MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

ĠWANNI PAWLU II

GHAR-RANDAN 1980

 

Kull sena, fil-bidu tar-Randan, il-Papa jdur lejn il-membri kollha tal-Knisja, biex jinkuraġġihom jgħixu sewwa dan iż-żmien li huwa offrut lilna biex inħejju rwieħna għall-ħelsien veru.

L-ispirtu ta’ penitenza u l-prattika tagħha jistimulawna biex ninqatgħu sinċerament minn dak kollu li nippossiedu żejjed, u kultant ukoll min dak meħtieġ, li ma jħalliniex inkunu tassew dak li jrid Alla li aħna nkunu: «Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm hija qalbek» (Mt 6,21). Qalbna hija ggranfata mal-għana materjali? mal-poter fuq l-oħrajn? ma’ ħmerijiet egoistiċi ta’ dominju? Mela, ninħtieġu l-Kristu ħellies li, jekk aħna nriduh, jistà jħollna minn dan l-irbit tad-dnub li qiegħed ifixkilna.

Inħejju rwieħna biex inħallu lilna nfusna nistagħnew bil-grazzja tal-qawmien li teħlisna minn kull teżor falz: dak il-ġid materjali li spiss mhuwiex wisq meħtieġ, għal miljuni ta’ esseri umani,, li jikkostitwixxi l-kundizzjonijiet essenzjali ta’ sopravvivenza. Imma mijiet ta’ miljuni ta’ bnedmin, ‘il hemm mill-minimu meħtieġ għall-eżistenza tagħhom, jistennew mingħandna li ngħinuhom billi nagħtuhom il-mezzi ndispensabbli għall-promozzjoni umana ntegrali tagħhom, kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tal-pajjiżi tagħhom.

Imma d-dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni tajba jew rigal sempliċi mhumiex biżżejjed biex jibdlu il-qalb tal-bniedem; hemm bżonn dik il-konverżjoni tal-ispirtu li timbuttana, fil-laqgħa tal-qlub, biex naqsmu ħajjitna ma’ dawk l-iktar żvantaġġjati tas-soċjetajiet tagħna, ma’ dawk li huma nieqsa minn kollox, kultant saħansitra mid-dinjità tagħhom ta’ rġiel u ta’ nisa, ta’ żgħażagħ jew ta’ tfal, mar-refuġjati kollha tad-dinja, li ma jistgħux iktar jgħixu fl-art tal-antenati tagħhom u jkollhom iħallu art twelidhom.

Huwa hawn li niltaqgħu u ngħixu b’mod iktar intimu il-misteru tat-tbatija u tal-mewt feddejja tal-Mulej. Il-vera konparteċipazzjoni, li hija laqgħa mal-oħrajn, tgħinna neħlisu minn dak l-irbit li jirrendina lsiera u, ladarba rridu naraw fil-proxxmu lil ħutna rġiel u nisa, jgħinna niskopru li aħna lkoll ulied tal-istess Missier, «werrieta ta’ Alla u kowerrieta ta’ Kristu» (Rm 8,17), ta’ min nippossiedu l-għana nkorruttibbli.

Għalhekk, inħeġġiġkom biex tikkorrispondu b’mod ġeneruż għall-appelli li, matul ir-Randan, jiġu mnedija mill-Isqfijiet tagħkom personalment jew permezz ta’ dawk responsabbli mill-kampanji għall-għajnuna reċiproka. Intom tkunu l-ewwel li tibbenefikaw, għaliex b’dan il-mod tpoġġu lilkom infuskom fil-mixja tal-uniku ħelsien awtentiku. L-isforzi tagħkom, magħqudin ma’ dawk tal-imgħammdin kollha, jixhdu l-karità ta’ Kristu u hekk jibnu dik iċ-«ċiviltà tal-imħabba», li, b’mod koxjenti jew le, din id-dinja tagħna, mweġġgħa mill-konflitti u mill-inġustizzji u deluża għaliex ma tiltaqax ma’ xhieda veri tal-imħabba ta’ Alla, tixtieq.

Inberikkom fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu..

19 ta’ Frar 1980

IOANNES PAULUS PP. II

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb