ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

ĠWANNI PAWLI II

LIS-SAĊERDOTI

GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1994

 

Għeżież Ħuti fis-saċerdozju!

1. Ejjew niltaqgħu llum madwar l-Ewkaristija, li fiha, bħal ma jfakkar il-Konċilju Vatikan II, «hemm miġbur il-ġid spiritwali kollu tal-Knisja» (Presbyterorum Ordinis, 5). Meta fil-liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka nagħmlu t-tifkira tat-twaqqif tal-Ewkaristija, huwa ċar sewwa għalina dak li Kristu ħallielna f’Sagrament hekk sublimi. «Wara li ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar» (Ġw 13, 1).Din l-espressjoni ta’ San Ġwann tìgbor, f’ċertu sens, il-verità kollha dwar l-Ewkaristija: verità li tikkostitwixxi b’mod kontemporanju il-qalb tal-verità dwar il-Knisja. Hija, infatti bħallikieku l-Knisja titwieled ta’ kuljum mill-Ewkaristija, iċċelebrata f’bosta postijiet tal-art f’kondizzjonijiet tant differenti u fost kulturi hekk differenti li jagħmlu iva li t-tiġdid tal-misteru ewkaristiku jsir kważi «ħolqien» ta’ kuljum. Grazzi għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, timmatura dejjem iktar il-koxjenza evanġelika tal-poplu ta’ Alla, sew fin-nazzjonijiet ta’ tradizzjoni nisranija sekolari, kif ukoll fil-popli li m’ilhomx li daħlu fid-dimensjoni l-ġdida li dejjem u kullimkien tiġi msawba fil-kultura tal-bnedmin mill-misteru tal-inkarnazzjoni tal-Verb u mir-redenzjoni permezz ta’ mewtu fuq is-salib u l-qawmien mill-imwiet tiegħu.

It-«Triduo Sacro» jintroduċina f’dan il-misteru b’mod uniku għas-sena liturġika kollha. Il-liturġija tat-twaqqif tal-Ewkaristija tikkostitwixxi antiċipazzjoni singolari tal-Għid, li tiżvilyppa ruħha tul il-Ġimgħa l-Kbira u l-Velja paskwali sal-Ħadd u sal-Ottava tal-Qawmien mill-Imwiet. Fuq l-għatba taċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-misteru kbir tal-fidi, għeżież ħuti fis-Saċerdozju, intom tiltaqgħu, illum, madwar l-Isqfijiet rispettivi tagħkom, fil-katidrali tal-Knejjes dijoċeżani, biex tgħixu mill-ġdid it-twaqqif tas-Sagrament tas-Saċerdozju flimkien ma’ dak tal-Ewkaristija. L-Isqof ta’ Ruma jiċċelebra tali liturġija imdawwar mill-Presbiterju tal-Knisja tiegħu, bħal ma jagħmlu Ħuti fl-episkopat flimkien mal-presbiteri tal-Komunitajiet dijoċeżani tagħhom.

Dan huwa l-mottiv tal-appuntament tallum. Nixtieq li f’din iċ-ċirkustanza taslilkom kelma speċjali, sabiex ilkoll flimkien inkunu nistgħu ngħixu b’mod kumplut id-don kbir li Kristu sawwab fuqna. Għalina presbiteri, infatti, is-Saċerdozju jikkostitwixxi d-don suprem, sejħa partikolari biex nieħdu sehem fil-misteru ta’ Kristu, li jagħtina l-possibiltà sublimi li nitkellmu u naġixxu f’ismu. Kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija, din il-possibiltà ssir realtà. Noperaw  «in persona Christi» meta, fil-waqt tal-konsagrazzjoni, nippronunzjaw il-kliem: «Dan huwa ġismi offrut f’sagrifiċċju għalikom ( . . .). Dan huwa l-kalċi ta’ demmi għall-Patt il-ġdid u etern, imxerred għalikom u għal kulħadd għall-maħfra tad-dnubiet. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi». Ejjew nagħmlu propju dan: b’umiltà kbira u gratitudni profonda. Dan l-att suprem u fl-istess ħin sempliċi tal-missjoni tagħna ta’ kuljum ta’ saċerdoti jwessà, nistgħu ngħidu, l-umanità tagħna sal-iktar truf estremi.

Ejjem nieħdu sehem fil-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb, «iġġenerat qabel kull krejatura» (Kol 1, 15), li fl-Ewkaristija jrodd lura lill-Missier il-Holqien kollu, id-dinja tal-imgħoddi u dik tal-ġejjieni, u qabel kollox id-dinja kontemporanja, li fiha huwa jgħix flimkien magħna, huwa preżenti permezz tagħna u propju permezz tagħna joffri lill-Missier is-sagrifiċċju feddej. Ejjew nieħdu sehem fil-misteru ta’ Kristu, «il-primoġenitu ta’ dawk li jqumu mill-imwiet» (Kol 1, 18), li fil-Għid tiegħu jibdel bla waqfien id-dinja waqt li jġegħelha tipprogredixxi lejn «ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla» (Rm 8, 19). Hekk, mela, ir-realtà sħiħa, f’kull qasam tagħha, issir preżenti fil-misteru ewkaristiku tagħna, li jinfetaħ b’mod kontemporanju għal kull esiġenza personali konkreta, għal kull tbatija, stennija, ferħ jew dwejjaq, skont l-intenzjonijiet li l-fidili jippreżentaw għall-Quddiesa Mqaddsa. Aħna nirċievu tali ntenzjonijiet fi spirtu ta’ karità, waqt li nintroduċu b’dan il-mod kull problema umana fid-dimensjoni tal-fidwa universali.

Għeżież Ħuti fis-Saċerdozju! Dan il-misteru jifforma ħajja ġdida fina u madwarna. L-Ewkaristija tevanġelizza l-ambjenti umani u tqawwina fit-tama li l-kliem ta’ Kristu ma jgħaddix (cfr. Lq 21, 33). Ma jgħaddix, kliemu, huwa radikat bħal ma hu fis-sagrifiċċju tas-Salib: tal-perpetwità ta’ din il-verità u tal-imħabba divina aħna xhieda partikolari u ministri privileġġjati. Nistgħu allura nifirħu flimkien jekk il-bnedmin iħossu l-bżonn tal-Katekiżmu l-ġdid, jekk jieħdu f’idejhom l-Enċiklika Veritatis splendor. Dan kollu jwettaqna fil-konvinzjoni li l-ministeru tagħna jsir produttiv bis-saħħa tal-Ewkaristija. Waqt l-Aħħar Ċena, wara kollox, Kristu qal lill-Appostli: «Ma nsejħilkomx iktar qaddejja ( . . .); imma sejjaħtilkom ħbieb ( . . .). Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru u ġgorru l-frott u l-frott tagħkom jibqà » (Ġw 15, 15-16).

Liema għana mmens ta’ kontenuti l-Knisja toffrilna matul it-Triduo Sacro, u b’mod speċjali nhar Ħamis ix-Xirka, fil-liturġija kriżmali! Dan kliemi huwa biss rifless tas-sentimenti li kull wieħed minnkom bla dubju jġorr f’qalbu. U forsi din l-Ittra ta’ Ħamis ix-Xirka sservi biex tagħmel iva li l-manifestazzjonijiet multepliċi tad-don ta’ Kristu, mxerrda fil-qalb ta’ bosta, jiltaqgħu quddiem il-majjesta tal-kbir «misteru tal-fidi» f’kondivizjoni sinifikattiva ta’ dak li s-Saċerdozju huwa, u għal dejjem jibqà, fil-Knisja. Jalla allura l-għaqda tagħna madwar l-altar tinkludi ‘l dawk li jġorru fihom is-sinjal li ma jitħassarx ta’ dan is-Sagrament, fit-tifkira wkoll ta’ dawk ħutna li b’xi mod tbiegħdu mill-ministeru sagru. Nittama li tali tifkira twassal lil kull wieħed minna biex inkomplu ngħixu b’mod iktar profond is-sublimità tad-don stabbilit mis-Saċerdozju ta’ Kristu.

2. Illum nixtieq nagħtikom b’mod idejali, għeżież Ħuti, l-Ittra li ndirizzajt lill-familji fis-Sena ddedikatha lilhom. Inħossha ċirkostanza providenzjali li l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda ipprokklamat l-1994 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Familja. Il-Knisja, waqt li tiffissa ħarsitha fuq il-misteru tal-Familja Mqaddsa ta’ Nażżaret, tipparteċipa f’tali inizjattiva, billi ssibilna okkażjoni speċjali biex inxandru l-«vanġelu tal-familja». Kristu dan ipproklamah bil-ħajja moħbija tiegħu ta’ Nażżaret fi ħdan il-Familja Mqaddsa. Dan il-Vanġelu imbagħad ġie mxandar mill-Knisja apostolika, bħal ma joħroġ tajjeb mit-Testment il-Ġdid u, iktar tard, kien mixhud mill-Knisja postapostolika, li mingħandha writna d-drawwa li nqisu l-familja bħala ecclesia domestica.

Fis-seklu tagħna il-«vanġelu tal-familja» huwa ppreżentat mill-Knisja bil-leħen ta’ tant saċerdoti, kappillani, konfessuri, Isqfijiet; b’mod partikolari, b’leħen is-Suċcessur ta’ Pietru. Kważi l-predeċessuri kollha tiegħi iddedikaw lill-familja parti sinifikattiva tal-«maġisteru petrin» tagħhom. Il-Konċilju Vatian II, barra minn dan, esprima mħabbtu lill-istitut familjari permezz tal-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, li fiha saħaq mill-ġdid il-bżonn li nsostnu d-dinjità taż-żwieġ u tal-familja fid-dinja kontemporanja.

Is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1980 għandu fl-oriġni tiegħu l-Eżortazzjoni Apostolika Familiaris consortio, li wieħed jista jqisha bħala l-Magna Carta tal-pastorali tal-familja. Id-diffikultajiet tad-dinja kontemporanja, u b’mod speċjali tal-familja, iffaċċjati b’kuraġġ minn Pawlu VI fl-Enċiklika Humanae vitae, kienu jesiġu ħarsa globali dwar il-familja umana u dwar l-ecclesia domestica fis-soċjetà attwali. L-Eżortazzjoni Apostolika huwa propju dan li pproponiet. Kien meħtieġ li jiġu elaborati metodi ġodda t’azzjoni pastorali skont l-esiġenzi tal-familja kontemporanja. Fi ftit kliem, wieħed jistà jgħid li l-konsiderazzjoni tal-familja u b’mod partikolari tal-miżżewġin, tat-tfal, taż-żgħażagħ u tal-adulti, titlob minna, saċerdoti u konfessuri, qabel kollox is-sejba u l-promozzjoni kostanti tal-apostolat tal-lajċi f’tali qasam. Il-pastorali familjari – dan nafu minn esperjenza personali tiegħi – tikkostitwixxi f’ċertu sens il-kwintessenza tal-attività tas-saċerdoti f’kull livell. Dwar dan kollu titkellem il- Familiaris consortio. L-Ittra lill-Familji ma tagħmel xejn iktar milli taqbad mill-ġdid u tattwalizza tali patrimonju tal-Knisja postkonċiljari.

Nixtieq li din l-Ittra tirriżulta utli għall-familji fil-Knisja u barra mill-Knisja’ li sservi għalikom, saċerdoti, fil-ministeru pastorali tagħkom iddedikat lill-familji. Din hija ftit jew wisq bħall-Ittra liż-Żgħażagħ tal-1985, li tat bidu għal animazzjoni apostolika u pastorali kbira taż-żgħażagħ f’kull parti tad-dinja. Ta’ dan il-moviment huma xhieda l-Jiem Mondjali taż-Żgħożija, iċċelebrati fil-parroċċi, fid-Dijoċeżijiet u fil-livell tal-Knisja kollha – bħal dik li saret riċentement ġo Denver, fl-Istati Uniti.

Din l-Ittra lill-Familji hija ferm usa, iktar kumplessa u universali hija, infatti, il-problematika tal-familja. Waqt li ħejjejt it-test, kont mill-ġdid konvint għal darb’oħra li l-Maġisteru tal-Konċilju Vatikan II u, b’mod partikolari, il-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, huwa sors tassew għani ta’ ħsieb u ta’ ħajja nisranija. Nittama li din l-Ittra, ispirata mit-tagħlim konċiljari, tkun tistà ssawwar għalikom għajnuna mhux inqas milli għall-familji kollha ta’ rieda tajba, li lilhom hija ndirizzata.

Għal avviċinament korrett għal dan it-test ikun sewwa li nerġgħu lura għal dak il-passaġġ tal-Atti tal-Appostli, regolari  «fis-smigħ tat-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda fraterna, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb» (At 2, 42). L-Ittra lill-Familji mhix tant trattat dottrinali daqskemm, pjuttost, tħejjija u eżortazzjoni għat-talb mal-familji u għall-familji.

Dan huwa l-ewwel dmir li permezz tiegħu intom, għeżież Ħuti, tistgħu tibdew jew tiżviluppaw il-pastorali u l-apostolat tal-familji fil-komunitajiet parrokkjali tagħkom. Jekk issibu quddiemkom l-interrogattiv: kif inwettqu d-dmirijiet tas-Sena tal-Familja?, l-eżortazzjoni għat-talb, inkluża fl-Ittra, tindikalkom f’ċertu sens id-direzzjoni l-iktar sempliċi li tridu taqbdu. Ġesù qal lill-Appostli: «Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn» (Ġw 15, 5). Huwa, mela, ċar li rridu «nagħmlu bih»; jiġifieri għarkupptejna u bit-talb. «Għaliex fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, hemm jiena f’nofshom» (Mt 18,  20). Dan il-kliem ta’ Kristu jiġi tradott f’inizjattivi konkreti f’kull Komunità. Minnu nistgħu niġbru programm pastorali sabiħ, programm għani, minkejja li b’faqar kbir ta’ mezzi.

Kemm familji fid-dinja jitolbu! Jitolbu t-tfal, li lilhom, fl-ewwel post, tappartieni s-Saltna tas-smewwiet (cfr. Mt 18, 2-5); grazzi lilhom jitolbu mhux biss l-ommijiet, imma wkoll il-missirijiet, billi kultant jerġgħu jsibu l-prattika reliġjuża li minnha jkunu tbiegħedu. Ma jisperementawhx dan forsi fl-okkażjoni tal-Ewwel Tqarbina? U ma jintebaħx dak li jkun forsi kif titlà t-«temperatura spiritwali» taż-żgħażagħ, u mhux taż-żgħażagħ biss, fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġi fis-santwarji? Ir-rotot antikissmi tal-pellegrinaġġi fil-Lvant u fil-Punent, nibew minn dawk għal Ġerusalem, għal Ruma, għal San Ġakbu ta’ Kampostella, sa għal dawk lejn is-santwarji marjani ta’ Lourdes, Fatima, Jasna Gora u bosta oħrajn, saru mal-mixja tas-sekli okkażjoni ta’ skoperta tal-Knisja minn naħa ta’ folol ta’ dawk li jemmnu u bla ebda dubju ta’ familji numerużi. Is-Sena tal-familja għandha twettaq, twessà u tagħni din l-esperjenza. Jgħassu fuq dan ir-rgħajja kollha u l-korpi kollha responsabbli tal-pastorali familjari, bi qbil mal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja, li ġie afdat b’dan il-qasam fid-dimensjoni tal-Knisja universali. Bħal ma hu magħruf, il-President ta’ dan il-Kunsill inawgura, ġewwa Nażżaret, is-Sena tal-Familja fis-Sollennità tal-Familja Mqaddsa fis-26 ta’ Diċembru 1993.

3. «Kienu regolari fis-smigħ tat-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda fraterna, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb» (At 2, 42). Skont il-Kosdtituzzjoni Lumen gentium il-Knisja hija d-«dar ta’ Alla (cfr. 1 Tm 3, 15), li fiha tgħammar il-familja tiegħu, l-għamara ta’ Alla fl-Ispirtu (cfr. Ef 2, 19-22), "l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin" (Ap 21, 3)» (n. 6). B’dan il-mod l-immaġni tad-«dar ta’ Alla», fost il-bosta xbihat oħra bibbliċi, hija mfakkra mill-Konċilju biex tiddeskrivi d-dar ta’ Alla. Tali xbiha, mill-bqija, hija miġbura b’xi mod fi kwalunkwè oħra; tidħol ukoll fl-anoloġija pawlina tal-Ġisem ta’ Kristu (cfr. 1 Kor 12, 13.27; Rm 12,5), li għaliha kien irrifera Piju XII fl-enċiklika storika tiegħu Mystici Corporis; tidħol fid-dimensjonijiet tal-Poplu ta’ Alla, skont ir-riferimenti tal-Konċilju. Is-Sena tal-Familja hija għalina lkoll appell biex jirrendi l-Knisja ferm iktar «dar li fiha tgħammar il-familja ta’ Alla».

Din hija sejħa, din hija stedina li tistà tirrivela ruħha fertili b’mod straordinarju għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja kontemporanja. Bħal ma ktibt fl-Ittra lill-Familji, id-dimensjoni fundamentali tal-eżistenza umana, magħmula mill-familja, hija mhedda serjament fiċ-ċiviltà kontemporanja minn diversi partijiet (cfr. Ġwanni Pawlu II, Gratissimam Sane, n. 13). Bdana kollu dan li «tkun familja» tal-ħajja umana jirrapreżenta ġid kbir tal-bniedem. Il-Knisja tixtieq taqdih. Is-Sena tal-Familja allura tikkostitwixxi okkażjoni sinifikattiva biex iġġedded li «tkun familja tal-Knisja  fid-diversi oqsma tagħa.

Għeżież Ħuti fis-Saċerdozju! Kull wieħed minnkom se jsib żgur fit-talb id-dawl meħtieġ biex ikun jaf jattwa dan kollu: intom, fil-parroċċi tagħkom u fl-oqsma differenti tax-xogħol evanġeliku; l-Isqfijiet fid-Dijoċestjiet tagħhom; is-Sede Apostolika fir-rigward tal-Kurja Rumana, waqt li ssegwu l-Kostituzzjoni Apostolika Pastor bonus.

Il-Knisja, b’mod konformi mar-rieda ta’ Kristu, tisforza biex issir dejjem iżjed «familja», u l-impenn tas-Sede Apostolika huwa ndirizzat biex jiffavorixxi tali żvilupp. Jafu sewwa l-Isqfijiet, li jiġu hawn għaż-żjara ad limina Apostolorum. Iż-żjajjar tagħhom, kemm lill-Papa kif ukoll għad Dikasteri ndividwali, waqt li jżommu dak li hu preskritt mil-liġi kanonika, jitilfu dejjem iktar it-togħma antika ġuridika-amministrattiva. Dak li jkun jassisti b’mod krexxenti għal klima ta’ «bdil ta’ doni», skont it-tagħlim tal-Kostituzzjoni Lumen gentium (cfr. Ġwanni Pawlu II, Gratissimam Sane, n. 13). L-Aħwa fl-Episkopat spiss ta’ dan jirrendi xhieda matul il-laqgħat tagħna.

Nixtieq f’din iċ-ċirkostanza nagħmel aċċenn għad-Direttorju mħejji mill-Kongregazzjoni għall-Kleru, li se jingħata lill-Isqfijiet, lill-Kunsilli Presbiterjali u lis-saċerdoti kollha. Dan ma jonqosx li jkun fih kontribut prudenti ta’ tiġdid ta’ ħajjithom u tal-ministeru tagħhom.

4. L-appell għat-talb mal-familji u għall-familji jirrigwarda, għeżież Ħuti, lil kull wieħed minnkom b’mod estremament personali. Nafu ħajjitna lill-ġenituri tagħna u għandna fir-rigward tagħhom djun kostanti ta’ gratitudni. Magħhom, sew jekk għadhom ħajjin jew jekk għaddew għall-eternità, aħna magħqudin b’rabta stretta li ż-żmien ma jeqridhiex. Jekk lil All nafu l-vokazzjoni tagħna, fiha parti sinifikattiva tiġi mogħtija wkoll lilhom. Id-deċiżjoni ta’ iben li jiddedika ruħu għall-ministeru saċerdotali, speċjalment f’art tal-missjoni, tikkostitwixxi sagrifiċċju mhux żgħir għall-ġenituri. Hekk ukoll kien għall-għeżież tagħna, li madankollu ippreżentaw lil Alla l-offerta tas-sentimenti tagħhom, waqt li ħallew li jkunu ggwidati minn fidi profonda, u mbagħad segwewna bit-talb tagħhom, bħal ma għamlet Marija fil-konfront ta’ Ġesù, meta hu ħalla d-dar ta’ Nażżaret biex imur iwettaq il-missjoni messjanika tiegħu.

Liema esperjenza kienet għal kull wieħed minna u, fl-istess ħin, għall-ġenituri tagħna, għal ħutna subien u bniet u għall-persuni għeżież il-jum tal-ewwel Quddiesa Mqaddsa tagħna! X’sar dak l-ewwel frott għall-parroċċi tagħna u għall-ambjenti li fihom trabbejna! Kull vokazzjoni ġdida tirrendi l-parroċċa konxja tal-fertilità tal-maternità spiritwali tagħha: iktar ma dan iseħħ sikwit, ikbar ikun l-inkuraġġiment li jqanqal għall-oħrajn! Kull saċerdot jistà jgħid fuqu stess: «Jien sirt midjun ma’ Alla u mal-bnedmin». Bosta huma l-persuni li akkumpanjawna bil-ħsieb u bit-talb, bħal ma bosta huma dawk li jakkumpanjaw bil-ħsieb u bit-talb il-ministeru tiegħi fuq is-Sedja ta’ Pietru. Din il-kbira solidarjetà oranti hija għalija sors ta’ qawwa. Iva, il-bnedmin iqiegħdu l-fiduċja tagħhom fil-vokazzjoni tagħna għas-servizz ta’ Alla. Il-Knisja titlob b’mod kostanti għall-vokazzjonijiet saċerdotali ġodda, tifraħ biż-żieda tagħhom, titnikket bin-nuqqas tagħhom hemm fejn dan iseħħ, bħal ma titnikket bil-ġenerożità nieqsa ta’ bosta persuni.

F’dan il-jum inġeddu kull sena l-wegħdiet tagħna marbutin mas-Sagrament tas-Saċerdozju. Hija kbira l-firxa ta’ tali wegħdiet. Din hija l-kelma mogħtija lil Kristu nnifsu. Il-fedeltà tal-vokazzjoni tibni l-Knisja, kull infedeltà, iżda, issir ġerħa doloruża fil-Ġisem mistiku ta’ Kristu. Mela, waqt li nikkontemplaw, miġburin flimkien, il-misteru tal-Ewkaristija u tas-Saċerdozju, nitolbu lis-Sommu Saċerdot li – kif tgħid l-Iskrittura Mqaddsa – wera lilu nnifsu fidil (cfr. Eb 2, 17), sabiex jingħata lilna wkoll li nżommu rwieħna fidili. Fl-ispirtu ta’ din il-«fratellanza sagramentali» nitolbu għal xulxin – is-saċerdoti għas-saċerdoti! Jalla Ħamis ix-Xirka jsir għalina sejħa mġedda biex nikkoperaw mal-grazzja tas-Sagrament tas-Saċerdozju! Nitolbu għall-familji spiritwali tagħna, għall-persuni affdati għall-ministeru tagħna; nitolbu b’mod speċjali għal dawk li jistennew b’mod partikolari t-talb tagħna u jinħtiġuh: il-fedeltà għat-talb tagħmel iva li Kristu jsir dejjem iżjed ħajja ta’ rwieħna.

O kbir Sagrament tal-Fidi, o mqaddes Saċerdozju tal-Feddej tad-dinja! Kemm aħna grati lejk, Kristu, li daħħaltna fil-komunjoni miegħek, li irrendejtna komunità waħda madwarek, li tippermettilna li niċċelebraw is-sagrifiċċju bla tixrid ta’ demm tiegħek u li nkunu ministri tal-misteri divini kullimkien: fuq l-altar, fil-konfessjonarju, fuq il-pulptu, fl-okkażjoni taż-żjajjar lill-morda u lill-ħabsin, fl-awli skolastiċi, fuq il-katedri universitarji, fl-uffiċċji fejn naħdmu. Tkun imfaħħra, Imqaddsa Ewkaristija! Insellimlek, Knisja ta’ Alla, li int il-poplu saċerdotali (cfr. 1 Pt 2, 9), mifdi bis-saħħa tad-Demm prezzjożissmu ta’ Kristu!

Mill-Vatikan, it-13 ta’ Marzu – ir-rabà Ħadd tar-Randan – tas-sena 1994, is-sittax tal-Pontifikat.

 

IOANNES PAULUS PP. II

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb