ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1988

 

 

Għeżież ħuti fis-saċerdozju.

1. Illum ilkoll nerġgħu lura fiċ-ċenaklu. Waqt li ninġabru madwar l-altari f’tant postijiet tad-dinja aħna niċċelebraw b’mod speċjali il-memorjal tal-Aħħar Ċena f’nofs il-komunità tal-Poplu ta’ Alla li naqdu. Fil-liturġija vespertina ta’ Ħamis ix-Xirka il-kliem ta’ Kristu, ippronunzjat «lejlet l-passjoni tiegħu», jerġà jidwi fuq xuftejna hekk bħal f’kull jum – u bdanakollu b’mod differenti – fir-rigward ta’ dik il-lejla unika, li propju llum hija mfakkra mill-Knisja.

Bħal Sidna – u fl-istess ħin « in persona Christi» - aħna ntennu l-kliem: «Ħudu u kulu lkoll: dan huwa ġismi . . . Ħudu u ixorbu lkoll: dan huwa l-kalċi ta’ demmi». Difatti, il-Mulej innifsu hekk mar jikkmandana, meta qal lill-appostli:  «Agħmlu dan b’tifkira tiegħi» (Lq 22, 19).

U waqt li nagħmlu dan hemm bżonn li jkun ħaj f’moħħna u f’qalb l-misteru tal-inkarnazzjoni. Kristu, li f’Ħamis ix-Xirka jħabbar li ġismu se jkun  «mogħti» u li demmu se jkun «imxerred», huwa l-Iben etern, li «jidħol fid-dinja», jgħid lill-Missier: Hekk hu «int ħejjejtli ġisem . . ., sabiex jien inwettaq ir-rieda tiegħek» (cfr. Lh 10, 5-7).

Qiegħed joqrob appuntu dak l-Għid, li fih Bin Alla. Bħala feddej tad-dinja, jwettaq ir-rieda tal-Missier permezz tal-offerta u l-immolazzjoni ta’ ġismu u ta’ demmu fuq il-Golgota. Hu permezz ta’ dan is-sagrifiċċju li huwa «daħal darba għal dejjem fis-santwarju . . .  b’demmu stess, wara li kisbilna fidwa eterna» (Lh 9, 12). Infatti, huwa dan is-sagrifiċċju tal-patt «il-ġdid u etern». Hekk hu, hu, huwa marbut b’mod intimu mal-misteru tal-inkarnazzjoni: il-Verb, li sar ġisem (cfr. Ġw 1, 14), jissagrifika l-umanità tiegħu, bħala «homo assumptus» fl-għaqda tal-Persuna divina.

Ikun sew li f’din is-sena, migħuxa mill-Knisja kollha bħala sena marjana, tkun imfakkra – minħabba l-istituzzjoni tal-Ewkaristija u fl-istess ħin tal-Ordni Sagri – ir-realtà nfisha tal-inkarnazzjoni. Din wettaqha l-Ispirtu Santu, waqt li niżel fuq il-Verġni ta’ Nażżaret, f’dak il-waqt li din ppronunzjat il-«fiat» tagħha bi tweġiba għall-aħbar tal-anġlu (cfr. Lq 1, 38).

«Ave, o veru ġisem. Imwieled minn Marija Verġni: / tassew int batejt u kont issagrifikat / fuq is-salib għall-bniedem».

Iva, l-istess ġisem! Waqt li niċċelebraw l-Ewkaristija, permezz tas-servizz saċerdotali tagħna jirrendi ruħu preżenti l-misteru tal-Verb inkarnat, Iben il-Verġni Marija.

2. Waqt l-aħħar Ċena Omm Kristu ma jirriżultax li kienet fiċ-ċenaklu. Kienet iżda preżenti fuq il-Kalvarju, f’riġlejn is-salib, «fejn – kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II – mhux bla pjan divin, hija kienet hemm (cfr. Ġw 19, 25), soffriet b’mod profond f’għaqda mal-Uniġenitu tagħha u assoċjat ruħha b’ruħ materna fis-sagrifiċċju tiegħu,  waqt li aċċettat b’mod amoruż is-sagrifiċċju tal-vittma minnha ġġenerata » («Lumen Gentium», 58). Tant bogħod imbuttat dik il-«fiat», ippronunzjata minn Marija fl-annunzjazzjoni.

Meta aħna, waqt li naġixxu «in persona Christi», niċċelebraw is-sagrament tal-istess u l-uniku sagrifiċċju li tiegħu Kristu huwa u jibqà l-uniku saċerdot u l-unika vittma, ma rridux ninsew id-dispjaċir tal-Omm, li fiha twettaq il-kliem ta’ Xmun fit-tempju ta’ Ġerusalem: «Lilek xabla tinfidlek ruħek» (Lq 2, 35). Kien kliem indirizzat b’mod dirett lil Marija, erbgħin jum wara t-twelid ta’ Ġesù. Fuq il-Golgota, taħt is-salib, dan il-kliem twettaq sal-aħħar. Meta Binha fuq is-salib irrivela ruħu fil-milja kollha bħala «sinjal ta’ kontradizzjoni», allura tali immolazzjoni, dik l-agunija mortali tal-Iben laħqet ukoll il-qalb materna ta’ Marija.

Hekk hu, l-agunija tal-qalb tal-Omm, li kienet qiegħda tbati flimkien miegħu, «waqt li aċċettat is-sagrifiċċju tal-vittma minnha ġġenerata». Hawn wieħed imiss il-quċċata tal-preżenza ta’ Marija fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja fuq l-art. Din il-quċċata hija fit-triq tal-«peregrinazzjoni tal-fidi», li għalija nagħmlu referenza speċjali fis-sena marjana (cfr. «Redemptoris Mater», 30).

Għeżież ħuti, għal min iktar milli għalina hija ndispensabbli fidi profonda u nkrollabbli – lilna, li bis-saħħa tas-suċċessjoni apostolika mibdija fiċ-ċenaklu niċċelebraw is-sagrament tas-sagrifiċċju ta’ Kristu? Jinħtieġ, mela, li kostantament napprofondixxu r-rabta tagħna spiritwali mal-Omm ta’ Alla, li fil-peregrinazzjoni tal-fidi «timxi quddiem» il-Poplu kollu ta’ Alla

U b’mod speċjali, meta waqt li niċcelebraw l-Ewkaristija insibu ruħna kuljum fuq il-Golgota, hemm bżonn li maġembna jkun hemm dik li permezz tal-fidi erojka wasslet sal-quċċata l-għaqda tagħha mal-Iben, propju hemm fuq il-Golgota.

3. Wara kollox, Kristu ma ħalliex forsi għalina indikazzjoni speċjali f’dan ir-rigward? Hekk hu, waqt l-agunija tiegħu fuq is-salib, huwa ppronunzja l-kliem li għalina għandhom is-sinifikat ta’ testment. «Ġesù allura, meta ra l-omm u hemm maġemba d-dixxiplu li hu kien iħobb, qal lill-omm: “Mara, hemm hu ibnek!” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok! U minn dak il-waqt id-dixxiplu ħadha għandu» (Ġw 19, 26-27).

Dak id-dixxiplu, l-appostlu Ġwanni, kien flimkien ma’ Kristu waqt l-aħħar Ċena. Kien wieħed minn dawk it-«tnax», li lilhom l-Imgħallem indirizza, fl-istess ħin li waqqaf l-Ewkaristija, ir-rakkomandazzjoni:  «Agħmlu dan b’tifkira tiegħi». Huwa rċieva s-setgħa li jiċċelebra s-sagrifiċċju ewkaristiku mwaqqaf fiċ-ċenaklu lejlet il-passjoni, bħala s-sagrament l-iktar imqaddes tal-Knisja.

F’waqt il-mewt tiegħu, Ġesù jirregala lil Ommu lil dan id-dixxiplu. Ġwanni «ħadha għandu»: ħadha bħala l-ewwel xhieda tal-misteru tal-inkarnazzjoni. U hu, bħala l-evanġelista, esprima appuntu f’mod l-iktar profond u fl-istess ħin l-iktar sempliċi l-verità dwar il-Verb li «sar bniedem u ġie jgħammar fostna» (Ġw 1, 14): il-verità tal-inkarnazzjoni u l-verità tal-Emmanuel.

U hekk, waqt li ħadha «f’daru» lill-Omm li kienet taħt is-salib ta’ Binha, huwa laqà fl-istess ħin dak kollu li kien hemm fiha fuq il-Golgota: il-fatt li hija  «b’mod profond soffriet flimkien mal-Uniġenitu tagħha u assoċjat ruħha b’ruħ materna fis-sagrifiċċju tiegħu, waqt li b’mod amoruż aċċettat is-sagrifiċċju tal-vittma minnha ġġenerata». Dan kollu – l-esperjenza sovrumana kollha tas-sagrifiċċju tal-fidwa tagħna, ittimbrata f’qalb l-Omm innifisha ta’ Kristu Feddej – kien afdat lill-bniedem, li fiċ-ċenaklu rċieva l-qawwa li jirrendi preżenti dan is-sagrifiċċju permezz tal-ministeru saċerdotali tal-Ewkaristija.

Ma jippossidix dan elokwenza singolari għal kull wieħed minna? Jekk Ġwanni taħt is-salib jirrapreżenta f’ċertu sens il-bnedmin kollha, kull wieħed u kull waħda, li lilhom tiġi esriża b’mod spiritwali l-maternità ta’ Omm Alla, kemm jiswa dan b’mod ikbar għal kull wieħed minna, imsejħa b’mod sagramentali għas-servizz saċerdotali tal-Ewkaristija fil-Knisja!

Tassew, hija xokkanti r-realtà tal-Golgota, tas-sagrifiċċju ta’ Kristu għall-fidwa tad-dinja! Huwa xokkanti l-misteru ta’ Alla, li tiegħu aħna ministri fl-ordni sagramentali (cfr. 1 Kor 4, 1). M’Aħniex, madankollu, mhedda mill-periklu li nkunu ministri mhux denji biżżejjed? Minn periklu li ma nippreżentawx ruħna b’fedeltà biżżejjed f’riġlejn is-salib ta’ Kristu, waqt li niċċelebraw l-Ewkaristija?

Ejjew infittxu li nkunu qrib din l-Omm, li f’qalbha hemm miktub b’mod uniku u nkomparabbli il-misteru tal-fidwa tad-dinja.

4. «Il-beata Verġni, bid-don u l-uffiċċju tal-maternità divina li tgħaqqadha mal-Iben feddej . . . hija wkoll magħquda b’mod intimu mal-Knisja » -ipproklama il-Konċilju -. «L-Omm ta’ Alla hija figura tal-Knisja, bħal ma diġa kien jgħallem San Ambroġ, fl-ordni jiġifieri tal-fidi, tal-karità u tal-għaqda perfetta ma’ Kristu. Infatti fil-misteru tal-Knisja, li wkoll hija b’mod ġust imsejħa omm u verġni, il-beata Verġni Marija ġiet qabel, billi ppreżentat ruħha b’mod distint u singolari bħala verġni u bħala omm» («Lumen Gentium», 63).

Iktar ‘il quddiem it-test konċiljari jiżviluppa din l-analoġija tipoloġika: «Madankollu, il-Knisja li timmedita l-qdusija misterjuża tagħha u timita l-karità u twettaq fedelment ir-rieda tal-Missier, permezz tal-kelma ta’ Alla milqugħa fedelment, issir hija wkoll omm, għaliex bil-predikazzjoni u l-magħmudija tiġġenera għal ħajja ġdida u immortali l-ulied, ikkonċepiti bl-opra tal-Ispirtu Santu u mweldin minn Alla. Hija hi wkoll verġni, li tgħasses integra u pura l-fidi mogħtija lill-Għarus». Il-Knisja, għalhekk, «b’imitazzjoni tal-omm tal-Mulej tagħha, bis-saħħa tal-Ispirtu Santu, iżżomm b’mod verġinali l-fidi, issaħħaħ it-tama, tassikura l-karità» («Lumen Gentium», 64).

F’riġlejn is-salib fuq il-Golgota «id-dixxiplu ħa għandu» lil Marija, indikata lilu monn Kristu bil-kliem: «Hemm hi ommok». It-tagħlim tal-Konċilju juri kemm il-Knisja jollha ħadet lil Marija «f’darha»; kemm b’mod profond il-misteru ta’ din l-Omm-Verġni jappartieni lill-misteru tal-Knisja, għar-realtà intima tagħha.

Dan kollu għandu mportanza fondamentali għall-ulied subien u bniet tal-Knisja. Dan kollu għandu sinifikat speċjali għalina, li konna ttimbrati bis-sinjal sagramentali tas-Saċerdozju, li jekk inhu «ġerarkiku», huwa fl-istess ħin «ministerjali» fuq l-eżempju ta’ Kristu: l-ewwel qaddej tal-fidwa tad-dinja.

Jekk kulħadd fil-Knisja – irġiel u nisa permezz tal-Magħmudija nipparteċipaw fil-funzjoni ta’ Kristu saċerdot – jippossiedu s- «saċerdozju rjali» komuni, li dwaru jitkellem l-appostlu Pietru (cfr. 1 Pt 2, 9), ilkoll għandna nirriferu għalina l-kliem tal-Kostituzzjoni konċiljari li għadni kemm ikkwotajt ftit ilu; dan il-kliem, madankollu, jirreferi b’mod speċjali għalina.

Il-Konċilju jara l-maternità tal-Knisja – fuq il-mudell tal-maternità ta’ Marija – fil-fatt li hija  «tiġġenera għal ħajja ġdida u immortali l-ulied, ikkonċepiti bl-opra tal-Ispirtu Santu u mwielda minn Alla». Hawn ninnuntaw bħal diwi tal-kliem ta’ Pawlu dwar l-«ulied li hu jwelled fit-tbatija» (cfr. Gal 4, 19), hekk bħal ma twelled omm. Meta, fl-ittra lill-Efesin naqraw dwar Kristu-Għarus li «jmantni u jieħu ħsieb» il-Knisja (cfr. Ef 5, 29), ma nistgħux ma norbtux tali konsiderazzjoni sponsali ta’ Kristu b’mod speċjali mad-don tal-ikel ewkaristiku. Simili għal tant premuri materni fil-«manteniment u l-kura» tat-tarbija.

Ta’ min hawn nerġgħu nfakkru dawn l-espressjonijiet bibbliċi, sabiex il-verità tal-maternità tal-Knisja fuq l-eżempju ta’ Omm Alla issir iktar qrib tal-kuxjenza saċerdotali tagħna. U jekk kull wieħed minna jgħix tali maternità spiritwali pjuttost b’mod maskili, bħala «paternità fl-Ispirtu» - Marija, bħala «figura» tal-Knisja, għandha f’din l-esperjenza l-parti tagħha. U l-passi kkwotati juru kemm b’mod profond din il-parti hija rreġistrata fiċ-ċentru stess tas-servizz tagħna saċerdotali u pastorali. L-analoġija ta’ Pawlu dwar il- «ħlas fit-tbatija» mhix jewwilla qrib tagħna lkoll f’bosta sitwazzjonijiet, li fihom ukoll aħna mdaħħla fil-proċess spiritwali tal- «ġenerazzjoni» u tar-«riġenerazzjoni» tal-bniedem bis-saħħa tal-Ispirtu donatur tal-ħajja? L-esperjenza l-iktar qawwija dwar din it-tema jgħixuha l-konfessuri fil-postijiet l-iktar differenti tad-dinja, u mhux huma biss.

Fl-okkażjoni ta’ Ħamis ix-Xirka, hemm bżonn napprofondixxu mill-ġdid din il-verità misterjuża tal-vokazzjoni tagħna: din il- «paternità fl-Ispirtu», li fuq il-pjan uman tixbaħ lill-maternità. Wara kollox, Alla ħallieq u Missier ma jagħmilx huwa stess il-paragun bejn imħabbtu u dik tal-ommijiet umani (cfr.  49, 15; 66, 13)? Din. Mela hija karatteristika tal-personalità saċerdotali tagħna, li tesprimi propju l-maturità apostolika u l-fertilità spiritwali, Jekk il-Knisja kollha « ssib f’Marija l-maternità tagħha» (cfr. «Redemptoris Mater», 43), mhemmx bżonn li dan nagħmluh ukoll aħna? Jinħtieġ, mela, li kull wieħed minna «jeħodha ġo daru», bħal ma ħadha l-appostlu Ġwanni fuq il-Golgota, jiġifieri kull wieħed minna jħalli lil Marija li tgħammar «fid-dar» tal-propju Saċerdozju sagramentali, bħala omm u medjatriċi ta’ dak il-«kbir misteru» (cfr. Ef 5, 32), li lkoll nixtiequ naqdu b’ħajjitna.

5. Marija hija Omm-Verġni, u l-Knisja, waqt li ddur lejha bħala l-figura propja tagħha, tagħraf hemm lilha nfisha għaliex hi wkoll «tissejjaħ omm u verġni». Hija hi verġni, għaliex «tgħasses integra u pura l-fidi mogħtija lill-Għarus». Kristu, skont it-tagħlim miġbur fl-ittra lill-Efesin (cfr. Ef 5, 32), huwa l-Għarus tal-Knisja. Is-sinifikat sponsali tal-fidwa jimbotta lil kull wieħed minna biex jgħasses il-fedeltà ta’ din il-vokazzjoni, li permezz tagħha sirna parteċipi tal-missjoni feddejja ta’ Kristu, saċerdot, profeta u sultan.

L-analoġija bejn il-Knisja u Marija Verġni tippossiedi elokwenza speċjali għalina, li ngħaqqdu l-vokazzjoni saċerdotali tagħna maċ-ċelibat, jiġifieri li «nagħmlu lilna nfusna ewnuki għas-Saltna tas-smewwiet». Niftakru l-konversazzjoni mal-appostli, li fiha Kristu kien spjegalhom is-sinifikat ta’ din l-għażla (cfr. Mt 19, 12) u nfittxu li nifhmu għal kollox il-mottivi. Niċċaħħdu b’mod liberu għaż-żwieġ, milli nibnu familja tagħna, biex inkunu nistgħu naqdu aħjar lil Alla u lil ħutna. Wieħed jistà jgħid li aħna nirrinunzjaw għall- paternità  «skont l-ispirtu», li, bħal ma diġa ingħad, jippossiedi fl-istess ħin karatteristiċi materni. Il-fedeltà verġinali lejn l-Għarus, li ssib l-espressjoni partikolari tagħha f’din il-forma ta’ ħajja, tippermettilna nipparteċipaw fil-ħajja intima tal-Knisja, li, fuq l-eżempju tal-Verġni, tfittex li tgħasses «integra u pura il-fidi mogħtija lill-Għarus ».

Minħabba dan il-mudell – iva, tal-prototip li l-Knisja ssib f’Marija – hemm bżonn li l-għażla saċerdotali tagħna taċ-ċelibat għal ħajjitna kollha tkun iddepożitata wkoll f’qalbna. Hemm bżonn nirrikorru għand din l-Omm-Verġni, meta niltaqgħu ma’ xi diffikultajiet fi triqtna magħżula. Hemm bżonn li bil-għajnuna tagħha nfittxu fehim dejjem iktar profond ta’ din it-triq, l-affermazzjoni dejjem iktar sħiħa tagħha fi qlubna. Hemm bżonn, fl-aħħarnett, li tiżviluppa f’ħajjitna dik il-paternità «skont l-ispirtu», li hi wieħed mill-frott tal-«għamla tagħna ewnuki għas-Saltna ta’ Alla».

Minn Marija, li tirrapreżenta s-singolari «twettiq» tal-«mara» bibblika tal- Protovanġelu (cfr. Ġen 3, 15) u tal-Apokalissi (cfr. Ap 12, 1), infittxu wkoll li niksbu l-ħila ta’ rapport ġust man-nisa u l-atteġġjament fir-rigward tagħhom muri mill-istess Ġesù ta’ Nażżaret. Ta’ dan insibu l-espressjoni f’tant passi tal-Vanġelu. Din hija tema mportanti fil-ħajja ta’ kull saċerdot, u s-sena marjana tgħinna biex nerġgħu naqbduha u napprofonduha b’mod speċjali. Is-saċerdot, minħabba l-vokazzjoni tiegħu u s-servizz tiegħu, irid jiskopri b’mod ġdid il-problema tad-dinjità u tal-vokazzjoni tal-mara, kemm fil-Knisja kif ukoll fid-dinja tal-lum. Huwa għandu jifhem sal-qiegħ x’ried jgħidilna lilna lkoll Kristu waqt li tkellem mas-Sammaritana (cfr. Ġw 4, 1-42), waqt li ddefenda lill-adultera mhedda bit-tħaġġir (cfr. Ġw 8, 1-11), waqt li ta xhieda lil dik li lilha nħafru t-tant dnubiet, għaliex kienet ħabbet ħafna (cfr. Lq 7, 36-50), waqt li ddjaloga ma’ Marija f’Betanja (cfr. Lq 10, 38-42; Ġw 11, 1-44) u, fl-aħħarnett, waqt li ttrażmetta lin-nisa, qabel l-oħrajn, «l-aħbar it-tajba» paskwali tal-qawmien mill-imwiet tiegħu (cfr. Mt 28, 1-10).

Il-missjoni tal-Knisja, sa miż-żminijiet apostoliċi, ittieħdet f’qisien differenti mill-irġiel u min-nisa. Fi żminijietna, wara l-Konċilju Vatikan II, dan il-fatt, jinħtieġ sejħa ġdida ndirizzata lil kull wieħed minna, jekk is-Saċerdozju, li neżerċitaw fid-diversi komunitajiet tal-Knisja, jrid ikun tassew ministerjali, u għalhekk effikaċi u fruttuż b’mod apostoliku.

6. Waqt li niltaqgħu llum, Ħamis ix-Xirka, ħdejn il-post tat-twelid tas-Saċerdozju tagħna, nixtiequ naqraw mill-ġdid sal-aħħar is-sinifikat minn ġol-priżma tad-duttrina konċiljari dwar il-Knisja u l-missjoni tagħha. Il-figura t’Omm Alla tappartieni lil din id-duttrina fil-kompletezza tagħha. Minn hawn ukoll ir-riflessjonijiet tal-meditazzjoni preżenti.

Waqt li tkellem mill-għoli tas-salib fuq il-Golgota, Kristu qal lid-dixxiplu: «Hemm hi ommok». U d-dixxiplu «ħadha għandu» bħala Omm. Ejjew nintroduċu aħna wkoll lil Marija bħala Omm fid-«dar» interna tas-saderdozju tagħna. Aħna wkoll, infatti, nappartienu għall-«fidili li għar-riġenerazzjoni u l-formazzjoni» tagħhom l-Omm ta’ Alla «tikkopera b’imħabba ta’ omm» (cfr. «Lumen Gentium», 63). Iva, aħna għandna, f’ċertu sens, «dritt» speċjali għal din l-imħabba minħabba l-misteru taċ-ċenaklu. Kristu kien jgħid: «Ma nsejħilkomx iktar qaddejja . . ., imma sejjaħtilkom ħbieb» (Ġw 15, 15). Mingħajr din il-«ħbiberija» ikun diffiċli li naħsbu li hu kien jafda lilna, wara l-Appostli, is-sagrament ta’ ġismu u demmu, is-sagrament ta’ mewtu feddejja u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu, għaliex aħna niċċelebraw dan is-sagrament ineffabbli f’ismu, anzi «in persona Christi». Mingħajr din il-«ħbiberija» speċjali kien ikun ukoll diffiċli li naħsbu fl-għaxija tal-Għid, meta l-Irxoxt ippreżenta ruħu f’nofs l-appostli, waqt li qalilhom: «Irċievu l-Ispirtu Santu; lil min taħfrulu dnubietu, dawn ikunu maħfura, u lil dawk li żżommuhomlhom, dawn jibqgħu mhux maħfura» (Ġw20, 22-23).

Tali ħbiberija timpenja. Tali ħbiberija għandha ddaħħal spirtu ta’ biżà mqaddes, sens ikbar sewwa ta’ responsabiltà, sens ikbar sewwa ta’ disponibiltà fl-għoti ta’ dak kollu li wieħed ikun kapaċi, bl-għajnuna ta’ Alla. Fiċ-ċenaklu tali ħbiberija kienet ikkonsolidata b’mod profond bil-wegħda tal-Paraklitu: «Hu jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jien għidtilkom . . . Huwa jagħtini xhieda, u wkoll intom ittuni xhieda» (Ġw 14, 26; 15, 26-27).

Inħossuna dejjem ma jistħoqilniex il-ħbiberija ta’ Kristu. Imma huwa sewwa li għandna l-biżà mqaddsa li ma nibqgħux fidili lejha.

L-Omm ta’ Kristu taf dan kollu. Hija stess fehmet b’mod sħiħ, xi jfisser il-kliem ippronunzjat mill-Iben fil-waqt tal-agunija fuq is-salib: «Mara, hemm hu ibnek . . . Hemm hi ommok». Dan kien jirreferi għaliha u għad-dixxiplu, wieħed minn dawk li lilhom Kristu qal fiċ-ċenaklu: «Intom ħbiebi» (Ġw 15, 14): lil Ġwanni u lil dawk kollha li, permezz tal-misteru tal-aħħar Ċena, jipparteċipaw fl-istess «ħbiberija». Omm Alla, li (bħal ma jgħallem il-Konċilju) tikkopera b’imħabba ta’ omm għar-riġenerazzjoni u għall-formazzjoni ta’ dawk kollha li jsiru ħut Binha – li saru ħbiebu –hija tagħmel minn kollox sabiex huma jkunu jistgħu ma jiddiżappuntawx din il-ħbiberija mqaddsa. Sabiex din tkun tassew tixirqilhom.

7. Flimkien ma’ Ġwanni appostlu u evanġelista, indawru mill-ġdid il-ħarsa ta’ ruħna lejn dik il-«mara mlibbsa x-xemx», li tidher fuq ix-xefaq eskatoloġiku tal-Knisja u tad-dinja fil-ktieb tal-Apokalissi (cfr. Ap 12,1 s.). Mhux diffiċli li nagħrfu fiha l-istess figura li, fil-bidu tal-istorja tal-bniedem, wara d-dnub tan-nisel, kienet imħabbra bħala Omm il-Feddej (cfr. Ġen 3, 15). Fl-Apokalissi narawha, minn banda, bħala mara eċċellenti f’nofs il-ħolqien viżibbli, u, mill-banda l-oħra, bħala dik li tkompli tieħu sehem fil-ġlieda spiritwali għar-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin. Din hija l-ġlieda mmexxija mill-Knisja magħquda m’Omm Alla, bħala l-«mudell» ewlieni tagħha, «kontra l-mexxejja ta’ din id-dinja ta’ dlam, kontra l-ispirti tal-ħażen», bħal ma naqraw fl-ittra lill-Efesin (Ef 6, 12). Il-bidu ta’ din il-ġlieda spiritwali jmur lura għall-waqt li fih il-bniedem «ittentat mill-malizzjuż, waqt li qam kontra Alla, abbuża mil-libertà tiegħu, miklub biex jikseb il-fini tiegħu ‘il barra minnu» (cfr. «Gaudium et Spes», 13). Wieħed jistà jgħid li l-bniedem, mogħmi mill-prospettiva li jkun mgħolli ‘il hemm mill-qies ta’ krejatura kif kien (skont il-kliem tat-tentatur: «Issiru bħal Alla» (cfr. Ġen 3, 5), waqaf ifittex il-verità tal-eżistenza propja u tal-progress propju ta’ dak li hu «iġġenerat qabel kull krejatura oħra» (Kol 1, 15),u waqaf jirregala dan il-ħolqien u lilu nnifsu fi Kristu lil Alla, li minnu kull ħaġa tieħu l-bidu tagħha. Il-bniedem tilef il-kuxjenza li jkun is-saċerdot tad-dinja kollha viżibbli, billi dawwar dan b’mod esklussiv lejh innifsu.

Il-kliem tal-Protovanġelu fil-bidu tal-Iskrittura Mqaddsa u dak tal-Apokalissi fl-aħħar jirreferi għall-istess ġlieda, li fiha huwa mdeffes il-bniedem. Fil-prospettiva ta’ din il-ġlieda spiritwali, li tiżvolġi permezz tas-sagrifiċċju, li fih Kristu – il-medjatur tal-patt il-ġdid u etern - «daħal darba għal dejjen fis-santwarju . . . b’demmu stess», waqt li fetaħ f’dar il-Missier – fi ħdan it-Trinità Mqaddsa – l-ispazju għall- «imsejħin għall-wirt etern» kollha (cfr. Lh 9, 12. 15). Propju minħabba dan, Kristu msallab u rxoxt huwa «is-sommu saċerdot tal-ġid futur» (Lh 9, 11) u s-sagrifiċċju tiegħu jfisser orjentament ġdid tal-istorja spiritwali tal-bniedem lejn Alla – ħallieq u missier, li lejh il-primoġenitu tal-ħolqien kollu jwassal lil kulħadd fl-Ispirtu Santu.

Is-Saċerdozju, li għandu l-bidu tiegħu fl-aħħar Ċena, jippermettilna li nieħdu sehem f’din il-bidla essenzjali tal-istorja spiritwali tal-bniedem. Fl-Ewkaristija, infatti, aħna nippreżentaw is-sagrifiċċju tal-fidwa, l-istess li Kristu offra fuq is-Salib «b’demmu stess». Permezz ta’ dan is-sagrifiċċju wkoll aħna, distributuri sagramentali tiegħu, flimkien ma’ dawk kollha li naqdu permezz taċ-ċelebrazzjoni tiegħu, immissu kontinwament il-waqt deċiżiv ta’ dik il-ġlieda spiritwali, li skont il-ktieb tal-Ġenesi u tal-Apokalissi, huwa marbut mal-«mara». F’din il-ġlieda hija internament magħquda mal-Feddej. U għalhekk ukoll is-servizz tagħna saċerdotali jgħaqqadna magħha: magħha li hija Omm ir-Redentur u il-«mudell» tal-Knisja. B’dan il-mod ilkoll nibqgħu magħqudin fiha f’din il-ġlieda spiritwali, li tiżvolġi fil-kors kollu tal-istorja tal-bniedem. F’din il-ġlieda aħna għandna parti speċjali bis-saħħa tas-Saċerdozju sagramentali tagħna. Aħna nwettqu servizz speċjali fl-opra tal-fidwa tad-dinja.

Il-Konċilju jgħallem li Marija, waqt li avanzat fil-pellegrinaġġ tal-fidi permezz tal-għaqda perfetta tagħha mal-Iben sas-salib, tiġi quddiem billi tippreżenta ruħha b’mod eminenti u singolari lill-Poplu kollu ta’ Alla, li jipproċedi tul l-istess triq, billi jsegwi lil Kristu fl-Ispirtu Santu. M’għandniex ningħaqdu b’mod speċjali magħha aħna s-saċerdoti li, bħala rgħajja tal-Knisja, għandna wkoll immexxu l-kontinwità afdata lilna, fit-triq li miċ-cenaklu ta’ Pentekoste ssegwi lil Kristu tul l-istorja kollha tal-bniedem?  

8. Waqt li llum, għeżież ħuti fis-saċerdozju, ningħaqdu flimkien mal-Isqfijiet f’tant postijiet tad-dinja, xtaqt niżviluppa f’din l-ittra annwali propju tali mottiv, li jidhirli, ukoll, marbut b’mod singolari mal-kontenut tas-sena marjana.

Waqt li niċċelebraw l-Ewkaristija fuq tant altari mferrxin mad-dinja kollha, nirringrazzjaw lis-Saċerdot etern għar-rigal imsawwab fuqna fis-sagrament tas-Saċerdozju. U li f’dan ir-ringrazzjament nwasslu lilna nfusna li nisimgħu l-kliem li l-evanġelista jqiegħed fuq xuftejn Marija fl-okkażjoni taż-żjara tagħha lill-kuġina Eliżabbetta: «Ħwejjeġ kbar għamel miegħi l-Omnipotenti, u qaddis huwa ismu» (Lq 1, 49). Niżżu ħajr ukoll lil Marija għad-don ineffabbli tas-Saċerdozju, li bih nistgħu naqdu lil kull bniedem fil-Knisja. Jalla l-gratitudni terġà tqajjem ukoll iż-żelu tagħna! Ma jitwettaqx forsi, permezz tas-servizz tagħna saċerdotali, dak li dwaru jitkellmu l-versetti suċcessivi tal-Magnificat ta’ Marija? Hawn, ir-Redentur, l-Alla tas-Salib u tal-Ewkaristija, tassew «jgħolli lill-umli» u «jimla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ». Hu, li «minn għani li kien, sar fqajjar għalina biex jagħmilna għonja permezz tal-faqar tiegħu» (cfr. 2 Kor 8, 9), afda lill-umli Verġni ta’ Nażżaret il-misteru tal-għageb tal-faqar tiegħu li jirrendina għonja. U jafda l-istess misteru wkoll lilna permezz tas-sagrament tas-Saċerdozju.

Niżżu ħajr bla ma naqtgħu għal dan, Niżżu ħajr b’ħajjitna kollha kemm hi. Niżżu ħajr b’dak kollu li aħna kapaċi. Niżżu ħajr flimkien ma’ Marija, Omm is-saċerdoti. Se ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u se nsejjaħ isem il-Mulej» (Sal 116, [115], 12-13). Lil ħuti kollha fis-saċerdozju u fl-episkopat nibgħat, b’karità fraterna, għall-jum tal-festa komuni tagħna, it-tislijiet kordjali u l-barka apostolika.

Mill-Vatikan, il-25 ta’ Marzu, is-sollennità tal-Annunzjazzjoni tal-Mulej, tas-sena 1988, l-għaxar sena tal-Pontifikat.

ĠWANNI PAWLU II

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb