MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1988

 

Għeżież ħuti fi Kristu!

Fil-ferħ u fit-tama nixtieq inħeġġiġkom b’dan il-messaġġ tar-Randan għall-penitenza, li se tipproduċi fikom frott spiritwali abbundanti ta’ ħajja nisranija iktar dinamika u ta’ karità ndustrijuża.

Iż-żmien tar-Randan, li jimmarka b’mod profond il-ħajja tal-komunitajiet insara kollha, jiffavorixxi l-ispirtu ta’ ġabra, tat-talb u tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla; huwa jħeġġiġna biex inwieġbu b’mod ġeneruż għall-appell tal-Mulej, espress mill-profeta: «Huwa pjuttost dan is-sawm li rrid… naqsam il-ħobż mal-imġewwaħ, indaħħal f’dari l-imsejkna, mingħajr saqaf… Allura sejjaħlu u l-Mulej iwieġbek; itlob ajjut u huwa jgħidlek: “Hawn jien” » (cfr. Iż 58,6.7.9).

Ir-Randan tal-1988 se jseħħ fil-kuntest tas-sena marjana, fil-qrib tat-tielet millenju mit-twelid ta’ Ġesù, il-Feddej. Waqt li nikkontemplaw il-maternità divina ta’ Marija li ġarret f’ġufha l-Iben ta’ Alla, u dawret iż-żgħorija ta’ Ġesù b’attenzjoni partikolari, jimponi fuq l-ispirtu tiegħi d-dramm doloruż ta’ tant ommijiet, li l-ferħ u t-tamiet tagħhom jiġu mfarrka mill-mewt bikrija ta’ wliedhom.

Iva, għeżież ħuti, jiena nitlobkom biex tirriflettu dwar dan l-iskandlu tal-mortalità infantili, li ta’ kuljum jaħsad għaxriet ta’ eluf ta’ vittmi. Hemm tfal li jmutu qabel ma jaslu għad-dawl, oħrajn m’għandhomx jekk mhux eżistenza qasira u doloruża, maħsuda minn mard li huwa saħansitra faċli li jkun evitat.

Xi stħarriġ ta’ min jorbot fuqu juri li, fil-Pajjiżi magħfusa b’mod drammatiku mill-faqar, propju fost it-tfal wieħed jiltaqà man-numru l-iktar elevat ta’ mejtin dovut għal deidrazzjoni akuta, għal infezzjonijiet parasitarji, għal ilma nkwinat, għal ġuħ, għal nuqqas ta’ tilqim kontra l-epidemji u, saħansitra, għal nuqqas ta’ mħabba.

F’tali kondizzjonijiet ta’ miżerja, bosta tfal imutu prematurjament, oħrajn jiġu milquta b’mod hekk gravi li jisfa kompromess l-iżvilupp fiżiku u psikiku, is-sopravvivenza sempliċi tagħhom tibqà prekarja u huma stess ikunu żvantaġġjati biex isibu post fis-soċjetà.

Il-vittimi ta’ din it-traċedja huma b’mod speċjali t-tfal li jitwieldu f’sitwazzjonijiet ta’ faqar spiss ħafna deċiż minn inġustizzji soċjali; huma familji nieqsa minn riżorsi meħtiega u li jibqgħu feruti għal dejjem mill-mewt prematura taċ-ċkejknin tagħhom.

Niftakru b’kemm premura l-Mulej Ġesù ried juri ruħu solidali mat-tfal: «Allura Ġesù sejjaħ ħdejh tfajjel, qiegħdu f’nofs l-oħrajn u qal: “…min jilqà wkoll wieħed biss minn dawn it-tfal f’ismi, ikun jilqà lili…”»; huwa amar: «Ħallu li t-tfal jiġu għandi» (cfr. Mt 18,2.5;19,14).

F’dan iż-żmien liturġiku tar-Randan, inħeġġiġkom b’mod ħaj biex tħallu lilkom infuskom tinħatfu mill-Ispirtu ta’ Alla, li jistà jfarrak il-ktajjen tal-egoiżmu u tad-dnub. Aqsmu, fi spirtu ta’ solidarjetà, ma dawk li għandhom inqas minnkom. Irregalaw mhux biss dak li għalikom huwa żejjed, imma dak ukoll li forsi huwa għalikom meħtieg, sabiex tkunu tistgħu ssostnu b’mod ġeneruż l-azzjonijiet u l-proġetti kollha tal-Knisja lokali tagħkom, b’mod speċjali dawk li jħabirku biex jassikuraw ġejjieni ġust għat-tfal inqas protetti.

B’dan il-mod, għeżież ħuti fi Kristu, tiddi l-karità tagħkom: «Hekk il-bnedmin jaraw l-opri tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom, li huwa fis-smewwiet» (cfr. Mt 5,16).

Matul dan ir-Randan, fuq l-eżempju ta’ Marija li akkumpanjat b’mod fidil lil Binha sa fuq is-salib, titqawwa l-fedeltà tagħna lejn il-Mulej u ħajjitna ġeneruża tirrendi ruħha xhieda tal-ubbidjenza tagħna għall-kmandament tiegħu! Imberikkom b’qalbi kollha, fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu. Amen.

9 ta’ Frar 1988