MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II 
GĦAR-RANDAN 1991

Dak li tagħmlu lilu, tagħmluh lili

 

Għeżież ħuti fi Kristu,

L-Enciklika kbira ta’ Ljun XIII, ir-Rerum novarum, li tagħha qegħdin nikkommemoraw iċ-ċentinarju, fetħet kapitolu ġdid tad-duttrina soċjali tal-Knisja. Tajjeb, tema ta’ dan it-tagħlim hija wkoll l-istedina instankabbli għall-impenn solidali, immirat biex jegħleb il-faqar u s-sottożvilupp, li fih jgħixu.

Għalkemm il-ħolqien, bil-ġid kollu tiegħu, huwa ddestinat għal kulħadd, illum il-biċċa l-kbira tal-umanità għadha tbati taħt il-piż intollerabbli tal-miżerja. F’tali sitwazzjoni hija meħtieġa karità u solidarjetà migħuxa, bħal ma sħaqt fl-Enċiklika Sollicitudo rei socialis, biex infisser kemm huwa urġenti li nħabirku għall-ġid tal-oħrajn, sabiex inkunu lesti li nitilfu lilna nfusna – fis-sens evanġeliku – biex naqdu lill-oħrajn minflok  ma ngħakksuhom  għall-gwadan propju tagħhom.

1. F’dan iż-żmien tar-Randan nerġgħu lura biex induru lejn Alla għani fil-ħniena, sors ta’ kull tjubija, biex nitolbuh ifejjaq l-egoiżmu tagħna, u biex jagħtina qalb ġdida u spirtu ġdid.

Ir-Randan, u l-perijodi paskwali li jiġi wrajh, iqegħduna f’konfront mal-identifikazzjoni totali ta’ Sidna Ġesù Kristu mal-foqra. L-Iben ta’ Alla, li sar fqir għall-imħabba lejna, jidentifika ruħu ma’ dawk li jbatu. Din l-identifikazzjoni sħiħa ssib l-espressjoni tagħha l-iktar ċara fil-kliem tal-Mulej: «Kull darba li għamiltu dawn il-ħwejjeġ ma’ wieħed biss minn dawn ħuti l-iktar ċkejknin, għamiltuh miegħi» (Mt 25, 40).

2. Fil-quċċata tar-Randan, Ħamis ix-Xirka, il-Liturġija ġgegħlna niftakru fit-Twaqqif tal-Ewkaristija, memorjal tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Huwa hawn, fis-sagrament li fih il-Knisja tiċċelebra il-profondità tal-fidi tagħha, li għandna niksbu għarfien ħaj tal-Kristu fqir, batut, ippersegwitat. Dak il-Kristu Ġesù li tant ħabbna  li wasal li jagħti ħajtu għalina fl-Ewkaristija bħala ikel ta’ ħajja eterna, huwa l-istess Kristu li jistedinna biex narawh fil-ġisem u fil-ħajja ta’ dawk il-foqra, li magħhom huwa immanifesta l-isħeħ solidarjetà.

San Ġwann Kriżostmu laqgħa b’mod maġistrali din l-identifikazzjoni, meta saħaq: «Jekk tridu tonoraw il-Ġisem ta’ Kristu ewkaristiku, la tiddisprezzawhx meta huwa għeri; la tonorawx il-Kristu ewkaristiku b’ilbies tal-ħarir, waqt li tinjoraw dak il-Kristu l-ieħor li, barra l-ħitan tal-Knisja, isofri l-bard u l-għera» (cf. Hom. In Matthaeum, n. 50, 3-4, P.G. 58).

3. F’dan iż-żmien tar-Randan, ikun tajjeb li nirriflettu dwar il-parabbola tal-għani Epoluni u ta’ Lazzru. Il-bnedmin kollha huma msejħin biex jieħdu sehem fil-festa tal-ġid tal-ħajja, bdanakollu huma bosta dawk li għadhom barra l-bieb, bħal Lazzru, waqt li «l-klieb jiġu jilgħaqulhom il-ġrieħi» (Lq 16, 21).

Jekk ninjoraw il-moltitudni bla numru ta’ persuni umani li mhux biss huma nieqsa mill-meħtieġ strett biex jgħixu (ikel, dar, assistenza medika), imma m’għandhomx linqas it-tama ta’ futur aħjar, insiru bħall-għani Epoluni li jagħmel ta’ bir-ruħu li ma jarax lit-tallab Lazzru (cf. Lq 16, 19-31).

Irridu mela nżommu fissa f’għajnejna x-xbiha tal-miżerja nkwetanti, li qiegħda titturmenta tant partijiet tad-dinja; u allura, b’din l-intenzjoni, ntenni l-appell li – fl-isem ta’ Ġesù Kristu u f’isem l-umanità kollha kemm hi – għamilt lill-bnedmin kollha matul l-aħħar żjara tiegħi fis-Sahel: «B’liema mod l-istorja se tiġgudika ġenerazzjoni li, waqt li għandha l-mezzi kollha biex titma (dawk il-popolazzjonijiet tal-pjaneta, b’indifferenza  fratriċida ċaħdet li tagħmel dan?... Kif ma tistax tkun deżert dinja, li fiha l-faqar ma jiltaqax ma’ mħabba kapaċi li tagħti l-ħajja? » (cf. L’Osservatore Romano, 31 ta’ Jannar 1990, p. 6).

Waqt li ndawru ħarsitna lejn Ġesù Kristu, is-Sammaritan it-Tajjeb, ma nistgħux ninsew li – mill-faqar tal-maxtura għat-tneżżih totali tas-Salib – huwa sar wieħed mal-aħħarin. Għallimna d-distakk mill-għana, il-fiduċja f’Alla, id-disponibiltà għall-qsim. Iħeġġiġna biex inħarsu lejn ħutna rġiel u nisa, li jinsabu fil-miżerja u fit-tbatija bl-ispirtu ta’ min – fqir – jaf jiddependi fuq Alla b’mod totali u li jkollu bżonn assolut tiegħU. Il-mod li bih inġibu ruħna se jkun il-kejl veru, awtentiku ta’ mħabbitna lejH, sors ta’ ħajja u ta’ mħabba, u sinjal tal-fedeltà tagħna lejn il-Vanġelu tiegħu. Ir-Randan iżid fina lkoll dan l-għarfien u dan l-impenn ta’ karità, sabiex ma jgħaddix għalxejn imma jeħodna, tassew imġedda, lejn il-ferħ tal-Għid. 

Mill-Vatikan, it-8 ta’ Settembru 1990, Festa tat-Twelid tal-Beata Verġni Marija.  

IOANNES PAULUS PP. II