ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGTĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦALL-ĦAMIS IX-XIRKA 1990

 

«Veni, Creator Spiritus»!

1. B’dan il-kliem il-Knisja talbet fil-jum tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħna. Illum, waqt li jibda t-tridu sagru tas-sena tal-Mulej 1990, niftakru flimkien il-jum tal-ordinazzjoni tagħna. Inmorru fiċ-Ċenaklu ma’ Kristu u mal-Appostli biex niċċelebraw l-Ewkaristija «in cena Domini» u biex nerġgħu nsibu dak l-għerq li fih jgħaqqad l-Ewkaristija tal-Għid ta’ Kristu u tas-saċerdozju sagramentali tagħna, mirut mill-Appostli: «Ġesù, billi kien jaf li kienet waslet is-siegħa tiegħu li jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, wara li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar » (Ġw 13,1).

«Veni, Creator Spiritus»!

F’dan il-Ħamis ix-Xirka, waqt li nerġgħu lura lejn l-oriġni tas-saċerdozju tal-patt il-ġdid u etern, kull wieħed minna jiftakar, fl-istess ħin, dak il-jum li huwa miktub fl-istorja tal-propja ħajtu bħala bidu tas-saċerdozju sagramentali tiegħu, bħala servizz fil-Knisja ta’ Kristu. Il-leħen tal-Knisja, li ssejjaħ lill-Ispirtu Santu f’dan il-jum għalina deċiżiv, tagħmel riferenza għall-wegħda ta’ Kristu fiċ-ċenaklu: «Jien se nitlob lill Missier (għalikom), u hu jaghtikom Konsulatur ieħor, sabiex jibqà magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità» (Ġw 14,16-17). Il-Konsolatur, il-Paraklitu! Il-Knisja hija sikura mill-preżenza feddejja u santifikatriċi tiegħu. Huwa hu  «li jagħti l-ħajja» (Ġw 6,63). «L-Ispirtu tal-verità, li jipproċedi mill-Missier, li jien se nibgħatilkom mingħand il-Missier»,  hu ġġenera fina dik il-ħajja ġdida li ssejjaħ lilha nfisha u hi s-saċerdozju ministerjali ta’ Kristu. Dan jgħid: «Huwa… jieħu minn tiegħi u jħabbarulkom» (Ġw 15,26). Seħħ propju dan. L-Ispirtu tal-verità, il-Paraklitu, «qabad» minn dak l-uniku saċerdozju li hu fi Kristu u irrivelahulna bħala t-triq tal-vokazzjoni tagħna u ta’ ħajjitna.

Kien f’jum bħal dan li kull wieħed minna ra lilu nnifsu, fis-saċerdozju ta’ Kristu fiċ-ċenaklu, bħala ministru tal-Ewkaristija u, waqt li ra lilu nnifsu, beda jimxi f’dik id-direzzjoni.

Kien f’tali jum li kull wieħed minna, bis-saħħa tas-sagrament, ra dan is-saċerdozju bħal imwettaq fih innifsu, bħal stampat f’ruħu taħt il-forma ta’ siġill li ma jitħassar qatt: «Inti saċerdot għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek».

2. Dan kollu jippreżenta ruħu kull sena quddiem għajnejna fil-jum anniversarju tal-ordinazzjoni tagħna, imma jippreżenta ruħu, ukoll, fil-jum ta’ Ħamis ix-Xirka. Infatti, illum fil-liturġija ta’ filgħodu tal-quddiesa kriżmali, aħna ninġabru, fl-intern tal-komunitajiet saċerdotali tagħna, madwar l-isqfijiet biex inħeġġu mill-ġdid il-grazzja sagramentali tal-Ordni Sagri. Ningħaqdu biex inġeddu, quddiem il-Poplu saċerdotali tal-patt il-ġdid, dawk il-wegħdiet li mill-jum tal-ordinazzjoni isejsu l-karattru speċjali tal-ministeru tagħna tal-Knisja.

