ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS- SAĊERDOTI
GĦAL NHAR ĦAMIS IX-XIRKA 2000

Għeżież Ħuti fis-saċerdozju!

1. Ġesù, « wara li ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar » (Ġw 13, 1). Nerġà naqra b’kommozzjoni ħajja hawn f’Ġerusalem, fil-post li skont it-tradizzjoni laqà lil Ġesù u lit-Tnax għaċ-Ċena Paskwali u t-twaqqif tal-Ewkaristija, il-kliem li bih l-evanġelista Ġwanni jintroduċi r-rakkont tal-Aħħar Ċena.

Inrodd ħajr lill-Mulej li, fis-Sena tal-Ġublew tal-inkarnazzjoni ta’ Ibnu, ippermettieli li nqiegħed lili nnifsu fuq il-passi terreni ta’ Kristu, billi nsegwi t-toroq li fihom mexa bejn it-twelid ġewwa Betlem u l-mewt fuq il-Golgota. Il-bieraħ waqaft Betlem fil-grotta tat-Twelid. Fil-jiem li ġejjin se nmiss postijiet differenti tal-ħajja u tal-ministeru tas-Salvatur, mid-dar tal-Annunzjazzjoni, għall-Muntanja tal-Bejatitudni, għall-Ort taż-Żebbuġ. Nhar il-Ħadd, fl-aħħar, se nkun fuq il-Golgota u fis-Sepulkru Mqaddes.

Illum, din iż-żjara fiċ-Ċenaklu toffrili l-okkażjoni biex nixħet ħarsa sħiħa fuq il-misteru tar-Redenzjoni. Kien hawn li hu għamlilna d-don bla ebda qies tal-Ewkaristija. Hawn ukoll twieled is-saċerdozju tagħna.

Ittra miċ-Ċenaklu

2. U propju minn dan il-post nieħu gost nindirizzalkom l-ittra li biha għal iktar minn għoxrin sena jilħaqkom f’Ħamis ix-Xirka, jum l-Ewkaristija u il-jum per eċcellenza « tagħna ».

Iva, qed niktbilkom miċ-Ċenaklu, waqt li naħseb mill-ġdid dwar dak li seħħ bejn dawn il-ħitan f’dik il-lejla mgħobbija misteru. F’għajnejn l-ispirtu jippreżentali ruħu Ġesù, jippreżentawli ruħhom l-Appostli bil-qiegħda mal-mejda flimkien miegħu. Nieqaf, b’mod partikolari, fuq Pietru: jidhirli li qed narah waqt li, flimkien mad-dixxipli l-oħra, josserva mgħaġġeb il-ġesti tal-Mulej, jismà mqanqal il-kliem, jiftaħ lilu nnifsu, minkejja l-piż tal-fraġilità tiegħu, għall-misteru li hemm iħabbar u min hawn u ftit ieħor iwettaq. Dawn huma s-sigħat li fihom tiġi missielta l-battalja l-kbira bejn l-imħabba li tirregala mingħajr ebda riservi u il-mysterium iniquitatis li jingħalaq fl-ostilità tiegħu. It-tradiment ta’ Ġuda jipproponi ruħu bħala s-simbolu tad-dnub tal-umanità. «Kien bil-lejl »,jinnota l-evanġelista Ġwanni (13, 30): is-siegħa tad-dlamijiet, siegħa ta’ firda u ta’ dwejjaq bla tarf. Imma fil-kliem  emozzjonanti ta’ Kristu, diġa jpetptu d-dwal tal-awrora: « Nerġà narakom u qalbkom tifraħ u ħadd ma jkun jistà jeħdilkom il-ferħ tagħkom » (Ġw 16, 22-23).

3. Hemm bżonn li dejjem nimmeditaw mill-ġdid il-misteru ta’ dak il-lejl. Hemm bżonn li spiss nerġgħu lura bl-ispirtu għal dan iċ-Ċenaklu, fejn b’mod speċjali aħna s-saċerdoti nistgħu nħossuna, f’ċertu sens, « ta’ ġewwa ». Dwarna wieħed jistà jgħid, fir-rigward taċ-Ċenaklu, dak li s-Salmista jgħid dwar il-popli fir-rigward ta’ Ġerusalem: « Il-Mulej se jikteb fil-ktieb tal-popli: Hemm twieled dan il-bniedem » (Sal 87 [86], 6).

Minn din l-Awla mqaddsa jiġini spontanju nimmaġinana fil-partijiet differenti tad-dinja, bl-eluf ta’ wċuh tagħkom, iktar żgħażagħ jew iktar avanzati fis-snin, fil-burdati differenti tagħkom, għal bosta, grazzi lill-Mulej, ta’ ferħ u entużjażmu, għal oħrajn forsi ta’ niket, forsi ta’ għejja, forsi ta’  konfużjoni.  Fikom ilkoll nasal biex inqim dik ix-xbiha ta’ Kristu li rċivejtu bil-konsagrazzjoni, dak il-« karattru » li jimmarka b’mod indelibbli lil kull wieħed minnkom. Dan huwa sinjal tal-imħabba ta’ tenerezza, li minnu huwa milħuq kull saċerdot u li fuqu huwa jistà jorbot, biex javanza bil-ferħ, jew jerġà jibda b’entużjażmu ġdid, fil-prospettiva ta’ fedeltà dejjem ikbar.

Imwielda mill-imħabba

4. « Wara li ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar ». Kif inhu magħruf, b’differenza mill-Vanġeli l-oħra, dak ta’ Ġwanni ma jieqafx biex jirrakkonta l-istituzzjoni tal-Ewkaristija, diġa rriferut għaliha minn Ġesù fid-diskors wiesà qrib Kafarnaw (cfr Ġw 6, 26-65), imma jieqaf fuq il-ġest tal-ħasil tar-riġlejn. Din l-inizjattiva ta’ Ġesù li tħawwad lil Pietru, qabel ma jkun eżempju ta’ umiltà offrut għall-imitazzjoni tagħna, huwa rivelazzjoni tar-radikaliżmu tal-osservanza ta’ Alla lejna. Fi Kristu infatti, huwa Alla li « neżżà lilu nnifsu », u assuma l-« forma ta’ qaddej » sal-umiljazzjoni estrema tas-Salib (cfr Fil 2, 7), biex jiftaħ għall-umanità l-aċċess għall-intimità tal-ħajja divina: id-diskorsi l-kbar li, fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, isegwu l-ġest tal-ħasil tar-riġlejn u kważi huma l-kumment,  jieħdu l-forma bħala introduzzjoni għall-misteru tal-komunjoni trinitarja,  li għaliha l-Missier isejħilna  billi jinkludina fi Kristu bid-don tal-Ispirtu.

Din il-komunjoni għandha tingħex skont il-loġika tal-kmandament il-ġdid: «Bħal ma jien ħabbejtkom, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin » (Ġw 13, 34). Mhux ta’ b’xejn li t-talba saċerdotali tinkuruna din il- « mistagogija » billi turi lil Kristu fl-għaqda tiegħu mal-Missier, lest li jirritorna għandu permezz tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, u mixtieq minn xejn iktar milli mill-parteċipazzjoni għad-dixxipli tal-għaqda tiegħu mal-Missier; « Bħal ma int, Missier, int fija u jiena fik, ikunu huma wkoll ħaġa waħda fina » (Ġw 17, 21).

5. Minn dak in-nukleju ta’ dixxipli li semgħu dan il-kliem, hija l-Knisja kollha li ffurmat ruħha, waqt li nfirxet fiż-żmien u fl-ispazju bħal « poplu  mlaqqà mill-unità tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu » (S. Ċiprijano, De Orat. Dom., 23). L-unità profonda ta’ dan il-poplu ġdid ma teskludix il-preżenza, fl-intern tagħha, ta’ dmirijiet differenti u suplimentari. Hekk, għal dawk l-ewwel appostli huma marbutin b’titlu speċjali dawk li kienu maħtura biex iġeddu in persona Christi il-ġest li Ġesù wettaq fl-Aħħar Ċena, waqt li waqqaf is-sagrifiċċju ewkaristiku, « sors u quċċata tal-ħajja kollha nisranija » (Lumen gentium, 11). Il-karattru sagramentali li jiddistingwiha, bis-saħħa tal-Ordni riċevut, jagħmel iva li l-preżenza tagħhom u l-ministeru tagħhom ikunu uniċi, meħtieġa u insostitwibbli.

Għaddew kważi 2000 sena minn dak il-mument. Kemm saċerdoti tennew dak il-ġest! Spiss kienu dixxipli eżemplari, qaddisin, martri. Kif nistgħu ninsew, f’din is-Sena Ġubilari, it-tant saċerdoti li xehdu b’ħajjithom lil Kristu bit-tixrid ta’ demmhom. Il-martirju tagħhom jakkumpanja l-istorja kollha tal-Knisja, u jimmarka wkoll is-seklu li għadna kemm tlaqna wara spallejna, ikkaratterizzat minn diversi reġimi dittatorjali u ostili għall-Knisja. Nixrieq, miċ-Ċenaklu, ngħid grazzi lill-Mulej għall-kuraġġ tagħhom. Inħarsu lejhom biex nitgħallmu nsegwuwhom fuq il-passi tar-Ragħaj it-Tajjeb li « joffri l-ħajja għan-nagħaġ » (Ġw 10, 11).

Teżor f’urni tal-fuħħar

6.  U veru: fl-istorja tas-saċerdozju, xejn inqas f’dik tal-poplu kollu ta’ Alla, wieħed iħoss ukoll il-preżenza mċajpra tad-dnub. Tant drabi l-fraġilità tal-ministri ċajpret fihom il-wiċċ ta’ Kristu. U għalfejn nistagħġbu, propju hawn fiċ-Ċenaklu? Hawn mhux biss ikkonsma ruħu t-tradiment ta’ Ġuda, imma l-istess Pietru kellu jagħmel il-kontijiet mad-dgħufija tiegħu, meta rċieva l-profezija qarsa taċ-ċaħda. Meta għażel bnedmin bħat-Tnax, Kristu żgur ma qarraqx bih innifsu: kien f’din id-dgħufija umana li qiegħed is-siġill sagramentali tal-preżenza tiegħu. Ir-raġuni jindikahielna Pawlu: « Għandna dan it-teżor ġo urni tal-fuħħar, sabiex tidher li l-qawwa straordinarja tiġi minn Alla u mhux minna » (2 Kor 4, 7).

Għal dan, minkejja l-fraġilità kollha tas-saċerdoti tiegħu, il-poplu ta’ Alla kompla jemmen fil-qawwa ta’ Kristu operanti permezz tal-ministeru tagħhom. Kif ma niftakrux ix-xhieda tal-għaġeb tal-fqajjar ta’ Assisi f’dan ir-rigward? Huwa, li minħabba l-umiltà ma riedx isir saċerdot, ħalla fit Testment tiegħu l-espressjoni tal-fidi tiegħu fil-misteru ta’ Kristu preżenti fis-saċerdoti, billi ddikkjara ruħu lest li jirrikorri għalihom saħansitra jekk kellu jkun ippersegwitat, bla ma jqis id-dnub tagħhom. « U nagħmel dan — kien spjega — għaliex, tal-iktar għoli Bin Alla xejn iktar ma nara korporalment, f’din id-dinja, jekk mhux il-ġisem santissmu u d-demm santissimu li huma biss jikkonsagraw u jamministraw lill-oħrajn » (Fonti Francescane, n. 113).

7. Minn dan il-post li fih Kristu ppronunzja l-kliem sagru tal-istituzzjoni ewkaristika nistedinkom, għeżież saċerdoti, biex tiskopru mill-ġdid id-« don » u il-« misteru » li rċivejna. Biex nilqgħuh mill-għeruq, irridu nirriflettu dwar is-saċerdozju ta’ Kristu. Fih, bla ebda dubju, il-poplu kollu ta’ Alla jieħu sehem bis-saħħa tal-Magħmudija. Imma l-Konċilju Vatikan II ifakkarna, li barra dan is-sehem komuni għall-imgħammdin kollha, hemm ieħor speċifiku, ministerjali, li huwa differenti minħabba l-ewwel wieħed, ukoll jekk hu ordnat b'mod intimu (cfr Lumen gentium, 10).

Għas-saċerdozju ta’ Kristu aħna noqorbu f’ottika partikolari fil-kuntest tal-Ġublew tal-Inkarnazzjoni. Dan jistedinna biex nikkontemplaw fi Kristu l-konnessjoni intima li teżisti bejn is-saċerdozju u l-misteru tal-persuna tiegħu. Is-saċerdozju ta’ Kristu mhuwiex « aċċidentali », mhuwiex dmir li huwa setà wkoll ma jassumix, imma huwa mmarkat fl-identità tiegħu ta’ Iben inkarnat, ta’ Bniedem-Alla. Kollox, issa, fir-rapporti bejn l-umanità u Alla, jgħaddi permezz ta’ Kristu: « Ħadd ma jiġi għand il-Missier, jekk mhux permezz tiegħi » (Ġw14, 6). Għal dan Kristu huwa saċerdot ta’ saċerdozju etern u universali, li tiegħu dak tal-ewwel Patt kien figura u tħejjija (cfr Lh 9, 9). Huwa jeżerċitah b’totalità minn mindu ġie maħtur bħala l-qassis il-kbir « fuq il-lemin tat-tronn tal-majjestà tas-smewwiet » (Lh 8, 1). Minn dak il-waqt imbidel l-istatut tal-istess saċerdozju fl-umanità: mhemmx iktar għajr saċerdozju uniku, dak ta’ Kristu, li jistà jkun ipparteċipat u eżerċitat b’mod differenti.

Sacerdos et Hostia

8. Fl-istess ħin, ġie mwassal għall-perfezzjoni s-sens tas-sagrifiċċju, att saċerdotali per eċċellenza. Kristu, fuq il-Golgota għamel mill-istess ħajtu  offerta ta’ valur etern, offerta « feddejja », li reġgħet fetħet għal dejjem it-triq tal-komunjoni ma’ Alla interrotta mid-dnub.

Titfà dawl fuq dan il-misteru l-Ittra lil-Lhud, billi ġġiegħel jirbombjaw fuq xuftejn Kristu xi vrus tas-Salm 40: « Int la ridt sagrifiċċju u linqas offerta, minflok lestejtli ġisem [...] Hawn jien, ġej [...] biex nagħmel, o Alla, ir-rieda tiegħek » (Lh 10, 5.7; cfr Sal 40 [39], 7–9). Scont l-Awtur tal-Ittra, dan il-kliem profetiku kien ippronunzjat minn Kristu fil-waqt tad-dħul tiegħu fid-dinja. Dan jesprimi il-misteru tiegħu u l-missjoni tiegħu.. Mela jibda jitwettaq, sa mill-waqt tal-Inkarnazzjoni, ukoll jekk jilħaq il-quċċata tiegħu fis-sagrifiċċju tal-Golgota. Minn dak il-waqt, kull offerta tas-saċerdot mhix għajr ripreżentazzjoni lill-Missier tal-unika offerta ta’ Kristu, magħmulha darba għal dejjem.

Sacerdos et Hostia! Saċerdot u Vittma. Dan l-aspett sagrifikali jindika b’mod profond l-Ewkaristija, u huwa fl-istess ħin dimensjoni kostituttiva tas-saċerdozju ta’ Kristu u, konsegwentement, tas-saċerdozju tagħna. Nerġgħu naqraw f’dan id-dawl il-kliem li ta’ kuljum nippronunzjaw, u li rbumbjaw għall-ewwel darba propju hawn fiċ-Ċenaklu: « Ħudu, u kulu ilkoll; dan huwa Ġismi offrut f’sagrifiċċju għalikom [...] Ħudu, u ixorbu lkoll: dan huwa l-kalċi ta’ demmi tal-Patt il-ġdid u etern, imxerred għalikom u għal kulħadd għall-maħfra tad-dnubiet ».

Dan huwa l-kliem mixhud, b’verżjonijiet sostanzjalment jaqblu, tal-Evanġelisti u ta’ Pawlu. Dan kien ippronunzjat f’dan il-post tard fil-għaxija ta’ Ħamis ix-Xirka. Waqt li ta lill-Appostli Ġismu biex jikluh u Demmu biex jixorbuh, huwa esprima l-verità profonda tal-ġest li minn hemm u ftit ieħor kien se jwettaq fuq il-Golgota. Fil-Ħobż ewkaristiku hemm infatti l-istess Ġisem imwieled minn Marija u offrut fuq is-Salib:

Ave verum Corpus natum de Maria Virgine,
vere passum, immolatum in cruce pro homine.

9. Kif nistgħu ma nerġgħux lura dejjem mill-ġdid għal dan il-misteru, li jiġbor fih il-ħajja kollha tal-Knisja? Dan is-Sagramernt  tema għal elfejn sena sħaħ numru bla tarf ta’ nies li emmnu. Minnu gelglet xmara ta’ grazzja. Kemm qaddisin sabu fih mhux biss is-sikurezza, imma kważi l-antiċipazzjoni tal-ġenna!

Inħallu lilna nfusna ninġarru mill-impetu kontemplattiv, għani bil-poeżija u t-tejoloġija, li bih San Tumas D’Aquino kanta l-misteru fil-kliem tal- Pange lingua. L-eku ta’ dak il-kliem jasalli hawn illum, fiċ-Ċenaklu, bħal leħen ta’ tant komunitajiet insara mifruxa mad-dinja, ta’ tant saċerdoti, persuni ta’ ħajja kkonsagrata, sempliċi fidili, li kull jum jieqfu f’adurazzjoni tal-misteru ewkaristiku:

Verbum caro, panem verum verbo carnem efficit,
fitque sanguis Christi merum, et, si sensus deficit,
ad firmandum cor sincerum sola fides sufficit.

Agħmlu dan b’tifkira tiegħi

10. Il-misteru ewkaristiku, li fih hija mħabbra u ċċelebrata l-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu fl-istennija tal-miġja tiegħu fil-glorja, huwa l-qalb tal-ħajja ekkleżjali. Għalina dan għandu, imbagħad, sinifikat għal kollox speċjali: dan infatti jinsab fiċ-ċentru tal-misteru tagħna .. Dan tal-aħħar bla dubju ma jillimitax ruħu għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, billi jimplika servizz li jmur mit-tħabbira tal-Kelma, għas-santifikazzjoni tal-bnedmin permezz tas-Sagramenti, għall-gwida tal-poplu ta’ Alla fil-komunjoni u fis-servizz. Imma l-Ewkaristija hija l-punt li minnu  kollox jinfirex bħal dija u  li kollox iwassal għalih. Is-saċerdozju tagħna twieled fiċ-ċenaklu flimkien magħha.

« Agħmlu dan b’tifkira tiegħi » (Lq 22, 19): il-kliem ta’ Kristu, dirett ukoll għall-Knisja kollha, huwa afdat bħala dmir speċifiku għal dawk li kellhom ikomplu l-ministeru tal-ewwel Appostli. U għal dawk li Ġesù jagħti l-att li kien għadu kemm twettaq li jibdlu l-ħobż f’Ġismu u l-imbid f’Demmu, l-att li fih huwa jesprimi ruħu bħala Saċerdot u Vittma. Kristu jrid li minn issa ‘l hemm dan l-att tiegħu jsir b’mod sagramentali wkoll att tal-Knisja permezz ta’ jdejn is-saċerdoti. « agħmlu dan » jindika mhux biss l-att, imma wkoll is-suġġett imsejjaħ biex jaġixxi, iwaqqaf jiġifieri s-saċerdozju ministerjali, li hekk isir wieħed fost l-elementi kostituttivi tal-Knisja nfisha.

11. Tali att għandu jitwettaq « b’tifkira tiegħu »: l-indikazzjoni hija mportanti. L-att   ewkaristiku ċċelebrat mis-saċerdoti jirrendi ruħu preżenti f’kull ġenerazzjoni nisranija. F’kull rokna tad-dinja, l-opra mwettqa minn Kristu. Kulfejn tiġi ċcelebrata l-Ewkaristija, hemm, mingħajr ebda tixrid ta’ demm, jirrendi ruħu preżenti s-sagrifiċċju mdemmi tal-Kalvarju, hemm ikun preżenti Kristu nnifsu, Redentur tad-dinja.  « Agħmlu dan b’tifkira tiegħi ». Waqt li nismà dan il-kliem, hawn, bejn il-ħitan taċ-Ċenaklu tiġi spontanja li wieħed jimmaġina s-sentimenti ta’ Kristu. Kienu s-sigħat drammatiċi li ġew qabel il-Passjoni. L-evanġelista Ġwanni ifakkar l-aċċenti passjonali tal-Imgħallem, li jħejji lill-Appostli għat-tluq tiegħu. Kemm dwejjaq f’għajnejhom: « Għaliex għidtilkom dawn il-ħwejjeġ, id-dwejjaq imlew qalbkom » (Gv 16, 6). Imma Ġesù jserrħilhom rashom:: « Ma nħallikomx iltiema, nerġà lura għandkom » (Ġw 14, 18). Jekk il-misteru tal-Għid se jeħodulhom minn quddiem għajnejhom, hu se jkun ferm iktar preżenti minn qatt qabel f’ħajjithom, u se jkun « il-jiem kollha sa tmiem id-dinja » (Mt 28, 20).

Memorjal attwalizzanti

12. Il-preżenza tiegħu se jkollha tant espressjonijiet. Imma bla ebda dubju ta’ xejn l-iktar waħda għolja se tkun propju dik ewkaristika: mhux sempliċement tifkira, imma « memorjal » attwalizzanti; mhux tifkira simbolika tal-imgħoddi, imma preżenza ħajja tal-Mulej f’nofs dawk tiegħu. U se jkun garanti l-Ispirtu Santu, kontinwament imsawwab fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, sabiex il-ħobż u l-imbid isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu:  dan huwa l-istess Spirtu li fil-għaxija tal-Għid, f’dan iċ-Ċenaklu, kien  « minfuħ » fuq l-Appostli (cfr Ġw 20, 22), u li sabhom mill-ġdid hemm, magħqudin ma’ Marija, fil-jum ta’ Pentekoste. Dakinhar laqathom bħal riħ qawwi u nar (cfr At 2, 1-4), u mbuttahom biex imorru fid-direzzjonijiet kollha tad-dinja, biex iħabbru l-Kelma u jiġbru l-poplu ta’ Alla fil- « qsim tal-ħobż » (cfr At 2, 42).

13. Elfejn sena mit-twelid ta’ Kristu, f’din is-Sena Ġubilari, irridu b’mod speċjali niftakru u nimmeditaw il-verità ta’ dak li nistgħu nsejħu it- « twelid ewkaristiku » tiegħu. Iċ-Ċenaklu huwa appuntu l-post ta’ dan it- « twelid ».  Hawn bdiet għad-dinja preżenza ġdida ta’ Kristu, preżenza li tipproduċi lilha nfisha b’mod kontinwu, kulfejn tiġi ċcelebrata l-Ewkaristija u saċerdot jislef lil Kristu leħnu, waqt li jtenni l-kliem qaddis tal-istituzzjoni.

Din il-preżenza ewkaristika ivvjaġġat tul iż-żewġ millenji tal-istorja tal-Knisja u se takkumpanjaha sa tmiem iż-żminijiet. Dan hu għalina ferħ u fl-istess ħin sors ta’ responsabiltà, li nkunu hekk b’mod strett marbutin ma’ dan il-misteru. Irridu llum nintebħu b’qalbna mimlija għaġeb u gratitudni, u b’tali sentimenti nidħlu fit-Tridu paskwali passjoni, mewt u qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.

L-għotja taċ-Ċenaklu

14. Għeżież Ħuti saċerdoti, li f’Ħamis ix-Xirka tinġabru fil-katidrali madwar ir-Rgħajja tagħkom, bħala presbiteri tal-Knisja li ġewwa Ruma jinġabru madwar is-Suċċessur ta’ Pietru, tridu tilqgħu dawn il-ħsibijiet, immeditati fl-atmosfera suġgestiva taċ-Ċenaklu! Ikun diffiċli li ssib post li jistà jfakkar aħjar il-misteru ewkaristiku u fl-istess ħin il-misteru tas-saċerdozju tagħna.

Nibqgħu fidili għall-« għotja » taċ-Ċenaklu, għall-kbir rigal ta’ Ħamis ix-Xirka. Niċċelebraw dejjem b’fervur l-Ewkaristija Mqaddsa. Nieqfu spiss fit-tul f’adorazzjoni quddiem Kristu ewkaristiku. Inqiegħdu lilna nfusna b’xi mod « fl-iskola » tal-Ewkaristija. Tant saċerdoti matul is-sekli sabu fiha l-faraġ imwiegħed minn Ġesù fl-għaxija tal-Aħħar Ċena, is-sigriet biex jirbħu s-solitudni tagħhom, is-sosten biex jissaportu t-tbatijiet tagħhom, l-ikel biex jaqbdu mill-ġdid il-mixja wara kull twerwir, l-enerġija nterna biex iwettqu l-għażla propja ta’ fedeltà. Ix-xhieda li nkunu nafu nagħtu lill-poplu ta’ Alla fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tiddependi ħafna minn dan ir-rapport personali tagħna mal-Ewkaristija.

15. Niskopru mill-ġdid is-saċerdozju tagħna fid-dawl tal-Ewkaristija! Ejjew nagħmlu li jiskopru dan it-teżor il-komunitajiet tagħna fiċ-ċelebrazzjoni ta’ kuljum tal-Quddiesa Mqaddsa u, b’mod partikolari, f’dik iktar sollenni tal-laqgħa ta’ nhar ta’ Ħadd. Qed tikber, grazzi għax-xogħol apostoliku tagħkom, l-imħabba lejn Kristu preżenti fl-Ewkaristija. Dan huwa mpenn li jassumi rilevanza speċjali f’din is-Sena Ġubilari. Il-ħsieb imur għall-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali, li se jinżamm f’Ruma bejn it-18 u l-25 ta’ Ġunju li ġej, u se jkollu bħala tema  Ġesù Kristu  uniku Salvatur tad-dinja, ħobż għall-ħajja l-ġdida. Dan jirrapreżenta ġrajja ċentrali tal-Ġublew il-Kbir, li għandu jkun « sena intensament ewkaristika » (Tertio millennio adveniente, 55). L-imsemmi Kungress appuntu se jixhed ir-rapport intimu bejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb u l-Ewkaristija, sagrament tal-preżenza reali ta’ Kristu.

Miċ-Ċenaklu nibgħatilkom it-tgħanniqa ewkaristika. Ix-xbiha ta’ Kristu mdawwar minn dawk tiegħu fl-Aħħar Ċena tagħti lil kull wieħed minnkom tregħida ta’ fraternità u ta’ komunjoni. Pitturi kbar għamlu l-almu kollu tagħhom biex jiddeskrivu l-wiċc ta’ Kristu fost id-dixxipli tiegħu fix-xena tal-Aħħar Ċena: kif qatt jistà wieħed jinsa l-kapulavur ta’ Leonardo? Imma l-qaddisin biss, bl-intensità ta’ mħabbithom, jistgħu jippenetraw fil-profondità ta’ dan il-misteru, billi kważi jqiegħdu bħal Ġwanni rashom fuq sider il-Mulej (cfr Ġw 13, 25). Infatti hawn ninsabu fil-quċċata tal-imħabba: « wara li ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar ».

16. Nieħu gost nagħlaq din ir-riflessjoni, li b’imħabba se ngħaddi lil qalbkom, bil-kliem ta’ talba antika:

« Niżżuk ħajr, Missierna,,
għall-ħajja u l-għarfien
li rrivelajtilna permezz ta’ Ġesù qaddej tiegħek.
Lilek il-glorja tul is-sekli.

Bħal dan il-ħobż maqsum
kien imferrex ‘l hawn u ‘l hinn fuq l-għoljiet
u miġbur sar ħaġa waħda,
hekk tinġabar il-Knisja tiegħek f’saltnatek
mit-truf tal-art [...]
Int, Mulej omnipotenti,
ħloqt l-univers, għall-glorja ta’ ismek;
tajt lill-bnedmin l-ikel
u x-xarba għall-faraġ tagħhom,
sabiex jagħtuk ħajr;
‘ma lilna rregalajtilna ikel
u xarba spiritwali
u l-ħajja eterna permezz ta’ Ibnek [...]
Glorja lilek tul is-sekli! »
(Didachè 9, 3-4; 10, 3-4).

Miċ-Ċenaklu, għeżież Ħuti fis-saċerdozju, ngħannaqkom ilkoll spiritwalment u b’qalb kbira mberikkom.

Minn Ġerusalem, 23 ta’ Marzu 2000.

IOANNES PAULUS PP. II

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb