MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU 
ĠWANNI PAWLU II 
GĦAR-RANDAN 2002
  

 

« B’xejn irċivejtu, b’xejn agħtu » (Mt 10, 8)

 

Għeżież Ħuti,

1. Wasalna biex nerġgħu nwettqu mill-ġdid il-mixja tar-Randan, li se twassalna għaċ-ċelebrazzjonijiet sollenni tal-misteru ċentrali tal-fidi, il-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Qegħdin inħejju biex ngħixu ż-żmien favorevoli li l-Knisja toffri lil dawk li jemmnu biex jimmeditaw fuq l-opra tal-fidwa mwettqa minn Sidna fuq is-Salib. Il-pjan feddej tal-Missier ċelesti twettaq fid-don liberu u totali tal-Iben uniġenitu lill-bnedmin. « Ħadd ma jneħħili ħajti, imma noffriha minn rajja » (Ġw 10, 18), jiddikjara Ġesù, waqt li jenfasizza li Huwa se jissagrifika l-istess ħajtu, b’mod volontarju, għall-fidwa tad-dinja. Bħala konferma ta’ don hekk kbir ta’ mħabba, ir-Redentur iżid: « Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din: li tagħti ħajtek għal ħbiebek » (Ġw15, 13).

Ir-Randan,  okkażjoni providenzjali ta’ konverżjoni, jġħinna biex nikkontemplaw dan il-misteru stupend ta’ mħabba. Dan jikkostitwixxi ritorn għall-għeruq tal-fidi, għaliex, waqt li nimmeditaw fuq id-don ta’ mħabba bla qies li hija l-Fidwa, ma nistgħux ma nagħtux każ li kollox ingħatalna b’inizjattiva divina amorevoli. Propju biex nimmeditaw dwar dan l-aspett tal-misteru feddej, għażilt bħala tema tal-Messaġġ kwareżimali ta’ din is-sena l-kliem tal-Mulej: « B’xejn irċivejtu, b’xejn agħtu » (Mt 10, 8).

2. Alla tana liberament lil Ibnu: min setà jew min jistà jimmerita privileġġ simili? San Pawl jiddikjara: « Ilkoll għandna dnub u aħna nieqsa mill-glorja ta’ Alla, imma aħna ġgustifikati bla ebda ħlas bil-grazzja tiegħu » (Rm 3, 23-24). Alla ħabbna bi ħniena bla tarf bla ma ħalliena nitwaqqfu mill-kondizzjoni ta' ksur gravi li fih id-dnub kien qiegħed lill-persuna umana. Huwa b’mod benevoli baxxa rasu fuq il-mard tagħna, waqt li ħa l-okkażjoni għal tiswib ta’ mħabbtu ġdid u l-iktar meraviljuż. Il-Knisja ma taqtax ixxandar dan il-misteru ta’ tjieba infinita, waqt li tgħolli l-għażla divina ħielsa u x-xewqa tiegħu li ma jikkundannax, imma li jdaħħal mill-ġdid lill-bniedem fil-komunjoni miegħU.

« B’xejn irċivejtu, b’xejn agħtu ». Dan il-kliem evanġeliku jidwi fil-qalb ta’ kull komunità nisranija fil-pellegrinaġġ penitenzjali lejn l-Għid. Ir-Randan waqt li mill-ġdid isejjaħ għall-ispirtu tal-misteru tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet tal-Mulej, iwassal lil kull nisrani biex jistagħġeb b’mod intimu bil-kobor ta’ tali don. Iva! B’xejn irċivejna. L-eżistenza tagħna mhix forsi  mmarkata mit-tjubija ta’ Alla? Huwa don it-tinwir tal-ħajja u l-żvilupp tagħha tal-għaġeb. U propju għaliex hija don, l-eżistenza ma tistax titqies pussess jew propjetà privata, ukoll jekk il-potenzjalitajiet, li minnhom niddisponu llum biex itejbu l-kwalità jistgħu jaslu li jġegħluna naħsbu li l-bniedem huwa tagħha « padrun ». Fil-fatt, il-konkwisti tal-mediċina u tal-bijoteknika kultant jistgħu jġegħlu l-bniedem jaħseb lilu nnifsu ħallieq tiegħu nnifsu, u li jċedi għat-tentazzjoni li jimmanipula « s-siġra tal-ħajja » (Ġn 3, 24).

Huwa tajjeb ukoll hawn li ntennu li mhux dak kollu li huwa teknikament possibbli huwa wkoll leċitu moralment. Jekk ammirevoli huwa l-isforz tax-xjenza biex tassikura kwalità ta’ ħajja iktar konformi mad-dinjità tal-bniedem, m’għandha però qatt tinsa li l-ħajja umana hija don, u li hija tibqà valur ukoll meta hija mmarkata mit-tbatija u mil-limitu. Don li jintlaqà u jinħabb dejjem: b’xejn irċivejtu u b’xejn għandu jitqiegħed għas-servizz tal-oħrajn.

3. Ir-Randan, waqt li jipproponilna l-eżempju ta’ Kristu offrut għalina fuq il-Kalvarju, jgħinna b’mod singolari biex nifhmu li l-ħajja hija fiH mifdija. Permezz tal-Ispirtu Santu, Huwa jġedded ħajjitna u jirrendina parteċipi f’dik l-istess ħajja divina li tintroduċina fl-intimità ta’ Alla u ġġegħlna nisperimentaw imħabbtu għalina. Dan huwa rigal sublimi, li n-nisrani ma jistax ma jxandarx b’ferħ. San Ġwann jikteb fil-Vanġelu tiegħu: «Din hija l-ħajja eterna: li inti tagħraf, l-uniku veru Alla, u lil dak li bagħatlek, Ġesù Kristu » (Ġw 17, 3). Din il-ħajja, lilna mgħoddija permezz tal-Magħmudija, hemm bżonn li kontinwament nitimgħuha bi tweġiba ndividwali u komunitarja fidila, permezz tat-talb, iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti u tax-xhieda evanġelika.

Infatti, waqt li b’xejn nirċievu l-ħajja, hemm bżonn, li min-naħa tagħna, nirregalawha lill-aħwa b’xejn. Dan jitlob Ġesù lid-dixxipli, waqt li jibgħathom bħala xhieda tiegħu fid-dinja: « B’xejn irċivejtu, b’xejn agħtu ». U l-ewwel don li għandu jagħmel huwa dak ta' ħajja qaddisa, xhud tal-imħabba b'xejn ta' Alla. L-itinerarju tar-Randan jalla jkun għal dawk kollha li jemmnu sejħa kostanti biex napprofondixxu din il-vokazzjoni  speċifika tagħna. Hemm bżonn li ninfetħu, bħala dawk li jemmnu, għal eżistenza  stampata bħala « bla ebda ħlas», waqt li niddedikaw bla riservi lilna nfusna għal Alla u għall-proxxmu.

4. « X’tistà qatt tippossiedi — iwissi San Pawl — li inti ma rċivejtux? » (1 Kor 4, 7). Li tħobb lill-aħwa, li tiddedika lilek innifsek għalihom hija esiġenza li titqanqal minn dan l-għarfien. Iktar ma huma jkollhom bżonn, iktar urġenti jsir għal dak li jemmen  id-dmir li jservihom. Forsi Alla ma jippermettix li jkun hemm kondizzjonijiet ta’ bżonn, sabiex meta nmorru biex naqdu lill-oħrajn nitgħallmu nilliberaw lilna nfusna mill-egoiżmu tagħna u ngħixu bl-imħabba evanġelika awtentika? Ċar huwa l-amar ta’ Ġesù: « Jekk tħobbu lil dawk li jħobbukom, x’mertu jistà jkollkom? Ma jagħmlux jewwilla hekk ukoll il-pubblikani? » (Mt 5, 46). Id-dinja tkejjel ir-rapporti mal-oħrajn fuq il-bażi tal-interess u tal-profitt propju, billi tagħti lok għal viżjoni egoċentrika tal-eżistenza, li fiha spiss ferm mhemmx post għall-foqra u d-dgħajfa. Kull persuna, ukoll linqas  dotata, għandha tintlaqà u tinħabb  kif inhi, ‘il hemm mill-preġji u d-difetti tagħha. Anzi, iktar ma tkun f’diffikultà, iktar għandha tkun oġġett tal-imħabba konkreta tagħna.  Hija din l-imħabba li l-Knisja tixhed, billi tieħu b’responsabiltà l-morda, l-emarġinati, il-fqar u l-isfruttati. L-insara, b’dan il-mod, isiru appostli ta’ tama u bennejja taċ-ċiviltà tal-imħabba.

Sinifikattiv ħafna huwa li Ġesù jippronunzja l-kliem: « B’xejn irċivejtu, b’xejn agħtu », propju waqt li jibgħat lill-appostli biex ixerrdu l-Vanġelu tal-fidwa, l-ewwel u l-ewlieni rigal minnu mgħoddi lill-umanità. Huwa jrid li s-Saltna tiegħu issa fil-qrib (cf Mt 10, 5ss) tinfirex permezz ta’ ġesti t’imħabba mingħajr ħlas min-naħa tad-dixxipli tiegħu. Hekk għamlu l-appostli fil-bidu tal-kristjaneżmu, u dawk li ltaqgħu magħhom għarfuhom bħala kurriera ta’ messaġġ ikbar minnhom infushom. Bħal dak iż-żmien, illum ukoll il-ġid imwettaq minn dawk li jemmnu jsir sinjal u spiss stedina għat-twemmin. Ukoll meta, bħal fil-każ tas-sammaritan it-tajjeb, in-nisrani jiffaċċja l-bżonnijiet tal-proxxmu, dan tiegħu ma jkun qatt għajnuna materjali. Hija wkoll dejjem aħbar tas-Saltna, li tikkomunika s-sens sħiħ tal-ħajja, tat-tama, tal-imħabba.

5. Ħuti għeżież! Ikun dan l-istil li bih inħejju ruħna biex ngħixu r-Randan: il-ġenerożità attiva lejn l-aħwa l-iktar foqra! Waqt li niftħulhom qalbna, insiru dejjem iktar konxji li r-rigal tagħna lill-oħrajn huwa tweġiba għar-rigali numerużi li l-Mulej ikompli jagħtina. B’xejn irċivejna, b’xejn nagħtu!

Liema perijodu huwa iktar opportun mill-perijodu tar-Randan biex nirrendu din ix-xhieda ta’ gratuwità li d-dinja tant għandha bżonn? Fl-imħabba nfisha li Alla għandu għalina hemm is-sejħa biex, min-naħa tagħna, nirregalaw lilna nfusna b’xejn lill-oħrajn. Niżżi ħajr lil dawk kollha — lajċi, reliġjużi, saċerdoti — li fl-irkejjen kollha tad-dinja jagħtu din ix-xhieda ta’ karità. Jalla jkun hekk għal kull nisrani, fis-sitwazzjonijiet differenti li fihom isib ruħu.

Marija, il-Verġni u l-Omm tal-Imħabba u t-Tama, tkun il-gwida u s-sosten f’dan l-itinerarju tar-Randan. Lil kulħadd b’imħabba nassikura t-talb tiegħi, waqt li volontarjament nagħti lil kull waħda u wieħed minnkom Barka Apostolika speċjali, b’mod speċjali lil dawk li jaħdmu kuljum fuq il-fruntieri multepliċi tal-karità.

Mill-Vatikan, 4 ta’ Ottubru 2001, festa ta’ San Franġisk t'Assisi.

 

IOANNES PAULUS PP. II

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb