L-ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II

LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 2001

   

Għeżież Ħuti fis-Saċerdozju!

1. Fil-jum li fih il-Mulej Ġesù, ta lill-Knisja d-don tal-Ewkaristija u magħha waqqaf is-saċerdozju tagħna, ma nafx inżomm lura milli nindirizzakom – kif issa saret it-tradizzjoni – b’ kelma li trid tkun ta’ ħbiberija u, ikolli ngħid, ta’ intimità, fix-xewqa li naqsam magħkom ir-ringrazzjament u t-tifħir.

Lauda Sion, Salvatorem, lauda ducem et pastorem, in hymnis et canticis! Tassew kbir hu l-misteru li tiegħu sirna ministri. Misteru ta’ mħabba mingħajr limitu, ladarba « wara li ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar » (Ġw 13, 1); misteru ta’ għaqda li, lsa mit-tnissil tal-ħajja trinitarja, jissawwab fuqna biex jagħmilna « wieħed » fid-don tal-Ispirtu (cfr Ġw 17); misteru tad-divina djakonija li twassal lill-Verb magħmul ġisem li jsaħsel riġlejn il-krejatura tiegħu, waqt li jindika fis-servizz it-triq ewlenija ta’ kull rapport awtentiku bejn il-bnedmin: « Bħal ma għamilt jien, hekk agħmlu wkoll intom… » (cfr Ġw 13, 15).

Ta’ dan il-misteru kbir, aħna wkoll sirna, b’titlu speċjali, xhieda u ministri.

2. Dan il-Ħamis ix-Xirka huwa l-ewwel wieħed wara l-Ġublew il-Kbir. L-esperjenza li għamilna mal-komunitajiet tagħna fiċ-ċelebrazzjoni speċjali tal-ħniena, wara elfejn sena mit-twelid ta’ Ġesù, isir issa l-imbuttatura għal mixja oħra. Duc in altum! Il-Mulej jistedinna biex nerġgħu nibdew naqdfu, waqt li nafdaw ruħna fuq kelmtu. Nagħmlu teżor mill-esperjenza ġubilari – nkomplu fl-impenn ta’ xhieda għall-Vanġelu bl-entużjażmu li tqanqal fina l-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu!

Bħal ma infatti enfasizzajt fl-ittra apostolika Novo millennio ineuntehemm bżonn li nerġgħu nitilqu minnU, biex ninfetħu fiH, bil-krib « inesprimibbli » tal-Ispirtu (cfr Rm 8, 26), għat-tħaddina tal-Missier: « Abbà, Missier! » (Gal 4, 6). Hemm bżonn li nerġgħu nitilqu minnU biex niskopru mill-ġdid s-sors u l-loġika profonda tal-fraternità tagħna: « Bħal ma ħabbejtkom jien, hekk ħobbu intom ukoll lil xulxin » (Ġw 13, 34).

3. Illum nixtieq nesprimi lil kull wieħed minnkom il-grazzi tiegħi g dak li wettaqtu tul is-Sena ġubilari,  sabiex il-poplu afdat taħt il-kura tagħkom iħoss b’mod iktar qawwi l-preżenza feddejja tal-Mulej irxuxtat. Naħseb ukoll, f’dan il-waqt, fix-xogħol li twettqu kull jum, xogħol sikwit moħbi, li, minkejja li ma jilħaqx id-dwal tal-kronaki, imexxi ‘l quddiem is-Saltna ta’ Alla  fil-kuxjenzi. Ngħidilkom l-ammirazzjoni tiegħi għal dan il-ministeru diskret, tenaċi, krejattiv, ukoll jekk kultant iffaxxjat b’dak id-dmugħ tar-ruħ li Alla biss jara u «jiġbor fil-vażett tiegħu» (cfr Sal 56, 9). Ministeru  tant iktar dehen ta’ stima daqs kemm maħsus mir-reżistenzi ta’ ambjent sekolarizzat b’mod wiesà, li jesponi l-azzjoni tas-saċerdot għall-periklu tal-għejja u tal-qtigħ il-qalb. Dan intom tafuh sewwa: dan l-impenn ta’ kuljum huwa prezzjuż f’għajnejn Alla.

Fl-istess ħin, nixtieq nagħmilni l-leħen ta’ Kristu, li jsejħilna biex dejjem niżviluppaw iktar r-rapport tagħna miegħu. « Hawn jien wara l-bieb inħabbat » (Ap 3, 20). Bħala ħabbara ta’ Kristu, aħna qabel xejn mistiedna biex ngħixu fl-intimità tiegħu: ma nidtgħux nagħtu lill-oħrajn dak li aħna nfusna m’għandniex! Hemm għatx ta’ Kristu li, minkejja l-fatt ta’ tant apparenzi kuntrarji, iwarrad ukoll fis-soċjetà kontemporanja, ifiġġ fost l-inkonsistenzi ta’ forom ġodda ta’ spiritwalità, jifforma ruħu saħansitra meta, fuq l-għoqod etiċi kbar, ix-xhieda tal-Knisja issir sinjal ta’ kontradizzjoni. Dan il-għatx ta’Kristu – konxju jew mhux – ma jistax ikun maqtugħ bi kliem vojt. Xhieda awtwntiċi biss jistgħu idawwlu b’mod kredibbli l-kelma li ssalva.

4. Fl-Ittra apostolika Novo millennio ineunte għidt li l-veru wirt tal-Ġublew il-Kbir huwa l-esperjenza ta’ laqgħa iktar qawwija ma’ Kristu. Fost il-bosta aspetti ta’ din il-laqgħa, illum nieħu gost nagħżel, għal din ir-riflessjoni, dik tar-rikonċiljazzjoni sagramentali: dan huwa aspett, wara kollox, li kien fiċ-ċentru tas-Sena ġubilari, ukoll minħabba li marbut b’mod intimu mad-don tal-indulġenza.

Jiena ċert li wkoll intom għamiltu esperjenza fil-Knejjes lokali. Hawn f’Ruma, dak tal-influss notevoli ta’ persuni għas-Sagrament tal-Hniena, kien bla ebda dubju wieħed mill-fenomeni l-iktar enormi tal-Ġublew. Ukoll osservaturi lajċi baqgħu mpressjonati. Il-konfessjunarji ta’ San Pietru, kif ukoll dawk tal- Bażiliki l-oħra, kienu dejjem  donnhom « assaltati » mill-pellegrini, spiss obbligati jistennew f’linji twal, fl-istennija bis-sabar biex imisshom. Sinifikattiv b’mod partikolari kien imbagħad l-interess muri għal dan is-Sagrament miż-żgħażagħ fil-ġimgħa tal-għaġeb tal-Ġublew tagħhom.

5. Intom tafu sewwa li, fid-diċenni li għaddew, dan is-sagrament irreġistra, għal iktar minn mottiv wieħed, ċerta kriżi. Propju biex niffaċċjawha, kien iċċelebrat fl-1984 Sinodu, li l-konklużjonijiet tiegħu ġew amalgamati fl-Eżortazzjoni apostolika post-sinodali Reconciliatio et paenitentia.

Tkun ħaġa bla sens li wieħed jaħseb li l-unika intensifikazzjoni tal-prattika tas-Sagrament tal-maħfra fis-Sena ġubilari hija l-prova ta’ inverżjoni ta’ tendenza issa akkwistatha. Madankollu dan kien sinjal inkuraġġanti.  Huwa jimbuttana biex nagħrfu li l-esiġenzi profondi tar-ruħ umana, li għalihom jagħti tweġiba l-pjan feddej ta’ Alla, ma jistgħux ikunu mħassra minn kriżijiet temporanji. Hemm bżonn nilqgħu bħala indikazzjoni mill-Għoli dan is-sinjal ġubilari, u nagħmlu minnu mottiv ta’ qlubija ġdida fli nerġgħu nipproponu is-sens u l-prattika ta’ dan is-Sagrament.

6. Imma mhux tant fuq il- pastorali problematika li rrid nieqaf. Ħamis ix-Xirka, jum speċjali tal-vokazzjoni tagħna, isejħilna biex nirriflettu b’mod speċjali dwar l- « eżistenza » tagħna, u b’mod partikolari dwar il-mixja ta’ qdusija tagħna. Huwa minn dan li joħroġ, imbagħad, ukoll l-impetu apostoliku.

Tajjeb, waqt li nħarsu lejn Kristu fl-Aħħr Ċena, lejh jagħmel lilu nnifsu « ħobż maqsum » għalina, lejh jitbaxxa f’servizz umli lil reġlejn l-Appostli, kif nistgħu ma nħossux, flimkien ma’ Pietru, l-istess sentiment ta’ indinjità quddiem il-kobor tad-don riċevut? « Le qatt ma taħsilli int riġlejja! » (Ġw 13, 8). Kellu tort, Pietru, jirrifjuta l-ġest ta’ Kristu. Imma kellu raġun iħossu indehen. Huwa mportanti, f’dan il-jum tal-imħabba per eċċellenza, li aħna nħossu il-grazzja tas-saċerdozju bħala sovrabbundanza ta’ ħniena.

Ħniena hija gratwità assoluta li biha Alla għażilna: « Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom » (Ġw 15, 16).

Ħniena hija l-ubbidjenza li biha jsejħilna biex naħdmu bħala rappreżentanti tiegħu, minkejja li nafu lilna nfusna bħala midimbin.

Ħniena hija l-maħfra li Hu qatt ma jiċħdilna, bħal ma ma rrifjutahiex lil Pietru wara ċ-ċaħda. Tgħodd għalina wkoll id-dikjarazzjoni li skontha hemm  « iktar ferħ fis-sema għal midneb li jikkonverti, milli għal disgħa u disgħin ġust li ma jinħtiġux konverżjoni » (Lq 15, 7).

7. Niskopru ,mela, mill-ġdid il-vokazzjoni tagħna bħala « misteru ta’ ħniena ». Fil-Vanġelu nsibu li huwa propju dan l-atteġġjament spiritwali li bih Pietru rċieva il-ministeru speċjali tiegħu. Il-ġrajja tiegħu hija  eżemplari għal dawk kollha li rċivew id-dmir apostoliku, fil-gradi differenti tas-sagrament tal-Ordni Sagri.

Il-ħsieb imur fix-xena tas-sajda mirakoluża li tinsab deskritta fil-Vanġelu ta’ Luqa (5, 1-11). Lil Pietru Ġesù jitolbu att ta’ fiduċja f’kelmtu, billi stiednu biex joħroġ ‘il barra ħalli jistad. Talba umanament skonċertanti: kif tistà temmnu, wara lejl bla rqad u eżawrjenti, mgħoddi fit-tfigħ tax-xbieki mingħajr ebda riżultat? Imma li terġà tipprova « fuq il-kelma ta’ Ġesù » jibdel kollox. Il-ħut jiġri bil-kwantità tali li x-xbieki kienu se jinqasmu. Il-Kelma tiżvela qawwietu. Jitnissel l-istagħġib, imma fl-istess ħin il-biżà u l-antiċipazzjoni, bħal meta wieħed isib ruħu dlonk milħuq minn faxx dawl qawwi, li jikxef għal kollox kull limitu propju. Pietru jgħajjat:  « Mulej, tbiegħed minni għaliex jiena midneb » (Lq 5, 8). Imma jważi inqas kien temm il-qrara tiegħu, li l-Ħniena tal-Imgħallem tagħmel għalih il-bidu ta’ ħajja ġdida: « La tibżax, minn issa ‘l hemm int se tkun sajjied tal-bnedmin » (ivi, 5, 10). Il-« midneb » isir ministru tal-ħniena. Minn sajjied il-ħut, għal « sajjied il-bnedmin »!

8. Misteru kbir, għeżież Saċerdoti: Kristu ma beżax jagħżel il-ministri tiegħu fost il-midimbin. Mhijiex forsi din l-esperjenza tagħna? Jerġà jmiss mill-ġdid lil Pietru li jagħraf b’mod iktar qawwi fid-djalogu ma’ Ġesù, wara l-qawmien mill-imwiet. Qabel ma tah il-mandat pastorali, l-Imgħallem jagħmillu mistoqsija imbarazzanti: « Xmun bin Ġwanni, tħobbni iktar minn dawn? » (Ġw 21, 15). L-interpella huwa dak li ftit jiem qabel kien ċaħdu saħansitra għal tliet darbiet. Wieħed jifhem sewwa t-ton umli tat-tweġiba tiegħu: « Mulej, int taf kollox, int taf li jien inħobbok » (ivi, v. 17). Huwa fuq il-bażi ta’ din l-imħabba esperta tal-fraġilità tiegħu, imħabba anzjuża daqskemm mistqarra b’mod fiduċjuż, li Pietru jirċievi l-ministeru: « Irgħa l-ħrief tiegħi », « irgħa n’nagħaġ tiegħi » (ivi, vv. 15.16.17). Ikun fuq il-bażi ta’ din l-imħabba,  imsaħħa min-nar tal-Pentekoste, li Pietru jkun jistà jwettaq il-ministeru riċevut.

9. U mhux f’esperjenza ta’ ħniena li titnissel ukoll il-vokazzjoni ta’ Pawlu? Ħadd bħalu ma ħass il-gratuwità tal-għażla ta’ Kristu. L-imgħoddi tiegħu ta’ persekutur akkanit tal-Knisja baqà dejjem jaħarqu f’ruħu: « Jiena infatti jien linqas fost l-appostli, u ma jixraqlix li nkun imsejjaħ appostlu, għaliex ippersegwitajt il-Knisja ta’ Alla » (1 Kor 15, 9). U bdanakollu din it-tifkira, mhux talli ma xejnitx l-entużjażmu tiegħu, imma talli għamlitlu l-ġwienaħ. Iktar ma nkunu mkeffna fil-ħniena, iktar inħossu l-bżonn li nixhduha u li nirradjawha. Il-« leħen » li jilħqu fit-triq ta’ Damasku, iwasslu fil-qalb tal-Vanġelu, u jgħinu jiskopri kif l-imħabba ħanina tal-Missier fi Kristu tirrikonċilja d-dinja lejh. Fuq din il-bażi Pawlu jifhem ukoll is-servizz apostoliku bħala ministeru ta’ rikonċiljazzjoni: « Dan kollu, iżda, jiġi minn Alla, li rrikonċiljana miegħu permezz ta’ Kristu u afdalna l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni. Kien, infatti, Alla li rrikonċilja miegħu d-dinja fi Kristu, billi  ma akkużax lill-bnedmin għall-ħtijiet tagħhom u billi lilna fdalna l-kelma tar-rikonċiljazzjoni » (2 Kor 5, 18-19).

10. Ix-xhieda ta’ Pietru u Pawlu, għeżież Sacerdoti, fihom indikazzjonijiet prezzjużi għalina. Huma jistednuna biex ngħixu b’sens ta’ gratitudni nfinita d-don tal-ministeru: aħna ma mmeritajna xejn, kollox huwa grazzja! L-esperjenza taż-żewġ Appostli twassalna, fl-istess ħin, biex nitilqu ruħna fil-ħniena ta’ Alla, biex nikkunsinnjaw Lilu b’dispjaċir sinċier il-fraġilità tagħna, u nerġgħu naqbdu bil-grazzja tiegħu l-mixja ta’ qdusija tagħna. Fil- Novo millennio ineunte esponejt l-impenn ta’ qdusija bħala l-ewwel punt ta’ «programmazzjoni» pastorali għaqlija. Dan huwa impenn fundamentali ta’ dawk kollha li jemmnu, kemm iktar mela għandu jkun għalina (cfr nn. 30-31)!

Għal dan il-għan, huwa mportanti li niskopru s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni bħala strument fundamentali tal-qdusija tagħna. A questo scopo, è importante che riscopriamo il sacramento della Riconciliazione come strumento fondamentale della nostra santificazione. Navviċinaw saċerdot ħuna, biex nitolbuh dik l-assoluzzjoni li tant drabi aħna stess nagħtu lill-fidili tagħna, iġgegħlna ngħixu l-verità kbira u konsolanti li nkunu, ukoll qabel ministri, membri ta’ poplu uniku, poplu ta’ « mifdija ». Dak li Wistin kien jgħid dwar id-dmir episkopali tiegħu, jgħodd ukoll għas-servizz presbitorjali: « Jekk ibeżżagħni li nkun għalikom, jikkonslani li nkun magħkom. Għalikom jien isqof, magħkom jien nisrani… Dak huwa isem ta’ perikolu, dan ta’ salvazzjoni» (Discorsi, 340, 1). Sabiħ huwa li nistgħu nqerru dnubietna, u nħossu bħal balzmu l-kelma li tgħattina bħal mewġa bil-ħniena u terġà tqabbadna l-mixja. Huwa biss min ħass l-ħlewwa tat-tħaddina tal-Missier, bħal ma jiddeskriviha l-Vanġelu fil-parabbola tal-iben il-ħali - « inxteħet fuq għonqu u biesu » (Lq 15, 20) — jistà jittrażmetti lill-oħrajn l-istess fervur, meta minn destinatarju tal-maħfra jagħmel lilu nnifsu ministru.

11. Mela nitolbu lil Kristu, f’dan il-jum qaddis, biex jgħinna niskopru b’mod sħiħ, għalina, is-sbuħija ta’ dan is-Sagrament. Ma kienx Ġesù nnifsu li għen lil San Pietru f’din l-iskoperta? « Jekk ma naħslikx, ma jkollokx sehem miegħi » (Ġw 13, 8). Bla ebda dubju, Ġesù hawn ma jirreferix b’mod dirett għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, imma b’xi mod jevolah, waqt li jalludi għal dak il-proċess ta’ purifikazzjoni li l-mewt tiegħu redentriċi kellha tibda u l-ekonomija sagramentali applikata għall individwi tul il-korsa tas-sekli.

Ejjew nirrikorru b’mod regolari, għeżież Saċerdoti, għal dan is-Sagrament, sabiex il-Mulej ikun jistà jippurifika b’mod kostanti l-qalb tagħna u hekk jirrendina inqas indenji tal-misteri li niċċelabraw. Imsejħa biex nirrapreżentaw il-wiċċ tar-Ragħaj it-Tajjeb, u allura biex ikollna l-qalb stess ta’ Kristu, neħtieġu iktar mill-oħrajn li nagħmlu tagħna l-invokazzjoni qawwija tas-Salmista: « Oħloq fija, o Alla spirtu stabbli » (Sal 51, 12). Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, irrinunċjabbli għal kull eżistenza nisranija, jinponi ruħu wkoll bħala sosten, orjentament u mediċina tal-ħajja saċerdotali.

12. Is-Saċerdot li jagħmel esperjenza ferrieħa sħiħa tar-rikonċiljazzjoni saġramentali jħoss imbagħad għal kollox naturali li jtenni lill-aħwa l-kliem ta’ Pawlu:  « Ma nagħmluhiex mela ta’ ambaxxaturi għal Kristu, bħallikieku Alla jinkuraġġixxi permezz tagħna. Nitolbukom f’isem Kristu: ħallukom tiġu rikonċiljati ma’ Alla » (2 Kor 5, 20).

Jekk il-kriżi tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, li għaliha għamilt referenza ftit ilu, tiddependi minn fatturi multepliċi – billi tibda mill-attenwazzjoni tas-sens tad-dnub sal-perċezzjoni skarsa tal-ekonomija sagramentali li biha Alla jsalvana – jistà jkun li jmissna nagħrfu li kultant setà jilgħab kontra s-Sagrament ukoll ċertu dgħajfin tal-entużjażmu tagħna jew tad-disponibiltà tagħna fl-eżerċizzju ta’ dan il-ministeru esiġenti u delikat.

Hemm bżonn minflok iktar minn kollox li nġagħluh ikun skopert mill-Poplu ta’ Alla. Hemm bżonn ngħidu b’qawwa u b’konvinzjoni li huwa s-Sagrament tal-Penitenza t-triq ordinarja biex niksbu l-maħfra u s-sottomissjoni tad-dnubiet gravi mwettqa wara l-Magħmudija. Hemm bżonn niċċelebraw is-Sagrament bl-aħjar mod, fil-forom liturġiċi previsti, sabiex hu jżomm il-fiżjonomija sħiħa tiegħu tal-Ħniena divina.

13. Biex troddilna lura l-fiduċja dwar l-irkupru ta’ dan is-Sagrament hemm mhux biss l-iffjoratura, minkejja fost tant kontradizzjonijiet, ta’ urġenza ġdida ta’ spiritwalità f’bosta oqsma soċjali, imma wkoll il-bżonn ħaj ta’ laqgħa interpersonali, li kull ma jmur qiegħed jasserixxi ruħu f’bosta persuni bħala rejazzjoni għal soċjetà anonima u populista, li spiss tikkundanna għall-iżolament intern ukoll meta tinvolvi f’voriċi ta’ relazzjonijiet funzjonali Bla dubju, il-konfessjoni sagramentali m’għandhiex titħallat ma’ prattika ta’ sosten uman jew terapija psikoloġika. M’għandniex madankollu nissottovalutaw il-fatt li, migħux sewwa, is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jiżvolġi bla ebda dubju wkoll irwol « umanizzanti », li jorbot ruħu sewwa mal-valir tiegħu primarju ta’ rikonċiljazzjoni ma’ Alla u mal-Knisja.

Huwa importanti li, ukoll fuq din in-naħa, il-ministru tar-rikonċiljazzjoni jiżvolġi sewwa dmiru. Il-ħila tiegħu ta’ lqugħ, ta’ smigħ, ta’ djalogu, id-disponibiltà tiegħu qatt miċħuda, huma elementi essenzjali sabiex il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni jkun jistà jimmanifesta ruħu fil-valur kollu tiegħu. L-aHbar fidila, qatt retiċenti, tal-esiġenzi radikali tal-kelma ta’ Alla għandha dejjem takkumpanja ruħha għal fehim u ħlewwa, bħal dik tal-istil ta’ Ġesù lejn il-midimbin.

14. Hemm bżonn imbagħad li wieħed jagħti l-importanza meħtieġa lill-figura liturġika tas-Sagrament. Is-Sagrament jinsab fl-intern tal-loġika ta’ komunjoni li tikkaratterizza l-Knisja. Id-dnub stess wieħed ma jifhmux sal-qiegħ, jekk se jifhmu b’mod biss « privatistiku », allura se jinsa li hu jmiss b’mod inevitabbli lill-komunità kollha u jbaxxilha l-livell ta’ qdusija. Għal raġuni ikbar jesprimi misteru ta’ solidarjetà soprannaturali l-offerta tal-maħfra, li l-loġika sagramentali tagħha tistrieħ fuq l-għaqda profonda li teżisti bejn Kristu r-ras u l-membri tiegħu.

Li wieħed jgħin biex ikun skopert dan l-aspett « komunjonali » tas-Sagrament, ukoll permezz ta’ liturġiji penitenzjali komunitarji li jintemmu bil-konfessjoni u bl-assoluzzjoni individwali, huwa ta’ mportanza kbira, għaliex jippermetti lill-fidili li jagħrfu aħjar d-dimensjoni doppja tar-rikonċiljazzjoni u jimpenjahom maġġorment biex jgħixu l-mixja penitenzjali propja fl-għana riġenetriċi kollha tagħha.

15. Jibqà mbagħad il-problema fundamentali ta’ katekeżi dwar is-sens morali u dwar id-dnub, li tgħin biex wieħed jikseb kuxjenza iktar ċara tal-esiġenzi evanġeliċi sa minn għeruqhom. Teżisti sfortunatament tendenza minimalistika, li timpedixxi li s-Sagrament iwassal il-frott kollu mixtieq. Għal bosta fidili il-perċezzjoni tad-dnub mhix imkejla fuq il-Vanġelu, imma fuq « il-postijiet komuni », fuq in-« normalità » soċjoloġika, li ġġiegħel lil dak li jkun jaħseb li ma hux partikolarment responsabbli ta’ ħwejjeġ li « jagħmel kulħadd », ferm iktar jekk huma legalizzati b’mod ċivili.

L-evanġelizzazzjoni tat-tielet millenju trid tagħmel il-kontijiet bl-urġenza ta’ preżentazzjoni ħajja, sħiħa, esiġenti tal-messaġġ evanġeliku. Il-kristjaneżmu li lejh inħarsu ma jistax jirriduċi ruħu għal impenn medjokri ta’ onestà skont kriterji soċjoloġiċi, imma jrid ikun tiftix tassew tal-qdusija.  Hemm bżonn li naqraw mill-ġdid b’entużjażmu ġdid il-kapitolu V tal- Lumen gentium li jitkellem dwar il-vokazzjoni universali tal-qdusija. Tkun nisrani, ifisser tirċievi « don » ta’ grazzja santifikanti, li ma jistax ma jittraduċix ruħu f’ « impenn » ta’ korrispondenza personali fil-ħajja ta’ kuljum. Mhux b’kumbinazzjoni li fittixt f’dawn is-snin li nippromwovi fuq skala iktar wiesgħa l-għarfien tal-qdusija, fl-oqsma kollha li fihom hija manifestata, għaliex lill-insara kollha jistgħu jiġu offruti mudelli numerużi ta’ qdusija, u ilkoll niftakru li aħna msejħin b’mod personali għal dik id-destinazzjoni.

16. Nimxu ‘l quddiem, għeżież ħuti Saċerdoti, fil-ferħ tal-ministeru tagħna, għax nafu li għandna maġembna lil Dak li sejħilna u li qatt ma jabbandunana. Iċ-ċertezza tal-preżenza tiegħu issostnina u ssabbarna.

Fl-okkażjoni ta’ Ħamis ix-Xirka inħossu ferm iktar ħajja, din il-preżenza tiegħu, waqt li npoġġu ruħna f’kontemplazzjoni mqanqla tas-siegħa li fiha Ġesù, fiċ-Ċenaklu, jagħtina lilu nnifsu fis-sinjal tal-ħobż u tal-imbid, billi jantiċipa sagramentalment is-sagrifiċċju tas-Salib. Is-sena l-oħra ridt niktbilkom propju miċ-Ċenaklu, fl-okkażjoni taż-żjara tiegħi fl-Art Imqaddsa. Kif jistà wieħed qatt jinsa dak il-mument emozzjonali? Illum qed nerġà ngħixu mill-ġdid, mhux mingħajr dwejjaq minħabba s-sitwazzjoni hekk diffiċli li fiha tkompli tħallas l-art ta’ Kristu.

L-appuntament tagħna spiritwali għal Ħamis ix-Xirka, għadu hemm, fiċ-Ċenaklu, waqt li madwar l-Isqfijiet, fil-katidrali tad-dinja kollha, nerġgħu ngħixu l-misteru tal-Ġisem u tad-Demm ta’ Kristu u nagħmlu tifkira ta’ ħajr tal-oriġini tas-Saċerdozju tagħna.

Fil-ferħ tad-don immens li flimkien irċivejna, inħaddankom ilkoll u imberikkom.

Mill-Vatikan, il-25 ta’ Marzu, ir-rabà Ħadd tar-Randan, tas-sena 2001, it-tlieta u għoxrin sena tal-Pontifikat.

ĠWANNI PAWLU II

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb