ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGTĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦALL-ĦAMIS IX-XIRKA 1991

 

 

Meqjumin u għeżież ħuti fis-saċerdozju ministerjali ta’ Kristu!

«L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi».

1. Waqt li ninsabu miġbura fil-katedrali tad-dijoċesijiet tagħna madwar l-Isqof għal-liturġija tal-Quddiesa kreżmali, nisimgħu dan il-kliem ippronunzjat minn Kristu fis-sinagoga ta’ Nażżaret. Waqt li ppreżenta ruħu għall-ewwel darba quddiem il-komunità tal-pajjiż tal-oriġini tiegħu, Ġesù jaqra mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija il-kliem tat-tħabbira messjanika: «L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi; għalhekk ikkonsagrani bid-dlik u bagħatni ». Fis-sinifikat immedjat tiegħu dan il-kliem jindika l-missjoni profetika tal-Mulej bħala ħabbar tal-Vanġelu. Imma nistgħu napplikawh għall-grazzja multiformi li Huwa ikkomunikalna. It-tiġdid tal-wegħdiet saċerdotali ta’ Ħamis ix-Xirka huwa magħqud mar-rit, li, f’diversi sagramenti tal-Knisja, jesprimi dak id-dlik tal-Ispirtu Santu li joħroġ mit-totalità li hi fi Kristu. Id-dlik tal-Ispirtu Santu jattwa l-ewwel id-don soprannaturali tal-grazzja santifikanti, li permezz tagħha l-bniedem isir fi Kristu parteċipi tan-natura divina u tal-ħajja tat-Trinità Mqaddsa.

Tali donazzjoni hija f’kull wieħed minna s-sors intern tal-vokazzjoni nisranija u ta’ kull vokazzjoni fil-komunità tal-Knisja, bħala Poplu ta’ Alla tal-Patt il-Ġdid. F’dan il-jum, mela, aħna nħarsu lejn il-Kristu, li huwa l-milja, is-sors u l-mudell tal-vokazzjonijiet kollha u, b’mod partikolari, tal-vokazzjoni għas-servizz saċerdotali bħala sehem distintiv, permezz tal-karattru saċerdotali tal-Ordni Sagri, fis-saċerdozju tiegħu. Fih biss hemm il-milja tad-dlik, il-milja tad-don, li hija għal kulħadd u għal kull wieħed: din hija ineżawribbli. Fil-bidu tat-triduum sacrum, waqt li l-Knisja kollha, permezz tal-liturġija, tippenetra b’mod singolari fil-misteru paskwali ta’ Kristu, aħna naqraw il-profondità tal-vokazzjoni tagħna, li hija ministerjali, li għandha tkun migħuxa fuq l-eżempju tal-Imgħallem li qabel l-Aħħar Ċena jaħsel riġlejn l-Appostli. Waqt din l-istess Ċena, mill-milja tad-don tal-Missier li huwa fih u li permezz tiegħu, jiġi msawwab fuq il-bniedem, Kristu jwaqqaf is-sagrament ta’ Ġismu u ta’ Demmu taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid u jafdah – is-sagrament tal-Ewkaristija – f’idejn l-Appostli, u permezz tagħhom,  f’idejn il-Knisja għaż-żmenijiet kollha sal-aħħar miġja definittiva tiegħu fil-glorja.

Fil-qawwa tal-Ispirtu Santu, operanti fil-Knisja mill-jum ta’ Pentekoste, dan is- Sagrament, permezz ta’ serje twila ta’ ġenerazzjonijiet saċerdotali kien afdat ukoll lilna fil-waqt preżenti tal-istorja tal-bniedem u tad-dinja, li fi Kristu saret b’mod definittiv storja ta’ fidwa. Kull wieħed minna, għeżież ħuti, illum jerġà b’moħħu u b’qalbu jimxi t-triq propja għas-saċerdozju u, wara, it-triq propja fis-saċerdozju, li hija triq il-ħajja u s-servizz u li għalina hija mnissla miċ-Ċenaklu.  Ilkoll niftakru l-jum u s-siegħa meta, wara li flimkien konna rreċitajna l-Litaniji tal-Qaddisin, minn tulna fuq art it-tempju, l-Isqof firex idejh fuq kull wieħed minna f’silenzju profond. Sa miż-żminijiet tal-Appostli, l-impożizzjoni tal-idejn hija s-sinjal tal-għoti tal-Ispirtu Santu, li huwa, huwa stess, l-awtur suprem tal-awtorità saċerdotali qaddisa: awtorità sagramentali u ministerjali. Il-liturġija kollha tat-triduum sacrum tqarrabna lejn il-Misteru paskwali, li minnu tali awtorità għandha l-bidu tagħha biex tkun servizz u missjoni: għal dan nistgħu napplikaw il-kliem tal-Ktieb ta’ Iżaija, ippronunzjati minn Ġesù fis-Sinagoga ta’ Nażżaret: «L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi; għal dan ikkonsagrani bid-dlik u bagħatni».

2. Meqjuma u għeżież ħuti, waqt li ktibtilkom għal Ħamis ix-Xirka tas-sena l-oħra, fittixt li niġbdilkom l-attenzjoni lejn l-assembleja tas-Sinodu tal-Isqfijiet li kellu jkun iddedikat għat-tema tal-formazzjoni saċerdotali. L-assembleja saret f’Ottubru li għadda, u fil-preżent, flimkien mal-Kunsill tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu, qegħdin inħejju l-pubblikazzjoni tad-Dokument relattiv. Imma qabel ma tali test ikun ippubblikat, nixtieq ngħidilkom diġa millum li s-Sinodu stess kien grazzja kbira. Kull Sinodu huwa dejjem għall-Knisja grazzja ta’ attwazzjoni speċjali tal-kolleġġjalità tal-episkopat tal-Knisja kollha. Din id-darba l-esperjenza kienet mogħnija b’mod singulari: infatti, fl-assembleja sinodali tkellmu l-Isqfijiet ta’ Pajjiżi li fihom il-Knisja għadha kemm ħarġet, biex ngħidu hekk, mill-katakombi. Grazzja oħra tas-Sinodu kienet maturità ġdida fil-viżjoni tas-servizz saċerdotali fil-Knisja: maturità addattata għaż-żminijiet li fihom hija riflessa l-missjoni tagħna.

Din il-maturità tesprimi ruħha bħala qari dettaljat tal-essenza nfisha tas-saċerdozju sagramentali u, allura, ukoll tal-ħajja personali ta’ kull saċerdot, jiġifieri tas-sehem tiegħu fil-misteru feddej ta’ Kristu: «Sacerdos alter Christus». Din hija espressjoni li tindika kemm huwa meħtieġ li nitilqu minn Kristu biex naqraw ir-realtà saċerdotali. Hekk biss nistgħu nikkorrispondu b’mod sħiħ fil-verità dwar is-saċerdot, li «magħżul minn fost il-bnedmin, jiġi kkostitwit għall-ġid tal-bnedmin fil-ħwejjeġ li jolqtu lil Alla». Id-dimensjoni umana tas-servizz saċerdotali, biex tkun għal kollox awtentika, trid tkun radikata f’Alla. Infatti, permezz ta’ dak kollu li hu fih «għall-ġid tal-bnedmin», tali servizz «jirrigwarda lil Alla»: iservu lill-għana multipla ta’ dan ir-rapport. Mingħajr sforz biex jikkorrispondi b’mod sħiħ għal dak id-«dlik bl-Ispirtu tal-Mulej», li jikkostitwih fis-saċerdozju ministerjali, is-saċerdot ma jistax jissodisfa dik l-istennija li l-bnedmin – il-Knisja u d-dinja – b’mod ġust jorbtu miegħu.

Dan kollu huwa konness b’mod strett mal-kwistjoni tal-identità saċerdotali. Huwa diffiċli li tgħid għal-liema raġunijiet fil-perijodu postkonċiljari l-għarfien ta’ din l-identità f’xi ambjenti saret waħda inċerta. Dan setà jiddependi minn qari mhux propju tal-Maġisteru konċiljari tal-Knisja fil-kuntest ta’ ċerti «tendenzi» li joriġinaw mill-ambjenti kulturali. Donnu li fl-aħħar żminijiet – ukoll jekk l-istess kondizzjonijiet u l-istess «tendenzi» qed ikomplu jaħdmu – qed isseħħ trasformazzjoni sinifikattiva fil-Komunitajiet ekkleżjali nfushom. Il-Lajċi qegħdin jaraw il-bżonn indispensabbli tas-saċerdoti bħala kondizzjoni tal-ħajja awtentika tagħhom u tal-apostolat stess tagħhom. Minn naħa tagħha, din l-esiġenza qiegħda tkun innutata, anzi qed issir urġenti f’bosta sitwazzjonijiet, minħabba n-nuqqas jew in-numru insuffiċjenti tal-ministri tal-misteri ta’ Alla. Dan jirrigwarda wkoll, minn aspett ieħor, l-artijiet tal-ewwel evanġelizzazzjoni, bħal ma turi l-Enċiklika riċenti dwar il-missjonijiet. Dan il-bżonn ta’ saċerdoti - fenomenu krexxenti varjament - irid jgħin biex tintegħleb il-kriżi tal-identità saċerdotali.

L-esperjenza tal-aħħar deċenni turi dejjem iktar b’mod ċar kemm hemm bżonn tas-saċerdot fil-Knisja u fid-dinja -, u dan mhux f’xi forma «lajċizzata», imma f’dik li toħroġ mill-Vanġelu u mit-Tradizzjoni għanja tal-Knisja. Il-Maġisteru tal-Konċilju Vatikan II huwa l-espressjoni u l-konferma ta’ din it-Tradizzjoni fis-sens ta’ aġġornament opportun («accommodata renovatio»); u f’din l-istess direzzjoni orjentaw ruħhom l-interventi tal-parteċipanti fl-aħħar Sinodu, kif ukoll dawk tar-rappreżentanti tas-saċerdoti, mistiedna minn diversi partijiet tad-dinja. Il-proċess ta’ twelid ġdid tal-vokazzjonijiet saċerdotali jissodisfa biss b’mod parzjali n-nuqqas ta’ saċerdoti. Ukoll jekk tali proċess fuq skala globali huwa pożittiv, madankollu qegħdin iseħħu sproporzjonijiet bejn id-diversi partijiet tal-komunità tal-Knisja fid-dinja kollha. Il-kwadru huwa tassew diversifikat. Fl-okkażjoni tas-Sinodu dan il-kwadru kien issuġġettat għall-analiżi l-iktar dettaljati mhux biss għal skopijiet ta’ statistiċi, imma wkoll fir-rigward ta’  «bdil tad-doni» possibbli, jiġifieri għal għajnuna reċiproka.

L-opportunità ta’ tali għajnuna timponi ruħha weħedha billi huwa magħruf li hemm postijiet fejn jirriżulta saċerdot wieħed għal diversi mijiet ta’ fidili, u hemm fejn ukoll hemm saċerdot għal għaxat elef fidil u saħansitra għal numru ferm ikbar. Irrid infakkar f’dan ir-rigward xi espressjonijiet tad-Digriet tal-Konċilju Vatikan II dwar «il-ministeru u l-ħajja saċerdotali»: «Id-don spiritwali li l-presbiteri rċevew fl-Ordinazzjoni ma jħejjihomx għal missjoni limitata u ristretta, imma għal waħda vastissma u universali ta’ fidwa, "sa truf l-art"... Jiftakru mela l-presbiteri li fuqhom tiddependi l-konsiderazzjoni tal-Knejjes kollha». L-iskarsezza ta’ dwejjaq tas-saċerdoti f’xi Reġġjuni illum tirrendi attwali iktar minn qatt qabel dan il-kliem tal-Konċilju. Nawgura li, b’mod partikolari fid-dijoċeżijiet l-iktar għonja fil-kleru, dan jiġi meditat b’mod serju u attwat bil-mod l-iktar ġeneruż possibbli.

Hu xinhu, kullimkien, għal kull post huwa ndispensabbli t-talb, sabiex «Sid il-ħsad jibgħat il-ħaddiema fl-għelieqi tad-dwieli tiegħu». Dan huwa t-talb għall-vokazzjonijiet u dan huwa t-talb, ukoll, sabiex kull saċerdot jilħaq maturità dejjem ikbar fil-vokazzjoni tiegħu: fil-ħajja u fis-servizz. Tali maturità tikkontribwixxi b’mod speċjali għaż-żieda fil-vokazzjonijiet. Tinħtieġ sempliċement imħabba tas-saċerdozju propju, li jqiegħed lilu nnifsu kollu kemm hu sabiex il-verità dwar is-sacerdozju ministerjali ssir b’tali mod attraenti għall-oħrajn. Fil-ħajja ta’ kull wieħed minna għandu jkun jinqara l-misteru ta’ Kristu, li fih jinsab il-bidu tas-sacerdos bħala alter Christus.

3. Waqt il-laqgħa tal-Appostli fiċ-Ċenaklu, Kristu jwigħedhom il-Paraklitu, Konsulatur ieħor, l-Ispirtu Santu, «li ġej mill-Missier u mill-Iben». Infatti qal: «Ikun aħjar għalikom li jien inmur, għaliex jekk ma nmurx, ma jiġix il-Konsulatur, imma meta jien inkun mort, nibgħathulkom». Dan il-kliem jenfasizza b’mod partikolari r-rapport bejn l-Aħħar Ċena u l-Pentekoste. Bil-prezz tat-«tluq» tiegħu permezz tas-sagrifiċċju tas-salib fuq il-Kalvarju (ukoll qabel ma jseħħ it-«tluq» lejn il-Missier fl-40 jum wara l-Qawmien mill-Imwiet), Kristu jibqà fil-Knisja: jibqà fil-qawwa tal-Paraklitu, tal-Ispirtu Santu, li  «jagħti l-ħajja». Huwa l-Ispirtu Santu li «jagħti» din il-ħajja divina: ħajja li rrivelat ruħha fil-misteru paskwali ta’ Kristu bħala aqwa mill mewt, ħajja li bdiet mal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu fl-istorja tal-bniedem. Is-saċerdozju huwa kollu għas-servizz ta’ din il-ħajja: jirrendilha xhieda permezz tas-servizz tal-Kelma, jiġġeneraha, jiġġeneraha u jimmultiplikaha permezz tas-servizz tas-sagramenti.

Is-saċerdot innifsu qabel kollox jgħix b’din il-ħajja, li hija l-iktar sors profond tal-maturità tiegħu u li hija wkoll il-garanzija tal-fertilità spiritwali tas-servizz kollu tiegħu! Is-sagrament tal-Ordni Sagri jistampa fir-ruħ tas-saċerdot karattru partikolari li, la darba jkun riċevut, jibqà fih bħala sors tal-grazzja sagramentali, ta’ dawk id-doni u l-kariżmi kollha li jikkorrispondu mal-vokazzjoni għas-servizz saċerdotali fil-Knisja.  Il-liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka hija waqt speċjali tas-sena, li fih nistgħu u għandna nġeddu u nħeġġu fina l-grazzja sagramentali tas-saċerdozju. Dan nagħmluh f’għaqda mal-Isqof u mal-Presbiterju kollu, waqt li quddiem għajnejna jkollna r-realtà misterjuża taċ-Ċenaklu: kemm dik ta’ Ħamis ix-Xirka, kif ukoll dik tal-Jum ta’ Pentekoste. Waqt li nidħlu fil-profondità tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, aħna ninfetħu fl-istess ħin lejn l-Ispirtu Santu Paraklitu, li d-don tiegħu huwa s-sehem speċjali tagħna fl-uniku saċerdozju ta’ Kristu, is-saċerdot etern.

Hija bl-opra tal-Ispirtu Santu li aħna nistgħu noperaw «in persona Christi», waqt li niċċelebraw l-Ewkaristija u niżvolġu s-servizz kollu sagramentali għall-fidwa tal-oħrajn. Ix-xhieda tagħna lil Kristu spiss tkun imperfetta u difettuża. Bħala serħan tibqagħlna l-assikurazzjoni li huwa hu qabel kollox, l-Ispirtu tal-verità, li jirrendi xhieda lil Kristu. Li x-xhieda tagħna umana tinfetaħ fuq kollox għax-xhieda tiegħu! Infatti, huwa stess «jeżamina l-profonditajiet ta’ Alla», u hu biss jista javviċina dawn il-«profonditajiet», dawn l-«opri kbar ta’ Alla» għall-menti u għall-qlub tal-bnedmin, li aħna mibgħutin għalihom bħala qaddejja tal-Vanġelu tal-fidwa. Iktar ma nħossu li l-missjoni tagħna tiddominana, iktar imissna ninfetħu għall-azzjoni tal-Ispirtu Santu. B’mod speċjali meta r-reżistenza tal-menti u tal-qlub, ir-reżistenza ta’ ċiviltà ġġenerata taħt l-influss tal-«ispirtu tad-dinja», issir b’mod partikolari dixxernibbli u qawwija. «L-Ispirtu jiġi jgħin d-dgħufija tagħna…, jinterċedi b’insistenza għalina, bi krib inesprimibbli».

Minkejja r-reżistenza tal-menti u tal-qlub u taċ-ċiviltà ispirata mill-ispirtu tad-dinja», bdanakollu tippersisti fil-ħolqien kollu l-«istennija», li dwarha l-Appostlu jikteb fl-Ittra lir-Rumani: «Il-ħolqien kollu jokrob u jbati sal-lum fl-uġigħ tal-ħlas», «biex jidħol fil-libertà tal-glorja tal-ulied ta’ Alla». Jalla din il-viżjoni pawlina ma titlaqx l-għarfien saċerdotali tagħna, u tkunilna sosten għall-ħajja u għas-servizz! Allura nifhmu aħjar għaliex is-saċerdot huwa meħtieġ għad-dinja u għall-bnedmin.

4. «L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi». Qabel ma jasal f’idejna t-test tal-Eżortazzjoni post-sinodali dwar it-tema tal-formazzjoni saċerdotali, tridu tilqgħu, meqjuma u għeżież ħuti fis-saċerdozju ministerjali, din l-Ittra ta’ Ħamis ix-Xirka. Jalla tkun hi s-sinjal u l-espressjoni ta’ dik l-għaqda li tgħaqqadna lkoll – Isqfijiet, Saċerdot u wkoll djakni – b’rabta sagramentali. Jalla hi tgħinna nsegwu, fil-qawwa tal-Ispirtu Santu, lil Ġesù Kristu, «l-awtur u l-perfezzjonatur tal-fidi». Bil-Barka Apostolika tiegħi.

Mill-Vatikan, 10 ta’ Marzu 1991.

ĠWANNI PAWLU II

  

Miġjub mit-Taljan għall-Mlati minn Emanuel Zarb