ITTRA TA’ ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1999
 

 

« Abbà, Missier! »

Għeżież Huti fis-Sacerdozju, l-appuntament tiegħi magħkom għal Ħamis ix-Xirka, f’din is-sena li tippreċedi u tħejji b’mod immedjat il-Ġublew il-Kbir tal-Elfejn, jiġi fis-sinjal ta’ din l-invokazzjoni li fiha tidwi, skont il-ħaqq tal-esiġeti, l- ipsissima vox Iesu. Din hija nvokazzjoni li fiha hemm miġburr il-misteru bla qiegħ tal-Verb inkarnat, mibgħut mill-Missier fid-dinja għall-fidwa tal-umanità.

Il-missjoni tal-Iben ta’ Alla tilħaq it-twettiq tagħha meta Huwa, bl-offerta tiegħu nnifsu, jwettaq l-addozzjoni tagħna filjali u, bid-don tal-Ispirtu Santu jirrendi possibbli għal kull esseri uman il-parteċipazzjoni fl-istess komunjoni trinitarja. Fil-misteru paskwali Alla l-Missier, permezz tal-Iben fl-ìspirtu Paraklitu, tbaxxa għal kull bniedem, waqt li offrielu l-possibiltà tal-fidwa mid-dnub u tal-liberazzjoni mill-mewt.

1. Waqt iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, nikkonkludu l-kolletta bil-kliem: « F’ Sidna Ġesù Kristu, Ibnek, li hu Alla u jgħix u jsaltan miegħek, fl-unità tal-Ispirtu Santu, għal dejjem ta’ dejjem ». Igħix u jsaltan miegħek, Missier! Nistgħu ngħidu li din il-konklużjoni għandha karattru axxendenti: permezz ta’ Kristu, fl-Ispirtu Santu, lejn il-Missier. Tali hija wkoll l-iskema tejoloġika sottintiża mill-impostazzjoni tat-triennju 1997-1999: l-ewwel is-sena tal-Iben, imbagħad is-sena tal-Ispirtu Santu u issa s-sena tal-Missier.

Dan il-moviment axxendenti jinbet, biex ngħidu hekk, f’dak dixxendenti, deskritt mill-Appostlu Pawlu fl-Ittra lill-Galatin. Din hija silta li immeditajna b’mod intens partikolari fil-liturġija tal-perijodu tal-Milied: « Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, sabiex nirċievu l-addozzjoni ta’ wlied » (Gal 4,  4-5).

Hawn insibu espress il-moviment dixxendenti: Alla Missier jibgħat lil Ibnu biex jirrendina, Fih, uliedu addottivi. Fil-misteru Paskwali Ġesù jwettaq il-pjan tal-Missier billi jagħti ħajtu għalina, Il-Missier allura jibgħat l-Ispirtu tal-Iben biex idawwalna dwar il-privileġġ straordinarju: « U li intom ulied huwa l-fatt li Alla bagħat f’qalbna l-Ispirtu ta’ Ibnu li jgħajjat: Abbà, Missier! Mela m’intix iktar ilsir, imma iben, u ladarba iben, int ukoll werriet bir-rieda ta’ Alla » (Gal 4,  6-7).

Kif jistà wieħed ma jinnotax is-singolarità ta’ dak li jikteb l-Appostlu? Huwa jiddikjara li huwa propju l-Ispirtu li jgħajjat: Abbà, Missier! Fil-fatt, ix-xhud storiku tal-paternità ta’ Alla kien l-Iben ta’ Alla fil-misteru tal-Inkarnazzjoni u tar-redenzjoni: kien Hu li għallimna li nduru lejn Alla u nsejħulu « Missier ». Huwa stess kien isejjaħlu « Missieri », u lilna għallimna biex nitolbuh bl-isem l-iżjed ħelu ta’ « Missierna ». San Pawl bdanakollu jgħidilna li t-tagħlim tal-ìben għandu f’ċertu sens ikun mogħti l-ħajja fir-ruħ ta’ min ikun jismà mit-taħrig intern tal-Ispirtu Santu. Infatti, bl-opra tiegħu biss aħna kapaċi li naduraw lil Alla fis-sewwa billi nsejħulu « Abbà, Missier ».

2. Qed niktbilkom dan il-kliem, għeżiez Ħuti fis-Saċerdozju, fil-prospettiva ta’ Ħamis ix-Xirka, waqt li naħseb fikom miġburin madwar l-Isqfijiet tagħkom għall-Quddiesa kriżmali. Nieħu tassew gost li, fil-għaqda mal-presbiteri tagħkom, tħossukom magħqudin mal-Knisja kollha, li qiegħda tgħix is-sena tal-Missier, sena li tħabbar tmiem is-seklu għoxrin u, fl-istess ħin, tat-tieni millenju nisrani.

Kif nistgħu ma niżżux ħajr lil Alla, f’din il-prospettiva, għall-ħsieb tan-numri ta’ saċerdoti li, f’dan l-ark wiesà ta’ żmien, għaddew l-eżistenza tagħhom fis-servizz tal-Vanġelu, billi kultant waslu għas-sagrifiċċju suprem tal-ħajja? Waqt li, fl-ispirtu tal-Ġublew li jmiss, nistqarru l-limiti u n-nuqqasijiet tal-ġenerazzjonijiet insara l-imgħoddija, u allura wkoll tas-saċerdoti preżenti fihom, nagħrfu bil-ferħ li, fis-servizz inestimabbli mogħti lill-Knisja fil-mixja tal-umanità, parti rilevanti mhux ftit hija dovuta għax-xogħol umli u fidil ta’ tant ministri ta’ Kristu li, tul il-korsa tal-millenju, ħadmu bħala arkitetti taċ-ċiviltà tal-imħabba.

Id-dimensjonijiet kbar taż-żmien! Jekk inhu dejjem tbegħid mill-bidu, wara kollox huwa fl-istess ħin ritorn lejn il-bidu. U dan huwa ta’ importanza fundamentali: infatti li kieku iż-żmien kien biss tbegħid mill-bidu u ma kienx ċar l-orjentament tiegħu finali – appuntu l-irkupru tal-bidu – l-eżistenza kollha tagħna fiż-żmien tkun nieqsa minn direzzjoni definittiva. Kienet tirriżulta bla sens.

Kristu, « l-Alfa u l-Omega [. . .] Dak li hu, li kien u li ġej » (Ap 1, 8), ta direzzjoni u sens lill-passaġġ uman fiż-żmien. Huwa qal dwaru stess: « Ħriġt mill-Missier u ġejt fid-dinja; issa se nħalli d-dinja, u se nmur għand il-Missier » (Ġw 16, 28). U hekk il-mogħdija tagħna hija mferrxa ma kullimkien mill-ġrajja ta’ Kristu. U huwa biH li ngħaddu, billi nmorru fl-istess direzzjoni li ħa Hu: lejn il-Missier.

Dan isir iktar evidenti matul it-Triduum Sacrum, il-jiem qaddisa per eċcellenza li matulhom nieħdu sehem, fil-misteru, fir-ritorn ta’ Kristu għand il-Missier permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu. Il-fidi tassikurana, infatti, li dan il-passaġġ ta’ Kristu lejn il-Missier, jiġifieri l-Għid tiegħu, mhuwiex ġrajja li tirrigwarda lilu biss. Ukoll aħna msejħa biex nieħdu sehem. Il-Għid tiegħu huwa l-Għid tagħna.

Hekk mela, flimkien ma’ Kristu, nimxu lejn il-Missier. Dan nagħmluh permezz tal-misteru paskwali, billi nerġgħu ngħixu dawk is-sigħat kruċjali li matulhom agunija fuq is-salib, Huwa għajjat: « Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? » (Mk 15, 34), U mbagħad żied: « Kollox mitmum! » (Ġw 19, 30), « Missier, f’idejk nerħi ruħi » (Lq 23, 46). Dawn l-espressjonijiet evanġeliċi huma familjari ma’ kull nisrani u, b’mod partikolari, ma’ kull saċerdot. Huma jirrendu xhieda għall-għixien tagħna u għall-mewt tagħna. Fi tmiem kull jum nirrepetu fil-Liturġija tas-Sigħat: « In manus tuas, Domine, commendo spiritum meum », biex inħejju ruħna għall-misteru kbir tal-passaġġ, tal-għid eżistenzjali, meta Kristu, bis-saħħa tal-mewt tiegħu u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu, jiġborna miegħu biex jgħaddina lill-Missier ċelesti.

3. « Imbierkek, o Missier, |Sid is-sema u l-art, talli żammejt moħbija dawn il-ħwejjeg mill-għorrief u l-għaqlin u rrivelajthom liċ-ċkejknin. Iva, o Missier, għaliex hekk għoġob lilek. Kollox ingħatali minn Missieri. Ħadd ma jaf l-Iben daqs il-Missier, u ħadd ma jaf lill-Missier daqs l-Iben u dak li l-Iben irid jirrivelahulu » (Mt 11, 25-27). Iva, l-Iben biss jaf lill-Missier. Hu, li « jinsab fi ħdan il-Missier » - bħal ma jikteb Ġwanni fil-Vanġelu tiegħu (1, 18) – qarreb lejna lil dan il-Missier, kellimna dwaru, irrivelalna wiċċu, qalbu. Waqt l-Aħħar Ċena, għat-talba tal-Appostlu Filippu: « Urina l-Missier » (Ġw 14, 8), Kristu jwieġeb: « Ili tant żmien magħkom u int għadek m’għaraftnix, Filippu? [. . .] Ma temminx li jien ninsab fil-Missier u l-Missier jinsab fija? » (Ġw 14, 9-10). B’dan il-kliem Ġesù jirrendi xhieda lill-misteru trinitarju tal-ġenerazzjoni eterna tiegħu bħala Iben il-Missier, lill-misteru li jikkostitwixxi is-sigriet l-iktar profond tal-personalità divina tiegħu.

Il-Vanġelu huwa rivelazzjoni kontinwa tal-Missier. Meta, fl-età ta’ tnax-il sena, Ġesù jiġi misjub minn Ġużeppi u Marija fit-Tempju, għall-kliem ta’ Ommu: «Ibni, għaliex għamiltilna hekk? » (Lq 2, 48), iwieġeb billi jirreferi għall-Missier: « Ma kontux tafu li jien irrid nieħu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Missieri? » (Lq 2, 49). Ta’ tnax-il sena biss, ħuwa diġa għandu l-għarfien ċar tas-sinifikat ta’ ħajtu, tas-sens tal-missjoni tiegħu, kollha ddedikata mill-ewwel sal-aħħar siegħa « għall-ħwejjeġ tal-Missier ». Din tilħaq il-quċċata tagħha fuq il-Kalvarju, bis-sagrifiċċju tas-Salib, aċċettat minn Kristu bi spirtu ta’ ubbidjenza u ta’ dedikazzjoni filjali: « Missieri, jekk inhu possibbli, jgħaddi minn għalija dan il-kalċi! Biss mhux kif irrid jien, imma kif trid int! [. . .] Tkun magħmula r-rieda tiegħek » (Mt 26, 39.42). U il-Missier, min-naħa tiegħu, jilqà s-sagrifiċċju tal-Iben, għaliex tant ħabb lid-dinja li wasal biex jagħti lil Ibnu Uniġenitu, sabiex il-bniedem ma jmutx, imma jkollu l-ħajja eterna (cfr Ġw 3, 16). Iva, l-Iben biss jagħraf lill-Missier u għalhekk Huwa hu biss li jistà jirrivelah.

4. « Per ipsum, et cum ipso, et in ipso . . . ». « Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, Lilek, Alla Missier li Tistà Kollox, fl-unità mal-Ispirtu Santu kull ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem ».

Spiritwalment magħqudin u viżibilment miġburin fil-knejjes katidrali f’dan il-jum singolari, niżżu ħajr lil Alla għad-don tas-saċerdozju. Niżżu ħajr għad-don tal-Ewkaristija, li bħala presbiteri niċċelebraw. Id-dossoloġija li biha jikkonkludi il-Kanoni tlibbes mill-ġdid importanza fundamentali f’kull ċelebrazzjoni ewkaristika. Din tesprimi f’ċertu sens l-inkurunament tal-Mysterium fidei, tan-nukleju ċentrali tas-sagrifiċċju ewkaristiku, li jattwa ruħu fil-waqt li fih, bil-qawwa tal-Ispirtu Santu, noperaw il-konverżjoni tal-ħobż u tal-imbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, eżatt bħal ma għamel Hu stess għall-ewwel darba fiċ-Ċenaklu. Meta t-talba kbira ewkaristika tilħaq il-quċċata tagħha, il-Knisja propju dak il-ħin, fil-persuna tal-ministru ordnat, tindirizza lill-Missier dan il-kliem: « Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, lilek, Alla Missier li tistà kollox, fl-għaqda mal-Ispirtu Santu kull ġieħ u glorja ». Sacrificium laudis!

5. Wara li l-miġemgħa b’akklamazzjoni sollenni twieġeb « Amen », iċ-ċelebrant jintona il-« Missierna », it-talba tal-Mulej. Dak li jseħħ f’dawn il-waqtiet huwa tassew sinifikattiv. Il-Vanġelu jirrakkonta dwar l-Appostli li, milqutin mill-ġabra tal-Imgħallem fid-djalogu tiegħu mal-Missier, talbuh: « Mulej, għallimna nitolbu » (Lq 11, 1). Huwa, allura, għall-ewwel darba lissen il-kliem li wara kellhom isiru t-talba ewlenija u l-iktar frikwenti tal-Knisja u tal-insara kollha: il- « Missierna ». Meta fil-korsa taċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika nagħmlu tagħna, bħala miġemgħa liturġika, tali kliem, dawn jakkwistaw elokwenza partikolari. U bħal donnu f’dak il-waqt aħna nistqarru li Kristu għallimna b’mod definittiv u sħiħ it-talba tiegħu lill-Missier meta ippreżentaha bis-sagrifiċċju tas-Salib.

Huwa fl-isfera tas-sagrifiċċju ewkaristiku li l-« Missierna », rreċitata mill-Knisja, tesprimi s-sinifikat kollu tagħha. Kull invokazzjoni, li hemm fiha, takkwista dawl speċjali ta’ verità. Fuq is-Salib isem il-Missier huwa « ssantifikat » fl-ogħla grad u s-Saltna tiegħu hija mwettqa b’mod irrevokabbli; fil- « consumatum est » ir-rieda tiegħu tikseb twettiq definittiv. U mhuwiex forsi minnu li d-domanda « Aħfrilna dnubietna, bħal ma aħna naħfru . . . », issib il-konferma sħiħa tagħha fil-kliem tal-Imsallab: « Missier, aħfrilhom, għaliex ma jafux x’inhuma jagħmlu » (Lq 23, 34)? It-talba, imbagħad, tal-ħobżna ta’ kuljum issir iktar minn qatt qabel elokwenti fil-Komunjoni ewkaristika meta, taħt l-ispeċi tal-« ħobż maqsum », nirċievu l-Ġisem ta’ Kristu. U s-supplika « La ddaħħalniex fit-tiġrib iżda eħlisna minn kull deni », ma tilħaqx forsi l-ogħla effett fil-waqt li fih il-Knisja toffri lill-Missier il-prezz suprem tar-redenzjoni u tal-liberazzjoni mill-ħażen?

6. Fl-Ewkaristija s-saċerdot jingħaqad b’mod personali mal-misteru ineżawribbli ta’ Kristu u tat-talba tiegħu lill-Missier. Huwa jistà kuljum jogħdos f’dan il-misteru ta’ redenzjoni u ta’ grazzja waqt li jiċcelebra l-Quddiesa mqaddsa, li tikkonserva s-sens u l-valur ukoll meta, għal mottiv ġust, tiġi offruta mingħajr is-sehem tal-poplu, imma dejjem bdanakollu, għall-poplu u għad-dinja kollha kemm hi. Propju minħabba din ir-rabta indissolubli tiegħu mas-saċerdozju ta’ Kristu, il-presbiteru huwa l-għalliem tat-talba u l-fidili jistgħu b’mod leġittimu jindirizzaw lilu l-istess talba magħmula jum fost l-oħrajn mid-dixxipli lil Ġesù: «Għallimna nitolbu».

Il-liturġija ewkaristika hija skola ta’ talb nisrani per eċċellenza għall-komunità. Mill-Quddiesa jitilqu, kważi bħal raġġiera, toroq multepliċi ta’ pedagoġija b’saħħitha tal-ispirtu. Fost dawn it-toroq tispikka l-adorazzjoni tas-Santissmu Sagrament li hija estensjoni naturali taċ-ċelebrazzjoni. Il-fidili, grazzi għaliha, jistgħu jagħmlu esperjenza partikolari li dak li jkun « jibqà » fl-imħabba ta’ Kristu (cfr Ġw 15, 9), billi jidħol dejjem iktar b’mod profond fir-relazzjoni filjali tiegħu mal-Missier.

U hija propju f’din il-prospettiva li nħeggeġ lil kull saċerdot biex iwettaq b’fiduċja u kuraġġ dmiru ta’ gwida tal-komunità għat-talb nisrani awtentiku. Dan huwa dmir li mhux leċitu li wieħed jabdika minnu, ukoll jekk id-diffikultajiet li jiġu mill-mentalità sekularizzata jistgħu kultant jirrenduh fatikuż mhux ħażin.

L-impuls missjunarju qawwi li l-Providenza, b’mod speċjali permezz tal-Konċilju Vatikan II, ta lill-Knisja fi żminijietna, jitlob b’mod partikolari lill-ministri ordnati, billi jsejħilhom qabel xejn għall-konverżjoni: jikkonvertu huma biex jikkonvertu, jew, migħud fi kliem ieħor, jgħixu b’mod qawwi l-esperjenza ta’ wlied Alla, sabiex kull imgħammed jerġà jiskopri d-dinjità u l-ferħ ta’ appartenenza lill-Missier ċelesti.

7. Fil-jum ta’ Ħamis ix-Xirka, inġeddu mill-ġdid, għeżież Ħuti, il-wegħdiet saċerdotali. B’dan nixtiequ li Kristu, f’ċertu sens, iħaddanna mill-ġdid bis-saċerdozju qaddis tiegħu, bis-sagrifiċċju tiegħu, bl-agunija tiegħu fil-Ġetsemani u l-mewt fuq il-Golgota, u bil-qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet. Waqt li nsegwu, biex ngħidu hekk, il-passi ta’ Kristu f’dawn il-ġrajjiet kollha ta’ fidwa, aħna niskopru l-ftuħ tiegħu l-iktar profond lill-Missier. U huwa għal dan li, f’kull Ewkaristija, tiġġedded b’xi mod it-talba tal-appopstlu Filippu fiċ-Ċenaklu: «Mulej, urina l-Missier », u kull darba Kristu, fil-Mysterium fidei, donnu jwieġeb hekk:: «Ilni tant żmien magħkom u int għadek m’għaraftnix? [. . .] Ma temminx li jien fil-Missier u l-Missier huwa fija? » (Ġw 14, 9-10).

F’dan il-Ħamis qaddis, għeżież saċerdoti tad-dinja kollha, membri tad-dlik kriżmali rċevut fil-jum tal-Ordinazzjoni, nipproklamaw magħqudin b’sentiment ta’ rikonoxxenza mġedda:

Per ipsum, et cum ipso, et in ipso,
est tibi Deo Patri omnipotenti,
in unitate Spiritus Sancti, 
omnis honor et gloria
per omnia saecula saeculorum. Amen!

Mill-Vatikan, l-14 ta’ Marzu, ir-rabà Ħadd tar-Randan, tas-sena 1999, il-wieħed u għoxrin sena tal-Pontifikat.

   IOANNES PAULUS PP. II

  

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb