MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

ĠWANNI PAWLU II

GĦAR-RANDAN 1981

 

Għeżież ħuti,

Ir-Randan huwa żmien ta’ verità.

In-nisrani, infatti, imsejjaħ mill-Knisja għat-talb, għall-penitenza u għas-sawm, għat-tinżih intern u estern tiegħu nnifsu, jinxteħet quddiem Alla u jagħraf lilu nnifsu għal dak li hu, jiskopri lilu nnifsu.

«Ftakar, bniedem li inti trab u trab trid terġà ssir» (Kliem waqt it-tqassim tal-Irmied). Ftakar, bniedem, li int imsejjaħ għal ħwejjeġ oħra fejn jidħol dan il-ġid ta’ din l-art u materjali, li qed tissogra li toħroġ mit-triq ta’ dak li hu essenzjali. Ftakar, bniedem, il-vokazzjoni tiegħek fundamentali: int ġej minn Alla, u int terġà lura għand Alla bil-prospettiva tal-Qawmien mill-Imwiet, li hija t-triq iddisinjata minn Kristu. «Min ma jġorrx is-salib u ma jiġix warajja, ma jistax ikun dixxiplu tiegħi» (Lq 14,27).

Dan mela, huwa żmien ta’ verità profonda, li jikkonverti, li jagħti lura tama u, waqt li jerġà jqiegħed kollox f’postu, jrodd il-paċi u jwelled l-ottimiżmu.

Dan huwa żmien li jġiegħel lil dak li jkun jirrifletti dwar ir-rapporti tiegħu ma’  «Missierna» u jerġà jistabilixxi l-ordni, li għandu jsaltan fost l-aħwa; dan huwa żmien, li jirrendina koresponsabbli għal xulxin; jeħlisna mill-egoiżmi tagħna, mid-difetti tagħna, mill-meskinità tagħna, mis-suppervja tagħna; dan huwa żmien li jilluminana u jġegħlna nifhmu maġġorment li, bħal Kristu, ukoll aħna jmissna naqdu.

«Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin» (Ġw 13,34). «U min hu l-proxxmu tiegħi?» (Lq 10,29).

Dan huwa żmien ta’ verità li, bħas-Sammaritan it-Tajjeb, iġegħlna nieqfu fit-triq, sabiex nagħrfu lil ħuna u biex inqegħdu ħinna u ġidna għas-servizz ta’ qsim ta’ kuljum. Is-Sammaritan it-Tajjeb huwa l-Knisja! Is-Sammaritan it-Tajjeb huwa kull wieħed u waħda minna! B’vokazzjoni! Bi dmir! Is-Sammaritan it-Tajjeb jgħix il-karità.

San Pawl jgħid: «Aħna mela nagħmlu l-parti ta’ ambaxxaturi għal Kristu» (2Kor 5,20). Din hija r-responsabiltà tagħna! Aħna mibgħuta għall-oħrajn, għal ħutna. Inwieġbu b’mod ġeneruż għal din il-fiduċja, li Kristu qiegħed għalina.

Iva, ir-Randan huwa żmien ta’ verità! Neżaminaw lilna nfusna b’sinċerità, frankezza u sempliċità! Ħutna jinsabu hemm fejn jinsabu l-foqra, il-morda, l-emarġinati, l-anzjani. Xi ngħidu dwar imħabbitna? Il-verità tagħna?

Fl-okkażjoni tar-Randan, fid-dijoċesijiet kollha tagħkom u fil-Knejjes tagħkom, għamlu appell għal din il-verità li għandkom u għal din il-karità li hija d-dimostrazzjoni tagħha.

Iftħu, mela, l-intelliġenza tagħkom biex tħarsu madwarkom u qalbkom biex tifhmu u tissimpatizzaw, idkom biex tgħinu. Il-bżonnijiet huma enormi, dan intom tafuh. Għalhekk, jien ninkuraġġikom biex tieħdu sehem bil-ġenerożità tagħkom f’din il-kondivizjoni, u nassigurakom it-talb tiegħi, waqt li nagħtikom il-barka apostolika tiegħi.

 

Ġwanni Pawlu II

4 ta’ Marzu 1981

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb