MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1989

 

«Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum». (Mt 6, 11). B’din it-talba tibda t-tieni parti tat-talba, li Ġesù nnifsu għallem lid-dixxipli tiegħu u li aħna l-insara ntennu b’ħeġġa, ta’ kuljum.

Minn xuftejn l-irġiel u n-nisa kollha tar-razez umani differenti, li jikkostitwixxu l-komunità nisranija l-kbira, tgelgel bi qbil din is-supplika lill-Missier li jinsab fis-smewwiet, ukoll jekk b’intonazzjonijiet differenti, ġaladarba huma bosta l-popli li, iktar minn domanda kalma u fiduċjuża, qegħdin jitfgħu twerżiqa ta’ nkwiet u ta’ niket, għaliex ma jistgħux jissodisfaw il-ġuħ fiżiku, minħabba li tassew jonqoshom l-l-affarijiet tal-ikel meħtieġa.

Għeżież uliedi, bl-ikbar konsiderazzjoni u tama, nipproponilkom din il-problema tal-«ġuħ fid-dinja» bħala tema għar-riflessjonijiet tagħkom u bħala oġġettiv għall-azzjoni apostolika tagħkom, karitattiva u solidali matul ir-Randan tal-1989. Is-sawm ġeneruż u voluntarju ta’ bosta fostkom li għandkom dejjem dak meħtieġ jippermettilkom li taqsmu l-frott tal-privazzjonijiet tagħkom ma’ tant oħrajn li, iżda, dawn jonqsuhom; is-sawm tar-Randan tagħkom, li jagħmel parti mit-tradizzjoni għanja nisranija, jiftaħ maġġorment l-ispirtu tagħkom u lil qalbkom għall-qsim solidali tal-ġid tagħkom ma’ dawk li huma neqsin minn kollox.

Il-ġuħ fid-dinja jolqot miljuni ta’ esseri umani f’bosta Pajjiżi, imma jeċċellera ruħu bi krudeltà ikbar f’xi kontinenti u nazzjonijiet, fejn jiddeċima l-popolazzjoni u b’hekk jikkomprometti l-iżvilupp. L-iskarsezza tal-ħwejjeġ tal-ikel tippreżenta ruħha b’mod ċikliku f’xi reġġjuni minħabba kawżi tassew kumplessi, li hemm bżonn li jitwarrbu permezz tal-għajnuna solidali tal-popli kollha.

F’dan is-seklu niftaħru, u bir-raġun, bil-progressi tax-xjenza u tat-teknoloġija, imma għad irridu nagħmlu passi ‘l quddiem fl-umanità; ma nistgħux nibqgħu nħarsu passivi u ndifferenti lejn it-traċedja ta’ tant popli li, waqt li neqsin minn ħwejjeġ tal-ikel biżżejjed, jaraw lilhom infushom imġegħla jgħixu f’reġim ta’ sempliċi sopravvivenza u jiltaqgħu, minħabba f’hekk, ma’ ostakli kważi nsuperabbli għall-iżvilupp dekoruż tagħhom.

Ngħaqqad it-talba tiegħi ma; dik ta’ dawk kollha li jemmnu, waqt li nitlob bil-ħniena lil Missierna komuni: «Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum». Huwa bla ebda dubju ta’ xejn li «mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem» (Mt 4, 4), imma l-ħobż materjali jibqà bżonn meħtieġ u wkoll is-Sinjur Tagħna Ġesù Kristu ħadem  b’mod effettiv biex jagħti jieklu lill-folol imġewħa.

Il-fidi trid tkun akkumpanjata minn opri konkreti. Għalhekk nistieden lil kulħadd biex iħoss il-flaġell gravi tal-ġuħ fid-dinja, biex jimbarka fuq inizjattivi ġodda u biex jikkonsolida dawk diġa eżistenti favur dawk li huma neqsin u jqawwu l-programmi ndirizzati għat-twettiq tal-awtosuffiċjenza alimentari tal-popli.

Nixtieq nindirizza kelma ta’ nkuraġġiment lill-organizzazzjonijiet kollha kattoliċi li jissieltu kontra l-ġuħ, l-organiżmi governattivi li jimpenjaw ruħhom fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet, sabiex ikomplu bla waqfien biex iwasslu għajnuna lil dawk fil-bżonn.

«Missierna li inti fis-smewwiet... 
ħobżna ta’ kuljum agħtina llum», 
agħmel li ħadd minn uliedek 
ma jara lilu nnifsu nieqes mill-frott tal-art; 
li ħadd ma jbati iktar 
l-inkwiet li ma jkollux 
il-ħobż ta’ kuljum 
għalih u għall-għeżież tiegħu. 
Agħmel li lkoll, 
mimlijin bl-imħabba mmensa 
li biha inti tħobbna, 
inkunu nafu nqassmu b’mod solidali 
dak il-ħobż 
li inti ttina b’mod hekk ġeneruż: 
agħmel li nkunu nkabbru l-mejda 
biex nagħmlu post għall-iżgħar u għall-iktar imsejkna, 
iva biex jum wieħed 
nimmeritaw li lkoll insibu postna 
madwar il-mejda mmensa ċelesti tiegħek.

31 ta’ Jannar 1989

 

ĠWANNI PAWLU II