.
L-imħabba preferenzjali
tal-Knisja għall-fqar tinsab
miktuba b’mod tal-għaġeb
fil-Magnificat ta’ Marija. Alla
tal-Patt, imfaħħar bil-ferħ
tal-ispirtu tal-Verġni ta’
Nazaret, huwa wkoll dak li
“niżżel is-setgħana minn fuq it-tron
tagħhom u għolla ċ-ċkejknin ...
mela b’kull ġid lil min hu
bil-ġuħ u l-għonja bagħathom ‘il
barra b’xejn ... xerred lil dawk
li huma mkabbra f’qalbhom ... u
l-ħniena tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu”.
Marija hi mimlija bl-ispirtu
tal-“fqar ta’ Jahweh” li, fit-talb
tas-salmi jistennew mingħand
Alla s-salvazzjoni tagħhom u
jqiegħdu l-fiduċja kollha
tagħhom fih (ara Salmi 25, 31,
35, 55). Marija verament
til-miġja tal-“Messija tal-foqra”
(ara Is 11, 4; 61,1). Il-Knisja,
mill-fond tal-qalb ta’ Marija,
mill-fosn tal-fidi tagħha
mfissra fil-Magnificat tikseb
qawwa biex dejjem aktar iġġedded
fiha nfisha l-għarfien li l-verità
dwar Alla li jsalva, l-għarfien
dwar Alla li hu l-bidu ta’ kull
don, ma tistax tinfired mid-dehra
tal-imħabba preferenzjali tiegħu
għall-foqra u ċ-ċkejknin, mill-imħabba
li, mfakkra fil-Magnificat,
aktar tard dehret f’dak li
għamel u għallem Ġesù.
Il-Knisja għalhekk taf – u fi
żmienna dan l-għarfien jissaħħaħ
ħafna – mhux biss li dawn
iż-żewġ elementi li jinsabu
fil-Magnificat ma jistgħux
jinfirdu minn xulxin, imma taf
ukoll li hemm id-dmir li tkun
imħarsa sewwa l-importanza li
“l-fqar” u “l-għażla favur
il-fqar” għandhom fil-kelma ta’
Alla l-ħaj. Dawn huma affarijiet
u problemi li huma marbutin
sewwa mat-tifsira tal-libertà u
tal-ħelsien. “Marija tiddependi
għal kollox minn Alla u hi
kollha kemm hi miġbuda lejh, u,
ħdejn Binha, hi x-xbieha l-aktar
perfetta tal-ħelsien u
tal-libertà tal-familja kollha
tal-bnedmin u tal-univers kollu.
Lejha bħala Omm u Xbieha għandha
tħares il-Knisja biex tifhem,
fis-sħuħija kollha tagħha,
il-missjoni li għandha .
IT-TIELET TAQSIMA
IL-MEDJAZZJONI TA’ OMM
1. Marija, il-qaddejja tal-Mulej
38. Il-Knisja taf u ma’ San Pawl
tgħallem li hemm medjatur
wieħed:”Wieħed hu Alla u wieħed
hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem,
il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta
lilu nnifsu bħala prezz ta’
fidwa għal kulħadd” (1 Tim 2,
5-6). “Il-ħidma ta’ Marija bħala
omm favur il-poplu bl-ebda mod
ma ddallam jew tnaqqas
il-medjazzjoni waħdanija ta’
Kristu, iżda għall-kuntrarju
turi l-qawwa tagħha”: hi
medjazzjoni fi Kristu.
Il-Knisja taf u tgħallem li
“l-influwenza għas-salvazzjoni
li għandha l-Verġni mqaddsa fuq
il-familja kollha tal-bnedmin,
għandha l-bidu tagħha ... fir-rieda
ta’ Alla, u tiġi mill-kotra bla
qjies tal-merti ta’ Kristu,
tistrieħ fuq il-medjazzjoni
tiegħu, tiddependi għal kollox
minnha, u tikseb il-qawwa kollha
tagħha minnha. Bl-ebda mod ma
tfixkel ir-rabta diretta
tal-insara ma’ Kristu; anzi
ġġibha ‘l quddiem” . Din l-influwenza
għas-salvazzjoni hi mqawwija
mill-Ispirtu s-Santu, li, kif
tefa’ d-dell tiegħu fuq
il-Verġni Marija meta ta li tkun
Omm Alla, hekk ukoll bla heda
jżomm sħiħa l-ħerqa tagħha
għall-aħwa ta’ Binha.
Fil-fatt, il-medjazzjoni ta’
Marija hi marbuta b’mod intimu
ħafna mal-maternità tagħha.
Għandha l-karattru speċjali ta’
medjazzjoni ta’ omm, li
tagħżilha mill-medjazzjoni
tal-ħlejjaq l-oħra li b’ħafna
modi għandhom sehem mill-medjazzjoni
waħdanija ta’ Kristu u
jiddependu minnha, għalkemm
il-medjazzjoni ta’ Marija hi
wkoll medjazzjoni parteċipata .
Hu fatt li, għalkemm hu veru li
ebda ħliqa ma tista’ titqabbel
mal-Verb magħmul bniedem u
Salvatur, fl-istess waqt hu veru
wkoll li l-medjazzjoni waħdanija
tas-Salvatur ma teskludix, anzi
toħloq fost il-ħlejjaq
kooperazzjoni ta’ ħafna suriet,
li hi parteċipazzjoni minn għajn
waħdanija. Hekk it-tjieba
waħdanija ta’ Alla hi fil-fatt
tissawwab b’ħafna modi
fil-ħlejjaq tiegħu .
It-tagħlim tal-Konċilju Vatikan
II juri l-verità tal-medjazzjoni
ta’ Marija bħala tisħib jew
parteċipazzjoni fl-għajn
waħdanija li hi l-medjazzjoni
ta’ Kristu nnifsu. Għlahekk
naqraw: “Il-Knisja ma tiddubitax
tistqarr din il-funzjoni
subordinata ta’ Marija. Hi
ġġarrabha l-ħin kollu u
tirrikmandaha għall-qlub
tal-fidili, biex qalbhom qawwija
b’din l-għajnuna ta’ omm, ikunu
jistgħu jingħaqdu aktar fil-qrib
mal-medjatur u l-Feddej”. Din
il-ħidma hi fl-istess ħin
speċjali u straordinarja. Ġejja
mill-fatt li hi Omm Alla, u
nistgħu nifhmuha u ngħixuha
fil-fidi biss jekk nagħrfu
l-verità sħiħa tal-maternità
tagħha. Għaliex Marija ntgħażlet
minn Alla biex tkun fid-dinja
Omm l-Iben li għandu l-istess
natura tal-Missier, u “sieħba
ġeneruża” tiegħu fl-opra
tal-fidwa, hi “l-omm tagħna
lkoll fl-ordni tal-grazzja” .
Din il-ħidma hi d-dimensjoni
vera tal-preżenza tagħha
fil-misteru tas-salvazzjoni ta’
Kristu u tal-Knisja.
39. Fid-dawl ta’ dan irridu
nqisu darb’oħra l-fatt
fondamentali tal-ġrajja
tas-salvazzjoni, jiġifieri
l-Inkarnazzjoni tal-Verb
fil-mument tat-tħabbira
tal-Anġlu. Ifisser ħafna li
Marija, hija u tagħraf ir-rieda
ta’ Alla l-Għoli fi kliem
l-Anġlu u hija u toqgħod
għall-qawwa tiegħu qalet: “Ara,
jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa
jkun minni skont kelmtek” (Lq
1,38). L-ewwel waqt
tas-sottomissjoni
għall-“medjazzjoni waħdanija
bejn Alla u l-bniedem” –
il-medjazzjoni ta’ Ġesù Kristu –
huwa l-fatt li l-Verġni ta’
Nazaret aċċettat li tkun Omm
Alla. Marija aċċettat l-għażla
ta’ Alla biex, bis-setgħa
tal-Ispirtu s-Santu, issir Omm
l-Iben ta’ Alla. Nistgħu ngħidu
li din l-aċċettazzjoni ta’
Marija li tkun Omm Alla hi fuq
kollox il-frott tal-għoti sħiħ
tagħha lil Alla bħala verġni,
Marija aċċettat l-għażla li tkun
Omm l-Iben ta’ Alla, imqanqla
minn imħabba ta’ għerusija,
imħabba li tikkonsagra lil Alla
l-bniedem kollu kemm hu.
Bil-qawwa ta’ din l-imħabba,
Marija xtaqet li tkun dejjem u
f’kollox “mogħtija lil Alla”
f’ħajja ta’ verġinità. Il-kliem:
“Ara, jiena l-qaddejja
tal-Mulej”, juri li, mill-bidu
nett, Marija aċċettat u fehmet
li l-maternità tagħha kienet
id-don sħiħ tagħha, id-don
tal-persuna tagħha għall-qadi
tal-pjan tas-salvazzjoni
tal-Għoli. U sa l-aħħar nett
għexet is-sehem sħiħ tagħha ta’
omm fil-ħajja ta’ Ġesù Kristu,
Binha b’mod li kien jaqbel sewwa
mas-sejħa tagħha għall-
verġinità.
Il-maternità ta’ Marija, mimlija
kollha kemm hi mill-qagħda
tagħha ta’ għarusa bħala
“l-qaddejja tal-Mulej”, hi
l-ewwel dimensjoni fondamentali
ta’ dik il-medjazzjoni li
l-Knisja tistqarr u xxandar
dwarha u bla heda tirrikmanda
lill-qlub tal-insara, għaliex
il-Knisja għandha fiduċja kbira
fiha. Għandna nagħrfu li qabel
kulħadd kien Alla stess,
il-Missier etern, li ried jafda
lilu nnifsu lill-Verġni ta’
Nazaret, billi taha lil Ibnu
fil-misteru tal-Inkarnazzjoni.
L-għażla tagħha għall-uffiċċju
għoli u għad-dinjità ta’ Omm
l-Iben ta’ Alla fl-ordni
ontoloġiku, hi marbuta
mal-verità taż-żewġ naturi
fil-persuna waħda tal-Verb (
l-unio hypostatica). Dan il-fatt
fondamentali, jiġifieri li
Marija hi Omm l-Iben ta’ Alla,
hu sa mill-bidu ftuħ sħiħ
għall-persuna ta’ Kristu,
għall-ħidma kollha tiegħu,
għall-missjoni kollha tiegħu.
Il-kliem: “Ara, jiena l-qaddejja
tal-Mulej”, huwa xhieda
tal-ispirtu miftuħ ta’ Marija:
hi tgħaqqad perfettament fiha
nfisha l-imħabba proprja
tal-verġni u l-imħabba
karatteristika tal-omm, u
jingħaqdu fiha flimkien qishom
saru ħaġa waħda.
B’dan il-mod Marija mhux biss
issir “l-omm li trabbi” Bin
il-Bniedem imma ssir ukoll
“sieħba ġeneruża tassew
singulari” tal-Messija u
l-Feddej. Kif ġa għidt, hi mxiet
‘il quddiem fil-mixja tagħha
tal-fidi, u f’din il-mixja sa
ħdejn is-salib, fl-istess waqt,
seħħet il-kooperazzjoni tagħha
ta’ omm fil-missjoni kollha
tas-Salvatur bl-għemil u
t-tbatijiet tagħha. Tul it-triq
ta’ din kooperazzjoni mal-opra
ta’ Binha, il-Feddej,
il-maternità ta’ Marija wkoll
għaddiet minn bidla singulari,
għax saret aktar mimlija bi
“mħabba mħeġġa” għal dawk kollha
li fosthom Kristu kien qed
jagħmel il-missjoni tiegħu,
“imħabba mħeġġa” li fittxet
tikseb f’għaqda ma’ Kristu,
it-tiġdid tal-“ħajja
sopranaturali tal-erwieħ”.
Marija daħlet bil-mod proprju
tagħha f’dik il-medjazzjoni
waħdanija “bejn Alla u
l-bniedem”, li hi l-medjazzjoni
tal-Bniedem Kristu Ġesù. Jekk
kienet hi l-ewwel waħda li
ġarrbet fiha nfisha l-effetti
sopranaturali ta’ din
il-medjazzjoni – fit-tħabbira
l-Anġlu sellmilha “mimlija
bil-grazzja” – għandha ngħidu li
b’din il-milja tal-grazzja u
bil-ħajja sopranaturali tagħha
hi ġiet imhejjija minn qabel
b’mod speċjali biex tikkopera
ma’ Kristu, il-medjatur waħdieni
tas-salvazzjoni tal-bniedem. U
din il-kooperazzjoni hi proprju
din il-medjazzjoni subordinata
għall-medjazzjoni ta’ Kristu.
Fil-każ ta’ Marija għandna
medjazzjoni speċjali u
eċċezzjonali, mibnija fuq
il-fatt li hi “mimlija
bil-grazzja”, li hi mfissra
wkoll mir-rieda sħiħa tagħha li
tkun “il-qaddejja tal-Mulej”. Bi
tweġiba għal din ir-rieda ta’
Ommu, Ġesù Kristu hejjieha biex
tkun dejjem aktar u għal kollox
“omm fl-ordni tal-grazzja”
tal-poplu kollu. Dan jidher,
almenu indirettament minn ċerti
partikolari żgħar imsemmija
mill-Evanġelji sinottiċi ( ara
Lq 11,28; 8,20-21; Mk 3,32-35;
Mt 12, 47-50) u aktar u aktar
mill-Evanġelju ta’ San Ġwann (
ara 2, 1-12; 19, 25-27) li ġa
semmejt. Ifisser ħafna dwar dan,
il-kliem li qal Ġesù fuq
is-salib lil Marija u lil San
Ġwann.
40. Wara l-ġrajja tal-qawmien
mill-imwiet u tat-tlugħ
tal-Mulej fis-sema, Marija
marret fil-kamra ta’ fuq
flimkien mal-Appostli tistenna
Għid il-Ħamsin, u kienet hemm
bħala Omm tal-Mulej li qam
mill-imwiet. Ma kinitx biss dik
li “mxiet ‘il quddiem fil-mixja
tal-fidi” u baqgħet fidila
għar-rabta tagħha ma’ Binha sa
fuq is-salib, imma kienet ukoll
il-qaddejja tal-Mulej li Binha
ħalla bħala Omm f’nofs il-Knisja
fil-bidu tagħha. “Hemm hi
ommok”. B’hekk bdiet tiżviluppa
rabta speċjali bejn din l-Omm u
l-Knisja. Għaliex il-Knisja
fil-bidu tagħha kienet frott
is-salib u l-qawmien mill-imwiet
ta’ Binha. Marija li sa
mill-bidu tat ruħha kollha kemm
hi, bla ebda kundizzjoni,
għall-persuna u l-ħidma ta’
Binha, ma setgħetx ma tagħtix
lill-Knisja sa mill-bidu nett
lilha nfisha kollha kemm hi
bħala omm. Wara t-tluq ta’
Binha, il-maternità tagħha
tibqa’ fil-Knisja bħal
medjazzjoni ta’ Omm; hija u
tidħol għal uliedha kollha,
l-Omm tikkopera fil-ħidma
għas-salvazzjoni ta’ Binha,
il-Feddej tad-dinja. Fil-fatt
il-Konċilju jgħallem li
l-“maternità ta’ Marija fl-ordni
tal-grazzja ... tibqa’ sejra bla
ma qatt tieqaf sa ma sseħħ għal
kollox il-ġemgħa tal-magħżulin”
. Bil-mewt ta’ Binha għall-fidwa
tagħna, il-medjazzjoni bħala omm
tal-qaddejja tal-Mulej ħadet
dimensjoni universali, għaliex
l-opra tal-fidwa tħaddan
il-familja kollha tal-bnedmin.
B’hekk tidher b’mod singulari,
il-qawwa tal-medjazzjoni
waħdanija u universali ta’
Kristu “bejn Alla u l-bniedem”,
Il-kooperazzjoni ta’ Marija
għandha sehem, għalkemm ta’
karattru subordinat,
l-universalità tal-medjazzjoni
tal-Feddej, il-medjatur
waħdieni. Dan jidher ċar
mill-kliem tal-Konċilju msemmi
aktra “il fuq.
“Għaliex,” inkomplu naqraw, “hi,
meta ġiet imtella’ fis-sema, ma
warbitx fil-ġenb din il-ħidma
ta’ salvazzjoni, imma b’kull mod
ta’ interċessjoni tibqa’
tiksbilna d-doni tal-salvazzjoni
ta’ dejjem” . B’dan il-karattru
ta’ interċessjoni li deher
l-ewwel darba f’Kana
tal-Galilija, il-medjazzjoni ta’
Marija tkompli fil-ġrajja
tal-Knisja u fid-dinja. Naqraw
li Marija “bl-imħabba tagħha ta’
omm tieħu ħsieb ħut Binha li
għadhom mexjin fid-dinja mdawrin
minn ħafna perikoli u
diffikultajiet, sa ma jaslu
għall-hena tas-sema pajjiżhom” .
B’dan il-mod il-maternità ta’
Marija tkompli bla
hedafil-Knisja bħala medjazzjoni
ta’ interċessjoni u l-Knisja
turi l-fidi tagħha f’din
il-verità billi titlob lil
Marija taħt it-titoli ta’
Avukata, Awsiljatriċi, Adjutriċi
u Medjatriċi.
41. Bil-medjazzjoni tagħha,
dipendenti minn dik tal-Feddej,
Marija tgħin b’mod speċjali
għall-għaqda tal-Knisja li
għadha miexja fid-dinja
mar-realtà eskatoloġika u eterna
tax-Xirka tal-Qaddisin, għax ġa
tinsab imtellgħa fis-sema.
Il-verità li Marija ġiet
imtellgħa s-sema, definita
mill-Papa Piju XII, ġiet
imtennija mill-Konċilju Vatikan
II li jfisser il-fidi tal-Knisja
b’dan il-mod: “Miżmuma ħielsa
minn kull ħtija tad-dnub
tan-nisel, il-Verġni bla tebgħa,
ġiet mgħollija għall-glorja
tas-sema bir-ruħ u l-ġisem,
malli temmet il-ħajja tagħha
fid-dinja. Ġiet mgħollija
mill-Mulej bħala Sultan
tal-ħolqien kollu, biex tkun
dejjem aktar bħal Binha, is-Sid
tas-sidien (ara Apok 19, 16),
ir-rebbieħ fuq id-dnub u l-mewt”
. B’dan it-tagħlim Piju XII kien
qed jorbot mat-Tradizzjoni li
ġiet imfassra f’ħafna suriet tul
il-ġrajja tal-Knisja sew
fil-lvant u sew fil-punent.
Bil-misteru ta’ Marija mtellgħa
s-sema, seħħu darba għal dejjem
f’Marija l-effetti kollha
tal-medjazzjoni waħdanija ta’
Kristu l-Feddej tad-dinja u
l-Mulej li qam mill-imwiet:
“Ilkoll jiksbu l-ħajja fi
Kristu. Imma kulħadd skont kif
imissu: jibda l-ewwel frott li
hu Kristu; wara, dawk li huma
ta’ Kristu” (I Kor 15, 22-23).
Fil-misteru ta’ marija mtellgħa
s-sema hemm imfissra l-fidi
tal-Knisja li tistqarr li Marija
“hi marbuta ma’ Kristu b’rabta
hekk sħiħa li ma tista’ tinħall
qatt,” għaliex, kif bħala Verġni
u Omm kienet marbuta miegħu
b’mod singulari fl-ewwel miġja
tiegħu, hekk bil-kollaborazzjoni
tagħha miegħu li ma tieqaf qatt,
hi tibqa’ dejjem marbuta miegħu
tistenna t-tieni miġja tiegħu:
“mifdija b’mod tassew għoli
minħabba l-meriti ta’ Binha” hi
għandha wkoll id-dmir speċifiku
ta’ omm bħala medjatriċi ta’
ħniena, fit-tieni miġja tiegħu,
meta dawk kollha li huma ta’
Kristu jieħdu l-ħajja u
“jinqered l-aħħar għadu:
il-mewt” (I Kor 15,26).
Marbuta ma’ din l-esaltazzjoni
tal-“bint nobbli ta’ Sijon” għax
imtellgħa s-sema, hu l-misteru
tal-glorja ta’ dejjem tagħha.
Dan għaliex Omm Kristu hi
glorifikata bħala “Sultana
tal-ħolqien kollu” . Dik li
fit-tħabbira tal-Anġlu sejħet
lilha nfisha “qaddejja
tal-Mulej”, tul ħajjitha
fid-dinja baqgħet dejjem fidila
għal dak li dan il-kliem kien
ifisser. B’dan uriet li kienet
veru “dixxiplu” ta’ Kristu, li
dejjem qal bil-qawwa kollha li
l-missjoni tiegħu kienet
missjoni ta’ qadi: “Bin
il-Bniedem ġie mhux biex ikun
moqdi imma biex jaqdi u biex
jagħti ħajtu b’fidwa
għall-kotra” (Mt 20, 28). B’dan
il-mod Marija saret l-ewwel
waħda fost dawk kollha li “jaqdu
‘l Kristu fl-oħrajn, u bl-umiltà
u s-sabar, iwasslu lil ħuthom
għand dak is-Sultan li jekk
taqdih tkun issaltan” u hekk
kisbet għal kollox dik
“il-qagħda ta’ l-ibertà regali”
li hi proprja tad-dixxipli ta’
Kristu: taqdi jiġifieri ssaltan!
“Kristu obda sal-mewt u għalhekk
Alla għollih” (ara fil 2, 8-9) u
daħal fis-sebħ tas-saltna
tiegħu; kollox hu mqiegħed taħtu
sabiex hu jitqiegħed taħt Alla
li jkun “qegħidlu kollox taħtu
sabiex Alla jkun kollox
f’kollox” (ara I Kor 15, 27-28)
.
Marija, il-qaddejja tal-Mulej,
għandha sehem f’din is-Saltna
ta’ Binha . Il-glorja tal-qadi
ma tintemmx b;eżaltazzjoni
tagħha: imtellgħa s-sema ma
tieqafx mill-qadi tagħha
għas-salvazzjoni, li juri
l-medjazzjoni tagħha ta’ omm
“sakemm isseħħ fil-milja kollha
tagħha l-ġemgħa tal-magħżulin” .
Hekk dik li fid-dinja żammet
sħiħ fil-għaqda ma’ Binha sa fuq
is-salib, tibqa’ magħquda
miegħu, “issa li kollox tqiegħed
taħtu sa ma hu stess jitqiegħed
ma’ kollox taħt il-Missier
innifsu”. B’hekk, imtellgħa
s-sema, Marija tlibbset, biex
ngħidu hekk, bir-realtà kollha
tax-xirka tal-Qaddisin, u
l-istess għaqda ma’ Binha hi
kollha kemm hidiretta
għall-milja sħiħa tas-Saltna
meta “Alla jkun kollox
f’kollox”.
F’din il-fażi wkoll
il-medjazzjoni ta’ Marija bħala
omm tibqa’ tiddependi, tibqa’
subordinat għal dak li hu
medjatur waħdieni, sa ma jseħħ
kollox fil-“milja taż-żminijiet”
jiġifieri “sa ma kollox
jiġġedded fi Kristu” (ara Ef 1,
10).
2. Marija fil-ħajja tal-Knisja u
fil-ħajja ta’ kull nisrani
42. Il-Konċilju Vatikan II, huwa
u jorbot mat-Tradizzjoni, tefa’
dawl ġdid fuq il-ħidma ta’ Omm
Kristu fil-ħajja tal-Knisja.
“Bid-don ... tal-maternità
divina, Marija hi magħquda ma’
Binha, il-Feddej, u mal-grazzji
singulari u mal-ħidma kollha
tiegħu, u hi wkoll magħquda
mal-Knisja: Omm Alla hi xhieda
tal-Knisja fil-fidi, fl-imħabba
u fl-għaqda perfetta ma’ Kristu”
. Ġa rajna, kif sa mill-bidu
Marija baqgħet ,al-appostli
tistenna Għid il-Ħamsin, u kif,
bħala dik li kienet “hienja għax
emmnet”, hi tinsab f’nofs
il-Knisja fil-mixi tagħha
fid-dinja tul iż-żminijiet
tagħha u bħala xbieha tat-tama
li ma tqarraqx (ara Rum 5,5).
Marija emmnet li jseħħ kull ma
ntqalilha min-naħa tal-Mulej.
Bħala verġni emmnet li se
tnissel u jkollha
iben:”il-Qaddis” li jissejjaħ
“Bin Alla”, bl-isem ta’ “Ġesù”
(jiġifieri Alla li jsalva).
Bħala qadejja tal-Mulej, baqgħet
dejjem fidila għall-persuna u
l-missjoni ta’ Binha. Bħala Omm,
“temmen u tobdi ... tat
lid-dinja Iben il-Missier u dan
għamlitu, hi li kienet verġni,
taħt id-dell li tefa’ fuqha
l-Ispirtu s-Santu.”
Għalhekk Marija hi mweġġħa
b’qima speċjali mill-Knisja. “Sa
minn żminijiet l-aktar
fl-imgħoddi, il-Verġni Marija
ġiet meqjuma bħala Omm Alla,”
dik li fit-tiġrib u l-ħtiġijiet
kollha, lejha l-fidili dejjem
irrikorrew jitolbu l-ħarsien
tagħha. Din il-qima hi kollha
kemm hi qima speċjali: hemm fiha
u turi r-rabta kbira ta’ Omm
Kristu mal-Knisja. Bħala Verġni
u Omm Marija tibqa’ fil-Knisja
bħala “xbieha għal dejjem”.
Nistgħu ngħidu għalhekk, u
speċjalment taħt dan l-aspett,
jiġifieri bħala eżempju, u jew
aħjar bħala “xbieha”, Marija, li
tinsab fil-misteru ta’ Kristu,
tibqa’ dejjem ukoll fil-misteru
tal-Knisja. Għaliex il-Knisja
wkoll hi msejħa “verġni u omm” u
dan il-kliem għandu tifsir
bibliku għoli u ġustifikat
mit-teoloġija.
43. Il-Knisja hi “wkoll issir
omm meta tilqa’ l-kelma t’Alla
bil-fedeltà kollha”. Bħal Marija
li l-ewwel emmnet għax laqgħet
il-Kelma ta’ Alla mwassla lilha
fit-tħabbira tal-Anġlu u baqgħet
fidila lejha tul it-tiġrib kollu
li għaddiet minnu sa ħdejn
is-salib, hekk ukoll il-Knisja
saret omm meta, hija u tilqa’
l-kelma ta’ Alla bil-fedeltà
kollha, “bix-xandir tal-Kelma u
bil-Magħmudija tagħti ħajja
ġdida għal dejjem lil ulied li
jitnisslu mill-Ispirtu s-Santu u
jitwieldu minn Alla”. Din
il-karatteristika “materna”
tal-Knisja hi mfissra b’mod
tassew ħaj mill-Appostlu
tal-ġnus meta kiteb:”Uliedi għal
darba oħra qegħed inħoss l-uġigħ
tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar
fikom” (Gal 4, 19). Dan il-kliem
ta’ San Pawl hu ħjiel tassew
interessanti li l-Knisja
tal-ewwel żminijiet kienet
tintebaħ bil-maternità tagħha,
maternità marbuta mal-qadi
appostoliku tagħha tal-familja
kollhatal-bnedmin. Gintebħet
b’dan il-Knisja setgħet u għadha
tista’ tara l-misteru tal-ħajja
tagħha u tal-missjoni tagħha
msawwar fuq l-eżempju ta’ Omm
l-Iben “ li hu l-kbir fost ħafna
aħwa” (Rum 8, 29).
Nistgħu ngħidu li l-Knisja
tgħallmet minn Marija
l-maternità tagħha: għarfet
x’inhi d-dimensjoni materna
tal-vokazzjoni tagħha, li
essenzjalment marbuta man-natura
sagramentali tagħha, “hija u
tikkontemplal-qdusija mistika
ta’ Marija u hija u tkun
tixbahha fl-imħabba u fil-qadi
bil-fedeltà kollha tar-rieda
tal-Missier” . Jekk il-Knisja
hija s-sinjal u l-mezz li bih
isseħħ l-għaqda intima ma’ Alla,
hi din minħabba l-maternità
tagħha, għaliex, hija u tirċievi
l-ħajja mill-Ispirtu, “tnissel”
għall-ħajja ġdida fi Kristu lil
ulied il-bnedmin. Għax kif
Marija hi għall-qadi tal-misteru
tal-Inkarnazzjoni, hekk
il-Knisja hi dejjem għall-qadi
tal-misteru tal-adozzjoni ta’
wlied Alla permezz tal-grazzja.
Hekk ukoll, il-Knisja, hija u
timxi fuq l-eżempju ta’ Marija,
tibqa’ l-verġni fidila
tal-għarus tagħha:”Il-Knisja
wkoll hi verġni, li żżomm sħiħa
u safja l-fedeltà li wegħdet
lill-Għarus tagħha” . Għaliex
il-Knisja hi l-Għarusa ta’
Kristu, kif jidher ċar
mill-Ittri ta’ San Pawl (ara Ef
5, 21-23; 2 Kor 11,2) u minn kif
isejħilha San Ġwann “l-Għarusa
tal-Ħaruf” (Apok 21,9). Jekk
il-Knisja bħala Għarusa żżomm
il-fedeltà mwegħda lil Kristu,
din il-fedeltà, ukoll jekk
fit-tagħlim tal-Appostlu hi
xbieha tal-fedeltà fiż-żwieġ
(ara Ef 5, 23-33) tiswa wkoll
bħala eżempju tal-għoti sħiħ lil
Alla fiċ-ċelibat “għas-saltna
tas-sema” fil-verġinità
konsagrata lil Alla (ara Mt 19,
11-12; 2 Kor 11,12). Proprju din
verġinità, fuq l-eżempju
tax-xebba ta’ Nazaret, hi l-bidu
ta’ frott spiritwali speċjali:
hi l-għajn tal-maternità
fl-Ispirtu s-Santu.
Imma l-Knisja tgħożż ukoll
il-fidi li rċeviet mingħand
Kristu. Bħal Marija li kienet
tgħożż u taħseb bejnha u bejn
ruħha kull ma kellu x’jaqsam ma’
Binha (ara Lq 2, 19,51)
il-Knisja hi marbuta li żżomm
sħiħ il-kelma ta’ Alla u ,
b’għażla u għaqal, tistħarreġ
l-għana tagħha biex tagħti
xhieda għaliha bil-fedeltà
kollha quddiem il-bnedmin kollha
ta’ kull żmien
44. Għaliex ir-rrelazzjoni ta’
Marija mal-Knisja għandha
tittieħed bħala eżempju,
il-Knisja titlaqa’ magħha u
tfittex li tkun tixbaħha. “Hija
u tħabrek biex tixbaħ Omm Sidha,
bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu,
il-Knisja tħares is-safa tagħha
ta’ verġni u l-fidi sħiħa
tagħha, it-tama soda u l-imħabba
sinċiera tagħha” .Marija
għalhekk tinsab fil-misteru
tal-Knisja bħala mudell. Iżda
l-misteru tal-Knisja hu wkoll
l-għoti ta’ ħajja ġdida għal
dejjem lill-ġnus. Din
il-maternità tagħha fl-Ispirtu
s-Santu. U hawn Marija mhux biss
hi mudell u xbieha tal-Knisja,
imma hi wisq aktar minn hekk.
Għaliex ”b’imħabba ta’ omm tgħin
fit-tnissil u l-kobor” ta’ wlied
il-Knisja Omm. Il-maternità
tal-Knisja sseħħ mhux biss skont
il-mudell u x-xbieha ta’ Omm
Alla imma wkoll
bil-“koperazzjoni” tagħha.
Il-Knisja tieħu ħafna minn din
il-koperazzjoni, jiġifieri
mill-medjazzjoni ta’ omm li hi
l-karatteristika ta’ Marija,
għaliex sa minn din id-dinja hi
tat il-koperazzjoni tagħha
għat-twelid mill-ġdid u
għall-kobor ta’ wlied il-Knisja,
bħala Omm dak l-Iben li
“l-Missier qiegħed bħala l-kbir
fost ħafna aħwa”.
Tat il-koperazzjoni tagħha
b’imħabba ta’ omm kif jgħallem
il-Konċilju Vatikan II. Hawn
naraw is-siwi veru tal-kliem li
Ġesù qal lil ommu fil-ħin
tas-salib: “Mara, hemm hu
ibnek”, u lid-dixxiplu: “Hemm hi
ommok” (Ġw 19, 26-27). Hu kliem
li jgħid x’inhu l-post ta’
Marija fil-ħajja tad-dixxipli
ta’ Kristu, u juru – kif ġa
għidt – maternità ġdida ta’ Omm
il-Feddej: maternità spiritwali,
li ħarġet mill-qalba tal-misteru
tal-Għid tal-Feddej tad-dinja.
Hi maternità fl-ordni
tal-grazzja, għax titlob id-don
tal-Ispirtu li jqajjem ulied
ġodda lil Alla, mifdijin
mis-sagrifiċċju ta’ Kristu: dak
l-ispirtu li Marija flimkien
mal-Knisja rċeviet nhar Għid
il-Ħamsin.
Il-maternità ta’ Marija, b’mod
partikulari, jgħarrfuha u
jġarrbuha l-ġnus insara fl-Ikla
qaddisa – iċ-ċelebrazzjoni
liturġika tal-misteru tal-fidwa
– fejn hemm Kristu, il-ġisem
veru tiegħu mwieled minn Marija
Verġni.
It-tjieba tal-poplu nisrani
dejjem għarfet sewwa r-rabta
kbira li hemm bejn id-devozzjoni
lejn il-Verġni Marija u
l-adorazzjoni tal-Ewkaristija;
dan hu fatt li narawh
fil-Liturġija kemm tal-lvant u
kemm tal-punent,
fit-tradizzjonijiet tal-familji
reliġjużi, fil-movimenti moderni
tal-ispiritwalità, f’dawk ukoll
ta’ fost iż-żgħażagħ, u
fis-santwarji marjani. Marija
tmexxi lill-insara lejn
l-Ewkaristija.
45. Il-maternità fl-essenza
tagħha hi dwar il-persuna.
Il-maternità dejjem twaqqaf
relazzjoni waħdanija, mhemmx
oħra bħalha, bejn żewġpersuni;
bejn omm u iben u bejn iben u
omm. Ukoll meta mara hi omm ta’
ħafna wlied, ir-relazzjoni
personali tagħha ma’ kull wieħed
minn uliedha hi l-essenza
prorpja tal-maternità. Għaliex
kull iben jitnissel b’mod uniku
li ma jiġġeddidx, u dan hu veru
kemm għall-omm u kemm
għall-iben. Kull iben hu mħaddan
bl-istess mod u b’dik l-imħabba
ta’ omm li fuqha jimbena
l-iżviluoo u l-kobor sħiħ
tal-iben bħala bniedem.
Nistgħu ngħidu li l-maternità
“fl-ordni tal-grazzja” tħares
din l-analoġija ma’ dak li
fl-“ordni tan-natura”
jikkaratterizza l-għaqda ta’ omm
ma’ binha. Fid-dawl ta’ dan, hi
aktar ħaġa ħafifa għalina nifhmu
għaliex fl-aħħar xewqat ta’
Kristu fuq il-Golgota hu uża
s-singulr biex ifisser
il-maternità ġdida ta’ Omm
b’riferenza għall-bniedem
wieħed: “Hemm hi ommok.”
Nistgħu ngħidu wkoll li dan
l-istess kliem juri sewwa
r-raġuni tad-dimensjoni marjana
tal-ħajja tad-dixxipli ta’
Kristu. Dan hu veru mhux biss
għal San Ġwann, li f’dak il-ħin
kien ħdejn is-salib flimkien ma’
Omm l-Imgħallem tiegħu, imma hu
veru wkoll għal kull dixxiplu
ta’ Kristu, għal kull nisrani.
Il-Feddej jafda d-dixxiplu lil
ommu, u fl-istess ħin
jaghtihielu bħala ommu.
Il-maternità ta’ Marija, li ssir
wirt il-bniedem, hi don; Don li
Kristu stess jagħti personalment
lil kull individwu. Il-Feddej
jafda lil Marija lil Ġwanni
għaliex jafda lil Ġwanni lil
Marija. Ħdejn is-salib jingħata
bidu għal dak l-għemil speċjali
li bih il-familja kollha
tal-bnedmin tiġi fdata lil Omm
Kristu, għemil li fil-ġrajja
tal-Knisja seħħ u tfisser
b’ħafna modi: l-istess Appostlu
u evanġelista, wara li semma’
l-kliem li Ġesù minn fuq
is-salib qal lil ommu u lilu
stess, iżda jgħid: “U minn dak
il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu”
(Ġw 19,27). Dan il-kliem żgur
ifisser li ġie mogħti d-dmir li
jkun iben u hu għalherkk tgħabba
bir-responsabbiltà ta’ Omm
l-Imgħallem maħbub tiegħu. U
għaliex Marija ngħatat lilu
personalment bħala omm, dan
il-kliem ifisser, għalkemm
indirettament, ir-relazzjoni
intima bejn iben u ommu. U dan
kollu jista’ jinġabar fil-kelma
“jafda”. Din il-kelma tfisser
it-tweġiba ta’ mħabba ta’ xi
ħadd, u, b’mod partikulari,
tal-imħabba ta’ Omm.
Id-dimensjoni marjana tal-ħajja
ta’ dixxiplu ta’ Kristu hi
mfissra b’mod speċjali proprju
mill-fatt li kull iben hu fdat
lil Omm Kristu, u dan seħħ
bl-aħħar xewqat tal-Feddej fuq
il-Golgota. In-nisrani huwa u
jafda lilu nnifsu lil Marija
bħala binha, bħall-appostlu San
Ġwann, “jilqa’ għandu” l-Omm
Kristu u jdaħħalha f’kull ma
għandu x’jaqsam mal-ħajja kollha
tiegħu fir-ruħ, jiġifieri
fil-“Jien” tiegħu bħala bniedem
u bħala nisrani: “ħadha għandu.”
Hekk in-nisrani jfittex
jitħaddan “mill-imħabba ta’ omm”
li biha Omm il-Feddej “tieħu
ħsieb ħut Binha” ”u tagħti
sehemha fit-tnissil u kobor
tagħhom” skont il-qjies tad-don
li jingħata lil kull wieħed
minnhom bis-setgħa tal-Ispirtu
ta’ Kristu. B’dan il-mod ukoll
isseħħ dik il-maternità
fl-Ispirtu li saret il-ħidma ta’
Marija ħdejn is-salib u
fil-kamra ta’ fuq.
46. Din ir-relazzjoni tal-iben
mal-omm, li twassal lil iben
biex jafda għal kollox fl-omm,
mhux biss għandha l-bidu tagħha
fi Kristu, imma nistgħu ngħidu
wkoll, li hi orjentata lejn
Kristu. Nistgħu ngħidu li Marija
tkompli tgħid lil kull individwu
l-kliem li qalet f’Kana
tal-Galilija: “Agħmlu kull ma
jgħidilkom hu”, Għaliex hu,
Kristu, hu l-medjatur waħdieni
bejn Alla u l-bniedem: hu
“t-triq, il-verità, u l-ħajja”
(Lq 14,6) hu dak li l-Missier ta
lid-dinja, biex il-bniedem “ma
jintilifx imma jkollu l-ħajja
ta’ dejjem” (Ġx 3,16). Il-Verġni
ta’ Nazaret saret l-ewwel “xhud”
ta’ din l-imħabba salvifika
tal-Missier u tixtieq ukoll
tibqa’ l-qaddejja umli ta’ din
l-imħabba dejjem u kullimkien.
Għal kull nisrani, għal kull
bniedem, Marija hi dik li
“emmnet” l-ewwel, u proprju
bil-fidi tagħha bħala Għarusa u
Omm tixtieq taħdem fuq dawk li
jafdaw lilhom infushom lilha
bħala wliedha. U hi ħaġa
magħrufa sewwa li aktar ma
wliedha jibqgħu sħaħ u jimxu ‘l
quddiem f’din il-qagħda, aktar
qrib trwassalhom Marija lejn
“l-għana ta’ Kristu li ebda moħħ
ma jista’ jifhmu” (Ef 3,8). U
bl-istess mod jgħarfu dejjem
aktar ċar id-dinjità tal-bniedem
fil-mija kollha tagħha u
t-tifsir sħiħ tas-sejħa tiegħu,
għaliex “Kristu ... juri sewwa
lill-bniedem x’inhu l-bniedem
fih innifsu”.
Din id-dimensjoni marjana
tal-ħajja nisranija tikseb
importanza speċjali jekk inqisu
l-mara u l-qagħda tagħha bħala
mara. Il-fatt li tkun mara
(il-femminilità) toħloq
relazzjoni speċjali ma’ Omm
il-Feddej, fatt li jista’ jiġi
studjat aktr fil-fond f’xi mkien
ieħor. Hawn irrid biss ngħid li
l-figura ta’ Marija titfa dawl
kbir fuq il-mara bil-fatt stess
li Alla, fil-grazzja sublimi
tal-Inkarnazzjoni ta’ Ibnu, ried
jafda lilu nnifsu għall-qdi,
ħieles u attiv, ta’ mara.
Nistgħu għalhekk ngħidu li
l-mara, jekk tħares lejn Marija,
tara fiha kif għandha tgħix ta’
mara bid-dinjità kollha tagħha u
tikseb il-veru mixi ‘l quddiem
tagħha. Fid-dinjità ta’ Marija,
il-Knisja tara f’wiċċ il-mara
rifless dak il-ġmiel li juri
s-sentimenti l-aktar għoljin li
qalb ta’ bniedem tista’ tħaddan:
għoti sħiħ tagħha nfisha
fl-imħabba; qawwa biex tiflaħ
għat-tbatijiet l-aktar kbar;
fedeltà bla qjies u ħidma bla
mistrieħ; ħila li tlaqqa’
flimkien l-għarfien sħiħ ta’ dak
li jkun qed jiġri f’xi ħadd ma’
kliem ta’ inkoraġġiment u
għajnuna.
47. Fil-Konċilju l-Papa Pawlu VI
ipproklama bis-solennità kollha
li Marija hi Omm il-Knisja,
“jiġifieri li Marija hi omm
il-poplu nisrani kollu, sew
tal-fidili u sew tar-ragħajja
tagħhom”. Aktar tard, fl-1968,
fil-Professjoni tal-Fidi
magħrufa bħala l-“Kredu
tal-Poplu ta’ Alla” tenna din
il-verità bi kliem aktar qawwi:
“Nemmnu li l-Omm l-aktar qaddisa
ta’ Alla, l-Eva l-ġdida, Omm
il-Knisja, tkompli fis-sema
l-ħidma tagħha ta’ omm
mal-membri ta’ Kristu, billi
tagħti sehemha fit-tnissil u
l-kobor tal-Hajja ta’ Alla
fl-erwieħ tal-mifdijin” .
It-tagħlim tal-Konċilju wera
bil-qawwa kollha li l-verità
dwar il-Verġni Marija, Omm
Kristu, hi għajnuna effettiva
biex tingħaraf aktar fil-fond
il-verità dwar il-Knisja. Huwa u
jitkellem dwar il-Kostituzzjoni
Lumen gentium, li kienet għadha
kemm ġiet approvata
mill-Konċilju, il-Papa Pawlu VI
qal: Min ikun jaf it-tagħlim
kattolku veru dwar l-Imqaddsa
Verġni Marija ikollu f’idejh
il-muftieħ biex jifhem
il-misteru ta’ Kristu u
tal-Knisja.” Marija hi
fil-Knisja bħala Omm Kristu u
fl-istess waqt bħala Omm li
lilha Kristu, fil-misteru
tal-fidwa, fdalha l-familja
kollha tal-bnedmin fil-persuna
t’ San Ġwann. Hekk,
bil-maternità ġdida tagħha
fl-Ispirtu, Marija tħaddan lil
kull wieħed u lil kulħadd
fil-Knisja, lil kull wieħed u
lil kulħadd bil-Knisja. B’dan
il-mod Marija, Omm il-Knisja, hi
wkoll mudell għall-Knisja. Anzi,
kif il-Papa Pawlu VI xtaq u
talab, il-Knisja”trid tikseb
mingħand il-Verġni Omm Alla
l-imitazzjoni l-aktar vera u
l-aktar perfetta ta’ Kristu.”
Minħabba din ir-rabta speċjali
li tgħaqqad Omm Kristu
mal-Knisja, jidher aktar ċar
il-misteru tal-“mara” li, sa
mill-ewwel kapitli tal-Ktieb
tal-Ġenesi sal-Ktieb
tal-Apokalissi hi msieħba
mar-rivelazzjoni tal-pjan ta’
Alla għas-salvazzjoni
tal-bniedem. Għaliex Marija, li
hi fil-Knisja bħala Omm
il-Feddej, tissieħeb, bħala omm,
f’dik “it-taqbida kontra
s-setgħat tad-dlamijiet” dejjem
sejra fil-ġrajja tal-bniedem. U
għaliex il-Knisja f’Marija tara
“l-mara liebsa x-xemx” (apok
12,1) nistgħu ngħidu li
“fil-Verġni Mqaddsa l-Knisja ġà
kisbet dik il-perfezzjoni li
biha hi “mingħajr tebgħa jew
tikmix”. Għalhekk meta l-insara
jerfgħu bil-fidi għajnejhom lejn
Marija, tul il-mixi tagħhom
fid-dinja, huma “jħabirku biex
jikbru fil-qdusija” . Marija,
il-bint glorjuża ta’ Sijon,
tgħin lil uliedha kollha, huma
fejn huma, u huma x’inhuma, biex
fi Kristu jsibu t-triq li
twassalhom f’dar il-Missier.
Hekk il-Knisja, tul ħajjitha
kollha, iżżomm rabta ma’ Omm
Alla, rabta li tħaddan,
fil-misteru tas-salvazzjoni,
l-imgħoddi, illum u l-ġejjieni,
u tqimha bħala l-omm spiritwali
tal-familja kollha tal-bnedmin u
l-avukata tal-grazzja.
3. It-tifsira tas-Sena Marjana
48. Hi proprju din ir-rabta
speċjali tal-familja kollha
tal-bnedmin ma’ din l-Omm, li
wasslitni biex inxandar Sena
Marjana fil-Knisja, f’dan
iż-żmien qabel jintemmu t-tieni
elfejn sena mit-twelid ta’
Kristu. Kien hemm fl-imgħoddi
inizjattiva bħal din meta Piju
XII fl-1954, xandar ukoll Sena
Marjana, biex juri l-kobor
tal-qdusija eċċezzjonali ta’
Marija Omm Kristu kif dehret
fil-misteru tat-tnissil tagħha
bla tebgħa (verità li ġiet
definita mitt sena qabel) u
tal-misteru tagħha mtellgħa
s-sema.
Issa, jiena u nimxi fuq dak li
għallem il-Konċilju Vatikan II,
nixtieq nuri sewwa l-presenza
speċjali ta’ Omm Alla
fil-misteru ta’ Kristu u
tal-Knisja tiegħu. Din hi
dimensjoni fondamentali li
toħroġ mill-Marjoloġija
tal-Konċilju, li issa ilu li
ntemm aktar minn għoxrin sena
ilu. Is-sinodu straordinarju
tal-isqfijiet li sar fl-1985
ħeġġeġ lil kulħadd biex jimxi
bil-fedeltà kollha fuq
it-tagħlim u d-direttivi
tal-Konċilju. Nistgħu ngħidu li
dawn iż-żewġ fatti – Il-Konċilju
u s-Sinodu – jiġbru fihom dak li
l-Ispirtu s-Santu stess irid
“jgħid lill-Knisja” f’dan
il-mument tal-istorja.
Fid-dawl ta’ dan kollu, is-Sena
Marjana trid iġġib ‘il quddiem u
trid twassal għall-qari
mill-ġdid u aktar attent ta’ dak
li l-Konċilju qal dwar il-Verġni
Marija Omm Alla fil-misteru ta’
Kristu u l-Knisja tiegħu,
is-suġġett li fuqu qed titkellem
din l-enċiklika: qiegħda
titkellem mhux biss dwar
duttrina ta’ fidi imma wkoll
dwar ħajja ta’ fidi, u għalhekk
dwar vera spiritwalità Marjana,
fid-dawl tat-Tradizzjoni, u
speċjalment dwar dik
l-ispiritwalità li għaliha
jħeġġiġna l-Konċilju . Barra
dan, l-ispiritwalità Marjana,
flimkien mad-devozzjoni li
sseħibna, issib għajn ta’ għana
bla qjies bl-esperjenza storika
ta’ ħafna individwi u tal-ħafna
komunitajiet insara mxerrdin
fost il-ħafna popli u
nazzjonijiet tad-dinja. Hawn
irrid infakkar, fost ħafna
xhieda u għalliema ta’ din
l-ispiritwalità, il-figura ta’
San Alwiġi Marija Grignon de
Montfort li jipproponi
konsagrazzjoni lil Kristu
peremzz ta’ Marija, bħala mezz
mill-aqwa għall-insara biex
jgħixu bil-fedeltà kollha
l-wegħdiet ta\għhom
tal-Magħmudija. Nieħu pjaċir
nara li fi żmienna wkoll mhumiex
neqsin suriet ġodda ta’ din
l-ispiritwalità u devozzjoni.
Għandna ħafna punti li lejhom
nistgħu nħarsu u magħhom
nintrabtu f’din is-Sena Marjana.
49. Is-Sena Marjana tiftaħ
fis-solennità ta’ Għid
il-Ħamsin, fis-7 ta’ Ġunju li
ġej. Għaliex mhux biss irridu
nfakkru li Marija “ġiet qabel”
id-dħul ta’ Kristu fil-ġrajja
tal-familja tal-bnedmin, imma
rridu ngħidu wkoll bil-qawwa
kollha, fid-dawl ta’ Marija, li
mill-mument li fih seħħ
il-misteru tl-Inkarnazzjoni,
il-ġrajja tal-bniedem daħlet
fil-milja taż-żmien, u li
l-Knisja hija s-sinjal ta’ din
il-milja. Vħala l-Poplu ta’
Alla, il-Knisja bdiet mixja
bil-fidi lejn il-ħajja ta’
dejjem, fost il-popli u
n-nazzjonijiet kollha, nhar Għid
il-Ħamsin. Omm Kristu, li kienet
preżenti fil-bidu ta’ “żmien
il-Knisja”, meta ngħaqdet
fit-talb mal-Appostli u
d-dixxipli ta’ Binha waqt li
kienu jistennew il-miġja
tal-Ispirtu s-Santu, “ġiet
qabel” il-Knisja f’dan il-mixi
tagħha fil-ġrajja tal-bniedem.
Hi wkoll dik li, proprju bħala
qaddejja tal-Mulej, tikkopera
bla heda fl-opra tas-salvazzjoni
mitmuma minn Kristu Binha.
Għalhekk permezz ta’ din is-Sena
Marjana l-Knisja hi msejħa biex
mhux biss tiftakar f’kull ma
hemm fl-imgħoddi li jagħti
xhieda tas-sehem li Omm Kristu,
bħala omm, tat għall-opra
tas-salvazzjoni fi Kristu
l-Mulej, imma hi msejħa wkoll
biex, min-naħa tagħha thejji
għall-ġejjieni t-triq għal din
kooperazzjoni. Għaliex it-tmiem
tat-tieni elfejn sena wara
Kristu qed jiftaħ prospetti
ġodda.
50. Kif ġa għidna, ħafna fost
ħutna l-mifrudin jagħtu ġieh u
jiċċelebraw Omm il-Mulej,
speċjalment l-insara tal-lvant.
Dan hu dawl marjan li jdawwal
l-ekumeniżmu. B’mod speċjali
rrid nerġa’ nfakkar li tul
is-Sena Marjana jaħbtu l-elf
sena tal-Magħmudija ta’ San
Vladimir, Granduka ta’ Kiev
(988). Dan kien il-bidu tal-fidi
nisranija f’dawk l-artijiet li
dak iż-żmien kienu jissejħu
l-artijiet ta’ Rus, u mbagħad
f’artijiet oħra wkoll tal-Ewropa
tal-lvant; minn dawn l-artijiet,
imbagħad, bil-ħidma tax-xandir
tal-Evanġelju, it-twemmin
nisrani xtered ‘l hemm
mill-Ewropa, sal-artijiet
tat-tramuntana tal-Asja.
Nixtiequ għalhekk ningħaqdu
fit-talb, speċjalment din
is-sena, ma’ dawk kollha li
qegħdin jiċċelebraw l-elf sena
ta’ din il-Magħmudija, sew
Ortodossi u sew Kattolċi, aħna u
ntennu u nwettqu mal-Konċilju
dawk is-sentimenti ta’ ferħ u
ta’ fraġ li nħossu għaliex
‘l-insara tal-lvant, li b’ħerqa
mħeġġa u devozzjoni sħiha
fittxew dejjem li jagħtu ġieh
lil Omm Alla, dejjem Verġni”.
Għalkemm għandna nġarrbu
l-effetti li jweġġgħu ta’ dik
il-firda li seħħet xi għaxriet
ta’ snin wara (1054), nisstgħu
ngħidu li quddiem Omm Kristu
aħna nħossu li aħna tassew aħwa
fi ħdan il-poplu Messjaniku, li
l-familja kollha ta’ Alla
fid-dinja hi msejħa li tkun. Kif
ħabbart fil-bidu ta’ din
is-sena:”Nixtiequ nwettqu
mill-ġdid dan il-wirt universali
tal-ulied kollha ta’ din
id-dinja.”
Meta ħabbart din is-Sena ta’
Marija, għidt ukoll li din
is-sena tintemm is-sena ta’ wara
din, nhar is-solennità
tal-Verġni Marija mtellgħa
s-sema, biex nuri bil-qawwa
kollha “s-sinjal kbir fis-sema”,
li dwaru jitkellem il-Ktieb
tal-Apokalissi.
B’dan il-mod nixtieq ukoll
inwieġeb għall-eżortazzjoni
tal-Konċilju, li jħares lejn
Marija “bħala sinjal ta’ tama
żġura u faraġ għall-Poplu ta’
Alla fil-mixi tiegħu.”
Il-Konċilju jagħmel din
l-eżortazzjoni bil-kliem li
ġej:”Jalla l-insara kollha
jitolbu bla heda lil Omm Alla u
Omm il-bnedmin kollha. Jalla
jitolbuha biex kif hi kienet ta’
għajnuna bit-talb tagħha
għall-Knisja fil-bidu, hekk
issa, li tinsab imtella’
fis-sema ‘l fuq mill-Anġli u
l-Qaddisin kollha, hi tidħol
għalina ma’ Binha, fix-xirka
tal-Qaddisin kollha. Jalla
tagħmel dan sa kemm il-familji
kollha tal-popli, kemm jekk
għanhom il-ġieh tal-isem
nisrani, u kemm jekk għadhom ma
jafux bil-Feddej tagħhom, ikunu
magħqudin ferħana flimkien
fis-sliem u fl-għaqda tal-Poplu
wieħed ta’ Alla, għas-sebħ
tat-Trinità Qaddisa, Alla wieħed
fit-tliet Persuni.”
GĦELUQ
51. Fost l-antifoni f’ġieh
il-Verġni Marija li bihom
il-Knisja kuljum ittemm
il-Liturġija ras-Sigħat, hemm
din l-antifona :
“Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,
int biex li jagħti għas-sema,
int kewkba tal-baħar, Marija !
Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,
Għajnuna tal-poplu maħtur;
Li b’għaġeb nissilt lil min
ħalqek “.
“ B’għaġeb “ din il-kelma
tal-antifona turi l-għaġeb
tal-fidi li hu msieħeb
fil-misteru ta’ Marija bħala Omm
Alla. B’xi mod dan jiġri
fil-qalba tal-ħolqien kollu, u ,
direttament, fil-qalba tal-Poplu
kollu ta’ Alla, fil-qalba
tal-Knisja. Kemm mar ‘il quddiem
Alla, il-Ħallieq u s-Sid ta’
kollox, biex “juri lilu nnifsu”
lill-bniedem! Kif għeleb b’mod
hekk tal-għaġeb “il-bogħod” bla
qjies li kien jifred il-Ħallieq
mill-ħlejjaq tiegħu! Jekk fih
innifsu Alla jibqa’ mhux magħruf
u mhux mifhum, wisq aktar jibqa’
mhux magħruf u mhux mifhum
fil-verità tal-Inkarnazzjoni
tal-Verb, li sar bniedem minn
Marija Verġni.
Jekk sa minn dejjem Alla ried
isejjaħ il-bniedem biex ikollu
sehem min-natura tiegħu ta’ Alla
(ara Piet 1,4) nistgħu ngħidu li
ried minn qabel din
id-“divinizazzjoni” tal-bniedem
skont il-qagħda tiegħu
fil-ġrajja tad-dinja, u għalhekk
ukoll wara d-dnub kien lest
biex, bi prezz għoli ħafna,
iġedded il-pjan etern tiegħu ta’
mħabba, billi Ibnu, li hu
tal-istess natura tiegħu, “isir
bniedem”. Il-ħolqien kollu, u
aktar direttament, il-bniedem ma
jistax ma jistagħġibx b’dan
id-don li fih il-bniedem kiseb
sehem, fl-Ispirtu s-Santu:”Alla
hekk ħabb id-dinja li ta lil
Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3,16).
Fil-qalba ta’ dan il-misteru,
f’nofs dan l-għaġeb tal-fidi,
hemm Marija. Bħala l-Omm maħsuba
tl-Feddej, kienet l-ewwel waħda
li ġarrbet dan l-għaġeb.
“B’għaġeb nissilt lil min
ħalqek.”
52. Il-kliem tal-antifona
liturġika jfissru wkoll
il-verità tal-bidla kbira li
l-misteru tal-Inkarnazzjoni ġab
għall-bniedem. Hi bidla
fil-ġrajja kollha tal-bniedem,
mill-bidu tagħha, bidu li ġie
rivelat lilna fl-ewwel kapitli
tal-Ktieb tal-Ġenesi sal-aħħar
tagħha, fid-dawl tat-tmiem
tad-dinja, li dwaru Kristu ma
qalilniex la l-jum u lanqas
il-ħin (Mt 25, 13). Hi bidla
dejjem sejra u qatt ma tintemm
bejn waqgħat u qawmien, bejn
il-bniedem tad-dnub u l-bniedem
tal-grazzja u l-ġustizzja.
Il-Liturġija, speċjalment dik
tal-Avvent, hi fil-qalba stess
ta’ din il-bidla u tfisser dan
l-“illum u issa,” dejjem sejjer,
meta tgħid: “Ħarisna
mill-waqgħa, kun magħna,
għajnuna tal-poplu maħtur”.
Dan il-kliem jgħodd għal kull
individwu, għal kull komunità,
għan-nazzjonijiet u l-popli,
għall-ġenerazzjonijiet u
ż-żmenijiet kollha tal-ġrajja
tal-bniedem, għaż-żmien tagħna
wkoll, għal dawn l-aħħar snin
tal-elf sena resqin lejn
it-tmiem tagħhom: “Kun magħna
għajnuna tal-poplu maħtur.”
Din it-talba li qiegħda ssir lil
marija, “l-Omm ħelwa ta’ Kristu
l-Feddej”, it-talba li qed issir
lil Kristu li, permezz ta’
Marija, daħal fil-ġrajja
tal-bniedem. Sena wara l-oħra
l-antifona titlissen f’ġieh
marija hija u tfakkar il-mument
li fih seħħet dik il-bidla
essenzjali u storika li hi
dejjem sejra mingħajr ma qatt
terġa’ lura: il-bidla
mill-“waqgħa” għall-“qawmien”.
Il-bnedmin għamlu skoperti
tal-għaġeb u kisbu riżultati
straordinarji fl-oqsma
tax-xjenza u tat-teknoloġija.
Imxew ħafna ‘l quddiem fit-triq
tal-progress u taċ-ċiviltà, u fi
żminijietna nistgħu ngħidu li
l-bnedmin irnexxilhom iħaffu
l-pass tal-istorja. Imma l-bidla
fondamentali, dik li nistgħu
nsejħu “oriġinali”, hi dejjem
imsieħba mal-mixi tal-bniedem, u
tul il-ġrajja kollha tal-istorja
tal-bniedem hi msieħba ma’ kull
individwu u mal-bnedmin kollha.
Hi l-bidla mill-“waqgħa” għal
qawmien”, mill-mewt għall-ħajja.
Hi wkoll sfida dejjem sejra
għall-kuxjenza tal-popli, sfida
għall-bniedem fil-ġrajja kollha
tiegħu; sfida biex ifittes
it-triq ħalli “ma jaqax”
f’mogħdijiet dejjem qodam u
dejjem ġodda, u sfida biex iqum
mill-“waqgħa” jekk ikun waqa’.
Hija u miexja ‘l quddiem
mal-bnedmin kollha lejn
il-mument li fih it-tieni elf
sena tiltaqa’ mat-tielet elf
sena, il-Knisja min-naħa tagħha,
flimkien max-xirka kollha ta’
dawk li jemmnu u f’għaqda sħiħa
mal-bnedmin kollha ta’ rieda
tajba tilqa’ l-isfida kbira li
hemm fl-antifona tal-Madonna:
“Ħarisna mill-waqgħa, kun
magħna”, biex, jekk naqgħu,
inqumu mill-ġdid, u titlob kemm
lill-Feddej u kemm lil Ommu hija
u tgħidilhom: “Ħarisna”. Għaliex
kif tixhed din it-talba,
il-Knisja f’Marija tara l-Omm
qaddisa ta’ Alla fil-misteru
salvifiku ta’ Kristu u
fil-misteru tagħha stess. Hi
tara lil Marija b’għeruq
fil-fond tal-ġrajja tal-bniedem,
fis-sejħa ta’ dejjem tal-
bniedem skont il-pjan
providenzjali li Alla għamel
għall-bniedem sa minn dejjem ta’
dejjem. Hi tara lil Marija
preżenti bħala omm tissieħeb
fil-ħafna problemi komplikati li
llum qed iġarrbu l-ħajja
tal-individwi, tl-familji u
tan-nazzjonijiet; taraha tgħin
lill-poplu nisrani fit-taqbida
dejjem sejra bejn it-tajjeb u
l-ħażin, biex tara “li ma
jaqax”, u, jekk jaqa’, “iqum
mill-ġdid.”
B’qalbi kollha nittama li
l-ħisibijiet li hawb f’din
l-enċiklika jkunu jistgħu jservu
wkoll ħa jġeddu din id-dehra
fil-qlub ta’ dawk kollha li
jemmnu.
Bħala isqof ta’ Ruma, lil dawk
kollha li għalihom ktibt dawn
il-ħsibijiet, nibgħat il-bewsa
tal-paċi, it-tislima tiegħi u
l-barka tiegħi fil-Mulej Ġesù
Kristu. Amen.
Mogħtija f’Ruma, minn San
Pietru, fil-25 ta’ Marzu 1987
fis-solennità tat-tħabbira
tal-Mulej fis-sena 1987,
id-disa’ sena tal-Pontifikat.
Joannes Paulus PP II