MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1990 

 

Għeżież ħuti fi Kristu.

1. Bħal kull sena, l-avviċinar tar-Randan joffrili l-okkażjoni li nindirizza lilkom biex nistedinkom biex tapprofittaw ruħkom minn dan il-waqt favorevoli, minn dan il-«jum tal-fidwa» (cf. 2 Kor 6, 2) sabiex minn kulħadd ikun migħux b’mod intens fil-valur doppju tiegħu ta’ konverżjoni lejn Alla u ta’ mħabba lejn ħutna. Ir-Randan, infatti, isejħilna biex nibdlu għal kollox il-menti u l-qalb biex nisimgħu leħen il-Mulej li jistedinna biex nerġgħu lura lejh fil-bidliet tal-ħajja, u biex dejjem nirrendu ruħna iktar sensibbli għat-tbatijiet ta’ dawk li jinsabu madwarna.

Din is-sena irrid nenfasizza b’qawwa partikolari, qabel ir-riflessjoni komuni, il-problema tal-ispostati u tar-refuġjati. Infatti, l-iċcirkular enormi u kull ma jmur jikber tagħhom jikkostitwixxi realtà doloruża fid-dinja li fiha ngħixu. Li ma jirrigwardax iktar biss xi reġġjuni, imma li issa nfirex fil-kontinenti kollha.

Bnedmin bla pajjiż, ir-rifuġjati jfittxu lqugħ f’Pajjiżi oħra tad-dinja, darna komuni; imma huma biss ftit li jiġi konċess lilhom li jerġgħu jidħlu fil-Pajjiżi tal-oriġini minħabba ċirkustanzi mibdula nterni; għall-oħrajn tkompli sitwazzjoni dolorożissima ta’ esodu, ta’ insigurtà u ta’ tiftix anzjuż ta’ sistemazzjoni konvenjenti. Fosthom hemm tfal, nisa, romol, familji spiss mifruda, żgħażagħ iffrustrati fl-aspirazzjonijiet tagħhom, adulti maħsuda mill-professjoni tagħhom, mċaħħda minn kull ġid materjali, mid-dar, minn Pajjiżhom. 

2. Quddiem il-vastità u l-gravità tal-problema l-ulied kollha tal-Knisja jridu jħossu ruħhom intervistati, bħala segwaċi ta’ Ġesù, li jrid ukoll iġarrab il-kondizzjoni ta’ rifuġjat, u fil-kwaltà ta’ xandara tal-Vanġelu tiegħu. Barra minn hekk, Kristu stess, f’dik il-paġna evanġelika xokkanti li, fir-rit Latin, naqraw it-Tnejn tal-ewwel ġimgħa tar-Randan, ried jagħraf lilu nnifsu u jidentifika ruħu f’kull rifuġjat: «Kont barrani, u intom ilqajtuni… Kont barrani, u intom ma lqajtunix» (Mt 25, 35 u 43).

Dan il-kliem ta’ Kristu għandu jqanqal għal eżami attent tal-kuxjenza dwar l-atteġġjament tagħna lejn l-eżiljati u r-rifuġjati. Infatti dawn insibuhom, ukoll kuljum, fit-territorju ta’ tant parroċċi; saru tassew il-proxxmu tagħna l-iktar qrib. Minħabba dan jinħtieġu l-karità, il-ġustizzja u s-solidarjetà  tal-insara kollha.

3. Lilkom, għalhekk, membri singuli u komunitajiet tal-Knisja kattolika nindirizza l-eżortazzjoni pressanti tiegħi għal dan ir-Randan, sabiex tfittxu l-possibiltajiet kollha eżistenti biex tgħinu lil ħutna rifuġjati, billi twettqu opri adegwati tal-lqugħ biex tiffavorixxu l-inseriment sħiħ tagħhom fis-soċjetà ċivili, u billi turu ftuħ tal-moħħ u fervur tal-qalb.

Il-premura għar-rifuġjati għandha timbuttana biex insostnu u biex nenfasizzaw id-drittijiet umani, magħrufa universalment, u biex nitolbu li wkoll għalihom ikunu mwettqa b’mod effettiv. Bħal ma fakkart fit-3 ta’ Ġunju 1986, fl-okkażjoni tal-Premju nternazzjonali tal-Paċi Ġwanni XXIII lill-“Uffiċċju Kattoliku għall-Emerġenza u r-Rifuġjati” (COERR), l-Enciklika Pacem in terris ta’ dak il-Papa kbir kienet diġa enfasizzat l-urġenza li d-drittijiet tar-rifuġjati għandhom ikunu magħrufa għalihom minħabba li huma persuni: u enfasizzat li «huwa dover tagħna li dejjem niggarantixxu id-drittijiet inaljenabbli, li jikkonċernaw lil kull esseri uman u mhumiex ikkondizzjonati minn fatturi naturali jew minn sitwazzjonijiet soċjo-politiċi» (Insegnamenti IX, 1, 1986, p. 1751). Dan mela jfisser li jkun iggarantit lir-rifuġjati d-dritt li jiffurmaw familja jew li jingħaqdu magħha; li jkollhom okkupazzjoni sikura,dinjituża, rimunerazzjoni ekwa; li jgħixu f’abitazzjoni denja ta’ esseri umani, li jiżufruwixxu minn istruzzjoni skolastika adegwata għall-infanzja u għaż-żgħożija,  kif ukoll minn assistenza mediko-sanitarja; f’kelma waħda, dawk id-drittijiet kollha li ġew approvati sa mill-1951 mill-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda fl-Istatut tar-rifuġjati, u sostnuti mill-Protokoll tal-1967 fl-istess Statut.

4. Naf sewwa kif quddiem problema hekk kbira sar qawwi ħafna x-xogħol tal-Organiżmi Internazzjonali, tal-Organizzazzjonijiet Kattoloċi u tal-movimenti ta’ orjentazzjoni differenti, fir-riċerka ta’ programmi soċjali adegwati, li lihom jagħtu s-sosten tagħhom u l-kollaborazzjoni ta’ bosta persuni. Nirringrazzjahom ilkoll, u ninkuraġġihom ilkoll għal sensibiltà dejjem ikbar, ġaladarba, bħal ma wieħed jistà faċilment jintebaħ li dak li jagħmel, ukoll jekk ħafna, għadu mhux biżżejjed. Infatti in-numru tar-rifuġjati qed jikber, u l-possibiltajiet ta’ lqugħ u ta’ assistenza jirrivelaw ruħhom spiss inadegwati.

L-impenn tagħna prijoritarju għandu jkun dak li nieħdu sehem, nanimaw u nsostnu bix-xhieda tagħna ta’ mħabba, kurrenti awtentiċi ta’ karità, li jirnexxilhom ixerrdu, fil-Pajjiżi kollha l-opra ta’ formazzjoni speċjalment tal-infanzja u taż-żgħożija għar-rispett reċiproku, għat-tolleranza, għall-ispirtu ta’ servizz, fil-livelli kollha, kemm dak personali kif ukoll dawk pubbliċi. Dan jiffaċilita ħafna l-għelib ta’ tant problemi.

5. U ndur ukoll lejkom, ħuti rġiel u nisa eżiljati u rifuġjati, biex tgħixu magħqudin fil-fidi f’Alla, fil-karità lejn xulxin u fit-tama nkrollabbli. Id-dinja kollha tagħraf it-tribulazzjonijiet tagħkom. U l-Knisja tinsab qribkom bl-għajnuna, li l-membri tagħha jisfurzaw li jberbqu, minkejja li jafu li dan huwa nsuffiċjenti. Biex  jittaffew it-tbatijiet tagħkom hemm bżonn ukoll tal-kontribut tar-rieda tajba tagħkom u tal-intelliġenzi tagħkom. Intom għonja biċ-ċiviltà tagħkom, bil-kultura tagħkom, bit-tradizzjonijiet tagħkom, bil-valuri umani u spiritwali tagħkom, u minn hawn tistgħu tisiltu l-ħila u l-qawwa biex tibdew ħajja ġdida. Eżerċitaw ukoll Intom, fil-limiti tal-possibbli, l-assistenza u l-għajnuna reċiproċi fl-istess postijiet, li fihom tinsabu milqugħa b’mod temporanju.

Aħna l-Kattoliċi nakkumpanjawkom u nsostnukom fi triqtkom, waqt li nagħrfu f’kull wieħed minnkom il-wiċċ ta’ Kristu eżiljat u rifuġjat, waqt li niftakru dak li Hu qal: «Kull darba li għamiltu dawn il-ħwejjeġ ma’ wieħed biss minn dawn iż-żgħar, dan għamiltuh miegħi» (Mt25, 40). 

6. Fil-bidu ta’ dan ir-Randan nappella għall-għana tal-grazzja u tad-dawl li jiddi mill-misteru tal-Passjoni u l-Qawmien mill-Imwiet feddejja ta’ Kristu, sabiex kull individwu u l-komunitajiet ekkleżjali u reliġjużi tal-knisja kollha kemm hi jsibu l-ispirazzjoni u l-enerġija meħtieġa għal opri ta’ solidarjetà konkreta favur l-aħwa rġiel u nisa eżiljati u rifuġjati; u sabiex dawn, imfarrġa mis-susten u l-interessament konfortanti tal-oħrajn, isibu mill-ġdid il-ferħ u t-tama biex ikomplu għaddejjin fil-mixja fatikuża tagħhom.

Il-Barka tiegħi tiġbed bil-kbir ir-rigali tal-Mulej fuq dawk li juru ruħhom sensibbli għal dan l-appell pressanti tiegħi.  

Mill-Vatikan, illum 8 ta’ Settembru 1989, Festa tat-Twelibb tas-SS. Verġni Marija. 

 IOANNES PAULUS PP. II