U mat-tiġdid insejħu lill-Ispirtu tal-verità, sabiex jikkonċedilna l-qawwa feddejja u santifikatriċi għall-kliem li l-Knisja tippronunzja fl-innu tal-invokazzjoni tiegħu: «Mentes tuorum visita, / imple superna gratia, / quae tu creasti pectora».

Iva! Illum niftħu qlubna, dawn il-qlub li hu welled mill-ġdid bl-opra divina tiegħu. Hu reġà ħalaqhomlna bil-grazzja tal-vokazzjoni saċerdotali, u fihom hu jaġixxi kontinwament. Hu ta’ kuljum joħloq, joħloq fina, dejjem mill-ġdid, dik ir-realtà li tikkostitwixxi l-essenza tas-saċerdozju tagħna, li tagħti lil kull wieħed minna l-identità sħiħa u awtentiċità fis-servizz saċerdotali, li tippermettilna li «nmorru u nġorru l-frott» u naraw li dan il-«frott» jibqà (Ġw 15,16). Huwa hu. L-Ispirtu tal-Missier u tal-Iben, li jippermettilna niskopru dejjem iżjed b’mod profond il-misteru ta’ dik il-ħbiberija li għaliha Kristu l-Mulej sejħilna fiċ-ċenaklu: «Ma nsejħilkomx iktar qaddejja… imma sejjaħtilkom ħbieb» (Ġw 15,15). Infatti jekk il-qaddej ma jafx dak li jagħmel sidu, il-ħabib mill-banda l-oħra ikun jaf is-sigrieti ta’ sidu. Il-qaddej jistà biss ikun obbligat jaħdem. Il-ħabib igawdi mill-għażla ta’ dak li afdah u li fih huwa wkoll jafda, jafda b’mod totali.

Illum, mela, nitolbu lill-Ispirtu Santu, sabiex iżur il-ħin kollu ħsibijietna u qlubna. Iż-żjara tiegħu hija kondizzjoni biex nibqgħu fil-ħbiberija ma’ Kristu: din tiggarantixxi wkoll lilna għarfien dejjem iżjed profond, dejjem iżjed kommoventi tal-misteru tal-Imgħallem u Mulej tagħna. F’dan il-misteru aħna nieħdu sehem b’mod singolari: tiegħu aħna l-ħabbara u, fuq kollox id-dispożituri. Dan il-misteru jippenetra fina u, permezz tagħna, bħad-dwieli, iwelled iż-żraġen tal-ħajja divina. Kemm, mela, għandna nixtiequ ż-żmien tal-miġja ta’ dan l-Ispirtu li «jagħti l-ħajja»! Kemm għandu jkun magħqud miegħu s-saċerdozju tagħna biex «nibqgħu fid-dielja li hija Kristu»!

3. «Veni, Creator Spiritus»!

Fi ftit xhur oħra dan l-istess kliem tal-innu liturġiku se jinawgura l-assemblea tas-Sinodu tal-isqfijiet, iddedikata għas-saċerdozju u għall-formazzjoni saċerdotali fil-Knisja. Din it-tema feġġet fuq ix-xefaq tal-assemblea preċedenti tas-Sinodu tliet snin ilu, fl-1987. Frott tax-xogħol ta’ dik is-sessjoni sinodali kienet l-eżortazzjoni apostolika «Christifideles Laici», li f’bosta ambjenti ġiet milqugħa b’sodisfazzjon kbir. Din kienet, tema obbligata, u x-xogħlijiet tas-Sinodu, li saru b’sehem notevoli tal-lajkat kattoliku – irġiel u nisa tal-kontinenti kollha – wrew ruħhom b’mod partikolari utli għall-problemi tal-apostolat tal-Knisja. Tajjeb ukoll li wieħed iżid li l-ispirazzjoni sinodali taf il-ġenesi tagħha lid-dokument «Mulieris Dignitatem», li kkostitwixxa, b’ċertu mod,  l-ikkompletar tas-Sena marjana  .

Imma diġa dak iż-żmien fuq ix-xefaq ta’ dawk ix-xogħlijiet wriet ruħha preżenti t-tema tas-saċerdozju u tal-formazzjoni saċerdotali. «Mingħajr il-presbiteri li jistgħu isejħu lil-lajċi biex jiżvolġu r-rwol tagħhom fil-Knisja u fid-dinja, li jistgħu jkunu ta’ għajnuna fil-formazzjoni tal-lajċi għall-apostolat, waqt li jsostnuhom fil-vokazzjoni diffiċli tagħhom, tasal li tkun nieqsa xhieda essenzjali fil-ħajja tal-Knisja». B’dan il-kliem rappreżentant xieraq u espert tal-lajkat esprima ruħu dwar dak li mbagħad ikkostitwixxa t-tema tal-assemblea sinodali li jmiss tal-isqfijiet tad-dinja kollha. Lanqas ma kien dan il-leħen uniku. L-istess bżonn iħoss il-poplu ta’ Alla kemm fil-Pajjiżi fejn il-kristjaneżmu u l-Knisja ilhom jeżistu għal bosta sekli, kif ukoll fil-Pajjiżi tal-missjoni, fejn il-Knisja u l-Kristjaneżmu qegħdin jifirxu għeruqhom. Jekk fl-ewwel snin wara l-Konċilju inħass ċertu diżorjentament f’dan il-qasam da parti kemm tal-lajċu kif ukoll tar-rgħajja tal-erwieħ, illum il-bżonn tas-saċerdoti sar ovvju u urġenti għal kulħadd.

F’din il-kwistjoni huwa wkoll impliċitu l-qari eżatt mill-ġdid tal-istess tagħlim tal-Konċilju rigward ir-rapport bejn is-«saċerdozju tal-fidili» - diġa effettiv sa mill-inserzjoni fundamentali, permezz tal-magħmudija, fir-realtà tal-missjoni saċerdotali ta’ Kristu – u s-«saċerdozju ministerjali», li fih – fi grad differenti – jieħdu sehem l-isqfijiet, il-presbiteri u d-djakni. Tali rapport jikkorrispondi mal-istruttura komunitarja tal-Knisja. Is-saċerdozju mhuwiex istituzzjoni li teżisti «maġemb» il-lajkat, jew «fuqu». Is-saċerdozju tal-isqfijiet, tal-presbiteri, kif ukoll il-ministeru tad-djakni, huwa «għall-» lajċi u, propju għalhekk, jippossiedi karattru «ministerjali» jiġifieri «ta’ servizz». Barra minn dan, huwa jġiegħel joħroġ l-istess «saċerdozju batteżimali», jiġifieri s-saċerdozju komuni tal-fidili kollha: iġegħelu joħroġ u fl-istess ħin jġħinu biex jattwa ruħu fil-ħajja sagramentali.

Hekk wieħed jara kif it-tema tas-saċerdozju u tal-formazzjoni saċerdotali toħroġ mill-intern stess tat-tematika tas-Sinodu tal-isqfijiet ta’ qabel. Wieħed jara, ukoll, kif din it-tema, f’tali ordni, hija tant iktar ġustifikata u obbligata, daqs kemm hi iktar urġenti.

4. Jixraq, għalhekk, li it-triduo sacro ta’ din is-sena, b’mod partikulari Ħamis ix-Xirka ikun l-iktar jum importanti għall-preparazzjoni tal-assemblea tas-Sinodu tal-isqfijiet. Matul il-fażi preparatorja, li diġa ilha għaddejja madwar sentejn, huwa mitlub lill-presbiteri dijoċeżani u r-reliġjużi biex jintervienu b’mod attiv u biex jippreżentaw osservazzjonijiet, proposti u konklużjonijiet.  Għalkemm it-tema, fuq kollox tirrigwarda lill-Knisja, huma madankollu s-saċerdoti tad-dinja kollha li għandhom l-ewwel id-dritt u fl-istess ħin id-dmir li jqisu dan is-Sinodu bħala  «propju»: tassew «res nostra agitur»!

U billi dan kollu huwa, fl-istess ħin, «res sacra», jixraq allura li t-tħejjija tas-Sinodu tistrieħ mhux biss fuq l-interkambju ta’ riflessjonijiet, esperjenzi u suġġerimenti, imma li jkollha karattru sagrali. Hemm bżonn li nitolbu ħafna għax-xogħlijiet tas-Sinodu. Ħafna jiddependi minnhom għall-għanijiet tal-proċess ulterjuri ta’ tiġdid, mibdi mill-Konċilju Vatikan II. Ħafna f’dan il-qasam jiddependi minn dawk il-«ħaddiema» li «is-sid jibgħat fl-għelieqi tad-dwieli tiegħu». Illum jistà jkun li, fid-dawl tat-tielet millenju mill-miġja ta’ Kristu, nisperimentaw b’mod iktar profond il-kobor u d-diffikultajiet tal-ħsad: «Il-ħsad huwa bosta»; imma nħossu wkoll in-nuqqas tal-ħaddiema: «Il-ħaddiema huma ftit». «Ftit»: u dan jirrigwarda mhux biss il-kwantità, imma wkoll il-kwalità! Minn hawn allura l-bżonn tal-formazzjoni! Minn hawn jassumi sinifikat deċiżiv il-kliem suċċessiv tal-Imgħallem: «Itolbu mela lil sid il-ħsad, sabiex jibgħat ħaddiema fl-għelieqi tiegħu».

Is-Sinodu, li qegħdin inħejju ruħna għalih, għandu jkollu karattru ta’ talb. Ix-xogħlijiet tiegħu jridu jgħaddu f’atmosfera ta’ talb minn naħa tal-membri nfushom. Imma dan mhux biżżejjed. Hemm bżonn li tali xogħlijiet ikunu akkumpanjati mit-talb tas-saċerdoti kollha u tal-Knisja kollha. Ir-riflessjonijiet proposti minni waqt l-Angelus tal-Ħadd, issa għal diversi ġimgħat, donnhom ifittxu li jqanqlu tali talb.

5. Għal dawn ir-raġunijiet Ħamis ix-Xirka tal-1990 - dies sacerdotalis tal-Knisja kollha – għandu f’tali proċess preparatorju sinifikat fundamentali. Sa millum hemm bżonn insejħu lill-Ispirtu Santu li jagħti l-ħajja: «Veni, Creator Spiritus»! Ebda żmien ieħor ma jġegħelna nintebħu b’mod hekk intimu l-verità profonda madwar is-saċerdozju ta’ Kristu. Dak li «b’demmu stess daħal darba għal dejjem fis-santwarju, wara li kisbilna fidwa eterna» (Lh 9,12), billi waqt li kien huwa stess is-saċerdot tal-patt il-ġdid u etern, fl-istess ħin «ħabb sal-aħħar lil tiegħu li kienu fid-dinja» (Ġw 13,1). U l-qies ta’ din l-imħabba huwa d-don tal-aħħar ċena: l-Ewkaristija u s-saċerdozju.

Miġburin mill-ġdid madwar dan id-don permezz tal-liturġija tallum, u fil-prospettiva tas-Sinodu ddedikat lis-saċerdozju, inħallu jopera fina lill-Ispirtu Santu, sabiex il-missjoni tal-Knisja tkompli timmatura skont dak il-qies li huwa f’Ġesù Kristu. Jalla jingħatalna li nagħrfu dejjem b’mod iktar perfett «l-imħabba ta’ Kristu li tgħaddi kull għarfien»! Jalla fih u għalih inkunu nistgħu nkunu «imfawrin bil-milja kollha ta’ Alla» (Ef 3,19) f’ħajjitna u fis-servizz saċerdotali.

Lill-aħwa kollha fis-saċerdozju ta’ Kristu nibgħat l-espressjoni tal-istima tiegħi u ta’ mħabbti, permezz ta’ barka apostolika speċjali.

Mill-Vatikan, it-12 ta’ April – Ħamis ix-Xirka – tas-sena 1990, it-tnax il-sena tal-Pontifikat.

ĠWANNI PAWLU II

  

Miġjub mit-Taljan għall-Mlati minn Emanuel Zarb