MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1983

 

Għeżież ħuti fi Kristu.

«Dawk kollha li emmnu kienu flimkien u kienu jżommu kull ħaġa bħala komuni, min kellu l-propjetà u l-ġid kien ibigħhom u kien jinqasam kollox bejn kulħadd, skont il-bżonn ta’ dak li jkun» (At 2,44-45).

Dan il-kliem ta’ San Luqa iqanqal diwi kbir ġewwa qalbi, fil-waqt li fih qed inħejju ruħna biex nibdew niċċelebraw mill-ġdid il-perijodu liturġiku tar-Randan: ġimgħat offruti b’mod prezzjuż mill-Knisja lill-insara kollha, biex tgħinhom jirriflettu dwar l-identità profonda ta’ wlied il-Missier ċelesti u ta’ aħwa tal-bnedmin kollha, u biex jerġgħu jsibu impetu ta’ kondiviżjoni konkreta u ġeneruża, minħabba li Alla stess sejħilna biex insejsu ħajjitna fuq il-karità.

Ir-relazzjonijiet tagħna mal-proxxmu huma mela kapitali. U meta nitkellem dwar il- «proxxmu», irrid infisser b’mod evidenti dawk li jgħixu maġembna, fil-familja, fil-kwartier, fir-raħal, fil-belt. Imma jidħlu wkoll fuq l-istess livell dawk li aħna nsibu fuq ix-xogħol, dawk li jbatu, li huma morda, jafu s-solitudni, huma tassew foqra. Il-proxxmu tiegħi huwa wkoll kostitwit minn dawk kollha li jinsabu ġejografikament imbegħdin sewwa, jew eżiljati minn pajjiżhom, bla xogħol, bla nutriment u bla ħwejjeġ u spiss mingħajr libertà.  Il-proxxmu tiegħi huwa dawn l-iżventurati kollha, irrovinati għal kollox jew kwazi minn diżastri imprevedibbli u drammatiċi, li tefgħuhom fil-miżerja fiżika u morali, u spiss aktarx fid-dwejjaq li tilfu l-iktar għażież tagħhom.

Ir-Randan huwa verament appell tqil tal-Mulej għat-tiġdid intern, personali u komunitarju, fit-talb u fir-ritorn għas-sagramenti, imma ugwalment f’manifestazzjoni ta’ karità, permezz ta’ sagrifiċċji personali u kollettivi ta’ ħin, flus u ġid ta’ kull xorta, għall-iskop  ta’ sapport għall-bżonnijiet u għad-diffikultajiet ta’ ħutna fid-dinja. Il-kondiviżjoni hija dmir li minnu ebda bniedem ta’ rieda tajba, u b’mod speċjali d-dixxipli ta’ Kristu, ma jistgħu jibqgħu lura. Il-forom tal-kondiviżjoni jistgħu jkunu bosta: mill-voluntarjat, fejn wieħed joffri xi servizzi bi spontanjetà denja tal-Vanġelu, sal-offerti ġenerużi u wkoll ripetuti, li jiġu miż-żejjed tagħna u kultant mill-meħtieġ tagħna, sax-xogħol offrut lill-diżokkupat jew lil dak li jkun wasal biex jitlef kull tama  .

Fl-aħħar, dan ir-Randan tas-sena 1983 ikun grazzja straordinarja, minħabba li jaħbat nal-ftuħ tas-Sena Mqaddsa tal-Fidwa, suxxettibli li tqanqal mill-fond il-ħajja tal-insara, sabiex hija tikkorrispondi mill-ġdid aħjar mal-vokazzjoni divina li tappartieni lilhom: li jsiru wlied Alla u tassew aħwa universali, skont il-mod ta’ Kristu.

Fil-jum tal-inawgurazzjoni sollenni tal-pontifikat tiegħi, kont għidt:  «Iftħu beraħ il-bibien tagħkom lil Kristu!». U illum se ngħidilkom: Iftħu beraħ idejkom biex tagħtu tassew dak kollu li tistġhu lil ħutkom fil-bżonn! La tibżgħux! Intom ilkoll u kull wieħed u waħda minnkom, l-awturi l-ġodda u nfatikabbli tal-Karità ta’ Kristu!

16 ta’ Frar 1983