MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN

It-Tlieta, 6 ta’ Marzu 1984

 

Għeżież ħuti fi Kristu, kemm drabi qrajna u smajna it-test xokkanti tal-kapitolu 25 tal-Vanġelu skont San  Mattew; «Meta Bin il-bniedem jiġi fil-glorja tiegħu . . . se jgħid: “Ejjew imberkin minn Missieri . . . għaliex kelli l-ġuħ u tajtuni niekol” . . . »!

Iva, il-Feddej tad-dinja jaf u jaqsam kull xorta ta’ ġuħ tal-bnedmin ħutu. Huwa jbati ma dawk li ma jistgħux isostnu lil ġisimhom: mal-popolazzjonijiet vittmi tan-nixfa u tal-kondizzjonijiet ekonomiċi ħżiena, mal-familji kollha milquta mid-diżokkupazzjoni jew mill-prekarjetà tax-xogħol. U, madankollu, artna tistà u għandha ssostni l-abitanti kollha tagħha, mit-tfal ta’ età tenera sal-kategoriji kollha tal-ħaddiema, sal-persuni anzjani.

Kristu jbati l-istess ma’ dawk li huma leġittament bil-ġuħ tal-ġustizzja u tar-rispett tal-propja dinjità umana, ma’ dawk li huma mċaħħda mil-libertà fondamentali tagħhom, ma dawk li huma abbandunati jew, agħar, sfruttati fis-sitwazzjoni ta’ faqar tagħhom.

Kristu jbati ma’ dawk li jaspiraw għal paċi ekwa u ġenerali, waqt li din hija meqruda jew mhedda minn tant konflitti jew minn xi armament assurd. Wieħed jistà qatt jinsa li d-dinja hija ta’ min jibniha u mhux ta’ min jeqridha?

F’kelma waħda, Kristu jbati mal-vittmi kollha tal-miżerja materjali, morali u spiritwali. «Kelli l-ġuħ u tajtuni niekol . . . kont barrani u ilqajtuni, marid u ġejtu żżuruni, il-ħabs u ġejtu tarawni» (Mt 25, 35-36). F’Jum il-Ħaqq dan il-kliem se jiġi ndirizzat lil kull wieħed u waħda minna, imma diġa issa dan il-kliem jinterrogana u jiġgudikana.

Li tagħti miż-żejjed propju u wkoll mill-meħtieġ mhux dejjem huwa impetu spontanju tan-natura tagħna. Huwa propju għal din ir-raġuni li rridu niftħu bla waqfien l-għajnejn fraterni fuq il-persuna u fuq il-ħajja ta’ ħutna, nistimulaw fina nfusna dan il-ġuħ u għatx ta’ kondiviżjoni, ta’ ġustizzja, ta’ paċi, bil-għan li ngħaddu realment għall-azzjonijiet li jikkontribwixxu sabiex jgħinu l-persuni u l-popolazzjonijiet f’diffikultajiet kbar.

Għeżież ħuti, f’dan iż-żmien tar-Randan tas-Sena Ġubilari tal-Fidwa, nikkonvertu mill-ġdid, nirrikonċiljaw ruħna b’mod iktar sinċier ma’ Alla u ma’ ħutna. Dan l-ispirtu ta’ penitenza, ta’ kondiviżjoni, u ta’ sawm jittraduċi ruħu f’ġesti konkreti, li għalihom il-Knejjes lokali tagħkom jistednukom bla dubju.

«Kull wieħed u waħda minnkom skont dak li ddeċieda f’qalbu, mhux bi dwejjaq u linqas b’qawwa, għaliex Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ» (2 Kor 9, 7). Din is-sejħa ta’ San Pawl lill-Korintin hija propju attwali. Jistà kull wieħed minna jħoss b’mod profond il-ferħ minħabba n-nutriment kondiviż, għall-ospitalità offruta lill-barrani, għall-għajnuniet mogħtija għall-promozzjoni umana tal-foqra,  għax-xogħol ipprovdut lil dawk bla xogħol, għall-eżerċizzju onest u kuraġġuż tar-responsabiltajiet ċivili u soċjo-professjonali propji, għall-paċi migħuxa fis-santwarju familjari u fir-relazzjonijiet umani kollha tagħkom!  Din hija kollha l-imħabba ta’ Alla, li għaliha hemm bżonn li nikkonvertu. Imħabba inseparabbli mis-servizz hekk spiss urġenti tal-proxxmu tagħna. Nawguraw, u nimmeritaw, li nkunu nistgħu nisimgħu mingħand Kristu fl-aħħar jum li, fil-qies li fih inkunu għamilna l-ġid lil wieħed mill-iżgħar fost ħutna, inkunu għamilnieh miegħu!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb